21.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”

(COM(2016) 468 final - 2016/0225 COD)

(2017/C 125/05)

Relatur:

Christian MOOS

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 7.9.2016

Parlament Ewropew, 12.9.2016

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

10.1.2017

Adottata fil-plenarja

25.1.2017

Sessjoni plenarja Nru

522

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

177/8/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-KESE

1.1

jitlob għal politika ta’ asil komuni f’konformità mal-valuri Ewropej. Huwa jilqa’ l-istabbiliment ta’ qafas ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni;

1.2

jistieden lill-Unjoni biex tieħu iktar responsabbiltà dwar il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, tagħmel sforz ikbar biex tilqagħhom milli għamlet s’issa, u turi solidarjetà ma’ pajjiżi terzi, iżda wkoll mal-Istati Membri tal-UE bħall-Greċja, dwar il-kwistjoni tar-refuġjati.

1.3

jenfasizza t-talba tiegħu biex tinbena sistema ta’ integrazzjoni robusta fl-Istati Membri;

1.4

jinsisti li l-kriterji komuni għar-risistemazzjoni għandhom ikunu prinċipalment skont il-ħtieġa għall-protezzjoni tal-persuna kkonċernata u mhux biss skont il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiżi terzi dwar l-asil. Għandhom ukoll ikunu nondiskriminatorji;

1.5

iqis li l-kunċetti ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ asil” jew “il-pajjiż terz bla periklu” huma kwistjonijiet miftuħa minħabba s-sitwazzjoni mhux sikura u instabbli attwali fil-pajjiżi u r-reġjuni terzi kkonċernati. Il-KESE huwa tal-opinjoni li d-Dikjarazzjoni ta’ bejn l-UE u t-Turkija hija tal-akbar importanza fis-sitwazzjoni attwali. Huwa fl-interess kemm tal-UE u kif ukoll tat-Turkija li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tiġi mmonitorjata fl-implimentazzjoni tagħha;

1.6

jappella biex il-programm ta’ risistemazzjoni ma jkunx marbut ma’ ftehimiet ta’ sħubija, li għandhom l-għan li jħarju lill-pajjiżi terzi biex jevitaw it-tluq ta’ persuni, li jġib miegħu l-periklu li jiġu miksura d-dritt internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. Huwa jenfasizza li l-azzjonijiet fil-kuntest tas-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi jew tal-għajnuna għall-iżvilupp b’mod iktar ġenerali, m’għandhomx ikunu kundizzjonati la minn ftehimiet ta’ riammissjoni u lanqas ftehimiet ta’ kooperazzjoni oħra simili ma’ pajjiżi terzi;

1.7

jitlob għal rwol ewlieni tal-UNHCR biex tidentifika ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat għar-risistemazzjoni u għandu dubji dwar il-fatt li pajjiżi terzi jkollhom drittijiet speċjali għall-għażla;

1.8

jilqa’ l-enfasi fuq il-vulnerabbiltà tan-nisa kif ukoll it-tfal u ż-żgħażagħ, iżda jikkunsidra ta’ importanza kritika l-kategorija ta’ persuni “soċjoekonomikament żvantaġġati”. Billi l-proposta tal-kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-modi ta’ dħul legali differenti, hemm ir-riskju li jonqsu l-kwantità u l-kwalità tar-risistemazzjoni;

1.9

skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951, għandu tħassib dwar l-esklużjoni totali ta’ persuni li, fil-ħames snin preċedenti mill-proċedimenti ta’ risistemazzjoni daħlu jew ippruvaw jidħlu jew baqgħu fit-territorju tal-Istati Membri b’mod irregolari jew ġew rifjutati r-risistemazzjoni fl-Istati Membri, minkejja li dawn il-persuni fil-bqija jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibblità;

1.10

jenfasizza li d-dritt għall-asil ma għandux ikun effettwat mir-risistemazzjoni. B’mod ġenerali, għandu jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

1.11

huwa favur miri ambiżżjużi fir-rigward tal-iffissar tal-għadd ta’ persuni li għandhom jiġu risistemati u jirrakkomanda li l-figura deċiża mill-Kumitat ta’ Livell Għoli titqies bħala l-minimu;

1.12

jistenna bil-ħerqa il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kumitat ta’ Risistemazzjoni ta’ Livell Għoli meta jkun stabilit;

