31.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 288/91


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-suq intern għall-elettriku (riformulazzjoni)”

(COM(2016) 861 final — 2016-379-(COD))

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE”

(COM(2016) 862 final — 2016-377-(COD))

il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (riformulazzjoni)”

(COM(2016) 863 final — 2016-378-(COD))

u

l-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (riformulazzjoni)”

(COM(2016) 864 final — 2016-380-(COD))

(2017/C 288/13)

Relatur:

Alfred GAJDOSIK

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 16.1.2017

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 19.1.2017

Bażi ġuridika

Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

16.5.2017

Adottata fil-plenarja

31.5.2017

Sessjoni plenarja Nru

526

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal disinn tas-suq ġdid, regolament dwar it-tħejjija għar-riskji u l-organizzazzjoni l-ġdida tal-kooperazzjoni tar-regolaturi tal-enerġija. Dawn huma pass ieħor minn swieq regolati nazzjonali lejn approċċ ibbażat fuq is-suq għall-elettriku fl-UE li jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista bl-aktar spejjeż baxxi possibbli li jissodisfaw l-interessi ewlenin tal-konsumaturi Ewropej kollha tal-elettriku, inklużi entitajiet industrijali, kummerċjali u residenzjali. Madankollu, dan l-għan se jintlaħaq biss jekk ikun bidla fl-orjentament lejn iżjed elettrifikazzjoni tal-ekonomija, li hija l-aktar għażla effikaċi u flessibbli għall-implimentazzjoni tiegħu.

1.2

Skont opinjonijiet preċedenti, il-Kumitat jenfasizza li swieq tal-elettriku li jiffunzjonaw sew huma prekundizzjoni biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija (1). Il-KESE jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li biex is-suq jiffunzjona tajjeb, huma meħtieġa bidliet sinifikanti fid-disinn tas-suq, b'mod partikolari minħabba l-użu dejjem akbar tal-elettriku rinnovabbli varjabbli (2). L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq eżistenti mhijiex se tgħin. Huwa meħtieġ suq ġdid. Il-Kumitat iqis it-tfassil ġenerali tal-pakkett tad-disinn tas-suq bħala tweġiba tajba għall-ħtieġa ta' dawn il-bidliet, billi jwitti t-triq għal tranżizzjoni tal-enerġija kosteffettiva u finanzjarjament vijabbli.

1.3

Il-KESE japprezza l-approċċ ġenerali tal-pakkett tad-disinn tas-suq, b'mod speċjali l-għanijiet li l-konsumaturi jitqiegħdu fil-qalba tas-suq tal-enerġija, li tiżdied il-provvista tal-elettriku u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali. L-adattament rispettiv tar-regoli tas-suq u tal-qafas regolatorju huwa pass importanti lejn provvista stabbli ta’ enerġija nadifa lill-konsumaturi Ewropej kollha bl-aktar prezzijiet baxxi possibbli. Minkejja dan, għad hemm lok għal aktar titjib f’xi punti. B'mod partikolari, huma meħtieġa aktar regoli speċifiċi (3).

1.4

Id-dekarbonizzazzjoni hija waħda mill-objettivi strateġiċi tal-Unjoni tal-Enerġija u għalhekk għandu jiġi appoġġjat l-għan li tingħata spinta lill-investiment fid-dekarbonizzazzjoni tas-suq tal-elettriku. Madankollu, l-aħjar mod kif din titmexxa 'l quddiem huwa permezz ta' kundizzjonijiet tas-suq ugwali u ġusti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għat-tranżizzjoni ekoloġika. L-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali li tinkludi ħsara relatata mat-tibdil fil-klima u ħsara lis-saħħa tal-bniedem hija kruċjali għal dekarbonizzazzjoni effiċjenti u effettiva. Tassazzjoni xierqa hija l-aħjar approċċ sabiex l-investimenti jitmexxew lejn elettriku ekoloġiku.

1.5

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa li jiġi stipulat li l-konsumaturi kollha, inklużi l-industrija, l-intrapriżi kummerċjali u l-unitajiet domestiċi privati, ikollhom dritt biex jiġġeneraw, jaħżnu u jikkumerċjalizzaw l-enerġija huma stess u li l-komunitajiet ta’ enerġija lokali jkollhom dritt jappoġġjaw, jiżviluppaw jew jikru netwerks komunitarji. Madankollu, huma meħtieġa aktar regoli speċifiċi li jagħmluha possibbli li jiġu ddikjarati dawn id-drittijiet u li jingħelbu l-ostakoli eżistenti (aċċess għall-grilja, tariffi mhux ġusti u mhux xierqa fuq il-grilja, ostakoli legali u amministrattivi eċċ.).

1.6

Barra minn hekk, l-objettiv irid ikun li l-konsumaturi Ewropej ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tal-elettriku kollu, u b'hekk fil-kummerċ u l-provvista tal-elettriku. Ir-regoli speċifiċi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan huma neqsin fil-proposti tal-Kummissjoni. Jeħtieġ li jiġu żviluppati postijiet tan-negozjar u strutturi tan-negozjar deċentralizzati li jiftħu l-possibbiltajiet għan-negozjar dirett ta' anke unitajiet ta' enerġija żgħar. Filwaqt li d-deċentralizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija u tal-elettriku u tan-negozjar hija prekwiżit għall-integrazzjoni sħiħa tal-konsumaturi fis-suq, id-deċentralizzazzjoni ma tfissirx frammentazzjoni tas-suq tal-elettriku Ewropew.

