2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/121


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE”

[COM(2016) 450 final – 2016/0208 (COD)]

(2017/C 034/19)

Relatur:

is-Sur Javier DOZ ORRIT

Konsultazzjoni

Kunsill, 19/08/2016

Parlament Ewropew, 12/09/2016

Bażi legali

Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

[COM(2016) 450 final – 2016/0208 (COD)]

 

 

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

05/10/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, kif ukoll kontra l-ħasil tal-flus u forom oħra ta’ kriminalità ekonomika relatati għandha tkun prijorità permanenti tal-politika tal-UE.

1.2.

B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-miżuri inklużi fl-emenda proposta għad-Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (1) u jaqbel li għandha tiġi trasposta b’mod urġenti.

1.3.

Minħabba n-natura globali ta’ dawn il-fenomeni, il-Kumitat jirrakkomanda li fil-futur l-UE u l-Istati Membri jaqdu rwol iktar prominenti u jassumu rwol mexxej f’korpi u fora internazzjonali u korpi li huma attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra kriminalità serja relatata. Jinħtieġu azzjoni u miżuri koordinati fil-livell internazzjonali u globali biex tittieħed azzjoni deċiżiva u jinkisbu aktar riżultati, u l-Ewropa tista’ taqdi rwol mexxej f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-Kumitat huwa konxju tal-isforz meħtieġ min-naħa tal-intrapriżi u l-entitajiet marbutin b’obbligu – kif ukoll mill-awtoritajiet ta’ kontroll – li jadattaw għad-direttiva. Madankollu, dan huwa sforz meħtieġ li kulħadd għandu jagħmel biex jintlaħqu l-għanijiet kondiviżi bis-sħiħ, inkluża d-difiża tas-sistema finanzjarja u ta’ entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu kontra l-użu tagħhom biex jitwettqu reati kriminali. Il-Kumitat jissuġġerixxi li ssir evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

1.5.

Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu li numru ta’ fatturi jistgħu jillimitaw b’mod serju l-effettività prattika tar-raba’ u l-ħames Direttivi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (AMLD – anti-money laundering directives). L-ewwel nett, il-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir, ippubblikata fl-14 ta’ Lulju 2016, ma tinkludix bosta pajjiżi jew ġurisdizzjonijiet li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jaħseb li qed jaġixxu bħala rifuġji fiskali għall-ħasil tal-flus, u ma tinkludi l-ebda wieħed mill-21 pajjiż imsemmija fil-Panama Papers. Peress li l-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa msemmija fil-5AMLD japplikaw biss għal pajjiżi terzi dikjarati bħala li huma ta’ riskju kbir, il-KESE jipproponi li jew titfassal lista ġdida ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir jew li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 18a tal-5AMLD. Il-KESE jqis li hija prijorità li jinħolqu reġistri nazzjonali pubbliċi tad-detenturi benefiċjarji veri ta’ kontijiet bankarji, kumpaniji, trusts u tranżazzjonijiet, u l-aċċess għalihom min-naħa tal-entitajiet marbutin b’obbligu.

1.6.

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu l-politiki tagħhom imfassla biex jingħalqu r-rifuġji fiskali. B’mod partikolari, iqis li hemm bżonn li l-obbligi kollha stabbiliti fil-5AMLD, u b’mod partikolari dawk relatati mal-identifikazzjoni tad-detenturi benefiċjarji ta’ kontijiet bankarji, intrapriżi, trusts, u tranżazzjonijiet, jiġu estiżi għat-territorji jew il-ġurisdizzjonijiet kollha li s-sovranità tagħhom tiddependi mill-Istati Membri.

1.7.

Hemm bżonn li l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tkun marbuta mill-qrib mal-isforzi meħtieġa biex jiġu miġġielda l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u reati relatati oħra – traffikar ta’ armi, ta’ drogi, ta’ bnedmin, eċċ. – kif ukoll biex jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet li jmexxu l-ekonomija kriminali. Hemm bżonn li jiġu żviluppati inizjattivi ġodda kontra dan kollu u l-konnessjonijiet tagħhom mal-ħasil tal-flus. Ser ikun meħtieġ ukoll li jittieħdu miżuri kontra l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa.

1.8.

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ħasil tal-flus teħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-diversi servizzi ta’ intelligence u ta’ sigurtà tal-Istati Membri u bejn dawn is-servizzi mal-Europol.

1.9.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u ta’ sħubija ekonomika għandhom jinkludu kapitolu dwar miżuri kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan bħala proposta tal-UE fin-negozjati li għaddejjin, b’mod partikolari dawk relatati mat-TTIPs, u fit-Trattati diġà fis-seħħ meta dawn jiġu riveduti.

1.10.

Il-ħidma tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-Istati Membri u l-koordinazzjoni Ewropea permanenti tagħhom hija essenzjali. Il-KESE jemmen li jkun utli li jinħoloq strument għas-sorveljanza, il-koordinazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-bidliet teknoloġiċi.

1.11.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija importanti ħafna, u sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni effikaċi u uniformi tar-regoli fil-qasam fl-Istati Membri kollha, huwa essenzjali li t-testi u l-kunċetti inklużi fil-miżuri proposti jkunu kemm jista’ jkun ċari. Fl-istess ħin dan jippromovi ċ-ċertezza legali meħtieġa għal dawk kollha li jridu japplikaw dawn it-testi.

1.12.

Ikun utli li jkun hemm armonizzazzjoni fil-livell Ewropew tat-trattament legali – definizzjonijiet u pieni – tar-reati kollha relatati mal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-konnessjonijiet tiegħu. Għandhom jiġu armonizzati wkoll is-sanzjonijiet marbuta man-nuqqas ta’ konformità mad-Direttivi AML.

1.13.

Il-KESE jipproponi li jiġu stabbiliti miżuri ta’ kontroll għas-sussidjarji tal-entitajiet marbutin b’obbligu f’pajjiżi terzi b’riskju kbir, sabiex ma jiġux immonitorjati biss il-klijenti tagħhom.

1.14.

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tikkunsidra miżuri addizzjonali biex jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini kontra l-użu ħażin jew abbużiv tal-informazzjoni rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet marbutin b’obbligu.

1.15.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-ipproċessar rapidu tal-proposti tiegħu u jittama li jidħlu fis-seħħ mill-iżjed fis, mingħajr ħsara għall-kwalità tar-riżultati. Għandu jiġi previst kalendarju realistiku għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tat-testi fl-Istati Membri, u għandhom jiġu stabbiliti wkoll linji gwida ċari.

2.   Sfond u l-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

L-attakki terroristiċi brutali fi Franza, il-Belġju u pajjiżi Ewropej oħra u l-iżvelar dwar il-ħasil tal-flus minn attivitajiet kriminali f’rifuġji fiskali, li l-iktar wieħed reċenti kien dak tal-ICIJ (2) dwar il-Panama papers, wasslu biex il-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri ġodda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu. Fil-5 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni approvat, flimkien mal-proposta tal-5AMLD, Direttiva oħra sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-awtoritajiet tat-taxxa għall-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (3) u Komunikazzjoni dwar miżuri ulterjuri biex jittejbu t-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (4).

2.2.

Studju reċenti tal-Parlament Ewropew (5) jgħid li l-Panama Papers enfasizzaw ir-rwol tar-rifuġji fiskali bħala li jiffaċilitaw l-evitar tat-taxxa, u n-natura aggressiva ta’ xi skemi tal-evitar tat-taxxa fejn ma tidhirx id-distinzjoni bejn evitar u evażjoni. F’dan is-sens, l-opaċità li rriżultat mis-segretezza, in-nuqqas ta’ traċċabbiltà u n-nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa kellha rwol sinifikanti fil-każijiet ta’ ksur tas-sanzjonijiet ekonomiċi u informazzjoni utli u neċessarja moħbija b’rabta mal-kriminalità organizzata, inkluż il-ħasil tal-flus relatat mal-attività terroristika, il-korruzzjoni u t-traffikar tad-drogi.

2.3.

L-ICIJ ippubblika l-Panama Papers. Il-bażi tad-data tiegħu – Offsore Leaks Database  (6) – tinkludi referenza għal 45 131 kumpanija tal-UE (7). Mill-21 territorju li l-uffiċċju Mossack Fonseca uża għal skopijiet ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus, tlieta huma Stati tal-UE u tlieta oħra huma ġurisdizzjonijiet dipendenti ta’ wieħed minnhom (8).

2.4.

Il-5AMLD tiżviluppa parti mill-proposti tal-“Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu” (9), li tinvoli emenda għar-4 Direttiva (4AMLD) (10) u tad-Direttiva dwar is-salvagwardji meħtieġa minn kumpaniji sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ membri u oħrajn (11). Il-Pjan jipproponi li jmexxi ‘l quddiem id-data tat-traspożizzjoni tal-4AMLD mis-26 ta’ Ġunju 2017 għall-1 ta’ Jannar 2017, li ser tkun ukoll id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni taż-żewġ Proposti għal Direttiva tal-5 ta’ Lulju 2016.

