10.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ‘Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti — Lejn Ħajja b’Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti’”

[COM(2016) 234 final]

(2017/C 075/23)

Relatur:

is-Sur Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea: 21.6.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

16.11.2016

Adottata fil-plenarja

14.12.2016

Sessjoni plenarja Nru

521

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

203/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjonijiet dwar “Lejn Ħajja b’Dinjità”

1.1.

Il-Kumitat jaħseb li l-komunikazzjoni “Lejn Ħajja b’Dinjità” hija dokument ambizzjuż u f’waqtu li jsegwi l-aħjar prattika fl-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarju. L-UE trid tkun konxja tal-isfidi involuti biex dan iseħħ.

1.2.

Il-Kumitat jaħseb li r-reġjuni ġeografiċi definiti u ċari li joħolqu l-ispustar furzat joffru l-opportunità biex l-azzjonijiet ikunu speċifiċi u ffokati u jiġu żgurati reazzjonijiet konġunti madwar il-Kummissjoni Ewropea u istituzzjonijiet oħra.

1.3.

Il-Kumitat jirrakkomanda li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, b’rabta mal-Istati Membri, għandu jiżviluppa strateġija politika ta’ livell għoli biex jikkollabora mal-istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar “Lejn Ħajja b’Dinjità”, fid-dawl tal-isfidi ġeopolitiċi ewlenin involuti.

1.4.

Il-Kumitat jirrakkomanda li flimkien mal-Komunikazzjoni għandhom jiġu żviluppati approċċi ddedikati għal kwistjonijiet ewlenin għan-nisa u ż-żgħażagħ, u dawn il-gruppi jridu jkunu kkonsultati u involuti fi kwalunkwe implimentazzjoni.

1.5.

Il-Kumitat jaħseb li filwaqt li approċċ imsejjes fuq l-iżvilupp jista’ jipproduċi riżultati konsiderevoli bil-baġit attwali, il-possibilità tal-bżonn għal iżjed riżorsi għandu jibqa’ jitqies.

1.6.

Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li s-soċjetà ċivili, l-utenti aħħarin, l-imsieħba fl-iżvilupp u l-NGOs għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni u biex il-Komunikazzjoni tkun operattiva.

1.7.

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu msaħħa u mtejba strutturi u proċessi ta’ djalogu soċjali u ċivili fil-pajjiżi msieħba u ospitanti sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni.

1.8.

Il-Kumitat jirrakkomanda azzjoni ekonomika fir-reġjuni affettwati sabiex tiġi appoġġjata u żviluppata l-intraprenditorija bħala triq ta’ żvilupp fattibbli għal ħafna persuni spostati b’mod furzat.

1.9.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-azzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-saħħa mentali u l-mard mentali u jkunu konsistenti mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar Persuni b’Diżabilità.

1.10.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-azzjonijiet dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jissejsu fuq approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja u l-possibilità li l-programmi tal-UE jkunu disponibbli għall-persuni spustati b’mod furzat, fejn rilevanti.

1.11.

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-ogħla standards ta’ responsabbiltà u trasparenza għandhom jiġu applikati fl-applikazzjoni ta’ approċċ ta’ żvilupp.

1.12.

Il-Kumitat jappella għal responsabbiltà parlamentari fil-livell tal-UE u nazzjonali, kif ukoll sorveljanza minn korpi rilevanti oħrajn bħala parti minn sforz lejn approċċ immexxi mill-iżvilupp.

2.   Kuntest

2.1.

L-għadd ta’ persuni spostati b’mod furzat (rifuġjati, persuni spostati internament u persuni li jitolbu ażil) huwa wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin għall-komunità internazzjonali, u sfortunatament jidher li m’hemm l-ebda soluzzjoni għall-kunflitti fis-Sirja, partijiet fl-Afrika, u postijiet oħra. Fil-qalba ta’ din l-isfida ta’ politika hija l-emerġenza ta’ klassi permanenti ta’ persuni spostati li jibqgħu fl-istess post għal ħafna snin wara li ġew spostati oriġinarjament.

2.2.

