30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/39


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp — Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna

(2017/C 207/08)

Relatur:

is-Sur Jesús Gamallo Aller (ES/PPE), Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni mal-Unjoni Ewropea, Gvern Reġjonali tal-Galizja

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp “Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna”

COM(2016) 740 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jirrikonoxxi li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata min-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2015, tipprovdi qafas ġdid u ambizzjuż ta’ impenji, li tistieden lill-pajjiżi kollha biex iħabirku favur bidls sabiex ikun hemm tranżizzjoni għal strateġiji ta’ żvilupp inklużivi u sostenibbli, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;

2.

huwa tal-fehma li l-Aġenda 2030, sa mill-bidu nett tat-twaqqif tagħha, ġiet definita bħala universali, u għaldaqstant timpenja lil kull pajjiż, anke lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, biex jirrevedu l-politiċi domestiċi u l-impenji internazzjonali tagħhom biex jallinjawhom mal-għanijiet u l-miri tal-Aġenda 2030; madankollu, jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li dan il-kompitu għandu jsir mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll fl-ambitu tal-politiki u l-kompetenzi tal-gvernijiet reġjonali u lokali tal-UE;

3.

jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon il-passi li ttieħdu permezz tal-Komunikazzjoni “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà” u “L-Istrateġija Globali dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE” (mhux disponibbli bil-Malti);

4.

huwa tal-fehma li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli għandha titqies bħala aġenda f’diversi livelli u b’diversi atturi, li timplika u timpenja lill-awtoritajiet pubbliċi kollha fil-livelli differenti tagħhom (lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali), kif ukoll lil atturi soċjali oħra lil hinn mill-gvernijiet; fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bosta mill-għanijiet u l-miri tal-Aġenda 2030 jolqtu b’mod dirett lil azzjonijiet u kompetenzi li huma esklużivament tal-awtoritajiet sottonazzjonali. Għalhekk, biex dawn jiġu ssodisfati, jeħtieġ li jiġi promoss il-kontribut sħiħ tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali fit-traspożizzjoni tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli u fit-tfassil tal-politiki biex dawn jintlaħqu;

5.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi definit Kunsens ġdid dwar l-Iżvilupp li janalizza mill-ġdid u jaġġorna l-ftehim li ntlaħaq fl-2005, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi marbutin mal-Aġenda 2030, kif ukoll il-bidliet fix-xena internazzjonali u fis-sistema tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

6.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-aħjar mod biex isir progress fir-rigward tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli huwa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; madankollu, jisħaq li, fid-dawl tan-natura komprensiva tal-Aġenda 2030 u l-interkonnessjoni li teżisti bejn l-għanijiet tagħha, jeħtieġ li jiġi promoss ukoll il-progress fir-rigward tal-koerenza tal-politiki Komunitarji u dawk tal-Istati Membri;

Sfidi globali u l-Aġenda 2030

7.

huwa tal-fehma li l-pass mgħaġġel tal-globalizzazzjoni sawwar dinja iżjed integrata u kumplessa, b’tibdil fin-natura u t-tqassim tas-setgħa f’livell dinji, eteroġeneità akbar fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, tqassim mill-ġdid tal-faqar dinji, flimkien ma’ żieda fl-inugwaljanzi fi ħdan il-pajjiżi, u t-tnaqqis fl-ispazju tal-beni pubbliċi internazzjonali; huwa tal-fehma li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tikkostitwixxi rieda ċara li tingħata tweġiba għat-tibdil imsemmi hawn fuq u għall-isfidi marbutin mal-promozzjoni tal-iżvilupp fl-għexieren ta’ snin li ġejjin;

8.

jieħu nota tan-natura universali tal-Aġenda 2030, li tobbliga lill-pajjiżi u lis-soċjetajiet kollha jagħmlu sforz kooperattiv biex jippruvaw jallinjaw il-politiki tagħhom mal-għanijiet definiti fl-Aġenda; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dan l-isforz isir fil-livelli kollha tal-azzjoni pubblika, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

9.

jafferma li l-intenzjonijiet tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jobbligaw ħidma lil hinn mill-qafas ta’ ħidma tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA); huwa tal-fehma li għalkemm l-ODA ser tkompli tkun kruċjali bħala sors ta’ finanzjament tal-iżjed pajjiżi fqar u bħala mekkaniżmu li jixpruna t-tibdil f’kategoriji oħra ta’ pajjiżi, l-Aġenda l-ġdida tobbligana nwessgħu l-ħarsa tagħna lejn flussi u strumenti oħra li jaqgħu barra mill-ambitu tal-ODA;

10.

huwa tal-fehma li l-ħtieġa li jiġu mobilizzati r-riżorsi u l-kapaċitajiet lil hinn mill-għajnuna jobbligawna noperaw b’mod iżjed strateġiku bl-iskemi u l-modi differenti ta’ kooperazzjoni eżistenti fil-livell dinji; għalkemm il-kooperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ser tibqa’ taqdi rwol importanti fil-ġejjieni, jeħtieġ li din issir b’mod iżjed ikkoordinat permezz tal-iskemi ta’ kooperazzjoni tat-tip Nofsinhar-Nofsinhar jew dak trijangulari; bl-istess mod, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-kooperazzjoni deċentralizzata jista’ jkollha fl-Aġenda l-ġdida biex tiffavorixxi l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-atturi sottostatali skont il-kompetenzi speċifiċi tagħhom; fl-aħħar nett, huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni tal-UE u l-Istati Membri għandha taħdem b’mod iżjed sfiq bis-saħħa tal-mekkaniżmi differenti ta’ kooperazzjoni reġjonali u multilaterali, abbażi tal-loġika ta’ diversi livelli li tħaddan l-Aġenda 2030;

11.

huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-ambizzjoni u n-natura komprensiva tagħha, l-Aġenda 2030 titlob li numru akbar u aktar differenti ta’ atturi jkunu involuti fl-appoġġ tagħha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet, l-universitajiet u ċentri ta’ studju oħra, fost l-oħrajn, sabiex jiġi mobilizzat u kkapitalizzat il-valur miżjud li kull wieħed u waħda minnhom jakkumulaw skont l-esperjenza u l-qasam ta’ azzjoni tagħhom;

It-tweġiba tal-Unjoni Ewropea

12.

jappoġġja l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha biex jieħdu impenn qawwi u attiv fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, li titlob li tiġi promossal-integrazzjoni konsistenti tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-politiki pubbliċi kollha fi ħdan l-UE fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali; u jenfasizza l-ħtieġa li gradwalment il-politiki u l-inċentivi li l-atturi joperaw bihom jiġu allinjati mal-għanijiet li ntlaħaq qbil dwarhom fl-Aġenda;

13.

jaqbel li l-azzjoni esterna tal-UE taqdi rwol kruċjali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ dan il-kompitu, permezz tal-prijoritajiet kif stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE – l-Artikolu 21(2)) u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE – l-Artikolu 208); jappoġġja wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel li l-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp jikkontribwixxi biex jattwa l-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, kif definiti fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea;

14.

jappoġġja lill-Kummissjoni fl-għan li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-politika tal-iżvilupp u politiki oħra tal-UE implimentati fil-livell internazzjonali, inklużi l-għajnuna umanitarja, il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-enerġija, is-sajd, l-agrikoltura, l-ambjent, ix-xjenza u t-teknoloġija, il-migrazzjoni u l-asil u l-Politika Ewropea tal-Viċinat; jenfasizza, madankollu, li mhuwiex biżżejjed li jitjiebu l-livelli ta’ koordinazzjoni tal-politiki, iżda jeħtieġ ukoll li jkun hemm livelli ogħla ta’ koerenza bejn dawn il-politiki u l-għanijiet ta’ żvilupp li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell internazzjonali;

15.

jaqbel mal-Kummissjoni li, biex tkun effettiva, it-tweġiba għandha tkun komuni u skont kriterji kondiviżi min-naħa tal-Unjoni Ewropea; madankollu, jenfasizza li din il-koordinazzjoni għandha ssir mhux biss bejn l-UE u l-Istati Membri, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, f’liema livell titwettaq parti mill-kompetenzi meħtieġa b’mod li l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jsiru realtà;

16.

jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tissejjes fuq approċċ ta’ drittijiet, li jagħti lill-individwi rwol ta’ protagonist fl-isforzi ta’ żvilupp kif ukoll ikunu l-iżjed li jibbenefikaw minnhom; josserva, barra minn hekk, li dan l-approċċ huwa konsistenti mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u mal-prinċipju li jispira l-Aġenda 2030 li “ħadd ma jitħalla barra”, bil-għan li l-progress miksub fil-qasam tal-iżvilupp jilħaq lill-iżjed setturi fraġli u vulnerabbli tas-soċjetà;

17.

jaqbel mal-Kummissjoni meta tisħaq li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija fil-qalba ta’ dan l-approċċ ta’ drittijiet u għandu jispira kull azzjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata, li ma jinvolvix biss azzjoni kontra l-inugwaljanzi li jeżistu f’dan il-qasam, iżda wkoll il-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom u l-aċċess għall-edukazzjoni fil-livelli kollha;

Il-prijoritajiet komuni tagħna

18.

josserva li wieħed mill-għanijiet ċentrali tal-politika ta’ żvilupp tal-UE u tal-Istati Membri huwa li l-pajjiżi jiġu appoġġjati fil-ġlieda tagħhom kontra l-faqar, fost l-oħrajn billi jitjiebu l-livelli tal-forniment u l-kwalità tas-servizzi soċjali bażiċi lill-popolazzjoni kollha, kif inhu stabbilit fl-Aġenda 2030; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li parti kbira minn dawn is-servizzi tiġi pprovduta mill-awtoritajiet deċentralizzati, li jagħmel kruċjali l-appoġġ li jingħataw l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli;

19.

jaqbel mal-għan tal-Aġenda 2030 li jinbnew soċjetajiet inklużivi, permezz tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali; fl-istess ħin, josserva li l-amministrazzjoni deċentralizzata taqdi rwol ċentrali fl-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-proċessi ta’ esklużjoni u emarġinazzjoni soċjali li jikkawżaw dawn l-inugwaljanzi;

20.

josserva l-importanza li jinbnew soċjetajiet paċifiċi u gvernati kif imiss, li jeliminaw l-insigurtà u l-vjolenza u jsaħħu istituzzjonijiet effettivi u trasparenti; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dan il-proċess jibda fl-iżjed livell lokali qrib iċ-ċittadini, b’mod li jiġi appoġġjat it-titjib tal-istituzzjonijiet lokali u reġjonali, sabiex b’dan il-mod jiġu stabbiliti għodod għall-persuni li jimpenjaw ruħhom li jiksbu l-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 li jieħdu sehem u jeżerċitaw kontroll demokratiku; għaldaqstant, l-edukazzjoni għaċ-ċittadinanza globali għandha ssir dimensjoni essenzjali tal-politiki u l-istrateġiji tad-diversi partijiet interessati u atturi, governattivi u mhumiex, li jiffurmaw parti mis-sistema internazzjonali ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

21.

jaqbel mal-għan tal-Aġenda 2030 li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali tal-proċessi ta’ żvilupp, billi jittejbu l-ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-iżjed ekosistemi fraġli; għal darb’oħra, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma essenzjali biex jiġu indirizzati dawn il-politiki, li jinvolvu li s-sostenibbiltà tkun kompatibbli mal-progress ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet affettwati; dan l-għan huwa partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 11, li jistabbilixxi l-ħtieġa li jinbnew bliet u insedjamenti umani inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli;

22.

huwa tal-fehma li huwa importanti li fil-pajjiżi titħeġġeġ rotta ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, bil-kapaċità li tiġġenera xogħol deċenti, kif stabbilit fl-Aġenda 2030; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ dawn il-proċessi, billi jiġġeneraw il-produzzjoni f’bażijiet territorjali ddefiniti b’mod tajjeb, permezz ta’ alleanzi bejn l-atturi, bl-inklużjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju;

23.

fil-qosor, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li għandha l-amministrazzjoni pubblika deċentralizzata fil-pajjiżi msieħba biex l-Aġenda 2030 tkun effettiva; jisħaq fuq ir-rwol li tista’ taqdi l-kooperazzjoni deċentralizzata biex tittrasferixxi esperjenzi u kapaċitajiet bejn dawn l-atturi; u jħeġġeġ li l-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp jirrikonoxxi u jippromovi l-potenzjal ta’ dan il-mod ta’ kooperazzjoni;

Sħubija: l-Unjoni Ewropea bħala qawwa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030

24.

jirrikonoxxi li, minkejja li kull pajjiż għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp proprju tiegħu, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jistgħu jintlaħqu biss jekk tiġi stabbilita Alleanza Globali li tilqa’ fi ħdanha l-pajjiżi kollha, l-istituzzjonijiet multilaterali u l-bqija tal-atturi soċjali, li jaħdmu b’mod kooperattiv bil-għan li jinħolqu strateġiji ta’ żvilupp inklużivi u sostenibbli, kif titlob l-Aġenda 2030; fl-istess ħin, jafferma mill-ġdid li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jagħmlu parti minn dan l-isforz kooperattiv, billi jipprovdu l-kapaċitajiet u r-riżorsi proprji tal-ambitu ta’ azzjoni tagħhom;

25.

jisħaq fuq ir-rwol kruċjali li tista’ taqdi l-kooperazzjoni deċentralizzata fil-konfigurazzjoni tal-alleanzi b’diversi atturi li jkollhom l-għan li jippromovu l-kummerċ fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, abbażi ta’ dak li stabbilixxiet l-Aġenda 2030; il-kontribut ta’ dan il-mod ta’ kooperazzjoni u l-komplementarjetà tiegħu ma’ modi oħra għandu jiġi rikonoxxut fil-Kunsens il-ġdid dwar l-Iżvilupp;

26.

jenfasizza l-benefiċċji maħluqa meta l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jiffaċilitaw il-proċessi ta’ koordinazzjoni, il-kondiviżjoni tal-kompiti u l-koerenza bejn l-atturi fil-qafas ta’ din l-Alleanza Globali; josserva li dan l-għan jintlaħaq b’mod iżjed faċli jekk l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-ippjanar komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, abbażi ta’ viżjonijiet kondiviżi nnegozjati mal-pajjiżi msieħba; madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ djalogu u konċertazzjoni;

27.

bl-istess mod, josserva li l-isforz ta’ koordinazzjoni għandu, mil-lat operattiv, jieħu l-forma ta’ programmi indikattivi komuni fil-pajjiżi msieħba; jenfasizza wkoll l-importanza li ssir ħidma, meta jkun possibbli, permezz ta’ azzjonijiet komuni, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali, favur it-titjib tal-impatt kollettiv tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha; barra minn hekk, jenfasizza li l-atturi tal-kooperazzjoni deċentralizzata għandhom jipparteċipaw ukoll fil-proċessi għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tagħhom;

28.

iħeġġeġ li, meta jkun possibbli fil-pajjiżi msieħba, jintużaw dawk il-modi ta’ kooperazzjoni, bħall-appoġġ dirett għall-baġit jew il-fondi fiduċjarji tal-UE li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn l-atturi u jippermettu użu aktar integrat u flessibbli tar-riżorsi fil-pajjiżi msieħba;

29.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza ta’ mobilizzazzjoni massiva tar-riżorsi pubbliċi u privati u domestiċi u internazzjonali, li jaqdu l-għanijiet tal-Aġenda 2030, kif spjegat fl-Aġenda ta’ Accra għall-Azzjoni; huwa tal-fehma li, għal dan il-għan, huwa importanti li jintużaw riżorsi pubbliċi bil-għan li jiġu mobilizzati u ingranati riżorsi privati għall-iżvilupp permezz tal-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi u l-finanzjament imħallat (taħlita ta’ donazzjonijiet u self); madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi ggarantit b’mod adegwat li r-riżorsi mobilizzati: i) ikollhom għan ċar ta’ żvilupp; ii) jissodisfaw il-prijoritajiet tal-pajjiż imsieħeb; iii) jipprovdu addizzjonalità ċara fir-rigward tar-riżorsi pubbliċi; u iv) ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta’ kontroll effettiv tal-użu/il-mira tagħhom u għal spezzjonijiet progressivi dwar il-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp iddikjarati;

30.

jenfasizza l-importanza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tinvolvi, timmobilizza u tintegra l-akbar numru possibbli ta’ atturi fl-appoġġ tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, bl-inklużjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-qasam akkademiku, fost l-oħrajn, abbażi tal-kapaċitajiet, l-esperjenza u r-riżorsi rispettivi tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kooperazzjoni deċentralizzata hija mod ta’ kooperazzjoni partikolarment adatt għall-promozzjoni u l-istabbiliment ta’ dan it-tip ta’ alleanzi b’diversi atturi, ibbażati fil-post; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi reġjonali u lokali biex ikunu jistgħu jintegraw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-politiki tagħhom; jenfasizza li l-kooperazzjoni deċentralizzata hija ambitu partikolarment propizju sabiex jinħolqu l-ispazji għaċ-ċittadinanza globali, bil-għan li ċ-ċittadini jirreflettu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, jipparteċipaw fil-politiki pubbliċi sabiex jiksbu dawn l-għanijiet, kif ukoll jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Aġenda 2030;

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li għandu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tekniċi u istituzzjonali tal-pajjiżi msieħba, sabiex ikunu jistgħu jħeġġu t-tranżizzjoni għal strateġiji ta’ żvilupp inklużivi u sostenibbli, kif mitlub mill-Aġenda 2030; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li dan il-proċess jilħaq ukoll lill-amministrazzjoni deċentralizzata tal-pajjiżi msieħba;

32.

jenfasizza l-benefiċċji meta l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tagħha tqassam ir-riżorsi tagħha skont regoli ċari u trasparenti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet, in-nuqqasijiet strutturali u l-kapaċità ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi alternattivi tal-pajjiżi msieħba; fl-istess ħin, jisħaq li l-applikazzjoni tar-riżorsi u l-attivitajiet għandhom isiru b’mod li jikkonformaw mal-prinċipju li “ħadd ma jitħalla barra”;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, b’mod konformi ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-pajjiżi bl-iżjed dħul baxx u, b’mod partikolari, il-pajjiżi l-inqas żviluppati kif ukoll dawk bi Stati fraġli jew f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-konflitt għandhom ikunu l-benefiċjarji prijoritarji tal-elementi bl-aktar konċessjonijiet tal-għajnuna internazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha;

34.

iwissi, madankollu, li gruppi kbar ta’ pajjiżi bi dħul medju jbatu minn limitazzjonijiet strutturali serji, b’ċirkustanzi domestiċi eteroġenji ħafna, istituzzjonijiet fraġli u soċjetajiet frammentati; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, inkluża l-kooperazzjoni finanzjarja, tista’ tkun siewja biex tagħmilha possibbli li dawn il-pajjiżi jissuperaw il-limitazzjonijiet tagħhom u jippromovu proċess ta’ żvilupp sostenibbli li, barra minn hekk, itejjeb il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw b’mod iżjed attiv biex tiġi implimentata l-Aġenda 2030;

35.

huwa tal-fehma li l-migrazzjoni ordnata tista’ tikkostitwixxi xprun għall-progress kemm għall-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll għal dak ta’ destinazzjoni, apparti l-fatt li tkun ta’ benefiċċju għall-migranti nnifishom; huwa tal-fehma li l-ġestjoni ordnata tal-migrazzjoni għandha tkun integrata fl-għanijiet tal-azzjoni ta’ żvilupp, f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ tweġibiet regolatorji u appoġġ adegwat, għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti matul it-triq migratorja u fil-pajjiż ta’ destinazzjoni u jipprovdulhom opportunitajiet fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, sabiex tittaffa l-pressjoni tal-flussi migratorji bla rażan;

36.

josserva li l-qasam strumentali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp imur lil hinn mis-sempliċi assistenza internazzjonali u jinkorpora riżorsi li, minkejja li ma jistgħux jiġu kkalkulati bħall-ODA, għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw opportunitajiet ta’ żvilupp; huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tagħha għandha tintegra b’mod attiv dawn ir-riżorsi strumentali kollha u tadatta s-sorsi u l-istrumenti użati għall-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull wieħed mill-pajjiżi msieħba, inklużi l-pajjiżi bi dħul medju;

37.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li timplimenta Pjan ambizzjuż ta’ Investiment Estern bil-għan li tipprova timmobilizza l-investiment privat, issaħħaħ l-assistenza teknika bil-għan li l-awtoritajiet lokali u n-negozji jkunu jistgħu jsawru proġetti b’mod effettiv, fejn jiġu kkunsidrati kif imiss il-prijoritajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-iżvilupp territorjali; huwa tal-fehma li l-Pjan għandu jiġi allinjat mal-għanijiet definiti fl-Aġenda 2030 u għandu jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi implimentat b’mod adatt;

38.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li jiġu appoġġjati l-iskemi ta’ integrazzjoni reġjonali sabiex ikunu jistgħu jissaħħu l-proċessi ta’ żvilupp tal-pajjiżi kkonċernati u jittejjeb il-forniment tal-beni pubbliċi reġjonali, bil-għan li tiġi implimentata aħjar l-Aġenda 2030; u jieħu nota tar-rieżami tal-Politika tal-Viċinat abbażi tal-prijoritajiet ġodda li jinbtu mill-Aġenda 2030; fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li, fil-qafas ta’ din il-politika, tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ adatti;

Intejbu l-impatt tal-Unjoni Ewropea

39.

jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-isforz għat-titjib tal-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, billi jiġi applikat dak li ntlaħaq ftehim dwaru fis-Summits ta’ Ruma, Pariġi, Accra u Busan; fl-istess ħin, huwa tal-fehma li huwa importanti li jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet istituzzjonali fil-pajjiżi msieħba, u fost affarijiet oħra, il-pajjiżi msieħba jitħeġġu jikkunsidraw ukoll l-aktar prijoritajiet importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-dokumenti ta’ pjanar nazzjonali tagħhom bil-għan li l-isforzi tal-kooperazzjoni jagħtu l-frott u jirriflettu l-ħtiġijiet tar-reġjuni rispettivi u l-abitanti tagħhom;

40.

jaqbel li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp waħidha ma tistax tiffinanzja t-tibdil li titlob l-Aġenda 2030; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jużaw il-kooperazzjoni bħala mekkaniżmi ta’ ingranaġġ ta’ riżorsi addizzjonali, ipprovduti minn sorsi oħra u li jaġixxu bħala xprun biex jibdlu l-inċentivi u jippromovu tibdil pożittiv fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;

41.

itenni li, jekk il-pajjiżi tal-UE jixtiequ jkunu punt ta’ referenza kredibbli fix-xena internazzjonali, jeħtieġ li jissodisfaw l-impenji tagħhom; għalhekk, huwa tal-fehma li l-pajjiżi għandhom jilħqu l-miri tal-UE fil-qafas tal-aġenda internazzjonli fir-rigward tal-finanzjament għall-iżvilupp; u jappoġġja wkoll li l-pajjiżi għandhom jissodisfaw l-impenn li kkommettew ruħhom għalih fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, inklużi l-ftehimiet fil-qasam tal-finanzjament ambjentali;

42.

jikkonferma l-interess li l-kooperazzjoni tiġi adattata għal dawk l-istrumenti u l-azzjonijiet li, lil hinn mill-għajnuna, qed ikollhom influwenza fis-sistema internazzjonali permezz tal-appoġġ li jipprovdu lill-proċessi ta’ żvilupp; f’dan ir-rigward, jaqbel mal-idea li jingħata segwitu lill-isforzi tal-OECD biex jiġi pprovdut metodu ġdid biex jitkejjel il-finanzjament tal-iżvilupp, fost affarijiet oħra billi jiġi ġġenerat il-kunċett tal-Appoġġ Uffiċjali Totali għall-Iżvilupp Sostenibbli;

43.

jirrikonoxxi li għal ħafna mill-problemi li talludi għalihom l-Aġenda 2030 ma hemmx tweġibiet tekniċi affidabbli, u jeħtieġ li jinstabu alternattivi bbażati fuq il-kreattività, il-promozzjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali; huwa tal-fehma li f’dan l-ambitu, il-kooperazzjoni deċentralizzata tista’ taqdi rwol importanti, permezz tal-użu mifrux tal-esperjenza fl-ambiti lokali u reġjonali;

44.

huwa tal-fehma li l-Aġenda 2030 mhux ser titwettaq jekk ma titjiebx b’mod sostanzjali l-koerenza tal-politiki, filwaqt li jitqies l-effett li jiġġeneraw il-politiki pubbliċi kollha fuq l-għanijiet ta’ żvilupp; barra minn hekk, jinsisti li l-progress fil-qasam tal-koerenza għandu jinkiseb kemm bejn l-oqsma tal-azzjoni pubblika (orizzontali) kif ukoll bejn il-livelli tal-gvern (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) permezz ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ fil-politiki u l-programmi pubbliċi fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil;

45.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-atturi kollha tal-kooperazzjoni tal-UE jipparteċipaw fi sforz ta’ trasparenza, li għandu jikkonċerna r-riżorsi mobilizzati minn kull wieħed minnhom; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi (UE, nazzjonali, reġjonali u lokali) għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett f’dan l-isforz, bħala mezz biex jitjiebu r-responsabbilizzazzjoni u l-kwalità tal-interventi tagħhom;

46.

huwa tal-fehma li l-ankrament tal-azzjonijiet trasformattivi fit-territorju, bis-sehem tal-atturi li jgħixu fih u bl-appoġġ tal-kooperazzjoni deċentralizzata, jista’ jkun l-aħjar mod biex jiġi promoss proċess approfondit u mifrux ta’ tranżizzjoni għal mudelli inklużivi u sostenibbli ta’ żvilupp;

47.

b’rabta ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-offerta tiegħu li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u għall-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra u mal-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp permezz tal-pjattaforma ta’ informazzjoni u diskussjoni (portal) tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iżvilupp, id-djalogu ta’ kull sentejn dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata u l-forums internazzjonali tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza annwali tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP). Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq isaħħaħ u jikkoordina l-kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea u dawk fil-pajjiżi ġirien fil-kuntest ta’ inizjattivi speċifiċi, bħall-Inizjattiva ta’ Nikosija għal-Libja;

48.

jemmen li huwa importanti li titnieda politika affidabbli ta’ komunikazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli sabiex tinbena viżjoni aktar informattiva dwar l-isfidi u l-politiki li għandhom jiġu applikati u li twassal għal appoġġ iktar sensibbli u attiv taċ-ċittadini, anke rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-impenn fil-konfront tal-Aġenda 2030 bħala investiment għall-futur; jeħtieġ ukoll li ċ-ċittadini Ewropej ikunu jafu dwar ir-rilevanza tal-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u jkun hemm sensibilizazzjoni dwar il-benefiċċji reċiproċi li jirriżultaw minn din il-politika, bħall-ħolqien ta’ żoni ta’ stabbiltà reġjonali; fl-aħħar, jeħtieġ li tingħata viżibbiltà lill-azzjoni tal-atturi differenti involuti fil-proċess, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u, fi ħdanhom, ir-reġjuni ultraperiferiċi li ilhom is-snin jiżviluppaw politiki ta’ kooperazzjoni ta’ suċċess mal-pajjiżi ġirien tagħhom;

Segwitu tal-impenji tagħna

49.

jappoġġja l-fatt li l-atturi kollha tal-kooperazzjoni jadattaw b’mod gradwali s-sistemi tagħhom ta’ rappurtar u l-indikaturi ta’ segwitu tagħhom għall-kontenut tal-Aġenda 2030; jappoġġja wkoll il-fatt li jitfasslu rapporti komuni ta’ sinteżi li fihom jingħata rendikont tal-progress miksub fil-qasam tal-Aġenda 2030, sabiex ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti; u jisħaq li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw b’mod attiv fit-tfassil ta’ dawn ir-rapporti, u għandhom jirrappurtaw dwar l-azzjonijiet meħuda fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom u permezz tal-kooperazzjoni deċentralizzata;

50.

jappoġġja l-ħtieġa li jissaħħu s-sistemi statistiċi sabiex jingħata segwitu lill-Aġenda 2030; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li dan it-tisħiħ isir ukoll b’rabta mal-produzzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura reġjonali u lokali, sabiex jiġi żgurat li l-progress jilħaq lis-setturi u t-territorji kollha.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA