9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/105


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-migrazzjoni legali

(2017/C 185/13)

Relatur:

Olgierd GEBLEWICZ (PL/EPP), Marixxall tal-Provinċja tal-Pomeranja tal-Punent.

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg b’ħiliet għolja.

COM(2016) 378 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Artikolu 2(h)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla” tfisser kwalunkwe diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti li jagħtu prova tat-tlestija b’suċċess ta’ programm ta’ edukazzjoni ogħla post-sekondarja jew ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti, jiġifieri sett ta’ korsijiet ipprovduti minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti mill-Istat fejn jinsab, fejn l-istudji meħtieġa għall-kisba ta’ dawk il-kwalifiki jdumu mill-inqas tliet snin u jkunu jikkorrespondu mill-inqas għal livell 6 ta’ ISCED 2011 jew għal livell 6 tal-EQF, skont il-liġi nazzjonali;

“kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla” tfisser kwalunkwe diploma, ċertifikat jew evidenza oħra ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti li jagħtu prova tat-tlestija b’suċċess ta’ programm ta’ edukazzjoni ogħla post-sekondarja jew ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti, jiġifieri sett ta’ korsijiet ipprovduti minn stabbiliment edukattiv rikonoxxut bħala istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni terzjarja ekwivalenti mill-Istat fejn jinsab, fejn l-istudji meħtieġa għall-kisba ta’ dawk il-kwalifiki jdumu mill-inqas tliet snin u jkunu jikkorrespondu mill-inqas għal livell 6 ta’ ISCED 2011 jew għal livell 6 tal-EQF, skont il-liġi nazzjonali; proċeduri addizzjonali biex jiġi stabbilit il-livell tal-edukazzjoni u l-ħiliet tagħhom isiru għal persuni bl-istatus ta’ refuġjati residenti fit-territorju tal-UE li m’għandomx id-dokumenti meħtieġa biex jagħtu prova tal-kwalifiki tagħhom;

Raġuni

Huwa meħtieġ li dan il-kunċett jiġi ddefinit mill-ġdid, sabiex jitqies il-fatt li għadd potenzjalment kbir ta’ refuġjati ma jkunux jistgħu jiddokumentaw il-kwalifiki professjonali tagħhom. Id-dispożizzjonijiet proposti tad-Direttiva jeħtieġu approċċ iktar flessibbli għal din il-kwistjoni milli fil-preżent. Il-KtR jiġbed l-attenzjoni, f’dan il-kuntest, għal dokumenti eżistenti li jistabbilixxu l-esperjenza akkumulata f’dan il-qasam, b’mod partikolari is-sett ta’ strumenti għall-profil tal-ħiliet għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li bħalissa qed jiġi ppreparat, kif propost fl-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa. Ġie propost ukoll li jsir użu tal-esperjenza tar-reġjuni Ewropej f’dan il-qasam.

Emenda 2

Artikolu 2(i)

Test Propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“ħiliet professjonali ogħla” tfisser ħiliet attestati minn mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali ta’ livell komparabbli għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u li hija rilevanti fil-professjoni jew fis-settur speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg;

“ħiliet professjonali ogħla” tfisser ħiliet attestati minn mill-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali ta’ livell komparabbli għal kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla u li hija rilevanti fil-professjoni jew fis-settur speċifikat fil-kuntratt tax-xogħol jew fl-offerta vinkolanti ta’ impjieg; l-Istati Membri jitolbu proċeduri addizzjonali biex tiġi stabbilita l-esperjenza professjonali għal persuni bl-istatus ta’ refuġjati residenti fit-territorju tal-UE li m’għandomx id-dokumenti meħtieġa biex jagħtu prova tal-ħiliet professjonali ta’ livell ogħla;

Raġuni

Ara l-punt ta’ qabel.

Emenda 3

Artikolu 6(4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE biex jiżgura reklutaġġ etiku f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat fil-pajjiżi tal-oriġini.

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal Karta Blu tal-UE biex jiżgura reklutaġġ etiku f’setturi li jbatu minn nuqqas ta’ persunal kwalifikat fil-pajjiżi tal-oriġini. Sabiex jiġi żgurat li d-dimensjoni etika hija kkunsidrata fil-proċess ta’ reklutaġġ, l-Istati Membri għandhom jirreferu għall-istandards żviluppati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal dawk tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni jew is-sistema ta’ monitoraġġ IRIS.

