10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-17, billi jestendih għal 2018-2020”

[COM(2016) 557 final – 2016/0265(COD)]

(2017/C 075/10)

Relatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 15.9.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.10.2016

Bażi legali

L-Artikoli 304 u 338 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

29.11.2016

Adottata fil-plenarja

14.12.2016

Sessjoni plenarja Nru

521

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

221/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprova u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi estiż il-programm statistiku Ewropew (ESP) attwali biex ikopri l-perjodu 2018-2020.

1.2.

Il-KESE jaħseb li l-għażla ta’ politika preferuta magħżula mill-Kummissjoni hija l-aħjar tweġiba għas-sejħiet mill-utenti tad-data, u se tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ prodotti statistiċi utli għal dawk li jfasslu l-politika, li b’hekk ikunu saħħew l-appoġġ statistiku meta jsawru l-politiki għas-Semestru Ewropew.

1.3.

Il-KESE jaħseb li t-titjib tal-prodotti eżistenti u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda huwa neċessarju sabiex jitkejjel il-progress tal-UE rigward is-17-il objettiv u l-169 mira tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli tan-NU, u għandu jkun prijorità għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS).

1.4.

Il-KESE jtenni proposta mressqa preċedentement (1) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħtaf l-opportunità pprovduta minn dan ir-regolament biex tintroduċi miżuri għall-iżvilupp tar-riċerka statistika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, biex b’hekk ikun jista’ jiġi evalwat il-valur ekonomiku tal-volontarjat. Il-KESE huwa tal-fehma li l-approċċ metodoloġiku għandu jissejjes fuq il-Manwal dwar il-Kejl tal-Volontarjat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

1.5.

Il-KESE jaħseb li l-prodotti statistiċi ġodda proposti mill-Kummissjoni li jkejlu l-globalizzazzjoni għandhom jinkludu sondaġġi statistiċi li jkejlu l-effetti pożittivi jew negattivi fuq is-suq uniku, bħall-impatt tar-rilokazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol tal-UE jew il-pressjoni ta’ kompetizzjoni mhux ġusta bbażata fuq xogħol bl-irħis u n-nonkonformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, partikolarment fis-settur Ewropew tal-industrija u tas-servizzi.

1.6.

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tibda ħidma esploratorja fuq sondaġġ soċjali futur tal-UE. Dan is-sondaġġ għandu jinkludi wkoll data dwar l-idoneità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u s-sostenibilità tagħhom fis-sitwazzjoni demografika ġdida.

1.7.

Fid-dawl tal-fatt li żdiedu l-flussi migratorji, il-KESE jirrakkomanda li n-nuqqasijiet fis-sondaġġi statistiċi dwar il-migrazzjoni u l-asil jiġu identifikati malajr, u li jiġu rimedjati. Il-programm dwar l-integrazzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni jrid jiġi implimentat bis-sħiħ, f’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-investiment fl-iżvilupp tal-ESS sabiex tkun tista’ tittratta d-domanda dejjem tikber għall-istatistika, li għandha tkun kapaċi tiżviluppa u xxerred malajr.

1.9.

Il-KESE jtenni l-proposta mressqa f’Opinjonijiet preċedenti (2), fejn appella lill-Eurostat kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika biex ikollhom l-aqwa riżorsi possibbli umani, finanzjarji u tal-IT, peress li dan huwa essenzjali biex jitwettqu l-ħidmiet dejjem aktar diffiċli inerenti fl-għoti ta’ informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja f’perjodu dejjem iqsar ta’ żmien.

1.10.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-ESS biex titjieb il-kwalità tal-istatistika u biex jiġu żviluppati prodotti statistiċi ġodda m’għandhomx iwasslu għal żieda eċċessiva tal-piż amministrattiv fuq il-fornituri tad-data, l-unitajiet domestiċi u n-negozji.

1.11.

Peress li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jagħtu kontribut ewlieni għat-titjib tal-prodotti statistiċi sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar effettiv għat-talbiet għal-data, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni rigward id-djalogu regolari li għandu jseħħ bejn l-ESS u l-utenti tad-data.

2.   Proposta għal Regolament imfassal mill-Kummissjoni Ewropea

2.1.

Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal regolament (3) li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-17, billi jestendih għall-2018-2020.

2.2.

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jistipula li l-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi l-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid ta’ statistika Ewropea għal perjodu li jikkorrispondi mal-qafas finanzjarju pluriennali. Ir-Regolament (UE) Nru 99/2013 ikopri biss il-perjodu 2013-2017, filwaqt li l-qafas finanzjarju pluriennali jintemm fl-2020. Konsegwentement, il-programm statistiku Ewropew għandu jiġi estiż sal-2020.

2.3.

L-għan tal-proposta huwa li testendi l-ESP biex ikopri l-perjodu 2018-2020 u jipprovdi l-appoġġ finanzjarju li l-ESS teħtieġ sabiex tkun kapaċi:

tipprovdi informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja u tagħlaq il-lakuni fl-istatistika li jeħtieġ li jiġu indirizzati bl-aktar mod urġenti, billi tiffoka fuq numru ta’ oqsma prijoritarji li jirriflettu l-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni;

tibni l-kapaċità permanenti meħtieġa biex twieġeb aktar malajr għall-ħtiġijiet emerġenti u tadatta l-infrastruttura tal-istatistika sabiex tisfrutta l-potenzjal ta’ sorsi ta’ data ġodda;

issaħħaħ is-sħubija fi ħdan l-ESS u lil hinn minnha sabiex tkompli tikber il-produttività tagħha u jiġi żgurat ir-rwol ta’ tmexxija tagħha fl-istatistika uffiċjali madwar id-dinja kollha.

2.4.

Wara li wettqet evalwazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet interessati (4), il-Kummissjoni għażlet għażla ta’ politika ppreferuta minn fost il-ħamsa mħejjija inizjalment. L-opzjoni magħżula 2c għandu jkollha l-aktar impatt favorevoli fuq il-puntwalità, b’azzjonijiet ġodda li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-puntwalità għall-istatistika dwar l-inugwaljanza, il-faqar u l-privazzjoni materjali, u għad-data dwar l-enerġija u l-ambjent.

2.5.

Il-baġit allokat għall-estensjoni tal-programm (2018-2020) huwa ta’ EUR 218,1 miljun.

3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

3.1.

Peress li l-programm statistiku Ewropew jeħtieġ li jiġi allinjat mal-qafas finanzjarju pluriennali, il-KESE japprova u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi estiż l-ESP attwali biex ikopri l-perjodu 2018-2020.

3.2.

L-għażla ta’ politika ppreferuta magħżula mill-Kummissjoni għandha tallinja aktar mill-qrib l-indikaturi statistiċi mal-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni billi ttejjeb l-istrumenti statistiċi attwali u tiżviluppa prodotti ġodda. Il-KESE jaħseb li din l-għażla hija l-aħjar tweġiba għas-sejħiet mill-utenti tad-data, u se tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta’ prodotti statistiċi utli għal dawk li jfasslu l-politika, li b’hekk ikunu saħħew l-appoġġ statistiku meta jsawru politiki għas-Semestru Ewropew.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva li jiġu inklużi sondaġġi li jkejlu l-progress dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU fil-prodotti statistiċi l-ġodda. It-titjib ta’ prodotti eżistenti u l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda huwa neċessarju sabiex jitkejjel il-progress tal-UE rigward is-17-il objettiv u l-169 mira tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli tan-NU, u għandu jkun prijorità għas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

3.4.

Għal żmien twil, il-prodott domestiku gross (PDG) kien l-indikatur statistiku użat fil-livell globali sabiex jikejjel l-iżvilupp. Il-Kummissjoni għarfet il-limitazzjonijiet ta’ dan l-indikatur meta ġiet biex tevalwa b’mod korrett l-iżvilupp soċjali jew ambjentali f’Komunikazzjoni (5) fl-2009. Il-KESE jtenni l-proposti mressqa f’Opinjonijiet kemm dak iż-żmien kif ukoll sussegwentement (6), u jqishom bħala pertinenti ħafna għall-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament.

3.5.