2.5.

Il-qafas politiku u leġislattiv kumpless tal-5AMLD jinkludi, fl-2015 biss, żewġ inizjattivi oħra: L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (12) u l-Proposta għal Direttiva dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (13), li tistabbilixxi klassifikazzjoni ġdida tar-reati relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu.

2.6.

Fl-14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat dwar l-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir u lista annessa (14) li fiha l-approvazzjoni mit-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja fil-laqgħa tiegħu f’Busan (il-Korea) tal-24 ta’ Ġunju 2016.

2.7.

Il-proposta tal-5AMLD timponi xi impenji ġodda ta’ diliġenza dovuta li l-entitajiet marbutin b’obbligu – l-istituzzjonijiet finanzjarji, professjonisti relatati, il-fornituri ta’ servizzi ta’ trusts u ta’ logħob tal-azzard, l-aġenti tal-proprjetà immobbli, eċċ. – għandhom japplikaw għall-klijenti tagħhom, ġodda u dawk eżistenti. B’mod partikolari, fl-Artikolu 18a tipprevedi miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti li jagħmlu tranżazzjonijiet f’pajjiżi terzi b’riskju kbir. L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw ukoll kontromiżuri għall-ġurisdizzjonijiet b’riskju kbir, inkluża l-projbizzjoni li fihom jiġu stabbiliti fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi jew li jsiru tranżazzjonijiet finanzjarji.

2.8.

Element ġdid huwa li l-pjattaformi ta’ skambju ta’ muniti virtwali kif ukoll il-fornituri tal-kartieri ta’ kustodja ser jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u ser jitqiesu entitajiet marbutin b’obbligu għall-finijiet tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta. Ser titneħħa l-anonimità għall-użu onlajn ta’ kards imħallsin minn qabel u jitnaqqsu l-limiti għall-identifikazzjoni obbligatorja minn EUR 250 għal EUR 150 meta jintużaw wiċċ imb’wiċċ.

2.9.

Il-5AMLD tipproponi wkoll li jissaħħu l-kompetenzi tal-UIF u tiġi promossal-kooperazzjoni bejniethom; li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tad-detenturi tal-kontijiet bankarji u ta’ ħlas, billi jiġu stabbiliti reġistri ċentrali nazzjonali awtomatiċi ta’ dawn il-kontijiet, u tiġi obbligata l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-detenturi veri tal-intrapriżi (bit-tnaqqis tal-limitu massimu minn 25 % għal 10 % tas-sjieda), tat-trusts u tal-fondazzjonijiet u istituzzjonijiet simili, kif ukoll li jiġi permess l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Id-diversi forom ta’ kriminalità li jużaw il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali għad-detriment tad-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd huma serji ħafna. Il-ħasil tal-flus għadu qed jikber, minkejja l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali.

3.2.

Il-liberalizzazzjoni tal-flussi finanzjarji fid-dinja u l-veloċità li biha jiġu applikati teknoloġiji diġitali ġodda fit-tranżazzjonijiet tagħhom jagħmlu diffiċli l-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għal finijiet kriminali. L-investigazzjonijiet fl-iktar attakki terroristiċi reċenti tal-ġiħadisti fl-Ewropa pprovdew informazzjoni dwar il-forom tal-finanzjament tagħhom li mhijiex koperta mill-4AMLD. Dan jiġġustifika l-proposta li tiġi emendata meta tkun għadha ma daħlitx fis-seħħ u li titmexxa ‘l quddiem id-data sa meta għandha tiġi trasposta.

3.3.

B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-miżuri proposti fil-5AMLD u jemmen li jistgħu jkunu utli biex jgħinu jtemmu t-terroriżmu u l-ħasil tal-flus.

3.4.

Eċċezzjoni waħda tista’ tiġi mill-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali, mill-użu inkorrett min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ ammont kbir ta’ informazzjoni sensittiva. Il-proposta għal 5AMLD tistabbilixxi xi salvagwardji f’dan ir-rigward. L-għarfien ta’ kif aġixxew ċerti gvernijiet, kif rivelat mill-Wikileaks (2010 u 2012) u s-Snowden Papers (2013), iħeġġiġna nipproponu li l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tintroduċi miżuri addizzjonali sabiex tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini kontra l-użu abbużiv ta’ informazzjoni reġistrata. B’mod partikolari għandha tanalizza kemm huwa vijabbli li tiġi stabbilita xi forma ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ reati għall-użu illegali tal-informazzjoni u d-data personali. Il-KESE jista’ jikkontribwixxi għal dan l-istudju.

3.5.

Mingħajr preġudizzju għall-proposti eżistenti u inizjattivi u miżuri oħra li jipproponi l-Kumitat f’din l-Opinjoni, huwa essenzjali li l-UE u l-Istati Membri fil-futur jassumu rwol saħansitra aktar importanti u jkollhom rwol ewlieni fil-korpi u l-fora internazzjonali attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità serja marbuta ma’ dan, peress li dawn huma fenomeni globali li, bħala regola, huma ta’ natura transkonfinali. Jinħtieġu azzjoni u miżuri koordinati fil-livell internazzjonali u globali biex tittieħed azzjoni deċiżiva u jinkisbu aktar riżultati, u l-Ewropa tista’ taqdi rwol mexxej f’dan ir-rigward.

3.6.

Ħafna ċittadini Ewropej għadhom ibatu l-konsegwenzi tal-kriżi, tal-politiki ta’ aġġustament u ż-żieda tal-faqar u l-inugwaljanza, filwaqt li jsiru jafu kif intrapriżi multinazzjonali kbar jevitaw u jevadu t-taxxa u persuni rilevanti mix-xena ekonomika, politika, kulturali jew sportiva jevadu t-taxxa u jaħslu l-flus f’rifuġji fiskali. Uħud mill-proċeduri u l-ġurisdizzjonijiet huma wkoll użati biex jiġu ffinanzjati organizzazzjonijiet terroristiċi li kapaċi jwettqu l-iktar reati atroċi fl-Ewropa u f’partijiet oħra tad-dinja. Din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli. Għandha ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali sabiex jaġixxu b’mod effettiv ħalli jwaqqfu dan.

3.7.

Minkejja dak li huwa espress fil-punt 3.2, il-ksib tal-għanijiet tad-Direttivi AML jista’ jixxekkel b’mod serju mid-dgħufijiet fl-azzjoni politika sabiex jiġu aboliti r-rifuġji fiskali, li huma indispensabbli għall-ħasil tal-flus. Dan jista’ jkun ikkawżat ukoll mill-fatt li ma hemmx rabta biżżejjed bejn l-inizjattivi kontra l-ħasil tal-flus u dawk relatati mal-ġlieda kontra r-reati li jmantnuh (l-evażjoni tat-taxxa, is-sħubija f’organizzazzjonijiet terroristiċi jew kriminali, it-traffikar tal-armi, drogi u bnedmin, eċċ.) f’kuntest ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ prattiki ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fl-UE.

3.8.

Il-lista ta’ pajjiżi b’riskju kbir li l-Kummissjoni ppubblikat fl-14 ta’ Lulju 2016 (15) ma tinkludi lil ħadd mil-lista tal-Panama Papers. Dan il-fatt huwa paradossali, peress li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex tipproponi l-5AMLD huma r-rivelazzjonijiet li jinsabu f’dawn id-dokumenti. Fil-lista jidher biss pajjiż wieħed b’riskju kbir li ma jikkollaborax: il-Korea ta’ Fuq. Fil-Grupp II, li jinkludi l-pajjiżi li huma impenjati li jindirizzaw d-dgħufijiet u li talbu assistenza teknika biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tat-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja, hemm l-Iran. Disa’ pajjiżi huma inklużi fil-Grupp I, pajjiżi li diġà żviluppaw pjan ta’ azzjoni li jagħmilhielhom possibbli li jitneħħew mil-lista hekk kif huma jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti tiegħu (erba’ minn dawn id-disa’ pajjiżi jinsabu fi gwerra: l-Afganistan, l-Iraq, is-Sirja u l-Jemen). Parti mill-flus li jiffinanzja t-terroriżmu tgħaddi minn dawn il-pajjiżi. Madankollu, l-analiżijiet u l-istħarriġiet kollha dwar dan is-suġġett juru li l-ħasil tal-flus iġġenerat minn forom oħra ta’ kriminalità ma jsirx fihom.

3.9.

Huwa ta’ dispjaċir li korp bħalma huwa t-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja, li jwettaq ħidma tant importanti biex tiġi analizzata l-kriminalità finanzjarja internazzjonali u biex jipproponi l-mezzi biex tiġi miġġielda, ma sabx il-mezz adegwat biex ifassal il-lista tiegħu ta’ pajjiżi b’riskju. Huwa loġiku li l-Kummissjoni tuża r-Rakkomandazzjonijiet (16) u proposti oħra tat-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja sabiex tiġġieled il-ħasil tal-flus. Iżda f’dan il-każ, il-fatt li jiġu aċċettati l-proposti tagħha jista’ parzjalment iġib fix-xejn l-effettività tal-5AMLD, peress li l-miżuri msaħħa tal-Artikolu 18a ser japplikaw biss għall-pajjiżi terzi b’riskju kbir.

3.10.

Il-KESE jqis li biex il-5AMLD tkun effettiva, ser tkun teħtieġ jew li tiġi riveduta l-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir sabiex jiġu inklużi l-pajjiżi jew it-territorji fejn jitwettqu l-attivitajiet prinċipali tal-ħasil tal-flus, jew li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18a għall-entitajiet marbutin b’obbligu u l-ġurisdizzjonijiet kollha li, permezz tal-informazzjoni miżmuma mill-FIU, dwarhom ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus. Il-KESE jipproponi wkoll li titfassal lista unika ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fl-investigazzjoni tar-reati ekonomiċi.

3.11.

Il-fatt li proporzjon sinifikanti tat-tranżazzjonijiet tal-ħasil tal-flus jitwettaq f’ġurisdizzjonijiet dipendenti tal-Istati Membri għandu jwassal biex l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jistabbilixxu impenn politiku sod sabiex jintemmu r-rifuġji fiskali fit-territorju tagħhom. B’mod partikolari, ir-rekwiżiti għall-entitajiet marbutin b’obbligu fl-UE taħt il-proposta tal-5AMLD li jidentifikaw lid-detenturi benefiċjarji tal-kontijiet bankarji, tas-sjieda tal-impriżi u tal-partijiet kollha tat-trusts u tat-tranżazzjonijiet, għandhom jiġu estiżi għat-territorji kollha li s-sovranità tagħhom tiddependi mill-Istati Membri, inklużi dawk li jgawdu minn liġijiet tat-taxxa speċjali. F’dan il-kuntest, u sabiex jaqdu l-obbligi tagħhom, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw ukoll id-data tar-reġistri nazzjonali (uffiċjali). Bl-istess mod, il-miżuri msaħħa tal-Artikolu 18a għandhom japplikaw għall-ġurisdizzjonijiet dipendenti tal-Istati Membri tal-UE li jwettqu tranżazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus.

3.12.

L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa huma relatati ferm mal-ħasil tal-flus. Parti mill-flus maħsula tiġi mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Hemm bżonn li jiġu kkoordinati l-miżuri għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni taż-żewġ tipi ta’ reati, kemm mil-lat leġislattiv kif ukoll mil-lat tal-azzjoni politika u l-ħidma tas-servizzi tal-intelligence u tal-pulizija u s-sistemi ġudizzjarji. Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-UE, iżda għadhom mhumiex biżżejjed, u għalhekk ser ikun hemm bżonn oħrajn addizzjonali, li għandhom jiġu kkoordinati mal-miżuri dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

3.13.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn id-diversi servizzi ta’ intelligence u ta’ sigurtà tal-Istati Membri u bejn dawn is-servizzi mal-Europol. Għandu jiġi rikonoxxut li l-livelli attwali ta’ kooperazzjoni mhumiex biżżejjed. Minkejja l-istqarrijiet pubbliċi minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u Ewropew u l-appoġġ miċ-ċittadini sabiex tissaħħaħ din il-kooperazzjoni, wara kull attakk terroristiku jinkixfu nuqqasijiet importanti fil-koordinazzjoni. Xi drabi jiġu skoperti nuqqasijiet fil-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti differenti tal-istess Stat. Għandu jsir kull sforz biex tintemm din is-sitwazzjoni.

3.14.

F’dawn l-aħħar snin, l-UE nnegozjat jew iffirmat ftehimiet importanti ta’ kummerċ ħieles u ta’ sħubija ekonomika. Bħalissa qed jiġi nnegozjat trattat importanti, dak tat-TTIP. Dawn it-Trattati għandhom jipprovdu opportunità eċċellenti biex jiġu stabbiliti miżuri bilaterali jew bireġjonali, biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tistudja kif għandu jiġi introdott kapitolu ta’ dan it-tip fit-Trattati li qed jiġu nnegozjati bħalissa u meta jiġu riveduti dawk li huma diġà fis-seħħ. F’dan il-punt, il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-istudju tal-PE msemmi hawn fuq (17).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-UIF tal-Istati Membri għandhom jaqdu rwol importanti fil-qasam tal-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-prevenzjoni, inkluża l-antiċipazzjoni tal-bidliet li jsiru b’rata mgħaġġla fit-teknoloġiji li jistgħu jintużaw fil-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Huma assolutament meħtieġa reazzjonijiet nazzjonali rapidi u l-ġbir flimkien tal-investigazzjonijiet differenti Ewropej. Il-koordinazzjoni kontinwa u flessibbli tal-UIF hija essenzjali. Il-KESE jemmen li jkun utli li jinħoloq strument għas-sorveljanza, il-koordinazzjoni u l-antiċipazzjoni teknoloġika.

4.2.

L-entitajiet marbutin b’obbligu, kif iddefiniti fir-4 AMDL u l-5 AMDL, għandhom iwettqu kompiti ta’ monitoraġġ u kontroll ta’ persuni u ta’ movimenti suspettużi. Madankollu dawn id-Direttivi ma jkoprux ir-rekwiżiti jew l-obbligi dwar l-attivitajiet tal-entitajiet marbutin b’obbligu f’pajjiżi terzi b’riskju kbir. Din is-sitwazzjoni, fejn il-klijenti jiġu kkontrollati aktar mill-entitajiet stess, għandha tintemm.

4.3.

Fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni tal-KESE CCMI/132 “Niġġieldu l-korruzzjoni” (18), dawn huma speċjalment rilevanti, b’rabta ma’ din l-Opinjoni: a) titfassal strateġija komprensiva u koerenti fuq perjodu ta’ ħames snin kontra l-korruzzjoni, li tinkludi pjan ta’ azzjoni; b) jinħoloq Prosekutur Ewropew u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Eurojust; u c) l-obbligu li l-kumpaniji multinazzjonali jirrappurtaw data finanzjarja ewlenija dwar l-attivitajiet tagħhom fil-pajjiżi fejn joperaw.

4.4.

Fil-fehma tal-KESE, jinħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni fil-livell Ewropew tat-trattament penali – definizzjonijiet u pieni – tar-reati kollha relatati mal-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, il-korruzzjoni u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-konnessjonijiet tiegħu. Il-Kummissjoni u l-Awtorità Bankarja Ewropea għandhom jippromovu wkoll l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet għall-ksur tal-obbligi min-naħa tal-entitajiet marbutin b’obbligu.

4.5.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija importanti ħafna u għandha ssir b’mod effiċjenti, deċiżiv u bir-reqqa. Għalhekk huwa essenzjali li t-testi u l-kunċetti li jidhru fil-miżuri proposti jkunu ċari kemm jista’ jkun. Fl-istess ħin dan jippromovi ċ-ċertezza legali meħtieġa għal dawk kollha li jridu japplikaw dawn it-testi, u jwassal għal implimentazzjoni uniformi fl-Unjoni kollha.

4.6.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li dawn il-proposti ġew trattati malajr u jispera li dawn jiġu adottati u jiddaħħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr. Jeħtieġ madankollu li ma jkunx hemm tnaqqis fil-kwalità tar-riżultati. Għandu jiġi previst kalendarju realistiku għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tat-testi fl-Istati Membri, u għandhom jiġu stabbiliti wkoll linji gwida ċari.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Minn hawn ‘il quddiem imsejħa 5AMLD, skont l-akronimu bl-Ingliż, COM(2016) 450 final.

(2)  International Consortium of Investigative Journalists (Konsorzju Internazzjoni ta’ Ġurnalisti Investigattivi).

(3)  COM(2016) 452 final

(4)  COM(2016) 451 final

(5)  EPRS-EP: “The inclusion of financial services in EU free trade and association agreements: Effects on money laundering, tax evasion and avoidance. Ex-Post Impact Assessment” p. 18.

(6)  Offshore Leaks Database.

(7)  EPRS, op.cit.; p. 19 u 20.

(8)  EPRS, op.cit.; p. 21.

(9)  COM(2016) 50 final

(10)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73

(11)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

(12)  COM(2015) 185 final

(13)  COM(2015) 625 final

(14)  COM(2016) 4180 final

(15)  Regolament Delegat C(2016) 4180: u Anness bil-lista tal-pajjiżi: http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/rep/3/2016/MT/3-2016-4180-MT-F1-1-ANNEX-1.PDF.

(16)  International standards on combating money laundering and the financing of terrorism & proliferation (Standards internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-proliferazzjoni).

(17)  EPRS, op. cit, p. 59 sa 62.

(18)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 63.