|
30.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 209/36 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ ingranaġġ, il-proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rappurtar u divulgar u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012” (C
OM(2016) 850 final — 2016/0360 (COD))
dwar ir-“Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ Rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment”
(COM(2016) 851 final — 2016/0361 (COD))
dwar id-“Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE dwar il-kapaċità ta’ assorbiment ta’ telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva 98/26/KE, id-Direttiva 2002/47/KE, id-Direttiva 2012/30/UE, id-Direttiva 2011/35/UE, id-Direttiva 2005/56/KE, id-Direttiva 2004/25/KE u d-Direttiva 2007/36/KE”
(COM(2016) 852 final — 2016/0362 (COD))
u dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali”
(COM(2016) 854 final — 2016/0364 (COD))
(2017/C 209/06)
|
Relatur: |
Daniel MAREELS |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 1.2.2017 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 2.2.2017 u 20.2.2017 Kummissjoni Ewropea, 17.2.2017 |
|
Bażi legali |
Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Adottata fis-sezzjoni |
8.3.2017 |
|
Adottata fil-plenarja |
30.3.2017 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
524 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
177/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE bi pjaċir jilqa’ l-pakkett ta’ proposti tal-Kummissjoni u jittama li dan jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex titlesta l-ħidma li saret wara l-kriżi sabiex jiġi riformat s-settur finanzjarju. |
|
1.2. |
Il-Kumitat jilqa’ l-viżjoni olistika u integrata sottostanti fejn għadd ta’ għanijiet importanti f’oqsma differenti jiġu rikonċiljati u magħquda f’dawn il-proposti, mingħajr, madankollu, ma jiġu nnegati l-prinċipji. Dan l-approċċ joħloq l-opportunità biex isir progress f’diversi oqsma importanti fit-triq lejn futur Ewropew iktar sostenibbli u komuni u t-tlestija ulterjuri tal-UEM. |
|
1.3. |
Primarjament dan japplika għall- għanijiet fil-qasam bankarju u finanzjarju . Għall-Kumitat, m’hemmx dubju li l-miżuri proposti ser jgħinu jsaħħu l- qafas prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni tal-Ewropa għall-banek. Dan huwa kruċjali għall-għan li jitnaqqas ir-riskju fis-settur finanzjarju u titjieb ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Huma essenzjali stabbiltà finanzjarja u sistema finanzjarja soda li tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku stabbli u sostenibbli. Barra minn hekk, l-ibbankjar parallel ma għandux jiġi injorat u għandu jiġi regolamentat. |
|
1.4. |
Il-Kumitat jemmen li n-natura ta’ tnaqqis ta’ riskju ta’ dawn il-proposti, b’mod partikolari, ser jippermettu li jsir progress mhux biss sabiex tiġi avvanzata l- Unjoni Bankarja, iżda wkoll sabiex jiġi implimentat it-tielet pilastru tagħha, l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti . Dan issa huwa importanti aktar minn qatt qabel peress li unjoni bankarja sħiħa hija waħda mill-pedamenti biex tiġi kkompletata l-UEM, li t-twettiq tagħha għandu jsir mingħajr dewmien. Ċerti aġġustamenti speċifiċi fil-proposti jistgħu jkunu utli sabiex tinkiseb Unjoni tas-Swieq Kapitali . |
|
1.5. |
Għall-Kumitat, dawn il-proposti ser jagħtu kontribut pożittiv għall- ksib mill-ġdid tal-fiduċja tal-klijenti u tal-konsumaturi fis-settur finanzjarju. Għalhekk huwa kuntent jinnota li qiegħda ssir ħidma sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ “too big to fail” permezz tal-miżuri għall-kapaċità totali ta’ assorbiment tat-telf u li qegħdin isiru sforzi sabiex r-regoli tar-rikapitalizzazzjoni interna (bail-in) isiru aktar effettivi u effiċjenti. Fi kwalunkwe każ, huwa ta’ importanza kbira li fil-każ ta’ kriżi bankarja, ma jkunx hemm bżonn li jsir rikors għall-fondi pubbliċi jew tal-kontribwenti. |
|
1.6. |
Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-enfasi li tpoġġiet fuq il-finanzjament tal-ekonomija . Fil-kuntest attwali ta’ inċertezza u bidla, u f’mument fejn l-investimenti jibqgħu f’livelli eċċessivament baxxi, m’għandu jintilef l-ebda ċans sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda u addizzjonali għal irkupru ekonomiku dejjiemi u sostenibbli tal-ekonomija reali li jimxu id f’id mat- tkabbir, aktar investiment u ħolqien ta’ impjiegi . |
|
1.7. |
Il-banek għandhom rwol importanti x’jaqdu bħala intermedjarji fis-swieq kapitali u bla dubju s-self bankarju ser jibqa’ fil-futur is-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-familji u l-SMEs. Għalkemm il-proposti jirrappreżentaw pass ‘il quddiem sabiex jinħolqu kundizzjonijiet xierqa sabiex il-banek ikunu jistgħu jieħdu dan ir-rwol, tqum il-kwistjoni dwar jekk għandux isir iktar sabiex jissaħħu u jiġu intensifikati l-isforzi favur l-SMEs, li huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. B’mod aktar speċifiku, il-KESE jitlob li l-“fattur ta’ appoġġ għall-SMEs” (1) jiġi kkonfermat u jkompli jiġi żviluppat, sabiex il-banek iwarrbu inqas kapital għas-self lill-SMEs. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa favur li jiġi adottat approċċ simili għall-benefiċċju tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali. |
|
1.8. |
Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-fatt li qed jitqiesu xi speċifiċitajiet tal-UE , fost affarijiet oħra abbażi ta’ “sejħa għal evidenza”. Dan japplika, b’mod partikolari, għall-aġġustamenti li saru għall-ftehimiet internazzjonali, li jinsabu f’dawn il-proposti, bħala parti mir-riforma globali tas-settur finanzjarju. Dawn huma ta’ benefiċċju għall-finanzjament tal-ekonomija. |
|
1.9. |
Il-proposti attwali jikkostitwixxu pass ġdid, iżda mhux l-aħħar wieħed, fil-proċess tar- riforma tas-settur finanzjarju li ġie deċiż fil-livell internazzjonali wara l-kriżi; fil-fehma tal-Kumitat jibqa’ importanti li l- Ewropa tibqa’ taqdi rwol ewlieni fil-kuntest tal-attivitajiet internazzjonali attwali u dawk tal-futur. Għandhom jiġu definiti regoli minimi internazzjonali u għandhom jiġu protetti l-valuri u l-interessi Ewropej. Fi kwalunkwe każ jeħtieġ li ma jiġux aċċettati distorsjonijiet għad-detriment tal-istituzzjonijiet Ewropej. |
|
1.10. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-impatt fuq ir-regoli tad-diversità neċessarja fi ħdan is-settur finanzjarju Ewropew, il-Kumitat jemmen li s-sitwazzjoni tal-banek żgħar u mhux kumplessi mhux qed titqies biżżejjed. Il-proposti attwali għadhom ma jqisux biżżejjed l-ispeċifiċitajiet u l-potenzjal ta’ dan it-tip ta’ istituzzjonijiet. Dan japplika, b’mod partikolari, għall- prinċipju ta’ proporzjonalità . Aktar mill-approċċ frammentat u limitat attwali, il-Kumitat jemmen li hawnhekk hemm bżonn ta’ approċċ aktar strutturat u aktar komprensiv, għall-benefiċċju ta’ aktar istituzzjonijiet u f’aktar oqsma. M’għandhom jiġu imposti l-ebda obbligi jew piżijiet sproporzjonament eċċessivi fuq dan it-tip ta’ istituzzjoni. |
|
1.11. |
Huwa fl-interess tal-partijiet interessati kollha, kemm għar-regolaturi u s-superviżuri kif ukoll għall-istituzzjonijiet, li jkun hemm ċarezza u ċertezza legali fit-tfassil tar-regoli l-ġodda, fejn għandu jkun hemm biżżejjed żmien sabiex jiġu implimentati. Sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi possibbli fuq il-finanzjament tal-ekonomija huwa mixtieq li l-miżuri tranżizzjonali leġislattivi dwar l-IFRS 9 (2) il-ġodda jiġu proċessati malajr. Barra minn hekk, is-settur jeħtieġ li jiffaċċja bosta sfidi, inklużi dawk imposti mill-iżviluppi teknoloġiċi u diġitali, rati baxxi ta’ interessi u numru ta’ żviluppi oħra b’konsegwenza tal-kriżi. |
Konklużjonijiet addizzjonali
|
1.12. |
Fir-rigward tat-tisħiħ tal-qafas prudenzjali, il-Kumitat jilqa’ ż-żieda fl-attenzjoni għar-rwol tar-regolaturi u s-superviżuri, u l-opportunitajiet li qed jingħataw. Ir-regoli u s-superviżjoni jiddependu fuq xulxin u jridu jkunu f’pożizzjoni li jaqdu r-rwol tagħhom sabiex, fost affarijiet oħra, tinkiseb armonizzazzjoni aħjar tar-regoli u l-prattiki. U jekk ikun hemm bżonn, sabiex tittieħed azzjoni effiċjenti u effettiva. |
|
1.13. |
Fir-rigward tal-qafas ta’ riżoluzzjoni, għandhom jitqiesu bħala pożittivi l-qafas tal-kapaċità totali ta’ assorbiment ta’ telf integrat fir-regoli relatati mar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, u l-armonizzazzjoni ta’ klassifikazzjoni nazzjonali ta’ strumenti ta’ dejn subordinat fi proċedimenti ta’ insolvenza. Dan għandu jarmonizza r-regoli u jtejjeb l-applikabbiltà prattika tal-qafas ta’ assorbiment ta’ telf. |
2. Sfond (3)
|
2.1. |
Fit-23 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat sensiela ta’ proposti għar-riforma tar-regolamentazzjoni tal-banek. Dawn għandhom l-għan li jimplimentaw testi mfassla wara ħidma fil-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, waqt li jitqiesu r-riżultati tas-“sejħa għall-evidenza” organizzata mill-Kummissjoni, li kellha l-għan li tivvaluta kemm hi effettiva u effiċjenti l-leġislazzjoni bankarja attwali. |
|
2.2. |
Dawn il-proposti leġislattivi (4) għandhom l-għan li jimmodifikaw leġislazzjoni bankarja eżistenti. B’mod partikolari, fir-rigward: |
|
2.2.1. |
tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (RRK) u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (DRK) tal-2013. Dawk jistabbilixxu rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu (banek) u għall-intrapriżi tal-investiment u r-regoli dwar il-governanza u s-superviżjoni; |
|
2.2.2. |
tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-2014. Dawn jinkludu r-regoli dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet li qed ifallu u jistabbilixxu l-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni. |
|
2.3. |
Il-proposti l-ġodda huma objettivi multipli. Dawn jinkludu, essenzjalment: |
|
2.3.1. |
iż-żieda fir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja, |
|
2.3.2. |
it-titjieb fil-kapaċità ta’ self tal-banek sabiex tiġi appoġġjata l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea, u |
|
2.3.3. |
il-promozzjoni tar-rwol tal-banek sabiex jinkisbu swieq kapitali Ewropej aktar profondi u aktar likwidi, biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. |
|
2.3.4. |
Fl-istess ħin, u li tista’ tissemma hawnhekk, qed issir ħidma sabiex il-“prinċipju tal-proporzjonalità” jiġi applikat b’mod aktar sofistikat u komprensiv għall-benefiċċju ta’ banek żgħar u/jew mhux kumplessi. |
2.4. L-elementi ewlenin tal-proposti (5)
|
2.4.1. |
Fir-rigward tal-objettivi fil-punt 2.3.1: |
|
2.4.1.1. |
l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti kapitali aktar sensittivi għar-riskju, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ riskju tas-suq, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti u skoperturi għal kontropartijiet ċentrali; |
|
2.4.1.2. |
l-implimentazzjoni ta’ metodi li jirriflettu aħjar ir-riskji attwali li għalihom huma esposti l-banek; |
|
2.4.1.3. |
l-introduzzjoni ta’ “proporzjon ta’ ingranaġġ” (LR) (6) vinkolanti ta’ mill-inqas 3 % biex l-istituzzjonijiet jiġu skoraġġuti milli jieħdu ingranaġġ eċċessiv; |
|
2.4.1.4. |
l-impożizzjoni ta’ proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett (NFSR) (7) vinkolanti biex tiġi indirizzata d-dipendenza eċċessiva fuq finanzjament bl-ingrossa fuq perjodu qasir u jitnaqqas ir-riskju ta’ finanzjament fuq perjodu twil ta’ żmien; |
|
2.4.1.5. |
l-obbligu għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (8) (G-SIIs (9)) sabiex jinżamm livell minimu ta’ fondi proprja u strumenti oħra li jippermettulhom jassorbu t-telf f’każ ta’ saldu. Dan ir-rekwiżit, magħruf bħala l-“kapaċità totali ta’ assorbiment tat-telf” (TLAC (10)) huwa integrat fis-sistema eżistenti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL (11)), applikabbli għall-banek kollha. Dan ser jippermetti lill-UE sabiex, meta jkun hemm bżonn, tillikwida b’mod aktar effettiv l-istituzzjonijiet sistemikament importanti globali, filwaqt li titħares l-istabbiltà finanzjarja u minimizzat ir-riskju għall-kontribwenti. Barra minn hekk, hemm dispożizzjoni għall-armonizzazzjoni tal-ġerarkija tal-kredituri, b’tali mod li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni interna f’riżoluzzjoni ta’ bank. |
|
2.4.2. |
Fir-rigward tal-objettivi fil-punt 2.3.2 (u, sa ċertu punt, il-punt 2.3.4), l-għan huwa li: |
|
2.4.2.1. |
tissaħħaħ il-kapaċità ta’ self tal-banek lill-SMEs u sabiex jiġu ffinanzjati proġetti tal-infrastruttura; |
|
2.4.2.2. |
jitnaqqas il-piż amministrattiv għal banek żgħar u mhux kumplessi, b’rabta ma’ għadd ta’ regoli relatati mal-paga, partikolarment dawk relatati ma’ dewmien u remunerazzjoni permezz ta’ strumenti bħal ishma; |
|
2.4.2.3. |
ir-regoli tas-CRD/CRR isiru aktar proporzjonati u ta’ anqas piż għal istituzzjonijiet iżgħar u inqas kumplessi, peress li wħud mir-rekwiżiti attwali għall-informazzjoni u d-dikjarazzjoni u ċerti rekwiżiti kumplessi relatati mal-portafoll tan-negozjar ma jidhrux li huma ġustifikati minn raġunijiet prudenzjali. |
|
2.4.3. |
Fir-rigward tal-objettivi fil-punt 2.3.3, l-għan huwa li: |
|
2.4.3.1. |
jiġu evitati rekwiżiti kapitali għal pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar, inklużi dawk relatati ma’ attivitajiet ta’ ġeneraturi tas-suq; |
|
2.4.3.2. |
jitnaqqsu l-ispejjeż għall-ħruġ/żamma ta’ ċerti strumenti (bonds koperti, titolizzazzjoni ta’ kwalità għolja, strumenti ta’ dejn sovran, derivattivi użati għall-finijiet ta’ hedging); |
|
2.4.3.3. |
jiġu evitati diżinċentivi għall-istituzzjonijiet li jaġixxu bħala intermedjarji għal klijenti b’rabta ma’ tranżazzjonijiet ikklerjati minn kontropartijiet ċentrali. |
3. Osservazzjonijiet u kummenti
3.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
|
3.1.1. |
Mingħajr dubju, dawn il-proposti għandhom jintlaqgħu tajjeb. Dawn ikomplu jikkomplementaw u jirfinaw il-ħidma importanti li saret wara l-kriżi għar-riforma tas-settur finanzjarju. Huma jqisu wkoll il-fatt li anke fil-futur, il-banek fl-Ewropa ser jaqdu rwol ewlieni fis-soċjetà u b’mod partikolari fil-finanzjament tal-ekonomija. Il-banek għandhom rwol importanti x’jaqdu bħala intermedjarji fis-swieq kapitali u s-self bankarju ser jibqa’ s-sors ewlieni ta’ finanzjament għall-familji u l-intrapriżi fl-Ewropa, u speċjalment għall-SMEs. Dan m’għandux jiġi dubitat. |
|
3.1.2. |
L-ewwel nett, il-Kumitat jilqa’ l-approċċ olistiku u integrat li ttieħed fl-abbozzar ta’ dawn il-proposti, waqt li tqiesu diversi għanijiet għas-soċjetà importanti u żviluppi mixtieqa. Huwa wieħed mill-merti kbar li dan l-approċċ ġie adottat fl-abbozzar tal-proposti attwali mingħajr ma, madankollu, twarrbu fil-ġenb il-prinċipji. Dawn għandhom imorru id f’id. |
|
3.1.3. |
F’sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika diffiċli u kumplessa, u b’numru ta’ sfidi ewlenin fil-futur, l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni ta’ għadd ta’ għanijiet importanti f’diversi oqsma joħolqu potenzjal għal progress fit-triq lejn futur komuni Ewropew aktar sostenibbli. Dan l-approċċ ibbilanċjat ser jikkontribwixxi wkoll biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja. |
|
3.1.4. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li ġew ikkunsidrati r-riżultati tas-“sejħa għal evidenza” (12), peress li din għamlitha possibbli, minn naħa, li jiġi adottat approċċ aktar armonjuż u li jiġu involuti l-partijiet interessati kollha u, min-naħa l-oħra, li jiġi segwit approċċ aktar sofistikat u varjat, fi ħdan il-qafas tal-għanijiet iddikjarati. |
|
3.1.5. |
Għall-Kumitat, jibqa’ kruċjali li s-sistema bankarja tkun reżiljenti u b’kapitalizzazzjoni tajba bħala prerekwiżit u bażi sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. |
|
3.1.6. |
Daqstant importanti wkoll huma miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija u l-finanzjament effiċjenti tagħha, sabiex it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi jkunu jistgħu jiġu appoġġati. |
|
3.1.7. |
Barra minn hekk, in-natura tat-tnaqqis tar-riskju ta’ dawn il-proposti tagħmilhom aktar possibbli li jikkontribwixxu għat-tlestija ulterjuri tal-Unjoni Bankarja (13) u fil-fehma tal-Kumitat, huma element ewlieni li għandu jippermetti li jsir progress fl-implimentazzjoni tat-tielet pilastru, l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti. Min-naħa tagħha, l-Unjoni Bankarja tikkostitwixxi wieħed mill-pilastri fundamentali tal-UEM u jeħtieġ li din ssir realtà mill-aktar fis possibbli. Dawn il-proposti ser iwasslu wkoll għall-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (14), li tirrappreżenta valur miżjud addizzjonali. |
|
3.1.8. |
Dawn il-proposti huma pass importanti ieħor sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-settur finanzjarju u l-banek, iżda mhux l-aħħar wieħed. Il-Kumitat jittama li passi futuri jittieħdu fl-istess spirtu. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet li qegħdin jiġu diskussi attwalment (15), fost affarijiet oħra b’rabta mal-finalizzazzjoni tal-qafas Basel-III (16), u fejn ir-riżultati huma mistennija fi żmien relattivament qasir. Fi kwalunkwe każ, huwa importanti li jitkompla jitnaqqas ir-riskju fis-settur, mingħajr ma jintlaqat b’mod sproporzjonat is-settur bankarju Ewropew. |
|
3.1.9. |
Barra minn hekk, huwa wkoll importanti li jitfakkar il-kuntest internazzjonali, b’mod partikolari peress li xi wħud mill-ftehimiet dwar ir-riforma globali tas-settur finanzjarju jidhru li huma interpretati b’mod differenti/jew inqas strettament mill-imsieħba mhux Ewropej. L-aġenda ta’ riforma komprensiva li ġiet maqbula fil-livell tal-G20 wara l-kriżi finanzjarja m’għandhiex tkun kompromessa jew twassal għal differenzi jew frammentazzjonijiet eċċessivi globali, għad-detriment tal-istituzzjonijiet stabbiliti fl-UE. |
|
3.1.10. |
Huwa importanti li dawn il-proposti jipprovdu lis-settur finanzjarju u lill-partijiet interessati b’biżżejjed ċarezza u ċertezza. Settur ikkumpensat tajjeb u diversifikat, li jopera f’żona unika Ewropea, għandu jkollu wkoll il-possibilità li jindirizza sfidi oħra, bħal dawk marbuta mal-iżviluppi teknoloġiċi u diġitali, rati baxxi ta’ interess u numru ta’ problemi oħra li ħarġu fid-dieher wara l-kriżi, bħas-self improduttiv (17) f’ċerti pajjiżi. |
|
3.1.11. |
Fl-aħħar nett, il-Kumitat itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu li l-ibbankjar parallel ma għandux jiġi injorat u mhux regolat. Ir-riskji potenzjali ta’ dan għandhom jitpoġġew taħt kontroll u monitoraġġ, sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Fl-istess ħin, għandhom jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal u bejn dawk kollha attivi fl-ambjent finanzjarju. |
3.2. Il-qafas prudenzjali u l-miżuri rilevanti proposti
|
3.2.1. |
Il-Kumitat jilqa’ l-attenzjoni mogħtija lill-qafas prudenzjali u l-passi li qegħdin jittieħdu biex ikompli jiġi kkomplementat u jissaħħaħ permezz ta’ proporzjonijiet differenti u miżuri oħra previsti fil-proposti attwali. Dawn il-proposti għandhom jintlaqgħu tajjeb, speċjalment issa li qiegħed jittieħed approċċ bil-varjazzjonijiet u tfasslu, b’mod partikolari, billi ġie żgurat li l-finanzjament tal-ekonomija ma jkunx imxekkel żżejjed. |
|
3.2.2. |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon li ngħatat aktar attenzjoni lir-rwol tar-regolaturi u s-superviżuri f’dan il-qasam, kif ukoll ir-rieda li jingħataw opportunitajiet addizzjonali u li tinkiseb aktar armonizzazzjoni u armonizzazzjoni aħjar tar-regoli u l-prattiki. Dan huwa importanti mhux biss biex tiġi evitata differenza kbira ħafna fit-trattament tal-banek, iżda wkoll mil-lat ta’ applikazzjoni estiża tal-prinċipju tal-proporzjonalità. |
3.3. Il-qafas tar-riżoluzzjoni
|
3.3.1. |
B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-Kumitat jinsab kuntent jara li l-kwistjoni “too big to fail” hija indirizzata fil-proposti l-ġodda. L-introduzzjoni ta’ TLAC għall-G-SIIs Ewropej fi ħdan il-qafas ta’ MREL, b’parti applikabbli b’mod ġenerali (18) u individwalizzata (19), tipprovdi b’mod simultanju approċċ armonizzat u mfassal skont il-ħtieġa. |
|
3.3.2. |
Iżda dan m’għandux jieqaf hawn. Kif intqal qabel (20), l-aġenda għas-snin li ġejjin għandha (tkompli) tiffoka fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Basel III, fuq il-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja u fuq li tinstab soluzzjoni għal banek li huma “kbar wisq biex ifallu” (too big to fail)f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali (G-20). L-għan għandu jibqa’ li jissaħħu l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-settur finanzjarju u fl-istess ħin jiġi evitat li fil-futur jsir rikors għall-fondi pubbliċi biex jissalvaw il-banek. Barra minn hekk, sabiex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni, jeħtieġ li ssir aktar ħidma sabiex tiġi determinata l-possibbiltà li jitnaqqas il-livell għoli ta’ dejn sovran miżmum mill-banek (21). Dan il-mod huwa ta’ benefiċċju għat-twettiq sħiħ tal-Unjoni Bankarja (22). |
|
3.3.3. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied l-armonizzazzjoni fil-ġerarkija tal-kredituri permezz tal-ħolqien ta’ klassi ġdida ta’ assi, fl-applikazzjoni ta’ reġim ta’ rikapitalizzazzjoni interna, sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi bejn l-Istati Membri differenti (23). |
3.4. Il-miżuri sabiex jitjieb il-finanzjament tal-ekonomija reali u b’mod partikolari tal-SMEs
|
3.4.1. |
Naturalment, huwa pożittiv ħafna li d-diversi miżuri previsti huma analizzati mill-perspettiva tal-impatt tagħhom fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali. Kif ukoll li ttieħdu l-passi neċessarji sabiex tittejjeb il-kapaċità ta’ self tal-banek. |
|
3.4.2. |
Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li ngħatat ħafna attenzjoni lis-self lill-SMEs, li huma u jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Dawn jiżguraw l-investiment u l-impjiegi. |
|
3.4.3. |
Dan japplika b’mod partikolari għall-konsolidazzjoni u l-espansjoni ulterjuri tal-fattur ta’ sostenn lill-SMEs. Il-Kumitat enfasizza li l-possibbiltà li dan il-fattur jiġi applikat b’mod estiż għandha tiġi investigata sew, sabiex jiġi massimizzat il-kreditu u għall-benefiċċju tal-SMEs. Bl-istess mod, il-Kumitat jitlob li l-Kummissjoni tagħmel sforzi addizzjonali biex issaħħaħ l-ekonomija tal-Istati Membri li ddgħajfu l-aktar minħabba l-kriżi ekonomika. |
|
3.4.4. |
Il-Kumitat huwa wkoll tal-fehma li għandhom isiru sforzi paralleli għall-benefiċċju tal-ekonomija soċjali u tal-atturi attivi f’dan il-qasam. B’mod partikolari tista’ ssir ħidma sabiex jinħoloq “fattur ta’ sostenn għall-intrapriżi soċjali”. |
3.5. Żvilupp ulterjuri ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali
|
3.5.1. |
Għalkemm ma kinitx il-komponent prinċipali tagħhom, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-proposti attwali ta’ żvilupp ulterjuri ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. |
|
3.5.2. |
B’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti (24) tiegħu f’dan il-qasam, il-Kumitat jemmen li l-qafas regolatorju u superviżorju għandu jgħin jiżviluppa bis-sħiħ is-saħħiet tas-swieq kapitali u jikkontrolla d-dgħufijiet, bħal pereżempju t-teħid ta’ riskju eċċessiv jew sproporzjonat. Is-sistema l-ġdida għandha tkun kapaċi tirreżisti għall-effetti negattivi ta’ kwalunkwe kriżi ġdida. Dan jeħtieġ ukoll konverġenza u kooperazzjoni akbar fil-qasam tas-sorveljanza mikroprudenzjali u makroprudenzjali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. |
3.6. Il-proporzjonalità u t-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi
|
3.6.1. |
L-ewwel nett, il-Kumitat jixtieq jafferma mill-ġdid l-importanza fundamentali tal-ħtieġa ta’ xenarju bankarju diversifikat (25). Dan mhuwiex biss ta’ benefiċċju għall-istabbiltà, iżda wkoll l-aħjar mod possibbli li jintlaqgħu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd, sew jekk konsumaturi, dawk li jfaddlu, investituri, jew intraprendituri. |
|
3.6.2. |
Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir kbir il-fatt li l-prinċipju tal-proporzjonalità, li preċedentement kien identifika bħala l-ikbar problema għall-intrapriżi żgħar u tal-banek mhux kumplessi (26), huwa s-suġġett ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet fil-proposti attwali. |
|
3.6.3. |
Madankollu, il-Kumitat huwa tal-fehma li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-banek qed titqies ftit wisq. Il-proposti attwali ma jqisux biżżejjed l-ispeċifiċità u l-potenzjal ta’ dan it-tip ta’ istituzzjonijiet. |
|
3.6.4. |
Aktar mill-approċċ frammentat u limitat attwali, il-Kumitat jemmen li hawnhekk hemm bżonn ta’ approċċ aktar strutturat u aktar komprensiv għall-prinċipju tal-proporzjonalità. |
|
3.6.5. |
B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju tal-proporzjonalità m’għandux jiġi bbażat biss fuq id-daqs tal-istituzzjonijiet involuti, iżda għandu jqis ukoll: i) il-karatteristiċi speċifiċi tal-mudelli ta’ negozju differenti, ii) il-forom istituzzjonali differenti adottati minn dawk il-banek u iii) l-għanijiet speċifiċi segwiti mid-diversi istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fis-suq. |
|
3.6.6. |
M’għandhom jiġu imposti l-ebda obbligi jew piżijiet sproporzjonament eċċessivi fuq dawn l-istituzzjonijiet. Minflok tenħtieġ aktar flessibbiltà fir-rigward ta’ ċerti aspetti speċifiċi bħalma huma l-obbligi ta’ rappurtar. Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa d-dispożizzjonijiet addizzjonali li huma maħsuba biex inaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom. |
|
3.6.7. |
Barra minn hekk għandu jkun hemm kundizzjonijiet ugwali għall-istituzzjonijiet kollha irrispettivament mill-forma legali tagħhom. |
|
3.6.8. |
B’mod aktar ġenerali, b’rispett għall-prinċipji mfassla, u sakemm ir-regolaturi u s-superviżuri jistgħu, meta jkun hemm bżonn, jaġixxu malajr u b’mod effettiv, il-Kumitat huwa favur li l-prinċipju tal-proporzjonalità jiġi applikat bis-sħiħ, kemm fin-numru ta’ istituzzjonijiet li jistgħu jibbenefikaw minnu, kif ukoll fl-oqsma u l-kwistjonijiet li jista’ jiġi applikat għalihom. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Minħabba l-importanza tal-implimentazzjoni konkreta u xierqa tal-miżuri proposti, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandu jkollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda. Dan jitlob li l-Awtorità Bankarja Ewropea tfassal b’mod rapidu standards tekniċi u operattivi, jew li jkun hemm żmien ta’ implimentazzjoni li jibda jgħodd biss ladarba d-dettalji kollha tar-regoli jkunu tfasslu minn dawk l-awtoritajiet. |
|
4.2. |
Sabiex jiġu evitati u newtralizzati l-effetti negattivi possibbli fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali li jistgħu jkunu r-riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-IFRS 9 il-ġdid (27), il-Kumitat jitlob li l-miżuri leġislattivi tranżitorji previsti f’rabta ma’ dawn l-istandards internazzjonali l-ġodda dwar il-kontabilità jiġu adottati malajr. |
Brussell, it-30 ta’ Marzu 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Bl-Ingliż tintuża “SME supporting factor”.
(2) IFRS: International Financial Reporting Standards (l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju).
(3) Dan it-test huwa bbażat, fost affarijiet oħra, fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni (pereżempju stqarrija għall-istampa u mistoqsijiet u tweġibiet) dwar il-proposti.
(4) Ara Proċedura 2016/0360/COD, Proċedura 2016/0361/COD, Proċedura 2016/0362/COD u Proċedura 2016/0364/COD.
(5) Din ċertament mhijiex preżentazzjoni eżawrjenti tal-miżuri kollha.
(6) Skont it-taqsira tal-frażi Ingliża “Leverage Ratio”.
(7) Skont it-taqsira tal-frażi Ingliża “Net Stable Funding Ratio”.
(8) F’dan il-mumenti, din il-miżura tkopri 13-il grupp bankarju Ewropew.
(9) Skont it-taqsira tal-frażi Ingliża “Global Systemically Important Institution” (lingwaġġ użatt fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti Kapitali għal Global Systemically Important Banks).
(10) Skont it-taqsira tal-frażi Ingliża “Total Loss Absorption Capacity”.
(11) Skont it-taqsira tal-frażi Ingliża “Minimum Requirement for Eligible Liabilities and Own Funds”. Bil-Malti, “ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli”.
(12) COM(2016) 855 final.
(13) ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21.
(14) ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.
(15) Magħrufa wkoll bħala l-miżuri ta’ Basel IV.
(16) Din tinkludi wkoll ħidma relatata ma’ riskju operattiv u ta’ kreditu kif ukoll il-mudelli interni tal-banek. Proċess ieħor kontinwu taħt il-qafas ta’ Basel huwa t-tfassil ta’ standards għal riskju sovran. Dan għandu jkun punt ta’ enfasi fil-livell internazzjonali u dak Ewropew.
(17) ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.
(18) Imsejjaħ “Pillar 1 MREL requirement”.
(19) Imsejjaħ “Pillar 2 MREL add-on requirement”.
(20) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10.
(21) Ara, b’mod partikolari, https://ec.europa.eu/epsc/publications/five-presidents-report-series/further-risk-reduction-banking-union_en
(22) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 8.
(23) Ara l-Opinjoni tal-KESE ECO/429 “Riforma tas-settur bankarju – ġerarkija tal-insolvenza”. Għadha ma ġietx ippubblikata.
(24) ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17.
(25) ĠU C 251, 31.7.2015, p. 7.
(26) ĠU C 251, 31.7.2015, p. 7.
(27) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2067 tat-22 ta’ Novembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 9 (ĠU L 323, 29.11.2016, p. 1).