Din is-sitwazzjoni tippreżenta għadd ta’ kwistjonijiet, l-ewwel nett li t-tweġibiet tal-komunità internazzjonali huma ddominati minn rispons “ta’ emerġenza” meta reġim aktar fit-tul imsejjes fuq l-iżvilupp kien ikun iżjed adatt. Is-soluzzjoni ta’ din id-dilemma hija diffiċli, billi l-bidliet jistgħu jqajmu ħafna kwistjonijiet għall-pajjiżi ospitanti, id-donaturi, l-NGOs u l-persuni spostati stess li jiddependu fuq l-approċċ.

2.3.

Iżjed minn ħamsa u sittin miljun ruħ kienu kkunsidrati spostati b’mod furzat fl-2015, b’21,2 miljun ta’ dawn ikunu refuġjati u 40,8 miljun spostati internament, filwaqt li 3,2 miljun kienu qed jitolbu asil. Il-pajjiżi li jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-persuni spostati b’mod furzat huma s-Sirja, l-Afganistan, is-Somalja, is-Sudan t’Isfel u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Pajjiżi ġirien qed jakkomodaw ammont kbir ta’ refuġjati filwaqt li persuni spostati internament jibqgħu fil-konfini ta’ dawn l-istati.

2.4.

Għar-refuġjati, il-pajjiżi ewlenin fil-viċinat huma l-Pakistan, l-Iran, it-Turkija, il-Lebanon, il-Ġordan u l-Etjopja. Fid-dinja kollha, it-Turkija hija l-pajjiż bl-ikbar ammont ta’ refuġjati. Barra minn hekk, iċ-ċifri huma għoljin immens għal ħafna pajjiżi, bħall-Ġordan u l-Lebanon fuq bażi per capita. Għall-persuni spostati internament, il-pajjiżi ewlenin huma s-Sirja (6,6 miljun), Kolombja (3,6 miljun), l-Iraq (3,3 miljun), is-Sudan (3,2 miljun), il-Jemen (2,5 miljun) u n-Niġerja (2,1 miljun).

2.5.

L-Unjoni Ewropea hija l-entità prinċipali ta’ appoġġ għall-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna ta’ emerġenza fid-dinja llum. Dan il-fatt huwa wieħed mill-karatteristiċi kruċjali tal-valuri tal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-UE fittxet ukoll għal aktar koerenza u effikaċja fl-għajnuna tagħha u r-risponsi ta’ emerġenza permezz ta’ aktar koordinazzjoni fil-pajjiżi fil-mira tal-isforzi tal-Istati Membri u l-approċċ tal-UE.

2.6.

L-UE pprovdiet aktar minn EUR 1 biljun ta’ għajnuna umanitarja ddedikata għall-persuni spostati b’mod furzat fl-2015. F’April 2016 il-Kummissjoni Ewropea f’assoċjazzjoni mal-SEAE adottat approċċ immexxi mill-iżvilupp lejn l-ispostar b’mod furzat. Il-Komunikazzjoni “Lejn Ħajja b’Dinjità” tispjega għall-ewwel darba kif l-UE tħares lejn sforzi favur dispensa fil-qasam tal-appoġġ għal persuni spostati b’mod furzat.

2.7.

“Lejn Ħajja b’Dinjità” tfisser l-isfidi li qed jiffaċċjaw persuni spostati b’mod furzat. Tispjega b’mod ċar l-argument li l-vulnerabilità tal-persuni spostati għandha tkun ta’ kunsiderazzjoni primarja, anke qabel l-istatus legali tagħhom. Il-komunikazzjoni hija bbażata fuq approċċ komprensiv lejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-approċċ tal-UE lejn ir-reżiljenza f’dan il-qasam, u b’hekk tevita “approċċ lineari”. Qed tfittex li timxi lil hinn minn approċċ ta’ “sajlos” lejn approċċ ta’ politika u li jingħalaq id-distakk bejn id-dinja umanitarja u dik li qed tiżviluppa, li xi kultant jaf ikun kbir.

2.8.

Il-Kummissjoni temmen li m’għandux ikun hemm spiża żejda involuta f’dan l-approċċ ġdid, peress li huwa mod kif jiġu magħquda finanzjamenti li diġà jeżistu. Tingħata enfasi kbira lill-gvernijiet ospitanti u lill-imsieħba implimentattivi. B’mod simili, huma appoġġjati sistemi ta’ twissija bikrija u l-involviment bikri tal-atturi kollha. Huma msemmija eżempji ta’ prattiki li diġà jeżistu relatati ma’ ppjanar konġunt tal-pajjiżi u l-ipprogrammar strateġiku. Miri komuni u programmar huma prijoritizzati.

2.9.

Żewġ elementi ta’ qafas ta’ politika ġdid huma previsti b’azzjonijiet supplimentari, bħal: relazzjoni iżjed b’saħħitha bejn il-qasam umanitarju u dak tal-iżvilupp u impenn strateġiku mal-imsieħba, inkluż is-settur privat. Hemm ukoll fokus settorjali b’azzjonijiet fl-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol (inkluż id-djalogu soċjali) u l-aċċess għal diversi servizzi bħall-akkomodazzjoni, l-ilma, is-sanitazzjoni, eċċ.

3.   Kummenti ġenerali

Kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi

3.1.

B’mod globali, il-Komunikazzjoni “Lejn Ħajja b’Dinjità” hija inizjattiva li għandha tiġi mfaħħra, li tniedi viżjoni kuraġġuża għall-aġġustament strateġiku fil-politika mmirat lejn l-indirizzar ta’ kwistjonijiet reali u b’enfasi fuq il-ħtieġa ta’ bidla sabiex jieħdu benefiċċju dawk li jeħtiġuh l-iżjed. Hi konformi ma’ ħafna mill-iżvilupp fil-ħsieb fis-settur u ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam, tagħlaq id-distakk bejn il-ħidma umanitarja u tal-għajnuna, u tiffoka fuq il-ħtiġijiet l-iżjed fit-tul bħas-saħħa u l-edukazzjoni. L-UE għandha awtorità konsiderevoli f’dan il-qasam u hija parti interessata importanti, u flimkien mal-Istati Membri tista’ tħalli impatt reali. Nilqgħu l-ambizzjoni tal-proposti f’din il-Komunikazzjoni. L-UE u atturi oħra jridu jkunu ċari dwar id-daqs tal-kompitu, filwaqt li jżommu l-approċċ ambizzjuż involut.

3.2.

Għandha tiġi meqjusa b’mod adegwat l-importanza tal-ġeopolitika f’dan il-qasam. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna rajna kif fl-UE stess sfaxxaw fix-xejn il-pjani b’intenzjonijiet tajba relatati mar-risistemazzjoni ta’ għadd ħafna iżgħar ta’ refuġjati. Persuni spostati jkunu ġejjin minn kunflitti kumplessi u sensittivi u sfortunatament ma jiqfux ikunu soġġetti għal dawn il-kunflitti wara li jkunu spostati. Kull bidla fil-politika jew fl-approċċ, tkun kemm tkun b’intenzjonijiet tajba jew b’appoġġ wiesa’ tad-donaturi, jista’ jkollha l-potenzjal li twassal għal riżultati jew impatti mhux mistennija b’xi mod mhux mistenni fuq il-kunflitt stess. Dan l-impatt jista’ jkun fuq l-istati jew ir-reġjuni fil-viċinat jew fuq bilanċi sottili ħafna ta’ etniċità, setgħa jew ġeopolitika. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari jekk popolazzjoni li hija “temporanja” tibda titqies “permanenti”. Pajjiżi bħal-Lebanon u l-Ġordan diġà qed iħossu dawn il-pressjonijiet. Eżempji pożittivi mill-Komunikazzjoni bħall-aċċess għall-art fl-Uganda jistgħu jgħinu f’dan ir-rigward.

3.3.