1.13

jirrakkomanda l-involviment permanenti tal-UNHCR fil-Kumitat ta’ Risistemazzjoni ta’ Livell Għoli. Fil-proposta tal-Kummissjoni b’mod ġenerali, hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar kif u b’liema proċeduri se jkunu identifikati l-persuni vulnerabbli til-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, mill-UNHCR jew mal-Istati Membri, u r-rwol li l-Aġenzija ser ikollha fil-proċedura għall-asil;

1.14

jitlob li jkun hemm evalwazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjment u ta’ akkoljenza alternattivi u komplementari bħall-“Private Sponsorship Program” (Programm ta’ sponsorizzazzjoni privata) Kanadiż (1). Qafas ta’ risistemazzjoni tal-UE, b’mod ġenerali jista’ jibbenefika mill-istituzzjonalizzazzjoni ta’ approċċ trilaterali li jinkludi lill-Istati Membri, lill-UNHCR u atturi privati jew tas-soċjetà ċivili. Iżda dan m’għandux ikollu effett fuq il-kwalità u l-kwantità tar-risistemazzjoni. jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili tkun informata kif xieraq bil-pjanijiet ta’ risistemazzjoni u billi jappoġġja l-għajnuna għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess;

1.15

jirrakkomanda preżenza istituzzjonali aktar b’saħħitha tal-UE u l-Istati Membri tagħha partikolarment fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu, u dawn il-pajjiżi għandhom jiġu megħjuna fil-bini ta’ kapaċità ta’ akkoljenza u protezzjoni tagħhom.

2.   Valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

2.1    Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni

2.1.1

Il-KESE jilqa’ r-risistemazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni. Il-KESE jenfasizza, bħal fl-Opinjoni tiegħu dwar Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (2), li r-risistemazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-bini ta’ sistema ta’ integrazzjoni robusta fl-Istati Membri, il-faċilitar tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-forniment ta’ taħriġ fil-lingwi u professjonali.

2.1.2

Il-KESE jappoġġja l-miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni tal-persuni risistemati malajr, b’mod effikaċi u b’suċċess fil-qafas tal-Pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (3) tas-7 ta’ Ġunju 2016. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu esklużivi u m’għandhomx jiddependu fuq il-kooperazzjoni effettiva tal-pajjiż jew reġjun terz fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil, jew fuq ir-relazzjoni ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi, iżda għandu jkollhom bażi fuq il-vulnerabbiltà tal-persuni. Għaldaqstant, persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali tista’ taffaċċja t-tkeċċija jew ir-ritorn furzat għall-pajjiż terz jew il-pajjiż ta’ oriġini.

2.2    Reġjuni jew pajjiżi terzi minn fejn isseħħ ir-risistemazzjoni

2.2.1

Il-KESE jappoġġja l-flessibilità fid-determinazzjoni tal-kriterji komuni għall-għażla tar-reġjuni jew il-pajjiżi terzi li minnhom għandha sseħħ ir-risistemazzjoni skont l-Artikolu 7 u 8. Madankollu, dawn ma għandhomx ikunu wisq esklużivi u m’għandhomx jiddependu fuq il-kwalità tal-kooperazzjoni effettiva ta’ pajjiż terz jew reġjun fil-qasam ta’ migrazzjoni u asil, iżda pjuttost fuq il-vulnerabbiltà tan-nies. Il-KESE jopponi bil-qawwi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ir-rotta jew il-pajjiż tat-tluq kif ukoll abbażi tal-etniċità jew ir-reliġjon (l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinervra).

2.2.2

Fir-rigward tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kunċetti tal-“ewwel pajjiż tal-asil” u ta' “pajjiż terz bla periklu” għar-ritorn tal-applikanti għall-asil, il-KESE jargumenta, fl-Opinjoni tiegħu “L-istabbiliment ta’ lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu” (4), li għadu kmieni għal lista inklużiva u li hemm bżonn qbil dwar lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu fl-aħħar mill-aħħar fuq kriterji komuni, kif imsemmi fid-Direttiva 2013/32/UE, u jeħtieġ tfassil ta’ indikaturi speċifiċi, prattiċi u preċiżi, b’mod partikolari minn sorsi bħall-UNHCR, l-EASO, il-Kunsill tal-Ewropa, il-QEDB u organizzazzjonijiet oħra marbuta mad-drittijiet umani fil-valutazzjoni ta’ pajjiż. Il-KESE jwissi li dawn il-kunċetti ma jistgħux, fl-ebda każ, jiġu applikati għal pajjiżi fejn ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jinkisru. Barra minn hekk, pajjiż terz jista’ jitqies li hu “bla periklu” meta jkun żgurat li l-pajjiż jirrispetta l-prinċipju ta’ “non-refoulement” u b’mod usa’, meta jkun irrikonoxxa bis-sħiħ u implimenta l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u trattati oħra relevanti.

2.2.3

Madanakollu, skont il-KESE, l-Unjoni Ewropea, permezz ta’ sħubijiet, qed tipprova titfa’ r-responsabbiltà għar-refuġjati u l-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni fuq pajjiżi terzi u twassal biex, permezz ta’ inċentivi materjali, dawn il-pajjiżi jżommu barra mill-UE lill-persuni fil-bżonn protezzjoni. Għal din ir-raġuni, il-ftehimiet il-ġodda li jsaħħu r-riammissjoni ta’ persuni mingħajr stat jew minn pajjiżi terzi li jkunu residenti b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri huma dubjużi. L-isforzi biex jitnaqqas l-għadd ta’ rifuġjati, qed iwassal għar-riskju li pajjiżi terzi jonqsu milli josservaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-KEDB u jiċħdu d-dħul jew jibgħatu lura jew jiddeporataw lil dawk il-persuni li jeħtieġu l-protezzjoni u jaslu fuq il-fruntieri tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jkun hemm applikazzjoni stretta tal-prinċipji tal-liġi internazzjonali u l-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll effettivi.

2.3    Il-kriterji għad-determinazzjoni tar-reġjuni jew pajjiżi terzi li minnhom għandha sseħħ ir-risistemazzjoni (l-Artikolu 4)

2.3.1

Il-KESE jappella għad-diżakkoppjar tal-Programm ta’ Risistemazzjoni mill-Ftehimiet ta’ Sħubija, u għaldaqstant iħassar is-sentenza fl-Artikolu 4(a) “u kull moviment ulterjuri ta' dawk il-persuni lejn it-territorju tal-Istati Membri”. Fil-fehma tal-Kumitat, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(c) u (d) (minbarra l-punt iii) jheddu d-dritt għall-asil u l-protezzjoni kontra r-refoulement kif stipulat fl-Artikoli 18 u 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għalhekk għandhom jitħassru.

2.3.2

Il-KESE jitlob, li f’konformità mal-UNHCR, id-dispożizzjonijiet għar-riammissjoni għandhom jinkludu miżuri biex jiġi żgurat li l-pajjiż jew ir-reġjun terz irrikonoxxa u implimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u għalhekk jagħti aċċess għall-proċedura għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni skont il-Konvenzjoni.

2.3.3

Il-KESE jinnota bi tħassib li l-mekkaniżmu għar-ritorn furzat taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija jista’ jbiddel il-“hotspots” f’żoni ta’ detenzjoni. Dan ikun imur kontra d-dritt tal-libertà u d-dritt għall-protezzjoni kontra d-detenzjoni arbitrarja (l-Artikolu 5 tal-KEDB u l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Għaldaqstant, il-KESE jesprimi tħassib dwar l-arresti u r-ritorni taħt id-Dikjarazzjoni UE-Turkija u jqis li l-mekkaniżmu ta’ ritorn attwali jrid jiġi rivedut b’mod urġenti sabiex tkun żgurata protezzjoni xierqa f’dan u fi ftehimiet ta’ sħubija ġodda.

2.3.4

Il-KESE jappoġġja, fil-prinċipju, l-intensifiazzjoni tar-relazzjonijiet diplomatiċi kif ukoll miżuri finanzjarji u tekniċi fil-kuntest ta’ sħubijiet ma’ pajjiżi terzi bħall-bini tal-kapaċità tal-akkoljenza lokali u l-protezzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, kapaċitajiet utli għall-ġestjoni tal-problema tar-refuġjati fir-reġjuni u l-pajjżi terzi. Dawn il-miżuri għandhom ikunu marbuta mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, il-KEDB u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-miżuri meħuda fil-qasam tar-risistemazzjoni, jew b'mod ġenerali l-għajnuna għall-iżvilupp, m’għandhomx ikunu kundizzjonati minn ftehimiet ta’ riammissjoni jew ftehimiet ta’ kooperazzjoni simili ma’ pajjiżi terzi li jmorru kontra l-finijiet tal-azzjonijiet umanitarji. Ftehimiet bħal dawn imorru kontra l-għanijiet umanitarji ta’ dawn il-miżuri.

2.4    Kriterji ta’ eliġibbiltà (l-Artikolu 5)

2.4.1

Il-KESE jilqa’ l-enfasi speċjali dwar il-vulnerabbiltà tan-nisa u l-bniet kif ukoll it-tfal u ż-żgħażagħ, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, u l-inklużjoni ta’ persuni b’rabtiet familjari bħala estensjoni tal-kategoriji klassiċi għar-risistemazzjoni. B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ l-ħsieb dwar l-unità tal-familja li jfisser li l-aħwa wkoll jitqiesu bħala “membri tal-familja”. Madankollu, dan għandu japplika biss jekk ir-riunifikazzjoni tal-familja permezz tal-miżuri eżistenti bħad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-2003 ma tkunx possibbli. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u dawn għandhom japplikaw bla ħsara għall-punti (a), (b), (c) u (d).

2.4.2

Madankollu, il-KESE għandu r-riżervi dwar l-estensjoni tal-kategoriji għal dawk “soċjoekonomikament żvantaġġati” jekk dawn għandhom dħul baxx, livell baxx ta’ edukazzjoni jew status professjonali, eċċ. Din il-kategorija ma teħtieġ l-ebda protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u tista’ twassal għal diskriminazzjoni kontra dawk il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Madanakollu huwa importanti li jinħolqu rotot legali għad-dħul fl-UE u azzjonijiet oħra għall-persuni sokjoekonomikament żvantaġġati.

2.4.3

B’mod aktar ġenerali, il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni tal-kriterji ta’ rikonoxximent li ilhom stabbiliti mill-UNHCR u b’hekk jissaħħaħ ir-rwol ċentrali tal-UNHCR fl-identifikazzjoni tal-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.

2.5    Raġunijiet għall-esklużjoni (l-Artikolu 6)

2.5.1

Il-KESE jirrifjuta l-esklużjoni totali tal-persuni msemmija fl-Artikolu 6(1)(d) u (f), peress li dan imur kontra d-dritt fundamentali li persuna titlob l-asil. Iż-żewġ punti għandhom jitħassru, sabiex tinżamm l-integrità u l-kredibilità tal-istituzzjoni tal-asil.

2.5.2

Huwa wkoll meħtieġ li jiġi żgurat li l-Artikolu 6(1)(c) jkun applikat biss skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni b’termini u frażijiet vagi bħal fl-Artikolu 6(1)(a)(ii), “huma jkunu kkommettew delitt serju” għandhom ikunu evitati minħabba oqsfa u interpretazzjonijiet legali differenti minn Stati differenti jew almenu għandhom ikunu definiti b’mod ċar.

2.5.3

Għandu jkun hemm provi ċari u raġonevoli (l-Artikolu 6 punt 2) biex tissejjaħ ir-raġuni fakultattiva tal-esklużjoni, fejn l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw ir-risistemazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li għalihom tapplika prima facie waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 6(1), inkella dawn ir-raġunijiet għandhom jitħassru. Inkella, din għandha titħassar. Deċiżjoni fuq sempliċi suspett twassal biex l-Istat Membru jikser il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni.

2.6    Pjan ta’ risistemazzjoni u skemi ta’ risistemanzzjoni mmirati (l-Artikoli 7 u 8):

2.6.1

Il-KESE jilqa’ l-possibbiltà li jinstab rispons flessibbli għall-volatilità fil-flussi migratorji u s-sitwazzjoni internazzjonali dejjem tinbidel. Madankollu, huwa jħeġġeġ, bi qbil mal-UNHCR u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili (5), li n-numru ta’ persuni għar-risistemazzjoni jkun in-numru minimu, b’kuntrast mal-Artikolu 7, u li r-rapport annwali tal-UNHCR (6) jintuża bħala bażi għall-previżjoni tan-numri ta’ persuni li għandhom jiġu risistemati. Il-KESE jemmen li livell ta’ mill-inqas 25 % tal-għadd ta’ persuni li għandhom bżonn risistemazzjoni skont il-UNHCR huwa xieraq għall-Ewropa.

2.6.2

Il-KESE għandu r-riservi tiegħu dwar l-involviment tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ risistemanzzjoni annwali. Dawn id-dubji huma ġġustifikati minħabba l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015, kif ukoll minħabba l-proċedimenti ta’ ksur imniedi mill-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (7) u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (8).

2.6.3

Fl-Artikolu 8, il-qafas ta’ risistemazzjoni tal-UNHCR għandu jkun distint b’mod ċar mir-rotot legali lejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u partijiet interessati oħra. B’mod ġenerali, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ trilaterali, skont il-qafas ta’ risistemazzjoni tal-UE, li jippermetti lill-UNHCR, lill-UE u lill-Istati Membri, u lil atturi privati jew is-soċjetà ċivili jwettqu risistemazzjoni.

2.7    Kunsens (l-Artikolu 9)

2.7.1

Filwaqt li l-proċeduri ta’ risistemazzjoni skont l-Artikoli 10 u 11 għandhom ikunu bbażati fuq il-kunsens taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew il-persuni mingħajr stat, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li rrifjutaw ir-risistemazzjoni fi Stat Membru partikolari, pereżempju, għal raġunijiet familjari, soċjali jew kulturali, m’għandhomx ikunu esklużi mir-risistemazzjoni fi Stat Membru ieħor.

2.8    Proċedura ordinarja u mħaffa (l-Artikoli 10 u 11)

2.8.1

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-UNHCR għandu jkollha rwol kruċjali fl-identifikazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr stat. L-UNHCR jista’ jkollha l-appoġġ ta’ Aġenzija tal-Unjoni għall-Asil, li l-Kummissjoni għadha ma fasslitx fid-dettall l-ambitu u r-rwol tagħha, jew ta’ korpi internazzjonali rilevanti. Il-KESE jitħasseb dwar id-drittijiet speċjali – bħal fil-każ tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija – li jippermettu lill-pajjiż terz u mhux lill-UNHCR jagħżel minn għandu jitlaq; jekk dan iseħħ, ma jistax ikun garantit li jinżammu d-drittijiet fundamentali skont il-Konvenzjoni ta’Ġinevra, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-KEDB.

2.8.2

Skont il-proposta, ir-risistemazzjoni għandha tkun is-soluzzjoni preferuta għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri u l-proċedura tal-asil ma għandhiex tiġi ddupplikata. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jippreġudikaw id-dritt għall-asil ta’ persuni li għandhom bżonn protezzjoni. Irid ikun hemm għażla garantita tal-applikazzjoni għall-asil b’mod differenti fit-territorju tal-Istati Membri, inkella dan jista’ jmur kontra d-dritt u l-obbligu ta’ dawk li jkunu qed ifittxu protezzjoni biex japplikaw għall-asil fl-ewwel pajjiż ospitanti fl-UE.

2.8.3

Il-KESE jwissi li hemm kunflitt bejn l-integrazzjoni ta’ persuni risistemati fi Stat Membru u l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja skont il-proċedura mħaffa (l-Artikolu 11). Fl-Istat Membru ta’ risistemazzjoni l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna jerġa jiġi eżaminat u għalhekk jista’ jiġi miċħud. L-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, għaldaqstant, m’għandux jingħata bħala proċedura mħaffa, eż. F’każ ta’ kura medika urġenti. Fiż-żewġ proċeduri, il-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent sħiħ tal-istatus ta’ refuġjat għandhom ikunu ċċekkjati (9).

2.9    Il-Kumitat ta’ Livell Għoli (l-Artikolu 13)

2.9.1

Il-KESE jirrakkomanda li l-pjan annwali ta’ risistemazzjoni tal-Kummissjoni għandu jitfassal b’konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Livell Għoli u l-implementazzjoni tiegħu għandha tkun obbligatorja. Il-Kummissjoni u l-Parlament għandhom jippresjedu l-kumitat, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili. Il-KESE, bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili għandu jkun Membru tal-Kumitat ta’ Livell Għoli, jew għall-inqas fil-forma ta’ parteċipazzjoni permanenti bi status ta’ osservatur jew konsultattiv.

2.9.2

Il-KESE jitlob li aġenzija tal-UE dwar l-asil, l-UNHCR u l-IOM ikunu membri permanenti tal-Kumitat ta’ Livell Għoli.

2.10    Eżerċizzju tad-delega

Il-KESE jappoġġja, fir-rigward tal-atti delegati mill-Kummissjoni, adottati skont l-Artikolu 10(9), l-istabbiliment tad-dritt ta’ veto u ta’ revoka mill-Parlament u l-Kunsill.

2.11    Assoċjazzjoni mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-parteċipazzjoni tal-Istati assoċjati fl-implimentazzjoni tal-pjani ta’ risistemazzjoni u fil-Kumitat ta’ Livell Għoli. Il-KESE jirrakkomanda li r-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka jiġu mistiedna biex jipparteċipaw.

3.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

3.1    Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ risistemazzjoni annwali

3.1.1

F’dan l-istadju, il-KESE mill-ġdid isejjaħ lill-Istati Membri tal-Unjoni, u lill-komunità internazzjonali biex jieħdu aktar responsabbiltà għall-persuni li għandhom bżonn protezzjoni, biex juru aktar solidarjetà ma’ pajjiżi u reġjuni terzi fejn hemm persuni spostati, kif ukoll biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom għar-risistemazzjoni u għal skema volontarja ta’ ammissjoni fuq bażi umanitarja.

3.1.2

Il-Kumitat jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenji preċedenti tagħhom marbuta mar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni fil-qafas tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju u Settembru 2015, u biex iqisu aktar il-kapaċità limitata ta’ ċerti Stati Membru, bħall-Greċja, għall-akkoljenza u biex jagħtu aktar attenzjoni u jagħmlu aktar sforzi għall-ħolqien ta’ Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-Unjoni u Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. Il-KESE jirrakkomanda li fid-dawl tal-65,3 miljun persuna li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali skont l-UNHCR, l-UE tkun aktar proattivi u turi aktar impenn u tagħti risistemazzjoni lil aktar min 20 000 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni kull sena.

3.1.3

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom malajr iwessgħu l-preżenza istituzzjonali tagħhom fil-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu, u għandhom jippermettu lill-ambaxxati u l-konsulati jew iċ-ċentri ta’ migrazzjoni speċifiċi li għad iridu jiġu stabbiliti jikkonfermaw il-vulnerabbiltà tal-persuni, fuq il-bażi tad-dokumenti tal-UNHCR u jippermettu r-risistemazzjoni fl-Istati Membri. Dan ikun ta’ kontribut addizzjonali għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa għall-pjan ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni.

3.2    Kooperazzjoni

3.2.1

Il-KESE jirrakkomanda sħubija formali b’saħħitha mal-UNHCR minħabba l-kompetenza tagħha rikonoxxuta internazzjonalment. Barra minn hekk jistgħu jsiru sħubijiet simili mal-IOM u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili ċertifikati bħall-Kummissjoni tal-Knejjes għall-Migranti fl-Ewropa (CCME) jew il-Kunsill Ewropew dwar ir-Refuġjati u l-Eżiljati (ECRE). Il-Kumitat jixtieq iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini fl-istadji bikrija fil-livell lokali sabiex jiksbu l-appoġġ tal-komunità lokali, u b’hekk jiżdied il-prospett ta’ integrazzjoni b’suċċess tar-refuġjati rilokati.

3.2.2

Għandhom ikunu kkunsidrata wkoll skemi ta’ ammissjoni u ta’ finanzjament alternattivi, pereżempju għal individwi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi jew partijiet interessati oħra, biex jinħolqu rotot legali lejn l-Unjoni. Dan jista’ jikkumplimenta b’mod siewi l-pjan ta’ risistemazzjoni tal-Unjoni iżda qatt ma għandu jissostitwih. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-eżempju Kanadiż ta’ “Private Sponsorship Program”. Is-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali jaqdu funzjonijiet importanti u jrawwmu l-integrazzjoni meta persuna tkun risistemata, u għalhekk dawn għandhom ikunu involuti malajr kemm jista’ jkun fil-proċessi ta’ ippjanar u teħid ta’ deċiżjonijiet skont il-qafas ta’ risistemazzjoni.

3.2.3

Il-programmi ta’ ammissjoni privati għandhom jiġu evalwati b’mod regolari mill-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-Karta tad-drittijiet fundamentali, il-KEDB, u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jkunu rrispettati u dawn ma jsegwux interessi oħra. Il-persuni għar-risistemazzjoni skont il-programmi ta’ ammissjoni privati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-istatus ta’ refuġjat. Fil-pajjiż ospitanti għandhom jingħataw l-istess status ġuridiku bħar-refuġjati li jidħlu permezz ta’ programmi governattivi.

Brussell, il-25 ta’ Jannar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://www.cic.gc.ca/english/resources/publications/ref-sponsor/.

(2)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 46.

(3)  COM(2016) 377 final.

(4)  ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82.

(5)  Joint Comments Paper by Caritas Europe, CCME, ECRE, ICMC Europe, IRC, Red Cross EU Office, 14.11.2016.

(6)  UNHCR Projected Global Resettlement Needs 2016.

(7)  IP/15/6228.

(8)  COM(2016) 349 final.

(9)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 144; SOC/547 dwar il-Pakkett ta’ Riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil II, Brussell, 14 ta’ Diċembru 2016, u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 (ara paġna xxx ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).