Raġuni

Kwistjonijiet etiċi huma partikolarment importanti fil-kuntest ta’ reklutaġġ ta’ ħaddiema b’ħiliet professjonali għolja. Dan minħabba li d-domanda minn min iħaddem fl-Ewropa hija ta’ spiss għal xogħlijiet fejn il-ħaddiema huma meħtieġa wkoll f’pajjiżi terzi minħabba skarsezzi kbar ta’ ħiliet. Eżodu enormi u mhux ikkontrollat jista’ jwassal għal deterjorament fit-tul fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika fil-pajjiżi ta’ oriġini u b’hekk effettivament jiżdied il-potenzjal ta’ migrazzjoni. Qed jiġi propost li d-dispożizzjonijiet dwar ir-reklutaġġ etiku jiġu supplimentati bi prinċipji prattiċi mfassla, fost oħrajn, minn organizzazzjonijiet internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni dwar l-inizjattiva ta’ Alleanza pubblika-privata għal reklutaġġ ġust u etiku (PPA) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u dwar is-sistema ta’ monitoraġġ IRIS.

Emenda 4

Artikolu 12(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Impjegaturi rikonoxxuti: L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprevedu proċeduri ta’ rikonoxximent għall-impjegaturi skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati għall-kisba ta’ Karta Blu tal-UE.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipprevedi proċeduri ta’ rikonoxximent, huwa għandu jipprovdi informazzjoni ċara u trasparenti lill-impjegaturi kkonċernati dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-approvazzjoni, il-perjodu ta’ validità tar-rikonoxximent u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet, inklużi l-irtirar u n-nuqqas ta’ tiġdid possibbli, kif ukoll kwalunkwe sanzjoni applikabbli.

Impjegaturi rikonoxxuti: L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprevedu proċeduri ta’ rikonoxximent għall-impjegaturi skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati għall-kisba ta’ Karta Blu tal-UE. Dawn il-kriterji għandhom jieħdu kont tal-aspetti etiċi tal-proċess ta’ reklutaġġ (speċjalment l-esperjenza preċedenti ta’ kumpanija li timpjega ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’ħiliet għoljin), u se titfassal lista ta’ kumpaniji bil-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet reġjonali u lokali.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jipprevedi proċeduri ta’ rikonoxximent, huwa għandu jipprovdi informazzjoni ċara u trasparenti lill-impjegaturi kkonċernati dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-approvazzjoni, il-perjodu ta’ validità tar-rikonoxximent u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet, inklużi l-irtirar u n-nuqqas ta’ tiġdid possibbli, kif ukoll kwalunkwe sanzjoni applikabbli.

Raġuni

Huwa propost li jinżdiedu kundizzjonijiet speċifiċi sabiex jinkiseb l-istatus ta’ “impjegatur rikonoxxut”, filwaqt li titqies id-dimensjoni reġjonali/lokali kif ukoll l-aspetti etiċi ta’ reklutaġġ. Il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li titfassal lista ta’ kumpaniji ta’ dan it-tip li jibbenefikaw minn proċeduri semplifikati, bl-involviment tal-korpi lokali u reġjonali, u li jiġu kkunsidrati l-aspetti etiċi tar-reklutaġġ.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

ifaħħar l-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-UE biex tiġi żgurata provvista adegwata ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja permezz tat-tisħiħ tal-istandards tal-UE u bil-ħolqien ta’ proċedura li tipprovdi aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE għal dawn il-migranti. F’dan il-kuntest, is-soluzzjonijiet proposti huma pass fid-direzzjoni t-tajba u, għallinqas sa ċertu punt, rispons għall-kritika tad-Direttiva fis-seħħ;

2.

iqis li l-ħolqien u l-promozzjoni ta’ mezzi effettivi għal dħul legali/dokumentat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandha tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-politika tal-migrazzjoni fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak reġjonali. F’dan ir-rigward, qafas legali aħjar għal migranti bi kwalifiki għolja huwa parti importanti mill-iżvilupp meħtieġ ta’ politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni bbażata fuq il-prinċipji tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-obbligi internazzjonali u s-solidarjetà;

3.

huwa tal-fehma li l-għan fit-tul tal-Unjoni Ewropea li tibqa’ attur globali kompetittiv jeħtieġ il-ħolqien u l-modifika ta’ strateġija komprensiva sabiex jiġi attirati l-kapital uman, kif ukoll l-investimenti finanzjarji minn pajjiżi terzi. L-aħħar element huwa importanti għal kull sistema ekonomika li tixtieq tkabbar l-innovazzjoni, il-livell ta’ teknoloġija u l-kompetittività tagħha. Madankollu, huwa partikolarment importanti fil-kuntest demografiku li qed jesperjenzaw xi Stati Membri u l-problemi li qed jiffaċċjaw is-swieq tax-xogħol tal-UE;