L-istati li huma l-bażi għal għadd konsiderevoli ta’ persuni spostati b’mod furzat ġieli jkunu stati fraġili jew dgħajfa li jfisser li l-kwistjoni ta’ sensittività ġeopolitika ssir iżjed reali. F’każi oħra, l-istat “ospitanti” jista’ jkun reġim awtokratiku, iżda s-sensittività tkompli. Inevitabbilment, jista’ jkun diffiċli tiddistingwi bejn “ġirien”, “ospiti” u partijiet fil-kunflitt, u jafu jkunu pjuttost fluwidi. Fil-fatt, ta’ sikwit ikun hemm rabtiet bejn il-kunflitt innifsu u l-pajjiżi ġirien jew sottokategoriji tal-popolazzjonijiet fit-tnejn li huma. Ospitu, ġar jew reġjun jistgħu “jakkwistaw” jew “jitilfu” minn kwalunkwe bidla fl-istatus ta’ persuni spostati b’mod furzat, u jistgħu jirreaġixxu.

3.4.

Ta’ min ifaħħar li hija tema rikorrenti fil-Komunikazzjoni li jissemmew il-vuċijiet lokali. Madankollu, f’ċirkostanzi limitati, dawn jistgħu jkunu ilħna partiġġjani jew influwenzati mill-kunflitt, jew mis-sensiela ta’ ċirkostanzi usa’ li wasslu għall-kunflitt. L-isfida li titħeġġeġ ix-xewqa f’ħafna reġjuni għal iżjed permanenza tal-persuni spostati ma tistax tiġi sottovalutata. Id-deċiżjoni reċenti biex jingħalaq il-kamp ta’ Dadaab fil-Kenja, li ilu jeżisti 24 sena, u l-offerta ta’ inċentivi finanzjarji lil refuġjati mill-Afganistan fil-Pakistan, huma eżempju tal-isfidi involuti. X’aktarx hija realtà ta’ dwejjaq iżda inevitabbli li s-sovranità tal-ospitu tibqa’ suprema fil-liġi internazzjonali, minkejja l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-persuni spostati b’mod furzat.

3.5.

Peress li s-sigurtà hija meqjusa b’mod konsistenti bħala l-motivatur ewlieni għal persuni biex jibqgħu jew jitilqu, il-kunċett ta’ twissija bikrija kif imqajjem fil-Komunikazzjoni huwa vitali. Barra minn hekk, ħafna movimenti qed jitqiesu prevedibbli. Għal darb’ oħra dan isaħħaħ il-ħtieġa għal azzjonijiet politiċi b’saħħithom u l-impenn aktar qawwi biex jitmexxew ‘il quddiem l-għanijiet tal-Komunikazzjoni.

Politiki Konġunti

3.6.

Il-Komunikazzjoni ġustament issemmi l-ħtieġa għal politika konġunt u ħsieb konġunt, b’mod partikolari bejn id-dinja tar-rispons ta’ emerġenza u dik tal-politika tal-iżvilupp. Huwa u jilqa’ dan b’sodisfazzjon, il-KESE jħeġġeġ aktar ambizzjoni f’din id-direzzjoni. Jista’ jkun possibbli li jiġu kkunsidrati sett usa’ ta’ politiki fejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jtejbu ħajjet dawk spostati b’mod furzat. Fid-dawl tas-sett definit ta’ pajjiżi, l-oqsma jistgħu jinkludu l-kummerċ, l-għajnuna, l-armi u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Komunikazzjoni hija wkoll b’saħħitha ħafna f’dak li jirrigwarda sinerġiji u ħsieb konġunt; dan irid jimxi lil hinn minn oqsma tradizzjonali bħal rispons ta’ emerġenza u għajnuna fl-iżvilupp. Ikun interessanti li nisimgħu x’jistgħu jikkontribwixxu għal din il-ħidma d-DĠs l-oħra tal-Kummissjoni, bħall-Kummerċ. Il-Komunikazzjoni tipprovdi xi eżempji pożittivi, bħal dokument dwar Qafas Konġunt għall-Iżvilupp Umanitarju għall-malnutrizzjoni fit-Tramuntana tan-Niġerja, iżda jkun importanti li nuru li dan l-approċċ huwa sistematiku, partikolarment fi Brussell.

3.7.