Il-KESE jtenni proposta mressqa preċedentement (7) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni taħtaf l-opportunità pprovduta minn dan ir-regolament biex tintroduċi miżuri għall-iżvilupp tar-riċerka statistika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, biex b’hekk ikun jista’ jiġi evalwat il-valur ekonomiku tal-volontarjat. L-approċċ metodoloġiku għandu jissejjes fuq il-Manwal tal-ILO dwar il-Kejl tal-Volontarjat, li jinkludi deskrizzjoni li tenfasizza tliet karatteristiċi fundamentali. Huwa jinkludi definizzjoni deskrittiva tal-volontarjat li tenfasizza tliet karatteristiċi fundamentali: il-volontarjat huwa definit bħala xogħol li: jinvolvi xogħol produttiv, ma jitħallasx, mhuwiex obbligatorju u mhuwiex utli għall-unitá domestika tal-persuna li qed tagħmel il-volontarjat.

3.6.

Il-kontijiet nazzjonali għandhom iqisu aktar l-indikaturi soċjali u ambjentali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-isforzi tagħha f’dan il-qasam taħt l-ESP 2018-2020.

3.7.

Fir-rigward ta’ prodotti statistiċi ġodda li jkejlu l-globalizzazzjoni, il-KESE jaħseb li dawn għandhom jinkludu sondaġġi statistiċi li jkejlu l-effetti pożittivi jew negattivi fuq is-suq uniku, bħall-impatt tar-rilokazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol tal-UE jew il-pressjoni ta’ kompetizzjoni mhux ġusta bbażata fuq xogħol bl-irħis u n-nonkonformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar ir-relazzjonijiet tal-impjieg, partikolarment fis-settur Ewropew tal-industrija u tas-servizzi.

3.8.

Il-KESE jaħseb li l-utenti tad-data jistgħu jsiru iżjed fiduċjużi hekk kif il-gvernijiet tal-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni (8) mfassla mill-ESGAB (Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika) dwar l-istabbiliment tal-CoCS (Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika).

3.9.

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni biex tibda ħidma esploratorja fuq sondaġġ soċjali futur tal-UE. Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ, dan is-sondaġġ għandu jinkludi wkoll data dwar l-idoneità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u s-sostenibilità tagħhom fis-sitwazzjoni demografika ġdida. Għandhom ukoll jiġu identifikati b’mod rapidu u korreġġuti n-nuqqasijiet fis-sondaġġi statistiċi dwar il-migrazzjoni u l-asil.

3.10.

Il-KESE jtenni l-proposta mressqa f’Opinjonijiet preċedenti (9), fejn appella lill-Eurostat kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika biex ikollhom l-aqwa riżorsi disponibbli umani, finanzjarji u tal-IT, peress li dan huwa essenzjali biex jitwettqu l-ħidmiet dejjem aktar diffiċli inerenti fl-għoti ta’ informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja f’perjodu dejjem iqsar ta’ żmien. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jsaħħu l-investiment fl-iżvilupp tal-ESS sabiex tkun tista’ tittratta d-domanda dejjem tikber għall-istatistika, li għandha tkun kapaċi tiżviluppa u xxerred malajr.

3.11.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-ESS biex titjieb il-kwalità tal-istatistika u biex jiġu żviluppati prodotti statistiċi ġodda m’għandhomx iwasslu għal żieda eċċessiva tal-piż amministrattiv fuq il-fornituri tad-data, l-unitajiet domestiċi u n-negozji.

3.12.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea rigward id-djalogu regolari li għandu jseħħ bejn l-ESS u l-utenti tad-data. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jagħtu kontribut importanti għat-titjib tal-prodotti statistiċi sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod aktar effettiv għat-talbiet għal data. Fir-rapport annwali tiegħu għall-2016, l-ESGAB għamel proposta dwar dan.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Għodod statistiċi biex jitkejjel il-volontarjat” (ĠU C 170, 5.6.2014, p. 11).

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Statistiku Komunitarju” (ĠU C 175, 27.7.2007, p. 8).

(3)  COM(2016) 557 final.

(4)  Il-konsultazzjoni saret permezz tal-pjattaforma onlajn “Il-vuċi tiegħek fl-Ewropa” bejn it-23 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru 2015 u ngħatat pubbliċità permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni tal-Eurostat u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika (NSIs).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn: Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel, COM(2009) 433 final.

(6)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “Il-PDG u lil hinn minnu — l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-għażla ta’ indikaturi komplementarii” (ĠU C 181, 21.6.2012, p. 14) u dwar “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel” (ĠU C 18, 19.1.2011, p. 64).

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(8)  http://ec.europa.eu/eurostat/documents/34693/7723121/ESGAB+Annual+Report+2016

(9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.