4.

jinnota li l-UE diġà qed ikollha tiffaċċja skarsezzi strutturali ta’ ħaddiema f’ċerti setturi, u li x-xejriet demografiċi sfavorevoli se jaggravaw dawn in-nuqqasijiet. Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea attwalment qiegħda lura fit-tellieqa għat-talenti ma’ atturi globali bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja;

5.

jirrimarka li l-miżuri għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi ma jistgħux u ma għandhomx jissostitwixxu investimenti fuq skala kbira u fit-tul fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għal residenti tal-UE. Meta jitqies il-fatt li ħafna pajjiżi, speċjalment il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, jiffaċċjaw il-fenomenu tal-eżodu ta’ mħuħ (emigrazzjoni tal-ħiliet), li tpoġġi lil pajjiż/reġjun f’riskju ta’ depopolazzjoni u l-emigrazzjoni ta’ intellettwali, dan l-investiment għandu jkun immirat iktar lejn impjiegi identifikati bħala ta’ importanza strateġika jew impjiegi li għandhom skarsezzi u għandu jintuża biex jiġu żviluppati miżuri strateġiċi għal dawk li jixtiequ jitħarrġu f’dawn l-oqsma;

6.

jilqa’ l-proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa li akkumpanja l-abbozzar tal-verżjoni attwali tad-Direttiva, iżda jinsab imħasseb li ftit li xejn sar fil-livell reġjonali, li jinvolvi l-awtoritajiet reġjonali u lokali, li għandhom l-aħjar għarfien tal-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali;

7.

josserva wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi għall-immigranti, f’termini ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, kif ukoll id-dimensjonijiet ta’ integrazzjoni (l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, eċċ.);

8.

jenfasizza li istituzzjonijiet reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll fid-defininizzjoni ta’ kundizzjonijiet li jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ salvagwardja (test tas-suq tax-xogħol). Barra minn hekk, madankollu, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu joħolqu klima pożittiva għall-miżuri proposti u l-massa kritika meħtieġa biex tgħolli l-profil tal-proċedura tal-Karta l-Blu;

Valutazzjoni tal-arranġamenti attwali

9.

jinnota li l-miżuri introdotti fl-2009 ma ssodisfawx l-aspettattivi. Raġuni waħda għal dan kienet li s-sistemi nazzjonali tħallew jeżistu flimkien ma’ dawk introdotti permezz tad-Direttiva;

10.

jinnota li l-esperjenza tal-passat fl-implimentazzjoni tal-proċedura tal-Karta l-Blu turi li, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea qed tipprova tqiegħed il-politika ta’ migrazzjoni u l-miżuri settorjali fuq bażi Ewropea, l-Istati Membri jibqgħu impenjati li jżommu u jippromovu soluzzjonijiet nazzjonali;

11.

jinnota li r-regoli li ġew introdotti fl-2009 fil-biċċa l-kbira ma laħqux il-ħtiġijiet u l-aspettattivi la tal-migranti u lanqas ta’ min iħaddem u minflok komplew iżidu ma’ sistema frammentata fl-UE, b’nuqqas ġenerali ta’ drittijiet għal ħaddiema bi kwalifiki għolja u għall-familji tagħhom, bi spejjeż għolja għall-applikanti, għal min iħaddem u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali kif ukoll b’viżibilità baxxa tas-sistema barra l-UE, li b’hekk ma tagħmiliex attraenti;

Il-miżuri proposti – riskji potenzjali u n-nuqqasijiet

12.

jilqa’ l-proposti biex jitnaqqsu l-livelli limiti tal-introjtu, jiġu introdotti strumenti li jippromovu l-mobbiltà interna, jiġi faċilitat l-aċċess għal permessi ta’ residenza fit-tul u j ittieħedkont tal-migranti li diġà jgħixu fl-UE;

13.

jistaqsi, fid-dawl ta’ kompetizzjoni dejjem tikber għat-talent, jekk fis-sistema Ewropea tal-migrazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata l-integrazzjoni ta’ elementi ta’ sistema xprunata mill-provvista jew bbażata fuq il-punti (PBS) jew sistema ibrida, ispirata minn dik ta’ pajjiżi li huma iktar effettivi biex jattiraw ħaddiema b’ħiliet għolja (l-Awstralja, il-Kanada);

14.