1.7

Filwaqt li l-Kummissjoni tindirizza b'mod korrett l-għan li jissaħħu s-swieq ta' terminu qasir, fit-tul dan mhux se jkun biżżejjed biex l-investiment fl-elettriku rinnovabbli jkun ibbażat fuq mekkaniżmi tas-suq. Għal dan il-għan, l-elettriku rinnovabbli għandu jkollu l-opportunità li jiġi kkumerċjalizzat ukoll permezz ta’ kummerċ “forward” u futur fi swieq deċentralizzati li se jsir possibbli biss jekk jiġu kkumerċjalizzati prodotti tal-ibbilanċjar bl-użu ta’ għażliet flessibbli.

1.8

Billi l-problema f'ħafna pajjiżi Ewropej illum mhijiex in-nuqqas tal-ġenerazzjoni tal-kapaċità imma l-eċċess fil-kapaċità, il-mekkaniżmi tal-kapaċità għandhom jintużaw biss bħala soluzzjoni ta’ terminu qasir jekk il-prodotti tal-ibbilanċjar ma jkunux jistgħu jipprovdu s-sigurtà meħtieġa ta’ provvista meta titqies l-istabbiltà tal-investimenti għall-parteċipanti kollha tas-suq.

1.9

Il-KESE jfakkar li l-problema tal-faqar enerġetiku jeħtieġ li titqies għall-politika futura lejn soċjetà b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju. Il-prosum jista’ jkun approċċ wieħed biex tiġi indirizzata din il-problema sakemm il-konsumaturi vulnerabbli jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-kapital meħtieġ minn self pubbliku jew mill-għajnuna tal-muniċipalitajiet, reġjuni jew entitajiet oħra bħall-NGOs.

1.10

Il-KESE jenfasizza li minħabba l-iskali tipikament iżgħar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija rinnovabbli u mill-koġenerazzjoni f’impjanti tas-sħana u enerġija kkombinati, il-grilji tad-distribuzzjoni li jaħdmu tajjeb, moderni u intelliġenti qed isiru dejjem aktar importanti. Ir-regolamentazzjoni nazzjonali trid tippermetti u tinkoraġġixxi lill-operaturi tal-grilja jwettqu l-investimenti meħtieġa. Barra minn hekk, huma meħtieġa investimenti fit-titjib tal-interkonnessjoni tal-grilji tal-elettriku nazzjonali. It-tnejn se jgħinu biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija u se joħolqu postijiet tax-xogħol ġodda fl-Ewropa.

1.11

Il-KESE jenfasizza li l-objettiv li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku, f’ambjent ta’ suq fejn il-konsumaturi jaqdu rwol ċentrali, jitlob b’insistenza l-użu intensiv tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICTs), metodi ta’ ppjanar ġodda u għodod ġodda għat-tħaddim tas-sistema tal-elettriku, li flimkien jippermettu, f’ħin reali, l-identifikar tal-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tan-netwerks, u dan jirrikjedi investimenti kbar fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ara l-punt 3.13).

1.12

F’termini ta’ flessibilità, l-elettromobbiltà, il-ħżin u għażliet oħra ta’ bilanċjar, il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tagħti prerogattiva lill-atturi tas-suq indipendenti sabiex jiżviluppaw dawn is-swieq importanti qabel l-operaturi tal-grilja jitħallew jassumu r-rwol bħala maniġer jew operatur tal-installazzjonijiet rispettivi.

2.   Kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

Fil-pakkett propost tagħha, il-Kummissjoni tindika: Il-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija tippresumi riforma profonda tas-suq tal-elettriku. L-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq eżistenti mhijiex se tgħin. Huwa meħtieġ suq ġdid.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea torjenta l-politika tas-suq il-ġdida tagħha madwar żewġ prinċipji:

Għandhom jiġu użati r-regoli l-ġodda tas-suq li jirriflettu l-karatteristiċi prinċipali tal-enerġija rinnovabbli – id-deċentralizzazzjoni u l-flessibilità – u li jikkontribwixxu għaż-żieda fis-sigurtà tal-provvista u fil-kosteffettività.

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkunu fiċ-ċentru tas-suq il-ġdid tal-enerġija.

2.3

Il-proposta tal-Kummissjoni tiffoka wkoll fuq il-kwistjoni ta' kif tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista permezz ta' approċċ ta' tħejjija għar-riskji.

2.4

Ir-raba' aspett huwa riforma tas-sorveljanza regolatorja li tiddefinixxi mill-ġdid ir-rwol u l-kompetenzi tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER).

Bħala opinjoni settorjali, din l-opinjoni primarjament se tevalwa t-testi leġislattivi skont il-punt sa fejn jissodisfaw il-prinċipji deskritti fil-punt 2.2. Fl-opinjoni tal-KESE, billi din il-kwistjoni hija trattata prinċipalment fid-dokumenti dwar is-suq intern għall-elettriku (COM(2016) 861 final u COM(2016) 864 final), din l-opinjoni tiffoka b'mod partikolari fuq dawn iż-żewġ dokumenti.

3.   Kummenti ġenerali dwar id-disinn tas-suq

3.1

Għal dekarbonizzazzjoni tas-sistema kollha tal-enerġija, inkluż is-settur tat-tisħin u tal-mobilità, huwa meħtieġ proporzjon korrispondentement għoli ta’ enerġija rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku. Fuq dan l-isfond, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa fundamentalment tajjeb: is-suq tal-elettriku Ewropew irid jiġi żviluppat sabiex ikun kompatibbli mal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE japprezza dan l-approċċ ċar bħala pass importanti biex jinkiseb suq tal-elettriku Ewropew li jgħin biex jegħleb l-ostakoli eżistenti bħar-restrizzjonijiet fiżiċi minħabba n-nuqqas ta' interkonnessjonijiet, u d-diversità regolatorja u fiskali bejn l-Istati Membri.

3.2

Kunsiderazzjoni inizjali importanti hija li l-enerġija rinnovabbli varjabbli hija, min-natura proprja tagħha, deċentralizzata; fi kliem ieħor:

Faċilitajiet ta’ riħ fuq l-art u fotovoltajċi huma, bħala medja, ħafna iżgħar mill-unitajiet ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali.

L-enerġija mir-riħ fuq l-art u r-radjazzjoni solari hija disponibbli tista' tgħid kullimkien.

Din tista’ tiġi ppjanata b’tali mod li tkun adattata għall-konsum jekk ikun hemm inċentivi tas-suq tajbin fis-seħħ peress li anke jekk wieħed ma jkollux kontroll fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, huwa possibbli li tiġi prevista d-disponibbiltà tagħhom bi preċiżjoni kbira.

Ħafna drabi l-istess karatteristiċi japplikaw għal teknoloġiji oħra bħall-koġenerazzjoni fl-impjanti ta' sħana u enerġija kkombinati li se jkollhom rwol importanti bħala għażliet flessibbli u tal-ibbilanċjar fis-swieq tal-enerġija futuri permezz tal-effiċjenza għolja tagħhom.

3.3

Minn naħa waħda, dawn il-karatteristiċi jagħtu lok għal vantaġġi speċifiċi, li l-Kummissjoni Ewropea ssemmi sa ċertu punt fil-proposti tagħha għad-disinn il-ġdid tas-suq. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni tista' tkun aktar koerenti u konċiża fir-rigward tal-orjentazzjoni tar-regoli tas-suq madwar dawn il-vantaġġi. F’dan il-kuntest, tinġibed l-attenzjoni għall-opinjonijiet rispettivi tal-KESE fformulati fl-opinjoni “Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli” (TEN/622) (4). Il-fatt li l-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji deċentralizzati oħra jikkontribwixxu għal likwidità fis-suq li qed tiżdied b'mod sinifikanti huwa partikolarment importanti għad-disinn tas-suq.

3.4

Is-suq tal-enerġija l-ġdid se jkun ikkaratterizzat, kif tenfasizza tajjeb il-Kummissjoni, minn ħafna aktar unitajiet ta’ ġenerazzjoni meta mqabbel mal-istruttura ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali li hija kkaratterizzata minn ammont żgħir ħafna ta' impjanti. Bħala konsegwenza, se jkun hemm żieda sinifikanti fil-varjetà tal-atturi involuti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Il-parteċipazzjoni aktar attiva tal-konsumaturi għandha rwol vitali f'dan il-każ. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-proposta tagħha, il-ġenerazzjoni u l-koġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli jippermettu lill-konsumaturi jsiru produtturi.

3.5

Huwa importanti li jiġi nnutat li l-idea li “nagħmlu lill-konsumaturi, konsumaturi attivi” għandha tirreferi għall-kategoriji kollha ta' konsumaturi, inklużi konsumaturi tal-enerġija kummerċjali u industrijali li jistgħu jiksbu ffrankar tal-ispejjeż konsiderevoli permezz ta’ investimenti fit-teknoloġija tal-ġenerazzjoni deċentralizzata ddisinjata għall-awtokonsum. L-attivazzjoni tal-konsumaturi għalhekk mhux biss se twassal għal swieq tal-elettriku aktar likwidi, imma wkoll għal aktar impulsi ekonomiċi: l-intrapriżi żgħar u kbar jistgħu jiggwadanjaw minn vantaġġi kompetittivi, il-valur miżjud se jiġi ġġenerat lokalment, jista' jiġi stimulat xogħol ġdid. Min-naħa l-oħra, ħafna unitajiet domestiċi privati m’għandhomx il-mezzi finanzjarji li huma meħtieġa biex isiru prosumaturi. Is-self faċli għall-konsumatur u l-għajnuna attiva tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni jistgħu jkunu ta' għajnuna f'dan l-aspett.

3.6

Madankollu, l-attivazzjoni tal-konsumaturi hija mxekkla minn tliet elementi.

3.6.1

L-ewwel, kważi l-ebda spejjeż esterni ta' impjanti tal-faħam u tal-enerġija nukleari mhuma internalizzati. Fost dawn l-ispejjeż, b’mod partikolari għandhom jiġu kkunsidrati dawk għal ħsara fis-saħħa u għal ħsara kkawżata minn tibdil fil-klima. In-noninternalizzazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż tpoġġi lill-enerġija rinnovabbli li ma tikkawżax effetti esterni paragunabbli fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti. Billi fuq kollox hija l-enerġija rinnovabbli li tippermetti lill-konsumaturi jsiru aktar attivi, irridu nikkonkludu li l-parteċipazzjoni limitata tal-konsumaturi għandha tkun politikament mixtieqa, jew tal-anqas volontarjament ittollerata. L-ebda sforz ma jsir fil-pakkett kollu tax-xitwa biex tiġi rettifikata din id-distorsjoni fis-suq. Id-distorsjoni hija saħansitra akbar peress li n-noninternalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-elettriku konvenzjonali żżid il-ħtieġa li l-enerġija rinnovabbli tiġi ssussidjata b'mod qawwi.

3.6.2

Hemm raġuni oħra għaliex it-teknoloġiji deċentralizzati bħall-enerġija rinnovabbli jew l-impjanti ta' sħana u enerġija kkombinati jinsabu fi żvantaġġ sistematiku meta mqabbla mal-impjanti konvenzjonali. Id-disinn eżistenti tas-swieq tal-operaturi jiffavorixxi l-unitajiet ta’ ġenerazzjoni fuq skala kbira. Peress li l-medja tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-faċilitajiet ta’ sħana u enerġija kkombinati huma ta’ skala konsiderevolment iżgħar u għalhekk m’għandhomx l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa, dawn isofru minn żvantaġġ kompetittiv.

3.6.3

Finalment, ħafna atturi iżgħar ma jistgħux jaċċessaw is-suq tan-negozjar tal-enerġija minħabba restrizzjonijiet legali, regoli amministrattivi u rekwiżiti ta' liċenzjar u burokratiċi. Dan jaffettwa l-unitajiet domestiċi privati daqs kemm jaffettwa lill-konsumaturi kummerċjali u anke dawk industrijali.

3.7

Bir-rieda politika li jsir dan, dawn it-tliet nuqqasijiet tas-suq tal-elettriku attwali jistgħu jiġu rettifikati immedjatament. Madankollu, il-KESE jibża' li r-regoli rispettivi proposti mill-Kummissjoni mhumiex ċari biżżejjed.

3.8

It-tassazzjoni preċiża tal-emissjonijiet tas-CO2 li jikkonstitwixxu waħda mill-akbar problemi li toħroġ fid-dieher fid-dawl tal-ispejjeż esterni msemmija hawn fuq, hija l-inqas li jeħtieġ li ssir jekk id-distorsjoni tas-suq favur il-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali, kif deskritta fil-punt 3.6.1, trid tiġi eliminata. Il-KESE appella għal dan bosta drabi (5).

3.9

Is-suq tal-elettriku għandu jinfetaħ għal strutturi aktar deċentralizzati, speċjalment fir-rigward tan-negozjar sabiex jikkumpensa għall-iżvantaġġi msemmija fil-punti 3.6.2 u 3.6.3.

3.10

Id-deċentralizzazzjoni ma tridx tfisser frammentazzjoni tas-sistema tal-elettriku Ewropea. Is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li l-elettriku għandu jitħalla “jimxi b'mod liberu fejn l-aktar li huwa meħtieġ” hija fundamentalment korretta. Madankollu, huma meħtieġa investimenti b'saħħithom biex itejbu l-interkonnessjonijiet tal-grilji nazzjonali u jrid jiġi żviluppat mudell ta' rifinanzjament li ma jkunx wisq ta' piż għall-konsumaturi.

3.11

Il-ġenerazzjoni tal-elettriku orjentata lejn id-domanda – anke bl-għajnuna tal-għażliet flessibbli u tal-ibbilanċjar bħall-ħażna tal-batteriji, it-tisħin bl-elettriku, il-gass bl-elettriku u l-mezz ta' twassil għall-grilja – hija l-aħjar approċċ biex l-ispejjeż tal-espansjoni tal-grilja jinżammu baxxi kemm jista' jkun. Dan jispjega għaliex il-prosum, it-tranżazzjonijiet diretti bejn il-ġeneraturi u l-konsumaturi tal-elettriku, u t-tisħiħ tal-ibbilanċjar tar-responsabbiltà kif propost mill-Kummissjoni huma għodod importanti li jgħinu biex jipprovdu s-sigurtà tal-provvista.

3.12

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ġeneralment tirrifletti dawn il-mekkaniżmi. Il-KESE japprova dan l-approċċ li se jkollu impatt pożittiv b'mod speċjali fuq is-swieq tal-elettriku sottożviluppati li jsofru minn regolamentazzjoni żejda qawwija f'xi Stati Membri.

3.13

F'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni, madankollu, tinjora b'mod wiesa' l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni. Id-diġitalizzazzjoni tippermetti li d-data dwar il-konsum u l-produzzjoni tiġi rreġistrata b'mod elettroniku f’livell granulari, sal-iżgħar unitajiet (jiġifieri kilowatts individwali). Ir-reġistrazzjoni ta' profili ta' konsumaturi speċifiċi u individwali permezz ta' arloġġi intelliġenti – u, fil-futur, permezz tal-internet tal-oġġetti – flimkien mal-varjetà ta' parteċipanti fil-ġenerazzjoni tal-enerġija – jagħtu, litteralment, l-opportunità lil kull konsumatur biex isir il-maniġer tal-ibbilanċjar tiegħu stess. Il-programmi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma importanti biex jagħtu s-setgħa lil kemm jista’ jkun konsumaturi sabiex jaqdu dan ir-rwol u b’hekk jeliminaw l-iżvantaġġ strutturali (jiġifieri likwidità fis-suq limitata) tal-forom deċentralizzati tal-kummerċ, bħal tranżazzjonijiet bejn il-pari.

3.14

Bħala l-ewwel pass, ir-regoli għall-ibbilanċjar tal-elettriku (l-Artikoli 4 u 5 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final) jenħtieġ li jiġu adattati sabiex l-unitajiet ta’ kejl tal-enerġija jkunu jistgħu jiġu rreġistrati bi grad għoli ta' preċiżjoni tal-ħin. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti swieq ta' terminu qasir speċifiċi għan-negozjar ta' dawn l-iżgħar kwantitajiet ta' enerġija. L-Artikoli 6 u 7 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

3.15

B'dispjaċir, il-Kummissjoni Ewropea ma pproponiet l-ebda inizjattiva f'dan ir-rigward. Minflok, l-Artikolu 3 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final jiddikjara li l-parteċipazzjoni fis-suq tal-konsumaturi u tan-negozji żgħar għandha tkun tista' ssir permezz tal-aggregaturi. L-aggregaturi huma prinċipalment ġġustifikati biss bl-effetti tal-portafoll u bl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet. Madankollu, dawn jinqatgħu jekk in-negozjar fl-elettriku kellu jiġi deċentralizzat. Imbagħad il-konsumaturi tal-elettriku u n-negozji ż-żgħar ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw b’mod sħiħ u dirett fis-suq tal-elettriku jekk iridu jaqdu rwol attiv u jekk huma kapaċi jagħmlu dan. Huwa evidenti li l-Kummissjoni Ewropea ma tagħmel l-ebda referenza għall-kummerċ fl-elettriku meta titkellem dwar “l-istess livell” fl-Artikolu 3(1)(i).

3.16

F'dan il-kuntest, it-tranżazzjonijiet diretti bejn il-ġeneraturi u l-konsumaturi jidher li huma partikolarment promettenti ekonomikament, għaliex f'sinjal ta' prezz wieħed jistgħu jirriflettu diversi komponenti tal-prezz li – f'kuntrast għas-sitwazzjoni attwali f'ħafna Stati Membri – huma fil-biċċa l-kbira mfassla mis-suq. Pereżempju, is-sinjal tal-prezz ta' tranżazzjonijiet diretti jista' jirrifletti varjetà ta' fatturi, bħal:

kontribuzzjoni b’rata fissa għall-finanzjament tal-infrastruttura tan-netwerk;

kontribuzzjoni dinamika, speċifika għat-tranżazzjoni li tirrifletti l-użu ta' servizzi anċillari meħtieġa għat-tranżazzjoni speċifika fil-grilja tal-elettriku;

primjum tal-kapaċità biex jiffinanzja l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni, tal-ħżin u tal-konverżjoni tal-elettriku, soġġett għan-negozjati bejn il-partijiet għat-tranżazzjoni.

3.17

Il-mudelli ta’ negozju għal kummerċ deċentralizzat fl-elettriku mhumiex qed jiġu żviluppati biss f'xi Stati Membri (eż. in-Netherlands u l-Estonja); fil-fatt hemm mudelli ambizzjużi ħafna li diġà qed jintużaw f'diversi swieq barra mill-Ewropa, pereżempju fl-Istati Uniti u fl-Awstralja. B'mod ċar din hija xejra globali. L-Ewropa tista' biss tisfrutta l-opportunitajiet tal-esportazzjoni tagħha fis-swieq tal-enerġija globali jekk in-negozji Ewropej jiżviluppaw mudelli konvinċenti għal negozjar tal-elettriku deċentralizzat u diġitalizzat. Imma l-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tagħti wkoll lill-kumpaniji tagħha l-opportunità li inizjalment jużaw dawn il-mudelli fil-prattika fis-swieq domestiċi tagħhom.

4.   Kummenti speċifiċi dwar aspetti partikolari tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final, kif ukoll dwar il-proposti għal Regolament COM(2016) 861 final, COM(2016) 862 final u COM(2016) 863 final

4.1

Il-KESE jilqa’ l-impenn ċar tal-Kummissjoni Ewropea lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-suq tal-elettriku. Madankollu, fid-dawl tar-raġunament imressaq fil-punt 3.6, ir-restrizzjoni ta' dispaċċ ta' prijorità, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final, tagħmilha aktar diffiċli biex jintlaħaq dan il-għan tal-anqas sakemm ma jkunx hemm internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni mill-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Filwaqt li fil-prinċipju huwa tajjeb li tiġi stabbilita n-newtralità teknoloġika bħala regola bażika għall-ġestjoni tad-dispaċċ, din tippreżumi kundizzjonijiet ekwi. Minħabba n-noninternalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali, m’hemm l-ebda kondizzjoni ekwivalenti ta’ kompetizzjoni. Qabel ifittxu li jrażżnu serjament id-dispaċċ ta' prijorità kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni, għandha tintlaħaq internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni.

4.2

Għalhekk għandu jiġi stipulat li għal perjodu limitat, għandu jinżamm dispaċċ ta’ prijorità fl-Istati Membri kollha bi proporzjon ta' enerġija rinnovabbli ta' taħt il-15 %. L-Istati Membri bi proporzjon ogħla jenħtieġ li jippreżentaw qafas ta' dispaċċ korrispondenti lill-Kummissjoni Ewropea għall-konsiderazzjoni. Dan il-qafas ta' dispaċċ jenħtieġ li ma jfixkilx il-mekkaniżmu tas-suq ħieles għall-emissjonijiet b'karbonju baxx u l-għażliet flessibbli kosteffettivi. Il-Kummissjoni Ewropea jenħtieġ li teżamina dan il-qafas biex tivvaluta jekk hux kapaċi jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni.

4.3

Fi kwalunkwe każ, għal politika allinjata, il-valuri de minimis stabbiliti fl-Artikolu 11(3) tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final għandhom jiġu ssostitwiti min-numri rispettivi previsti (noti marġinali 125 u 127 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija (6)) sabiex jippermettu lill-parteċipanti tas-suq żgħar biex jibqgħu jkollhom l-opportunità għal kompetizzjoni ġusta.

4.4

Ir-regoli dwar id-dispaċċ mill-ġdid u t-trażżin skont l-Artikolu 12 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final jikkostitwixxu ostakolu ulterjuri għall-għan tad-dekarbonizzazzjoni. Billi, l-impjanti tal-faħam, b'mod partikolari, għandhom spejjeż tal-bidu u tal-għeluq relattivament għoljin, l-operaturi ta' dawn l-impjanti se jqisu dawn l-ispejjeż fl-offerti tagħhom għad-dispaċċ mill-ġdid. L-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u dik solari m’għandhomx dawn l-ispejjeż. Ir-riżultat huwa li b'mod aktar frekwenti l-installazzjonijiet tal-enerġija mir-riħ u solari jitneħħew mill-grilja, u dan jirrappreżenta tfixkil għall-Ewropa f'termini tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, id-dispaċċ mill-ġdid ibbażat fuq is-suq jenħtieġ li jiġi limitat għal enerġija mhux rinnovabbli.

4.5

Il-KESE jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea li d-distorsjonijiet tas-suq għandhom jiġu evitati fl-interessi tal-konsumaturi. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar biex tipprevjeni distorsjonijiet tas-suq attwali u futuri. Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għall-impjanti konvenzjonali tal-enerġija, kif stipulati fir-Regolament COM(2016) 861 final, jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet serji addizzjonali fis-suq, kif tammetti l-Kummissjoni Ewropea nnifisha. Għalhekk, il-mekkaniżmi tal-kapaċità għandhom jidhru bħala l-aħħar għażla biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u bħala soluzzjoni ta’ terminu qasir. Hemm ħtieġa urġenti għal regoli ferm aktar speċifiċi li jirregolaw meta l-mekkaniżmi tal-kapaċità huma permissibbli.

4.6

Wieħed irid jiftakar li l-elettriku rinnovabbli minn sorsi intermittenti (ir-riħ u r-radjazzjoni solari) bħala tali la jista' sempliċement jipparteċipa fil-mekkaniżmi tal-kapaċità u lanqas ma jista' jiġi nnegozjat fi swieq tal-futures. Għalhekk, filwaqt li huwa korrett li jissaħħaħ in-negozjar ta' ġurnata bil-quddiem u ta' dakinhar, l-istruttura tal-ispejjeż speċifika tal-enerġija solari u mir-riħ (jiġifieri spejjeż marġinali żero) tfisser li din mhux se twassal għall-finanzjament mill-ġdid tal-investimenti u tal-enerġija rinnovabbli. L-elettriku rinnovabbli għandu jingħata l-opportunità biex isir negozjabbli fis-swieq tal-futuri. L-uniku mod previst biex jinkiseb dan huwa jekk l-enerġija rinnovabbli tkun marbuta ma' għażliet tal-ibbilanċjar u flessibbli. Minbarra l-ħażna tal-batteriji, dan jinkludi prinċipalment l-għażliet tekniċi bħat-tisħin bl-elettriku u l-gass bl-elettriku (7).

4.7

Madankollu, hemm fil-fatt ostakoli regolatorji sinifikanti fil-livell tal-Istati Membri u, bħala riżultat, il-prodotti tal-ibbilanċjar bħalissa mhumiex qed isibu mudelli ta’ negozju. It-testi leġislattivi dwar id-disinn tas-suq ma joffru l-ebda soluzzjoni f'dan ir-rigward. Bħala minimu, għandu jiżdied test mal-Artikolu 3(1)(f) tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final sabiex ir-regoli tas-suq u l-qafas ta' dispaċċ li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentiv għall-użu tal-għażliet flessibbli. Dan jista’ jgħin ukoll biex tkun solvuta/tiġi evitata l-konġestjoni.

4.8

F'dan il-kuntest, il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari. Għandu jkun possibbli biss li jintużaw mekkaniżmi tal-kapaċità għal impjanti tal-enerġija konvenzjonali jekk l-Istati Membri huma kapaċi juru li t-tkabbir fil-kapaċità ma jistax jiġ rettifikat permezz ta' elettriku rinnovabbli tal-ibbilanċjar bl-għajnuna ta' għażliet flessibbli. Dan l-obbligu jenħtieġ li jiġi inkorporat fl-Artikolu 8 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final, u l-Artikolu 14 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

4.9

Kunċetti tal-ibbilanċjar bħal dawn għandhom żewġ vantaġġi addizzjonali. Billi jagħmlu l-elettriku rinnovabbli negozjabbli fis-suq tal-futures, dawn huma attwalment l-uniku għażla li twiegħed li l-investimenti fl-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu ffinanzjati mill-ġdid fis-suq. It-tieni, dawn huma orjentati lokalment, u jagħmlu użu mill-fatt li l-enerġija rinnovabbli hija disponibbli tista' tgħid kullimkien (ara l-punt 3.2) u b’hekk iżidu l-valur miżjud lokali tal-enerġija rinnovabbli.

4.10

Il-produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku tista' tiskarika l-grilja jekk ikun hemm disponibbli l-inċentivi tajba bbażati fuq is-suq. Iżda dan mhuwiex il-każ. Il-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk (l-Artikolu 16 ta' COM(2016) 861 final), tal-anqas, għandu jiġi emendat sabiex jipprovdi inċentiv għall-ġenerazzjoni qrib tal-konsumaturi li jirrifletti l-użu attwali. B'mod ġenerali, l-ispejjeż speċifiċi tan-netwerk ta' ġenerazzjoni individwali u t-tranżazzjonijiet tal-konsum jistgħu jiġu aċċertati bl-użu ta' arloġġi intelliġenti; il-prinċipju tar-riflessjoni tal-użu attwali jissuġġerixxi li dawn jenħtieġ li jkunu l-bażi għall-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk.

4.11

Il-ġenerazzjoni tal-elettriku li hija adattata għall-konsum hija wkoll iffaċilitata permezz ta' żoni preċiżi tal-prezz. Il-KESE għalhekk jappoġġja bis-sħiħ l-opinjonijiet dwar is-suġġett stabbilit fil-Premessa 14 u fl-Artikolu 13 tal-proposta COM(2016) 864 final. Imma jekk it-talba li saret fil-punt 4.10 ma tiġix implimentata, l-effiċjenza miksuba grazzi għal żoni ta' prezzijiet aktar preċiżi tista' titħassar u tintilef minħabba t-tariffi tan-netwerk li jiġu stabbiliti b'mod li ma jirriflettix l-użu attwali. Parametru referenzjarju Ewropew għat-tassazzjoni fuq l-enerġija li jsaħħaħ is-sinjali tal-prezzijiet ikun ta’ għajnuna addizzjonali.

4.12

Iż-żoni ta' prezz aktar preċiżi jenħtieġ li ma jinftehmux ħażin bħala li qed jiġi injorat il-bżonn ta' netwerk tal-grilja Ewropew interkonness tajjeb li huwa l-aħjar mod biex tinkiseb sigurtà għolja tal-provvista b'mod kosteffiċjenti.

4.13

Kif imsemmi fil-punt 3.14, il-ftuħ tal-kummerċ fl-elettriku għall-konsumaturi u l-prosumaturi huwa importanti għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-suq tal-enerġija. Għalhekk, l-Artikolu 3 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final jenħtieġ li jiġi ċċarat. Il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, li hija limitata fl-Artikolu 3(1) għall-ġenerazzjoni, il-ħżin, u l-elettromobbiltà, trid tinkludi wkoll in-negozjar fl-elettriku. Fl-Artikolu 3(2), l-ostakoli għad-dħul fis-suq jenħtieġ li jiġu ddefiniti b'mod aktar ċar. B'segwitu għall-punt 3.6.3 ta' din l-opinjoni, dawn l-ostakoli prinċipalment jinkludu l-ekonomiji ta' skala u l-ostakoli amministrattivi.

4.14

Mod wieħed kif jiġu mmitigati dawn l-ostakoli huwa li l-Istati Membri jistabbilixxu strutturi ta' negozjar speċjali għall-produtturi ż-żgħar, il-konsumaturi u l-prosumaturi. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jenħtieġ li tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit. Barra minn hekk, ir-regoli ssimplifikati tal-kontabbiltà għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi-produtturi żgħar jistgħu jiġu inkorporati fl-Artikolu 4 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final. Finalment, il-kelma “jinnegozjaw” jenħtieġ li tissostitwixxi l-kelma “ibigħu” fl-Artikolu 15(1)(a) tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final.

4.15

F'termini tal-faqar enerġetiku (il-Premessa 14 u l-Artikolu 5 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final u l-Artikoli 28 u 29 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final): il-KESE ddikjara b'mod ċar bosta drabi li hija l-problema tal-faqar enerġetiku li jeħtieġ li tissolva u li l-azzjonijiet ta' politika futuri lejn soċjetà b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jridu jqisu din il-problema. Fil-fatt, il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni li l-Kumitat ippronunzja fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni (8). F'dan ir-rigward il-KESE jappoġġja wkoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u proposti speċifiċi. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-fehma stabbilita f’opinjonijiet preċedenti (9) li l-enerġija rinnovabbli u l-prosum b'mod partikolari jistgħu, f'xi ċirkostanzi, ikunu metodu sostenibbli biex jiġi evitat il-faqar enerġetiku fit-tul jekk jingħata self pubbliku u aċċess aħjar għall-kapital bl-għajnuna tal-awtoritajiet lokali bħar-reġjuni jew il-muniċipalitajiet jew l-atturi privati bħall-NGOs lil konsumaturi vulnerabbli. L-importanza tar-regoli dwar il-konsumaturi attivi u l-komunitajiet tal-enerġija lokali stabbiliti fl-Artikoli 15 u 16 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final jenħtieġ li jinftiehmu wkoll f'dan il-kuntest. Il-prosum bħala mod potenzjali biex jiġi evitat il-faqar enerġetiku għandu jissemma b'mod speċifiku fl-Artikolu 5(2) tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final.

4.16

Fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi: il-KESE jilqa' l-fatt li l-emanċipazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur għandhom kapitolu ddedikat għalihom stess fil-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final. L-Artikolu 10 għandu jiddikjara wkoll b’mod espliċitu li l-konsumaturi għandu jkollhom id-dritt kemm għal preferenzi speċifiċi għall-istat fir-rigward tal-provvista tal-elettriku tagħhom kif ukoll biex jiġi żgurat li preferenzi bħal dawn jiġu rrispettati. Jenħtieġ li jiżdied test mal-Artikolu 15(1)(b) li jgħid li t-tariffi tan-netwerk iridu jkunu speċifiċi, sabiex il-konsumaturi jkollhom iħallsu biss l-ispejjeż speċifiċi tan-netwerk li jkunu ġew ikkawżati mill-attività individwali tagħhom stess, jiġifieri minħabba l-ġenerazzjoni, il-ħżin, il-konsum jew il-kummerċ tal-elettriku. Barra minn hekk, is-sistema tat-tariffi tan-netwerk għandha tinċentiva attivitajiet li huma “tajbin għall-grilja” bħal trasferiment tat-tagħbija, awtokonsum jew ħżin. L-Istati Membri jridu juru kif jinħadem dan il-kalkolu tat-tariffi tan-netwerk skont l-użu attwali. F'dan il-kuntest, il-prevedibbiltà hija ta' importanza ewlenija għall-konsumaturi sabiex jagħmlu l-investimenti rispettivi.

4.17

Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Artikolu 16 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final jiddefinixxi l-komunitajiet tal-enerġija lokali u jagħtihom drittijiet korrispondenti. Il-Kumitat innifsu talab dan fl-opinjoni tiegħu “Kooperattivi tal-prosumaturi fil-qasam tal-enerġija u l-elettriku” (10). Minkejja dan, it-tariffi msemmija fl-Artikolu 16(1)(d) għandhom jirriflettu l-użu attwali – jiġifieri skont l-istess prinċipju kif stabbilit fil-punt 4.16 ta' din l-opinjoni fir-rigward tal-Artikolu 15 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final.

4.18

Filwaqt li japprova li l-komunità tal-enerġija hija intitolata topera n-netwerks tagħha stess, il-KESE jargumenta li l-komunitajiet tal-enerġija għandhom ikunu intitolati wkoll joperaw bħala fornitur bażiku. F'dawk il-każijiet id-dmirijiet rispettivi kollha għandhom jiġu applikati għalihom.

4.19

L-Artikoli 15 u 16 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final jimmeritaw twissija: sabiex il-konsumaturi jkunu aktar attivi u jinħolqu komunitajiet tal-enerġija lokali huwa meħtieġ li tintuża l-enerġija rinnovabbli. Jekk il-problemi deskritti fil-punt 3.6 u n-nuqqasijiet fil-proposta dwar l-Enerġiji Rinnovabbli (11) ma jiġux irrimedjati, il-proċess li bih il-konsumaturi, kif ukoll il-komunitajiet tal-enerġija lokali, isiru aktar attivi, se jiddgħajjef b'mod konsiderevoli – u anke jiġi pperikolat.

4.20

Fir-rigward tad-data minn arloġġi intelliġenti: kif dettaljat fil-punt 3.13 ta' din l-opinjoni, id-diġitalizzazzjoni tirrappreżenta opportunità kbira. Sadanittant, toħloq ċerti riskji f'termini ta' protezzjoni u sigurtà tad-data. Il-KESE jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza dan fl-Artikoli 19-23 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final.

4.21

Il-KESE japprova li l-Kummissjoni tagħti r-rilevanza xierqa lill-protezzjoni effettiva tad-data li tiġi ġġenerata fl-arloġġi intelliġenti u li l-istandard tal-UE għall-protezzjoni tad-data għandu japplika wkoll għad-data relatata mal-konsum tal-elettriku. Madankollu, il-ġestjoni tad-data, is-sjieda tad-data u d-data miftuħa huma ttraskurati. Għalhekk, l-Artikolu 23 għandu jiggarantixxi li mingħajr preġudizzju lejn il-protezzjoni u l-privatezza tad-data, id-data ssir disponibbli għall-partijiet interessati kollha f'forma anonimizzata u aggregata biżżejjed. Sabiex jiġi attivat il-potenzjal kollu tad-diġitalizzazzjoni, huma meħtieġa edukazzjoni u taħriġ li jindirizzaw l-illiteriżmu diġitali u l-esklużjoni tal-konsumaturi.

4.22

Fir-rigward tar-rwol tal-operaturi tan-netwerk: id-deċentralizzazzjoni ġeneralment tfisser li n-netwerks tad-distribuzzjoni se jiggwadanjaw importanza strateġika daqs l-interkonnessjoni tal-grilji nazzjonali. Huwa ta' importanza kruċjali li l-Istati Membri jiżviluppaw qafas li jagħti lill-operaturi tan-netwerk inċentivi effettivi u effiċjenti għall-investimenti fit-titjib tan-netwerks tal-elettriku Ewropej. Dan jistimola wkoll it-tkabbir ekonomiku u jiġġenera postijiet tax-xogħol addizzjonali. Fuq dan l-isfond, il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-kompetenzi tal-ACER li jenħtieġ li tissorvelja l-politiki nazzjonali f'dan ir-rigward.

4.23

L-Artikoli 32, 33 u 36 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final jagħtu lill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni drittijiet kondizzjonali fir-rigward tal-operazzjoni ta’ għażliet flessibbli u ta’ punti tal-iċċarġjar għal karozzi elettriċi. Filwaqt li l-KESE jilqa' l-progress mingħajr dewmien f'termini ta' flessibilità, elettromobbiltà u l-penetrazzjoni tas-suq tal-faċilitajiet tal-ħżin, huwa importanti li l-prerogattiva għall-atturi tas-suq indipendenti kif propost mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha jkollha effett reali u tiġi rrispettata mill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni u mir-regolaturi nazzjonali. L-istess huwa veru għall-operazzjoni tal-ħżin mill-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (l-Artikolu 54 tal-proposta għal Direttiva COM(2016) 864 final).

4.24

L-istabbiliment ta' organizzazzjoni Ewropea għall-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (entità DSO tal-UE), kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-proposta għal Regolament COM(2016) 861 final, m’għandux jirriżulta fi stabbiliment awtonomu tal-kodiċijiet tan-netwerk, għaliex dan isaħħaħ aktar is-saħħa potenzjali fis-suq tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni. Il-kompetenzi sabiex jiġi żviluppat qafas xieraq għandhom jingħataw lil ACER u f’dan ir-rigward għandhom jissaħħu r-regolaturi nazzjonali.

Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84, ĠU C 264, 20.7.2016, p. 117.

(2)  Ara wkoll l-opinjoni TEN/626 “L-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija 2016” (100).

(3)  Ara wkoll l-opinjoni TEN/624 “Il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għal Kulħadd” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(4)  Għad mhux ippubblikata fil-ĠU.

(5)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13.

(6)  ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(7)  ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13.

(8)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21.

(9)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 1; ĠU C 34, 2.2.2017, p. 44; ĠU C 82, 3.3.2016, p. 13.

(10)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 44.

(11)  Ara wkoll l-opinjoni TEN/622 “Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija” (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).