27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/210


P8_TA(2016)0468

Abbozz ta' baġit Emendatorju Nru 4/2016: Aġġornament tal-approprjazzjonijiet biex jiġu kkunsidrati l-aħħar żviluppi dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u siġurtà, u tnaqqis ta' approprjazzonijiet ta' pagamenti u impenn

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 4/2016 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016: Aġġornament tal-approprjazzjonijiet biex jiġu kkunsidrati l-aħħar żviluppi dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u sigurtà, tnaqqis ta' approprjazzonijiet ta' pagamenti u impenn bħala riżultat tat-Trasferiment Globali, l-estensjoni tal-FEIS, modifikazzjoni tal-pjan ta' stabbiliment tal-persunal tal-Frontex u aġġornament tal-approprazzjonijiet ta' dħul (Riżorsi proprji) (13583/2016 – C8-0459/2016 – 2016/2257(BUD))

(2018/C 224/47)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat b'mod definittiv fil-25 ta' Novembru 2015 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2016, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2016 (COM(2016)0623),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2016 adottata mill-Kunsill fit-8 ta’ Novembru 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-istess jum (13583/2016 – C8-0459/2016),

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

wara li kkunsidra l-Artikolu 88 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0350/2016),

A.

billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 4/2016 (ABE 4/2016) inaqqas il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 7 284,3 miljuni, l-aktar fil-linji baġitarji taħt is-subintestatura 1b Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għalhekk inaqqas kif xieraq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali;

B.

billi l-ABE 4/2016 iżid il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza b'EUR 50 miljun għall-istrument ta' appoġġ ta' emerġenza fi ħdan l-Unjoni, EUR 130 miljun għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), u EUR 70 miljun għall-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), u b'hekk tkun meħtieġa l-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għal ammont totali ta' EUR 240,1 miljun, wara li titqies riallokazzjoni ta' EUR 9,9 miljun;

C.

billi l-ABE 4/2016 jikkonċentra fil-bidu l-proviżjonament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) b'riallokazzjoni ta' EUR 73,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn mir-riżerva għall-enerġija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF-Enerġija), li trid tiġi kkumpensata fl-2018;

D.

billi l-ABE 4/2016 jemenda l-pjan ta' stabbiliment tal-Frontex, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

E.

billi, bi tnaqqis ta' EUR 14,7 miljun fuq diversi linji baġitarji taħt l-intestatura 2 Tkabbir Sostenibbli: riżorsi naturali, l-impatt nett tal-ABE 4/2016 mil-lat ta' nfiq tal-baġit 2016 huwa żieda ta' EUR 225,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

F.

billi mil-lat ta' dħul, l-ABE 4/2016 jinkludi wkoll aġġustamenti marbuta mar-reviżjoni tal-previżjoni tar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (jiġifieri dazji doganali u imposti fuq is-settur taz-zokkor) u l-bażijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u l-introjtu nazzjonali gross (ING), u l-ibbaġitjar tal-korrezzjonijiet rilevanti tar-Renju Unit u l-finanzjament tagħhom;

1.

Jesprimi tħassib serju dwar l-eċċess fil-pagamenti ta' EUR 7 284,3 miljun, li huwa r-riżultat ta' dewmien kbir fl-implimentazzjoni ta' programmi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża u jwitti t-triq għal akkumulazzjoni importanti fit-talbiet għal pagament lejn tmiem il-QFP attwali; ifakkar fil-konklużjoni tal-Kummissjoni li, skont dan it-tbassir preżenti, il-ħtiġijiet aġġornati tal-pagamenti sal-2020 jistgħu jiġu akkomodati bil-limiti massimi attwali biss jekk il-Marġni Globali għall-Pagamenti jintuża totalment (u, bħala miżura ta' prekawzjoni, jitneħħew il-limiti annwali tiegħu) u jekk il-pagamenti għal strumenti speċjali jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi; jitlob, għalhekk, li din il-kwistjoni tiġi solvuta b'mod definittiv u inekwivokabbli bħala parti mir-reviżjoni tal-QFP;

2.

Jaqbel mat-tisħiħ fl-intestatura 3 permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza, kif ukoll mal-konċentrazzjoni fil-bidu tat-tisħiħ tal-pjan ta' stabbiliment tal-Frontex; jilqa' b'mod partikolari r-riforniment parzjali tal-AMIF, iżda jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minkejja rata għolja ta' eżekuzzjoni baġitarja bbażata fuq il-programmi nazzjonali tal-Istati Membri, sa issa saru biss ftit rilokazzjonijiet ta' rifuġjati;

3.

Jaqbel li jkun hemm konċentrazzjoni fil-bidu għall-FEIS, bil-kundizzjoni li r-riallokazzjoni mis-CEF tiġi kkumpensata kif xieraq fl-2018; jiċċara li din il-konċentrazzjoni fil-bidu ma tantiċipax l-aħħar pjan ta' finanzjament tal-proposta l-ġdida għal estensjoni tal-FEIS, li għandu jiġi deċiż f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

4.

Jinnota bi tħassib it-tnaqqis mistenni fid-dħul, stmat għal EUR 1,8 biljun, minħabba d-deprezzament tal-isterlina fil-konfront tal-euro; jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża d-dħul minn multi addizzjonali sabiex tkopri dan in-nuqqas;

5.

Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 4/2016;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-Baġit Emendatorju Nru 4/2016 ġie adottat b'mod definittiv u jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

7.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 48, 24.2.2016.

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(4)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(5)  ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).