jenfasizza li, għal individwi bi kwalifiki għolja, fatturi bħal aċċess għal opportunitajiet ta’ karriera, aċċess għal tagħmir, lingwa ta’ komunikazzjoni u xogħol adattat għall-kwalifiki għandhom rwol importanti fid-deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa mħasseb li l-miżuri proposti għadhom jieħdu ftit kont ta’ dawn il-kwistjonijiet;

15.

jilqa’ r-rikonoxximent li l-Karta l-Blu tista’ tingħata mhux biss lil ħaddiema li jaslu fl-UE, iżda wkoll lil dawk li diġà qegħdin hemm;

16.

fl-istess ħin, madankollu, iqis li hija meħtieġa kjarifika dwar ir-raġuni għalfejn din l-alternattiva għandha tkun disponibbli biss għal refuġjati rikonoxxuti. Id-Direttiva proposta teskludi b’mod espliċitu minn din il-possibbiltà l-ħaddiema staġjonali u stazzjonati, kif ukoll persuni li l-applikazzjoni tagħhom għal status ta’ refuġjat hija pendenti. Filwaqt li jifhem ir-raġunijiet politiċi għal din id-deċiżjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li t-twittija tat-triq għal impjieg li jaqbel mal-kwalifiki għal kategoriji oħra ta’ persuni li jgħixu fl-UE tista’ twassal għal perspettivi aktar stabbli għall-migranti u l-impjegaturi u, għaldaqstant, użu aħjar tal-kapital uman;

17.

jirrimarka li l-miżuri għar-reklutaġġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi professjonijiet li jeħtieġu ħiliet ta’ livell għoli għandhom jimmiraw mhux biss li jattiraw immigranti iżda wkoll biex jinħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli biex jibqgħu fl-UE u jintegraw b’mod effettiv;

18.

jissuġġerixxi li l-kwistjoni tal-impjieg ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja għandha tiġi trattata b’mod olistiku u komprensiv, allinjat mal-loġika tal-proċess ta’ migrazzjoni: mir-reklutaġġ, permezz ta’ rikonoxximent u identifikazzjoni tal-ħiliet, sa integrazzjoni effettiva u l-libertà ta’ moviment eventwali fi ħdan is-suq tax-xogħol tal-UE;

19.

fil-kuntest tal-miżuri proposti, iqis li hemm bżonn li jiġi żviluppat metodu uniku, u aċċettat b’mod ġenerali għall-ġbir ta’ data dwar id-domanda għal ħaddiema b’ħiliet għolja f’diversi tipi ta’ xogħol u swieq tax-xogħol. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi biex jimtlew il-lakuni fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri b’mod iktar effettiv mil-lum se jeħtieġ żvilupp ulterjuri ta’ inizjattivi bħalma huma l-portal EURES, il-EuroPass u l-azzjoniijet attwalment maħsuba taħt l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda, li tagħmilha possibbli li jitlaqqgħu flimkien l-impjegaturi li qed ifittxu persuni li qed ifittxu xogħol u l-ħaddiema prospettivi b’ħiliet adegwati. Jenfasizza r-rwol ewlieni potenzjali tar-reġjuni Ewropej fil-ġbir ta’ din it-tip ta’ data;

20.

hu mħasseb li l-miżuri proposti jistgħu ma jieħdux kont biżżejjed ta’ gradwati żgħażagħ, li l-livell ta’ qligħ tagħhom ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva;

21.

jenfasizza li l-kwistjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki – u l-aspetti prattiċi ta’ dan il-proċess – se jkunu partikolarment rilevanti fil-każ ta’ kategorija ta’ persuni li għall-ewwel darba qed isiru benefiċjarji potenzjali tal-iskema: refuġjati rikonoxxuti u dawk li ngħataw il-protezzjoni sussidjarja. Jista’ jkun mistenni li fil-każ ta’ dawn il-persuni ser ikun partikolarment diffiċli u kumpless li jinstabu provi tal-kwalifiki;

22.

jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lil kwistjonijiet etiċi relatati mar-reklutaġġ ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi u li għandhom jinstabu metodi effettivi biex jiġi evitat eżodu ta’ mħuħ minn pajjiżi inqas żviluppati li diġà għandhom livelli baxxi ta’ kapital uman;

23.

jipproponi li ssir analiżi fil-fond u affidabbli tal-ħruġ ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja minn pajjiżi terzi u l-impatt potenzjali ta’ eżodu ta’mħuħ. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju għandhom jintużaw biex jiġu żviluppati azzjonijiet komuni – mill-UE u mill-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti – bl-għan li jiġu evitati l-effetti negattivi tal-migrazzjoni u, fejn ikun possibbli, li jinħolqu soluzzjonijiet ta’ vantaġġ għal kulħadd (win-win-win) (migrazzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni, kif ukoll għall-migranti nnifishom);