Xi NGOs umanitarji esprimew dubji dwar jekk dawn il-kompiti humiex adatti għall-umanitarji u jekk il-karattru distintiv tal-assistenza umanitarja jinżammx f’azzjoni bħal din. L-ODI bbażat f’Londra temmen li s-sistema ta’ assistenza umanitarja teħtieġ bidla radikali fid-dawl taċ-ċirkostanza mibdula li tinsab fiha u minħabba l-għadd limitat ta’ donaturi u riċevituri.

Filwaqt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tgħid li m’għandux ikun hemm kwalunkwe spiża ġdid fl-implimentazzjoni ta’ “Lejn Ħajja b’Dinjità”, m’għandhiex tiġi injorata l-kapaċità li jiġi attratt finanzjament ġdid jew li jiġu stabbiliti sinerġiji akbar.

Politiki tal-UE dwar ir-Refuġjati u Persuni li qed ifittxu l-Ażil

3.8.

“Lejn Ħajja b’Dinjità” tindirizza kwistjonijiet separati u distinti mill-politiki proprji tal-UE dwar refuġjati u l-ażil. Madankollu, hemm xi ftit ta’ konnessjoni, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-bżonn ta’ politika tanġibbli u kontinwa ta’ risistemazzjoni, għal ċertu għadd ta’ persuni spostati b’mod furzat. Barra minn hekk, l-awtorità morali tal-UE f’dan il-qasam tista’ tonqos wara l-arranġamenti stabbiliti mat-Turkija, l-istess bħalma jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ ċerti Stati Membri. Dan ifisser li hija dejjem iżjed importanti l-aderenza għall-ogħla livelli ta’ liġi internazzjonali u l-aħjar prattika meta tiġi implimentata din il-Komunikazzjoni. Huwa importanti l-involviment tal-utenti aħħarin fit-twassil tal-politika. Id-djalogu soċjali u ċivili joffri potenzjal kbir hawnhekk. Il-politiki ta’ integrazzjoni fl-UE wkoll iridu jitjiebu u huma rilevanti għall-ispustar b’mod furzat billi r-risistemazzjoni ta’ ħafna persuni li ġew spostati b’mod furzat trid tkun alternattiva. Dawn jinkludu d-dritt għal impjieg, l-appoġġ lingwistiku u miżuri kontra d-diskriminazzjoni. L-iżvilupp reċenti ta’ “kurituri umanitarji” piloti, b’mod partikolari mill-Gvern Taljan iżda wkoll f’pajjiżi oħra tal-UE, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti, għandu jkun rakkomandat f’termini ta’ risistemazzjoni.

Monitoraġġ, Sorveljanza u Responsabbiltà

3.9.

Hija ċara l-ħtieġa għall-ogħla standards ta’ responsabbiltà u trasparenza għall-finanzjament kollu umanitarju u ta’ żvilupp. Kwalunkwe sforz lejn approċċ ġdid għall-persuni spustati b’mod furzat irid jissodisfa l-ogħla standards ta’ responsabbiltà. L-infiq kollu għandu jkun soġġett għal sorveljanza mill-Parlament Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-OLAF u l-Ombudsman Ewropew, kif ukoll il-korpi nazzjonali ekwivalenti fejn dan ikun rilevanti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Filwaqt li l-Komunikazzjoni tiffoka fuq kunflitti u żoni minsija b’għadd kbir ta’ persuni spustati b’mod furzat, qed jiġu enfasizzati dawk bl-ikbar numru ta’ persuni spustati fuq tul ta’ żmien twil. Minkejja s-sensitivitajiet politiċi ta’ sitwazzjonijiet partikolari, xi kunflitti jitolbu attenzjoni speċifika minħabba n-natura mtawla ħafna tagħhom. Il-każi tal-punent tas-Saħara u tal-Palestinjani hawnhekk huma rilevanti. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna titlob attenzjoni speċjali wkoll, billi l-pajjiż jinsab fil-viċinat immedjat tal-UE.

4.2.

Il-Komunikazzjoni tgħid b’mod ammirevoli li l-istatus legali ta’ persuni spostati b’mod furzat m’għandux jitqies fir-rigward ta’ assistenza umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp fuq medda itwal ta’ żmien; dan il-punt huwa milqugħ b’sodisfazzjon. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi jista’ jkun hemm vantaġġ fejn status legali jagħti xi sigurtà u utilità lil persuna spustata, pereżempju meta il-persuna tissodisfa l-kriterji taħt il-Konvenzjoni tal-1951, meta jkollha ċittadinanza tal-pajjiżi ospitanti jew ta’ pajjiż terz, meta t-tfal tagħha għandhom tali ċittadinanza jew meta hi nnfisha tkun minuri jew f’sitwazzjonijiet oħra rilevanti. Dan pereżempju għandu jkun rilevanti ħafna għall-minorenni mhux akkumpanjati.

4.3.

L-approċċ tal-Komunikazzjoni jista’ jibbenefika minn xi verifiki minn barra jew indipendenti u minn rigorożità akkademika mill-oqsma tax-xjenzi soċjali jew il-psikoloġija. Eżempji ta’ dawn l-approċċi jistgħu jinkludu l-ġerarkija ta’ bżonnijiet ta’ Maslow jew l-iżvilupp komunitarju msejjes fuq l-assi. Naturalment, hemm ħafna eżempji ta’ dawn, iżda hija meħtieġa enfasi fuq bżonnijiet umani ogħla mill-eżistenza fiha nnifisha biss.

4.4.

L-approċċ prinċipali tal-Komunikazzjoni lejn it-turija tad-dimensjoni operattiva tal-bidla prevista huwa permezz ta’ eżempji attwali. Dawn huma ta’ valur kbir. Filwaqt li d-dimensjoni operattiva tista’ tkun għall-futur, ikun ta’ valur li tiġi ċċarata u żviluppata. Fi kliem ieħor, kif se tkun tidher, liema huma l-istrumenti proprji, u se tkun immexxija biss mill-għajnuna? Dawn huma kwistjonijiet importanti għal ħafna partijiet interessati bħall-Istati Membri, l-NGOs, il-ħaddiema fil-qasam tal-assistenza, u naturalment il-persuni spustati wkoll. Kull proċess ta’ bidla jista’ joħloq il-biża’. Anke meta tqis in-nuqqas ta’ funzjonament ta’ kwalunkwe reġim, l-alternattiva ssoltu jkollha t-telliefa u r-rebbieħa u l-istabbiliment bikri tal-aspetti operattivi jista’ jgħin biex dan jiġi indirizzat.

4.5.

B’mod simili, ikun importanti li jiġu stabbiliti t-twettiq u t-trażmissjoni ta’ approċċ ġdid, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-aġenziji multilaterali rilevanti, l-istati li mhumiex fl-UE u l-NGOs. Filwaqt li l-UE hija attur importanti u fil-fatt titqies bħala mexxejja f’dan il-qasam, mhijiex l-unika wieħed. Dawn il-partijiet interessati jista’ jkollhom prijoritajiet differenti u li jikkompetu bejniethom. Meta wieħed iqis it-taħlita ta’ fondi u sforzi involuti f’ħafna operazzjonijiet, aġenda komuni hija ta’ importanza kritika.

4.6.

Id-demokrazija u l-governanza tajba huma essenzjali jekk l-għajnuna se tkun vantaġġuża u fir-realtà tasal għand dawk li kienu maħsuba biex ikunu l-benefiċjarji tagħha. L-istat tad-dritt huwa ta’ importanza fundamentali hawnhekk, l-istes bħal miżuri effettivi kontra l-korruzzjoni. Fil-passat kien stmat li sa 40 % tal-finanzjament ġie allokat jew għax-xiri ta’ armi jew għall-arrikkiment personali ta’ politiċi ewlenin. L-istat tad-dritt huwa essenzjali wkoll biex jiġi żgurat li s-soċjetà ċivili jkollha vuċi effettiva u taqdi rwol importanti ta’ monitoraġġ, mingħajr il-biża’ ta’ intimidazzjoni jew priġunerija sussegwenti.

4.7.

Ġustament qed issir enfasi konsiderevoli fuq l-ippjanar fid-dokument; madankollu, l-avvenimenti jistgħu jipprogressaw b’aktar ħeffa f’dan il-qasam u l-ħin huwa ta’ importanza essenzjali. Kwalunkwe approċċ jew pjan operattiv għandu jkun kapaċi jiġi implimentat malajr ħafna.

4.8.

Bħal fl-oqsma kollha jista’ jkun hemm lingwaġġ u terminoloġija speċifiċi għal dan il-qasam fil-Komunikazzjoni u bnadi oħra. L-iżvilupp ta’ politika għandu kemm jista’ jkun jevita l-użu ta’ kliem tekniku. Qed tingħata ħafna attenzjoni lil ideat bħal sinerġiji, strateġiji, pjani u ħsieb konġunt. Approċċi jew direzzjonijiet iżjed konkreti jistgħu jintużaw f’dawn l-oqsma.

4.9.

Id-dispożizzjonijiet dwar id-djalogu soċjali fil-Komunikazzjoni huma milqugħa b’sodisfazzjon u għandhom jiġu rikonoxxuti fid-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tagħha. L-elementi edukattivi u tas-suq tax-xogħol tal-azzjonijiet proposti għandhom jikkunsidraw enfasi akbar fuq l-impjieg awtonomu u l-intraprenditorija. Tali attività ta’ spiss tkun viżibbli fil-kampijiet għall-persuni spostati u l-kreattività tista’ ssir riżultat inevitabbli tas-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha dawn il-persuni. Dan huwa kkonfermat minn rapport tal-Bank Dinji dwar l-ispustar bil-forza.

4.10.

Huwa raġonevoli li wieħed jistaqsi liema approċċ għandu jittieħed għall-futur. Bħal kull bidla fil-politika, ser ikun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni. Se jkun hemm akkumulu jew sistema fuq żewġ binarji? 25,1 miljun ruħ bħalissa jitqiesu li huma spustati għal żmien imtawwal iżżejjed. Ambjent differenti kif jista’ jiġi ġestit jekk tkompli din is-sitwazzjoni?

4.11.

L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali kif ukoll l-utenti aħħarin (il-persuni spustati) huwa ta’ tħassib importanti. Strutturi konsultattivi ġeneralment jeżistu fil-kampjiet iżda fil-każ tal-pajjiżi ospitanti? Dan jista’ jkun sfida konsiderevoli iżda minkejja kollox, irid ikun parti minn kwalunkwe bidla fil-politika. Mhuwiex diffiċli li wieħed jipprevedi kemm se tista’ tkun diffiċli għal persuni spustati internament f’ħafna kunflitti.

4.12.

Bħal kull bidla ewlenija fil-politika, u partikolarment fid-dawl tal-ħtieġa għal iżjed trasparenza, għandhom jiġu żgurati miżuri ta’ sorveljanza għall-approċċ il-ġdid, inklużi l-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili u l-NGOs. Jista’ jkun utli hawnhekk l-eżempju ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili li jkopru l-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fi ftehimiet ta’ kummerċ eżistenti tal-UE.

4.13.

Ir-riġenerazzjoni ekonomika tar-reġjuni se tkun meħtieġa jekk il-persuni spustati b’mod furzat li jgħixu fihom se jkunu jistgħu jibbenefikaw. Ir-reġjuni fejn l-ispustat furzat huwa kkonċentrat madankollu huma wħud mill-ifqar fid-dinja u jipprovdu wkoll ambjent ħażin għall-protezzjoni tan-negozji u l-ħarsien soċjali. Għal darb’ oħra, in-natura ffokata mil-ġeografiku tal-ispustar furzat għandha toffri soluzzjonijiet hawnhekk, bħal pjani ta’ investiment reġjonali, politiki fiskali u l-iżvilupp tal-infrastruttura. L-appoġġ akbar għall-intraprenditorija għandu jkun inkluż fi kwalunkwe approċċ għall-iżvilupp ekonomiku. Id-dinjità fl-impjieg u impjiegi ta’ kwalità jridu wkoll jingħataw prijorità flimkien mal-involviment mal-imsieħba soċjali.

4.14.

Ħafna mir-reġjuni u l-pajjiżi li jospitaw persuni spustati b’mod furzat għandhom prestazzjoni baxxa skont ħafna mill-indikaturi ekonomiċi u jistgħu jitqiesu bħala diffiċli għal negozji biex joperaw fihom. Il-bżonn ta’ data ta’ kwalità huwa msemmi wkoll mill-Bank Dinji u oħrajn. L-opportunità ekonomika trid tkun fiċ-ċentru ta’ rispons immexxi mill-iżvilupp lejn l-ispustar furzat u dan iżid il-ħtieġa li atturi oħrajn fl-UE jappoġġjaw b’mod attiv il-Komunikazzjoni.

4.15.

L-impjieg minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u fil-kampijiet, u fir-rispons ġenerali għall-ispustar, bħalissa huwa komuni u jitqies bħala l-aħjar prattika. Dan għandu jkun aspett importanti u ċar tal-azzjonijiet rigward l-impjieg.

4.16.

Azzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lis-saħħa mentali u l-mard mentali – qasam importanti ħafna u ġieli mogħti l-ġenb għal persuni spustati b’mod furzat. Il-maġġoranza kbira tal-persuni spustati b’mod furzat tbatiminn PTSD u problemi mentali oħrajn minħabba tranżizzjonijiet stressanti ħafna. Il-kura sistematika u fit-tul tas-saħħa mentali tagħhom fil-pajjiżi ospitanti hija mxekkla minn nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati tal-kura tas-saħħa. Dan in-nuqqas jista’ jiġi kkumpensat billi l-persuni spustati b’mod furzat li għandhom problemi mentali jiġu involuti fis-servizzi pubbliċi għal appoġġ psikoloġiku u billi jiġu megħjuna inizjattivi tas-soċjetà ċivili li jipprovdu servizzi ta’ konsulenza psikoloġika għal persuni spustati fil-livell lokali.

4.17.

Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u b’mod partikolari l-Artikolu 11, għandha tkun id-dokument determinanti fl-indirizzar tad-dispożizzjonijiet għal persuni b’diżabilità spustati b’mod furzat.

4.18.

L-impatt tal-ispustar furzat fuq in-nisa u l-bniet huwa partikolarment gravi. Għalkemm jeħtieġ iżjed informazzjoni, kwistjonijiet ewlenin huma riskju ikbar ta’ vjolenza sesswali u vjolenza bbażati fuq il-ġeneru, kif ukoll it-traffikar. Barra minn hekk, għandha tiġi rispettata s-sensittività għall-ġeneru fil-forniment ta’ servizzi, pereżempju rigward kwistjonijiet bħall-privatezza. Riskji ikbar tal-kumplikazzjonijiet fit-tqala wkoll ġew osservati.

4.19.

Il-forniment tal-edukazzjoni naturalment huwa rispons importanti. Kwalunkwe ċaqliq lejn approċċ iżjed effettiv fuq perjodu ta’ żmien itwal għandu jkun evidenti fit-tip, il-livell u l-ammont ta’ appoġġ fl-edukazzjoni. Approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja jista’ jgħin f’dan ir-rigward sabiex tiġi rikonoxxuta d-diversità ta’ ħtiġijiet. Fid-dawl tal-importanza u l-ammont ta’ tfal u żgħażagħ fost dawk spustati b’mod furzat, għandha tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-programmi tal-UE biex jinkludu żgħażagħ spustati b’mod furzat, pereżempju l-Erasmus jew programmi rilevanti oħrajn.

4.20.

L-ispustar bil-forza qed isir dejjem iżjed kwistjoni urbana minflok ikun ristrett għall-kampijiet. Hemm bżonn ta’ bidla fil-perċezzjoni tal-pubbliku u d-donaturi f’dan ir-rigward. Jidher ċar li t-taħlita ta’ politika involuta sabiex isir ċaqliċ lejn approċċ immexxi mill-iżvilupp trid tirrifletti dan f’termini ta’ ppjanar u kwistjonijiet bħall-akkomodazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni.

Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS