|
10.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 75/63 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Rieżami/reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”
[COM(2016) 603 final]
“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020”
[COM(2016) 604 final – 2016/0283 (APP)]
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2012/2002, Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, EU Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”
[COM(2016) 605 final – 2016/0282 (COD)]
(2017/C 075/12)
|
Relatur: |
is-Sur Stefano PALMIERI |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 20.4.2016 Kunsill, 9.12.2016 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa |
|
Kummissjoni kompetenti |
Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
|
Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza |
20.9.2016 |
|
Adottata fis-sessjoni plenarja |
14.12.2016 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
521 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
169/5/9 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jifhem l-isforzi tal-Kummissjoni fil-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, u japprezza l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà sabiex tindirizza l-kriżijiet mhux mistennija tas-snin riċenti. Iqis, madankollu, li l-qafas propost mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-isfidi u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea (UE), b’mod partikolari fir-rigward tal-proġett politiku Ewropew li bħalissa qed jitqajmu dubji dwaru. |
|
1.1.1. |
Illum is-soluzzjoni għall-isfidi u l-kriżijiet globali għandha bilfors tikkostitwixxi rispons f’livell Ewropew. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li l-QFP attwali u dak wara l-2020 għandhom jikkonċentraw ir-riżorsi proprji b’mod adatt u jallokawhom għall-programmi li:
|
|
1.2. |
Għall-KESE, ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020 u d-diskussjoni dwar l-QFP ta’ wara l-2020 għandhom jitmexxew f’konformità sħiħa mal-Artikolu 3 tat-Trattat ta’ Lisbona, filwaqt li jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-UE jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti li jħarsu l-benessri tagħhom, u mal-Artikolu 311 tat-TFUE, li abbażi tiegħu “l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b’suċċess il-politika tagħha”. |
|
1.3. |
Il-KESE jikkundanna b’mod partikolari l-kriżi ta’ solidarjetà fi ħdan l-UE li għandha tiġi indirizzata u solvuta. Mhuwiex aċċettabbli li ċerti Stati Membri jaċċettaw il-prinċipju ġust tas-solidarjetà fl-eżerċizzju tal-allokazzjoni tar-riżorsi tal-QFP 2014-2020 u, fl-istess ħin, ma jkunux lesti biex jindirizzaw l-emerġenza ta’ refuġjati u migranti. |
|
1.4. |
Il-kapaċità tal-UE li tindirizza l-isfidi preżenti u futuri se tiddependi fuq in-natura kwalitattiva u fuq id-dimensjoni kwantitattiva tal-istrateġiji ta’ intervent tagħha. Id-dibattitu dwar il-QFP għandu jiffoka fuq il-funzjonalità tiegħu – kemm f’termini ta’ riżorsi allokati kif ukoll l-istruttura tal-baġit – dwar kif l-UE tingħata l-mezzi meħtieġa biex issegwi l-prijoritajiet strateġiċi tagħha mingħajr ma żżid il-piż fiskali għaċ-ċittadini u n-negozji, jiġifieri dwar kif tista’ tipprovdi “valur miżjud” fil-livell Ewropew mingħajr ma jiżdied il-piż fuq iċ-ċittadini. Valur miżjud Ewropew li dwaru hemm kunsens politiku wiesa’ biex jingħata appoġġ għall-azzjoni tal-UE f’mod li jiġu garantiti benefiċċji reali għaċ-ċittadini tagħha. Fost l-elementi bl-akbar valur miżjud Ewropew, il-KESE jidentifika: il-kontribut għall-finanzjament tal-investimenti kbar u tal-innovazzjoni (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – FEIS); l-isfruttar tal-benefiċċji potenzjali tal-migranti u r-refuġjati għall-ekonomija, is-suq tax-xogħol u d-dinamiżmu tas-soċjetà; il-monitoraġġ u s-segwitu fl-implimentazzjoni taċ-ċiklu 2014-2020 tal-Fondi Strutturali u ta’ investiment Ewropej (FSIE); it-tisħiħ tal-pilastru soċjali. Strument speċifiku jista’ jkun utli u neċessarju sabiex jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-impjieg prekarju u l-fenomenu ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET). |
|
1.4.1. |
Rigward l-aspett kwantitattiv tar-reviżjoni tal-QFP, il-KESE jaqbel maż-żieda ta’ riżorsi għal xi kategoriji ta’ nfiq meqjusa effikaċi ħafna, jiġifieri l-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), Erasmus +, COSME u Wifi4EU, kif ukoll l-estensjoni tal-FEIS u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI). |
|
1.4.2. |
Il-KESE jaqbel ukoll dwar approprjazzjonijiet ġodda biex jindirizzaw il-kriżi tal-migrazzjoni (gwardja tal-fruntiera u l-kosta Ewropea, Europol, aġenzija għall-asil, sistema komuni tal-asil ta’ Dublin, appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-UE u sistema ta’ dħul/ħruġ) u l-kundizzjonijiet ta’ instabbiltà politika u ekonomika fil-pajjiżi ġirien (il-qafas ta’ sħubija, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-assistenza makrofinanzjarja, mandat ta’ finanzjament estern għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), aġġustament tekniku tal-allokazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni). |
|
1.5. |
Dwar il-parti kwalitattiva tar-reviżjoni tal-QFP, il-Kumitat jaqbel mal-għan li jiġu stabbiliti regoli finanzjarji ġenerali u settorjali iktar sempliċi u flessibbli, u għalhekk japprezza b’mod partikolari s-semplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi applikabbli għall-benefiċjarji tal-fondi Komunitarji, u tar-rekwiżiti tal-kontroll, l-awditjar u r-rappurtar. |
|
1.5.1. |
Madankollu, l-introduzzjoni ta’ prinċipji dwar infiq aħjar (better spending) u bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni (performance based budgeting) ma għandhiex bilfors isservi biex tnaqqas l-infiq f’setturi jew programmi li l-valutazzjoni tagħhom tkun inqas evidenti minn ta’ oħrajn, minħabba li l-benefiċċji tagħhom jirriżultaw fuq perjodu ta’ żmien twil jew diffiċli jiġu kwantifikati. Dan jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara għal programmi bħall-Orizzont 2020, is-CEF u COSME. |
|
1.5.2. |
Il-KESE huwa favur inċentivi li jistgħu jippromovu l-infiq responsabbli, minn naħa waħda, u sistema ta’ monitoraġġ adatta u f’waqtha għall-għanijiet fl-oqsma ta’ politika differenti tal-baġit tal-UE, min-naħa l-oħra. |
|
1.6. |
Rigward id-dibattitu dwar il-proposta għall-QFP ta’ wara l-2020, il-KESE jitlob li diġà minn issa ssir valutazzjoni bir-reqqa tar-riżultati tal-baġit attwali, anke fid-dawl tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, filwaqt li ssir diskussjoni dwar il-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati u l-modifiki neċessarji. |
|
1.7. |
Il-KESE jemmen li jkun utli li d-durata tal-QFP li jmiss tiġi allinjata maċ-ċiklu politiku tal-Kummissjoni u tal-Parlament. Jaqbel mal-proposta li tiġi stabbilita durata ta’ 5 + 5 snin b’reviżjoni ta’ nofs it-terminu obbligatorja għal xi kwistjonijiet li jeħtieġu programmazzjoni fit-tul (b’mod partikolari, il-politiki ta’ koeżjoni u tal-iżvilupp rurali) u, għall-elementi l-oħra kollha, durata ta’ nofs terminu ta’ 5 snin allinjata mal-elezzjonijiet Ewropej. |
|
1.8. |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintroduċi tipi ġodda ta’ riżorsi proprji u l-ħidma li qed issir mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji. Madankollu, ikun jaqbel li l-proposti li se jitfasslu mill-Kummissjoni dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji jiġu diskussi u deċiżi matul l-2017 bl-involviment adatt tal-KESE għat-tħejjija tal-QFP ta’ wara l-2020. |
|
1.8.1. |
F’dan il-kuntest, il-KESE jtenni l-ħtieġa li l-UE jkollha sistema ta’ riżorsi proprji awtonoma, trasparenti u ġusta, filwaqt li titnaqqas is-sistema tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri iżda mingħajr ma tiżdied il-pressjoni fiskali, b’mod partikolari għaċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati. Il-KESE jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa permezz ta’ trasparenza akbar (1), u kontra kull forma ta’ kompetizzjoni fiskali inġusta bejn l-Istati Membri. |
|
1.8.2. |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal mingħajr dewmien stima baġitarja dwar it-telf li jirriżulta mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. |
|
1.9. |
Il-Kumitat jaqbel mal-messaġġ li l-Unjoni għandna bżonn ta’ aktar Ewropa (u aħjar) u mhux inqas Ewropa (2). Il-kriżi fl-UE hija kkawżata minn nuqqas ta’ viżjoni strateġika għall-ġejjieni tal-Ewropa. Hemm riskju li din il-kriżi tiggrava jekk l-QFP ta’ wara l-2020 ma jindirizzax il-kawżi tagħha, relatati mad-defiċit demokratiku, id-defiċit tal-istat tad-dritt u l-impatt fuq gruppi soċjali u setturi produttivi “telliefa” fil-globalizzazzjoni. L-Unjoni trid tikseb mill-ġdid viżjoni pożittiva tal-futur tagħha biex tikkompeti mal-atturi prinċipali dinjija, u dan jirrikjedi QFP ambizzjuż li kapaċi jindirizza l-isfidi li hemm quddiemna. |
|
1.10. |
Sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet tal-QFP, il-baġit tal-UE il-ġdid għandu jkun eżemplari, effiċjenti, effikaċi u trasparenti, sabiex jikseb il-kredibbiltà f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u juri biċ-ċar il-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll l-ispiża marbuta man-non-Ewropa. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-pakkett propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020 huwa marbut ma’ modifiki regolatorji u riallokazzjoni ta’ riżorsi ta’ EUR 12,8 biljun sa tmiem il-perjodu, inkluż l-abbozz ta’ baġit 2017, immirat lejn it-tkabbir u l-impjieg, il-migrazzjoni u s-sigurtà. B’mod partikolari, ir-reviżjoni tipprevedi:
|
|
2.2. |
Il-KESE diġà osserva (3), u jtenni f’din l-Opinjoni, li dan jinvolvi l-bilanċ miksub fl-2013 mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-QFP, bilanċ bejn żewġ ħtiġijiet opposti f’kuntest soċjali, ekonomiku u politiku kumpless. L-ewwel ħtieġa hija r-rieda ta’ ċerti Stati Membri li jillimitaw in-nefqa pubblika minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja. It-tieni kienet in-neċessità li jiġu indirizzati b’mod adatt u effikaċi l-isfidi ambizzjużi li l-Unjoni Ewropea (UE) qed tiffaċċja, li joriġinaw mit-Trattat ta’ Lisbona kif ukoll mill-Istrateġija Ewropa 2020. |
|
2.3. |
Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP issa tinsab f’sitwazzjoni differenti fir-rigward ta’ ċerti aspetti, meta mqabbla mal-2013. L-UE għadha f’qagħda diffiċli minħabba l-konsegwenzi qawwija li għad hemm f’ċerti Stati Membri, minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, speċjalment fuq id-dħul baxx u medju, flimkien man-nuqqas ta’ rispons komuni għal din l-istess l-kriżi fil-livell Komunitarju. Iżda ma’ dan żdied inkwiet ġdid, ta’ natura soċjali, politika u istituzzjonali, inklużi l-attakki terroristiċi reċenti li seħħew fl-Ewropa. |
|
2.3.1. |
L-ewwel nett, hemm fluss dejjem akbar ta’ migranti u refuġjati lejn l-Ewropa, li qed jaħarbu mill-gwerra u l-faqar fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani, li qed iqajjem tħassib fost l-opinjoni pubblika fl-Ewropa, speċjalment fil-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Balkani li jirċievu l-impatt inizjali u fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni li jintalbu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom. |
|
2.3.2. |
It-tieni nett, hemm xettiċiżmu mifrux dwar il-kapaċità tal-politika, u għaldaqstant tal-Istati Membri u tal-UE, li jsostnu l-benessri ekonomika u l-koeżjoni soċjali (4), u dan flimkien mat-talba biex jingħata aktar spazju lill-gvernijiet nazzjonali, sewwa sew fi żmien storiku meta, bil-maqlub, l-UE għandha taġixxi bħala attur globali. |
|
2.3.3. |
It-tielet nett, ir-referendum dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-hekk imsejjaħ Brexit, jagħmilha ċara li l-UE mhix għażla garantita u irriversibbli, minbarra li joħloq problemi istituzzjonali u finanzjarji ġodda dwar il-QFP, minħabba li Stat Membru wieħed se joħroġ mill-Unjoni. |
|
2.4. |
F’dan il-kuntest ta’ tibdil mgħaġġel, il-valutazzjoni dwar l-effikaċja tal-QFP tiddependi fuq il-konformità sħiħa mal-prinċipji bażiċi tal-ordni Komunitarju, b’mod partikolari mal-Artikolu 3 tat-Trattat ta’ Lisbona, li l-għan tiegħu huwa li ċ-ċittadini tal-UE jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti li jħarsu l-benessri tagħhom (5), u mal-Artikolu 311 tat-TFUE, li abbażi tiegħu “l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b’suċċess il-politika tagħha”. |
|
2.5. |
Il-kapaċità tal-UE li tindirizza l-isfidi preżenti u futuri se tiddependi fuq in-natura kwalitattiva u fuq id-dimensjoni kwantitattiva tal-istrateġiji ta’ intervent tagħha. Dan ifisser fehim dwar liema huma s-setturi fejn l-aħjar isir infiq sabiex ikun hemm tkabbir, impjieg u jiġu indirizzati l-isfidi ġodda; taħt liema forma l-infiq ikun aktar effikaċi; b’liema mod tista’ titwettaq valutazzjoni serja u mhux sempliċiment formali dwar l-investimenti; u fl-aħħar, kif jistgħu jiġu kkomunikati l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej f’kuntest ta’ fiduċja baxxa min-naħa taċ-ċittadini (6). |
|
2.6. |
Għal dawn ir-raġunijiet illum jista’ jingħad li, filwaqt li wieħed jista’ jifhem l-isforzi tal-Kummissjoni fil-proposta għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020, il-qafas propost xejn mhu biżżejjed biex jindirizza l-isfidi u l-prijoritajiet tal-UE. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
Dwar il-parti kwalitattiva tar-reviżjoni tal-QFP, il-Kumitat jaqbel mal-għan li jiġu stabbiliti regoli finanzjarji ġenerali u settorjali iktar sempliċi u flessibbli, u għalhekk japprezza b’mod partikolari s-semplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi applikabbli għall-benefiċjarji tal-fondi Komunitarji, u tar-rekwiżiti tal-kontroll, l-awditjar u r-rappurtar. |
|
3.2. |
Madankollu, l-introduzzjoni ta’ prinċipji dwar infiq aħjar (better spending) u bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni (performance based budgeting) ma għandhiex bilfors isservi biex tnaqqas l-infiq f’setturi jew programmi li l-valutazzjoni tagħhom tkun inqas evidenti minn ta’ oħrajn, minħabba li l-benefiċċji tagħhom jirriżultaw fuq perjodu ta’ żmien twil jew diffiċli jiġu kwantifikati. Dan jista’ jkun partikolarment ta’ ħsara għal programmi bħall-Orizzont 2020, is-CEF u COSME. |
|
3.2.1. |
Il-KESE huwa favur inċentivi li jistgħu jippromovu l-infiq responsabbli u effikaċi, minn naħa waħda, u sistema ta’ monitoraġġ adatta u f’waqtha għall-għanijiet fl-oqsma ta’ politika differenti tal-baġit tal-UE, min-naħa l-oħra. |
|
3.3. |
Madankollu, dan waħdu ma jidhirx li huwa biżżejjed biex jirreaġixxi b’mod konkret għal-livell dejjem jikber ta’ inkwiet ekonomiku, soċjali u politiku, filwaqt li jagħti spinta mill-ġdid għat-tkabbir, l-impjieg u l-pilastru soċjali. Dan huwa iktar u iktar minnu fin-nuqqas ta’ riżorsi addizzjonali f’oqsma fejn il-baġit Komunitarju għandu valur miżjud meta mqabbel ma’ politiki li jistgħu jinvolvu Stati Membri individwali. |
|
3.4. |
Kif ġie dikjarat f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE, l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE mhux biss jitolbu iżda jesiġu żieda fid-daqs tal-baġit tal-UE (7). |
|
3.5. |
It-tweġiba għal dawn l-isfidi titlob l-ewwel nett appoġġ u inċentivi qawwija għall-investimenti, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Fl-2014 il-livell tal-investimenti kien ta’ 15 % anqas minn dak fl-2007, eżatt qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika kbira, ekwivalenti għal tnaqqis ta’ EUR 430 biljun meta mqabbel mal-ogħla livell, u ta’ madwar EUR 300 biljun meta mqabbel mal-medja tal-aħħar snin. Ta’ min jinnota li ħames pajjiżi waħidhom (Spanja, l-Italja, il-Greċja, ir-Renju Unit u Franza) jirrappreżentaw 75 % ta’ dan it-tnaqqis (8). |
|
3.6. |
Biex tindirizza indirettament in-nuqqas ta’ investiment, il-Kummissjoni ipproponiet u nediet l-FEIS, li permezz tal-BEI għandu jikkatalizza riżorsi privati komplementari għal dawk tal-Komunità. Il-valutazzjoni tiegħu tiddependi fuq kemm hu kapaċi jappoġġja proġetti li huma addizzjonali għal dawk li jiġu ffinanzjati normalment. L-ewwel analiżijiet juru, madankollu, li l-maġġoranza tal-proġetti tal-FEIS jixbhu ħafna lil proġetti oħra li normalment jiġu ffinanzjati mill-BEI, speċjalment f’reġjuni aktar żviluppati (9). Il-KESE jappella għal enfasi ikbar fuq proġetti verament innovattivi, li fihom riskju, li ma jistgħux jiġu ffinanzjati b’mod ieħor u kapaċi jiżguraw tkabbir reali fl-ekonomija u fl-impjieg fl-UE. |
|
3.7. |
Il-kriżi tal-migranti u tar-refuġjati mhijiex biss kwistjoni ta’ obbligu ta’ akkoljenza. Ir-riżorsi allokati mill-UE jistgħu jservu wkoll biex jibdlu r-riskji għas-sigurtà interna f’opportunitajiet, filwaqt li jisfruttaw il-benefiċċji potenzjali għall-ekonomija, is-suq tax-xogħol u d-dinamiżmu tas-soċjetà. Il-KESE, l-istess bħall-Parlament Ewropew (10), iqis li r-riżorsi allokati taħt l-intestaturi 3 (“Sigurtà u ċittadinanza”) u 4 (“Ewropa Globali”), b’mod partikolari għall-kriżi tar-refuġjati u l-għajnuna esterna, jistgħu ma jkunux biżżejjed fix-xhur u s-snin li ġejjin, u jitlob għaldaqstant reviżjoni sabiex jiżdiedu l-limiti ta’ nfiq previsti. |
|
3.7.1. |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, il-KESE jikkundanna l-kriżi ta’ solidarjetà fi ħdan l-UE li għandha tiġi indirizzata u solvuta. Mhuwiex aċċettabbli li xi Stati Membri jaċċettaw il-prinċipju ġust tas-solidarjetà fl-eżerċizzju tal-allokazzjoni tar-riżorsi tal-QFP 2014-2020 u, fl-istess ħin, ma jkunux lesti biex jindirizzaw l-emerġenza ta’ refuġjati u migranti. |
|
3.8. |
Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (FSIE) huma fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha, b’baġit ta’ EUR 454 biljun għaċ-ċiklu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Dawn jirrappreżentaw l-istrument ewlieni ta’ investiment tal-UE, u jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda ta’ kwalità għolja, permezz ta’ koeżjoni soċjali u territorjali akbar. L-implimentazzjoni taċ-ċiklu hekk kif jibda għandha tiġi mmonitorjata u segwita mill-qrib mill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu r-riżultati mistennija kif miftiehem bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni. Dan jimplika bilfors l-koinvolviment qawwi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet soċjali rrappreżentati fil-KESE. |
|
3.9. |
Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (madwar 20 % tal-forza tax-xogħol, għalkemm b’differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri (11)), l-impjieg prekarju u l-fenomenu ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET, 19 % tal-popolazzjoni ta’ bejn 20 u 34 sena (12)), għadhom f’livelli mhux aċċettabbli, b’detriment għal-livell ta’ edukazzjoni tagħhom u, b’mod ġenerali, għall-kapital uman tal-Ewropa. Biex tindirizza dan, fil-kuntest tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha tissaħħaħ u tiġi ffinanzjata b’aktar riżorsi, biż-żieda fil-limiti ta’ nfiq previsti fl-intestatura 1B (“Koeżjoni soċjali u territorjali”). |
|
3.10. |
Fl-aħħar nett, għandna tiġi solvuta l-kwistjoni tal-pagamenti b’lura. Id-distakk li żviluppa f’dawn l-aħħar snin bejn l-impenji ta’ nfiq u l-pagamenti li jsiru lill-Istati Membri laħaq kważi EUR 25 biljun sal-aħħar tal-2014, u sa tmiem l-2016 għandu jasal fi stadju ta’ aġġustament. L-effetti negattivi tal-arretrati ta’ nfiq jaffettwaw lill-benefiċjarji kollha tal-baġit tal-UE, inklużi n-negozji, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-awtoritajiet lokali. B’baġit li diġà huwa limitat ħafna meta mqabbel mal-PDG Ewropew, jidher li mill-inqas huwa meħtieġ jiġi żgurat il-ħlas fil-ħin tal-impenji li saru, filwaqt li jittieħdu l-miżuri adatti kollha biex jiġi evitat li din is-sitwazzjoni ttul jew terġa’ tiżviluppa fil-QFP li jmiss. |
|
3.11. |
Il-KESE għalhekk jaqbel maż-żieda ta’ riżorsi għal xi kategoriji ta’ nfiq meqjusa li huma effikaċi ħafna, jiġifieri l-Orizzont 2020, COSME, Erasmus +, u Wifi4EU, kif ukoll l-estensjoni tal-FEIS u l-YEI. |
|
3.11.1. |
Il-KESE jaqbel ukoll dwar approprjazzjonijiet ġodda biex jindirizzaw il-kriżi tal-migrazzjoni (gwardja tal-fruntiera u l-kosta Ewropea, Europol, aġenzija għall-asil, sistema komuni tal-asil ta’ Dublin, appoġġ ta’ emerġenza fi ħdan l-UE u sistema ta’ dħul/ħruġ) u l-kundizzjonijiet ta’ instabbiltà politika u ekonomika fil-pajjiżi ġirien (il-qafas ta’ sħubija, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-assistenza makrofinanzjarja, mandat ta’ finanzjament estern għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), aġġustament tekniku tal-allokazzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni). |
4. Il-qafas finanzjarju pluriennali għal wara l-2020
|
4.1. |
Sal-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta l-proposta għal QFP ta’ wara l-2020. Il-KESE jitlob li diġà minn issa ssir valutazzjoni bir-reqqa tar-riżultati tal-baġit attwali, anke fid-dawl tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, filwaqt li ssir diskussjoni dwar il-prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati u l-modifiki neċessarji. L-għan huwa li l-QFP ikun jikkorrispondi għall-isfidi u l-prijoritajiet fit-tul tal-UE. |
|
4.2. |
Il-kriżi fl-UE toriġina min-nuqqas ta’ viżjoni strateġika tal-ġejjieni tal-Ewropa. Hemm riskju li din il-kriżi tiggrava jekk l-QFP ta’ wara l-2020 ma jindirizzax il-kawżi tagħha, relatati mad-defiċit demokratiku, id-defiċit tal-istat tad-dritt u l-impatt fuq gruppi soċjali u setturi produttivi “telliefa” fil-globalizzazzjoni. Jekk ir-regoli fiskali tal-UE naqqsu l-kapaċità tal-Istati Membri li joperaw b’mod indipendenti, filwaqt li ħolqu inċertezzi fis-suq tax-xogħol u fis-sistema soċjali, s’issa ma ħolqux sistemi ta’ sigurtà soċjali fil-livell tal-UE għaċ-ċittadini u lanqas sistema ekonomika Ewropea verament innovattiva u kompetittiva li kapaċi tikkompeti mal-isfidi globali (13). |
|
4.3. |
Għalhekk huwa kruċjali li tingħata attenzjoni akbar fil-QFP il-ġdid, inklużi riżorsi ġodda, għall-prijoritajiet strateġiċi importanti għall-Ewropa, li huma deċiżivi għall-eżistenza tal-UE stess, jiġifieri:
|
|
4.4. |
Dwar ir-riforma tad-durata tal-QFP, il-KESE, l-istess bħall-Parlament Ewropew (14), iqis li jkun utli li din tiġi allinjata maċ-ċiklu politiku tal-Kummissjoni u tal-Parlament, sabiex il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet Ewropej ikollha fiċ-ċentru tagħha d-dibattitu dwar il-prijoritajiet tal-baġit Komunitarju. Jaqbel mal-proposta li tiġi stabbilita durata ta’ 5 + 5 snin b’revizjoni ta’ nofs it-terminu obbligatorja għal xi kwistjonijiet li jeħtieġu programmazzjoni fit-tul (b’mod partikolari, il-politiki ta’ koeżjoni u tal-iżvilupp rurali), u għall-elementi l-oħra kollha durata ta’ nofs terminu ta’ 5 snin allinjata mal-elezzjonijiet Ewropej. |
|
4.5. |
Ikun jaqbel li l-Kummissjoni tfassal mill-aktar fis possibbli – anke fid-dawl tal-proposta tal-QFP ta’ wara l-2020 – analiżi dettaljata tal-effetti tal-Brexit f’termini ta’ impatt fuq id-dħul u n-nefqa mill-UE (15). |
|
4.6. |
Barra minn hekk, fiż-żona tal-euro, baġit adatt għandu jkun jista’ jindirizza l-problemi speċifiċi tal-Istati Membri li jadottaw l-euro. Kif diġà proposta mill-KESE, “għandna bżonn nimxu lejn baġit proprju suffiċjenti għaż-żona tal-euro, b’regoli maqbula b’mod konġunt; dan hu l-uniku mod biex jittieħdu passi lejn politika fiskali komuni u jiġu assorbiti kwalunkwe skossi li jistgħu jseħħu fil-ġejjieni” (16). |
|
4.7. |
Fuq in-naħa tad-dħul, il-QFP il-ġdid għandu jqis il-proposti li qed jitfasslu mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji ppresedut minn Mario Monti, u li sa tmiem l-2016 huwa mistenni r-rapport finali dwaru, flimkien mal-proposta leġislattiva li qed titħejja mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni. |
|
4.7.1. |
Il-KESE jemmen li huwa importanti b’mod partikolari baġit ġdid bi prevalenza ta’ riżorsi proprji mmirati sew u sostenibbli fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, li għall-kuntrarju, isaħħu l-prinċipju żbaljat tar-“ritorn ġust”. Għal dan l-għan, il-KESE jtenni l-pożizzjoni li adotta f’opinjonijiet preċedenti (17), u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżorsi proprji, fejn id-dħul imur direttament fil-baġit tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jgħaddi mill-Istati Membri. Bis-sistema l-ġdida hemm bżonn jiġi evitat li tiżdied il-pressjoni fiskali u speċjalment li jiżdied il-piż aktar minn kif inhu fil-preżent fuq iċ-ċittadini l-aktar żvantaġġati u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. |
|
4.7.2. |
Għandha tiġi stabbilita bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) sabiex iżżid it-trasparenza fiskali, tgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u ttejjeb il-ħolqien tal-impjiegi, l-investiment u l-kummerċ fl-UE. |
|
4.8. |
Il-Kumitat jaqbel mal-messaġġ li l-Unjoni għandna bżonn ta’ aktar Ewropa (u aħjar) u mhux inqas Ewropa. Sabiex jintlaħqu b’mod effettiv l-għanijiet tal-QFP, il-baġit tal-UE il-ġdid għandu jkun eżemplari, effiċjenti, effikaċi u trasparenti, sabiex jikseb il-kredibbiltà f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u juri biċ-ċar il-vantaġġi tal-Ewropa kif ukoll l-ispiża marbuta man-non-Ewropa. |
Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Opinjoni tal-KESE dwar it-trasparenza fiskali pubblika (rapport skont il-pajjiż) (ĠU C 487, 28.12.2016, p. 62).
(2) “…billi tisposta l-indikatur tas-sussidjarjetà lejn aktar Ewropa u ta’ kwalità aħjar”, Opinjoni tal-KESE dwar “Analiżi aġġornata tal-prezz tan-non-Ewropa” (ĠU C 351, 15.11.2012, p. 36).
(3) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020” (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32).
(4) Terz biss taċ-ċittadini Ewropej jafdaw l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha. European Commission, Public Opinion in the European Union – Standard Eurobarometer 85, May 2016,
http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/STANDARD/surveyKy/2130
(5) “The Union’s aim is to promote peace, its values and the well-being of its peoples….”.
(6) Mid-term review/revision of the multiannual financial framework 2014-2020 An EU budget focused on results, SWD(2016) 299 final. (Mhux disponibbli bil-Malti).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32).
(8) Kummissjoni Ewropea – Bank Ewropew tal-Investiment, Why does the EU need an investment plan? (“Għalfejn l-UE teħtieġ pjan ta’ investimenti?”), 2015.
(9) G. Claeys – A. Leandro, Assessing the Juncker Plan after one year, Bruegel.org, Mejju 2016.
(10) Riżoluzzjoni tal- Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni (P8_TA-PROV(2016)0309).
(11) Eurostat, Unemployment statistics (http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Unemployment_statistics).
(12) Eurostat, Statistika dwar żgħażagħ li la huma f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew taħriġ (http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Statistics_on_young_people_neither_in_employment_nor_in_education_or_training).
(13) P. De Grauwe, What Future for the EU After Brexit?, CEPS, Ottubru 2016.
(14) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.
(15) L-Institute for Fiscal Studies jistma li l-kontribut medju annwali nett tar-Renju Unit għall-baġit tal-UE ilaħħaq madwar EUR 8 biljuni. Ara. Institute for Fiscal Studies, 2016, The Budget of the EU: a guide. IFS Briefing Note BN 181. Browne, J., Johnson, P., Phillips, D.
(16) Opinjoni tal-KESE għal-leġislatura Ewropea li jmiss dwar “L-ikkompletar tal-UEM – Il-proposti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għal-leġislatura Ewropea li jmiss” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10).
(17) Opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE” (ĠU C 248, 25.08.2011 p. 75).