24.

jirrimarka li kwalunkwe proċess tal-migrazzjoni huwa fenomenu kumpless, b’diversi livelli, fejn kemm il-pajjiżi ta’ destinazzjoni u l-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti għandhom rwol ewlieni. Fost affarijiet oħra fil-kuntest tal-kwistjonijiet etiċi enfasizzati hawn fuq, jappella għal djalogu aħjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u dawk tal-pajjiżi ta’ oriġini tal-immigranti u l-pajjiżi ta’ tranżitu, ukoll fuq livell reġjonali u lokali. Fuq il-bażi ta’ strumenti tal-liġi internazzjonali pubblika, din il-kooperazzjoni għandha tagħmel użu mill-korpi u l-pjattaformi eżistenti bħall-ARLEM, u l-CORLEAP, Task Force dwar l-Ukrajna, il-kumitati konsultattivi konġunti u l-gruppi ta’ ħidma; fl-appoġġ għal mekkaniżmi ta’ migrazzjoni ċirkolari għandha tintuża l-esperjenza tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ;

25.

iqis li l-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi l-għan – biex tikkompeti fil-kompetizzjoni internazzjonali għal ħaddiema b’ħiliet għolja – ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom, iżda, minħabba l-iskala, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-UE. Il-miżuri proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tittejjeb il-kapaċità tal-UE biex tattira u żżomm ċittadini ta’ pajjiż terz b’livell għoli ta’ ħiliet, kif ukoll biex tittejjeb il-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni tagħhom bejn l-impjiegi fi Stati Membri differenti, u jħallu ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri biex jadattaw l-iskema għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom. Il-proposta, għaldaqstant, tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

Ir-rwol tar-reġjuni

26.

jenfasizza li l-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ migrazzjoni, bħall-impatt tagħha fuq il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u fl-oqsma soċjali u kulturali, jinħassu l-aktar fil-livell reġjonali u lokali. Bl-istess mod, il-kompetittività aggregata tal-Ewropa tista’ titqies bħala kunċett astratt; li jgħodd huwa li jiġu żgurati l-kompetittività u livell għoli ta’ innovazzjoni fil-bliet u r-reġjuni Ewropej, bi tkomplija fuq ix-xogħol ta’ kuljum li jitwettaq minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u mit-tielet settur;

27.

jirrimarka li l-introduzzjoni ta’ perspettiva reġjonali fid-diskussjoni tal-miżuri proposti tenfasizza diversi kontradizzjonijiet. Waħda minnhom hija li filwaqt li immigranti bi kwalifiki għoljin jistgħu jinġibdu lejn l-aktar reġjuni żviluppati, il-preżenza tagħhom tista’ tkun l-iżjed mixtieqa f’reġjuni li mhumiex f’pożizzjoni li joffrulhom kundizzjonijiet attraenti ta’ xogħol u ta’ residenza;

28.

jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żamma tal-miżuri ta’ salvagwardja li jistgħu jiġi introdotti f’każ ta’ deterjorament fis-suq tax-xogħol f’pajjiż partikolari;

29.

jenfasizza, f’kuntest lokali u reġjonali, l-importanza partikolari ta’ mistoqsija li mhijiex indirizzata biżżejjed mill-proposta tal-Kummissjoni: kif tinżied l-effettività tal-miżuri ta’ integrazzjoni u kif tintuża l-aħjar prattiki eżistenti f’dan il-qasam;

30.

jipproponi li r-rwol tal-imsieħba lokali u reġjonali jitqies f’kuntesti varji, bħal f’relazzjoni ma: l-istabbilment ta’ sistemi mgħaġġlin sperimentali fi sħubija mar-reġjuni, il-pajjiżi u s-settur privat; il-kondivizzjoni effettiva tal-aħjar prattiki, speċjalment b’rabta mar-rikonoxximent ta’ kwalifiki u t-tnaqqis ta’ diskrepanzi strutturali u żieda fl-effettività tal-integrazzjoni; u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet li jiżguraw l-aħjar tlaqqigħ bejn il-kwalifiki formali u l-ħtiġijiet tas-swieq lokali u reġjonali;

31.

jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita relazzjoni aktar diretta ma’ kumpaniji, mil-lat ta’ komunikazzjoni, fejn jiġu involuti l-kumpaniji stess fl-iżvilupp ta’ inizjattivi, bl-għan li jipprovdu l-impjiegi;

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA