14.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 246/340


RIŻOLUZZJONI (UE) 2016/1559 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-28 ta’ April 2016

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2014

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0134/2016),

A.

billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2014 kien EUR 17 256 026, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ 1,17 % meta mqabbel mal-2013;

B.

billi l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2014 għall-baġit tal-Aġenzija kienet tammonta għal EUR 14 987 210, li jfisser tnaqqis ta’ 4,02 % meta mqabbel mal-2013,

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija kienu affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi kienu legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fir-rigward ta’ żewġ kummenti li saru fir-rapport 2013 tal-Qorti, kienu ttieħdu azzjonijiet korrettivi u ż-żewġ kummenti issa huma mmarkati fir-rapport tal-Qorti bħala “mhux applikabbli”;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2014 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 98,65 % u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 75,59 %;

Impenji u riporti

3.

Jinnota li l-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati għall-2015 għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) kien EUR 443 412 jew 34 %; jirrikonoxxi l-fatt li dawn ir-riporti huma marbuta prinċipalment max-xiri ta’ oġġetti u servizzi, kif ippjanat, fi tmiem is-sena b’rabta mas-sistemazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Aġenzija, it-tiġdid ta’ kuntratti annwali tal-IT u l-ispiża tas-servizzi ta’ awditjar;

4.

Jinnota li mis-sena finanzjarja 2013 ġie riportat l-ammont ta’ EUR 4 384 922; jinnota b’sodisfazzjon li ġew ikkanċellati 1,96 % biss tar-riporti tal-2013;

Trasferimenti

5.

Jinnota li skont ir-rapport annwali tal-attività, kif ukoll is-sejbiet tal-awditjar tal-Qorti tal-Awdituri, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2014 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji bħal fis-sena ta’ qabel;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

6.

Jinnota li l-Aġenzija kkompletat ħames proċeduri ta’ reklutaġġ fl-2014, b’waħda minnhom għadha għaddejja u tlieta oħra ppjanati għall-2015; jirrikonoxxi l-fatt li kull reklutaġġ preżenti huwa jew biex jissostitwixxi persunal li se jitlaq jew kuntratti temporanji li jkopru mard fit-tul jew liv tal-maternità; jinnota li fir-rapport annwali tagħha għall-2014, il-Qorti ma għamlet l-ebda kumment dwar il-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza

7.

Jirrikonoxxi l-fatt li, b’segwitu għall-adozzjoni tal-politika dwar il-kunflitti ta’ interess tal-Aġenzija f’Novembru 2014, ma ġiet identifikata l-ebda sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess;

8.

Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontra tagħha, permezz ta’ approċċ olistiku, li jibda b’aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b’regoli aktar stretti dwar il-kunflitt ta’ interessi, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta’ reġistri ta’ trasparenza u l-għoti ta’ riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta’ titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi rilevanti;

9.

Ifakkar li l-proċeduri eżistenti fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess għall-persunal tal-Aġenzija qegħdin jiġu riveduti u li dawn kellhom jitlestew fl-2015; jinnota li r-reviżjoni tar-regoli għadha għaddejja u jappella lill-Aġenzija ttemm dan il-proċess malajr kemm jista’ jkun u biex tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar ir-riżultati;

10.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta’ interess, flimkien ma’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni li għaddejjin u l-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b’mod obbligatorju matul il-proċeduri ta’ reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

Kontrolli interni

11.

Jieħu nota tal-fatt li fil-pjan ta’ ġestjoni annwali tagħha għall-2014, l-Aġenzija qablet dwar miżuri intiżi biex itejbu aktar l-effikaċja tal-Istandards ta’ Kontroll Intern (ICS) tal-Aġenzija f’diversi oqsma; jinnota li, minħabba l-ambitu tal-oqsma identifikati, tħejja pjan ta’ azzjoni pluriennali; jinnota, barra minn hekk, li f’Ġunju 2014, id-Direttur tal-Aġenzija adotta politika ta’ kontroll intern li tinkludi proċedura speċifika dwar l-awtovalutazzjoni tal-ICS, li hija bbażata fuq prattika stabbilita fl-Aġenzija, tagħti rendikont tas-sistemi ta’ kontroll intern fis-seħħ u tiddefinixxi r-rwoli u r-responsabilitajiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proċedura;

Awditjar intern

12.

Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) iservi bħala l-awditur intern tal-Aġenzija u jwettaq awditi fl-Aġenzija abbażi ta pjan strateġiku għall-awditjar intern (SIAP); jinnota, barra minn hekk, li fl-2014, l-IAS ma wettaqx awditi ġodda u l-awditu sussegwenti fil-qafas tal-SIAP twettaq f’April 2015;

Kummenti oħra

13.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, b’segwitu għall-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal fl-2004 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 (1), dawn inkludew dispożizzjonijiet biex ir-rimunerazzjoni futura tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta’ Mejju 2004 ma tkunx inqas minn dik skont ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti; josserva li l-awditu tal-Qorti żvela li dan ma tħarisx u li, fil-każ ta’ wieħed mis-26 uffiċjal impjegat dak iż-żmien, dan wassal għal pagament inqas ta’ EUR 5 300 għall-perjodu bejn l-2005 u l-2014; jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tirranġa din il-kwistjoni;

14.

Jinnota li r-rilokazzjoni tal-Aġenzija lejn il-bini l-ġdid tagħha tlestiet tard fl-2013 iżda ġiet implimentata bis-sħiħ fl-2014; jilqa’ l-fatt li l-bini l-ġdid joffri aktar spazju lill-persunal u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, kif ukoll faċilitajiet aħjar biex jintlaqgħu l-viżitaturi; jinnota b’sodisfazzjon li r-rilokazzjoni ssarrfet f’iffrankar sostanzjali fuq il-kera; jilqa’ l-fatt li l-ftehim dwar is-sede mal-awtoritajiet Spanjoli jiżgura post għall-Aġenzija fuq terminu twil.

15.

Jiddikjara li r-rapport annwali tal-Aġenzija jista’ jkollu rwol importanti fl-ottemperanza għar-rigward tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità; jistieden lill-Aġenzija tinkludi kapitolu standard dwar dawk il-komponenti fir-rapport annwali tagħha;

16.

Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020;

17.

Jinnota li l-2014 kienet l-ewwel sena tal-programm strateġiku pluriennali l-ġdid tal-Aġenzija għas-snin 2014 sa 2020; japprezza l-indikazzjonijiet pożittivi dwar il-kisbiet tal-Aġenzija matul l-ewwel sena tal-istrateġija f’dawn l-oqsma ta’ prijorità definiti fl-istrateġija: l-antiċipazzjoni tal-bidla, il-fatti u ċ-ċifri, l-għodod ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, is-sensibilizzazzjoni, in-netwerking tal-għarfien u l-komunikazzjoni korporattiva;

18.

Jilqa’ l-kooperazzjoni attiva bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti;

19.

Ifaħħar il-ħidma tal-Aġenzija fl-iżvilupp ta’ għodda interattiva onlajn ta’ valutazzjoni tar-riskji u l-isforzi tagħha permezz ta’ kampanja Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tar-riskji u jiġi promoss ambjent tax-xogħol b’saħħtu u sostenibbli;

20.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2016 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, 27.04.2004, p. 1).

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0159 (ara l-paġna 447 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).