31.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 173/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-“Evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-programm LIFE”

(Opinjoni esploratorja)

(2017/C 173/02)

Relatur:

Lutz RIBBE

Konsultazzjoni

25.8.2016

Bażi ġuridika

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Bureau

15.3.2016

 

 

Sezzjoni responsabbli

L-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

6.2.2017

Adottata fil-plenarja

23.2.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

523

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

169/25/18

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jtenni (1) t-talba tiegħu u jinsisti fuq iż-żamma u t-titjib ta’ programm ta’ finanzjament indipendenti tal-UE għall-ambjent, il-ħarsien u t-titjib tal-bijodiversità, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iżvilupp sostenibbli, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni, kif ukoll il-promozzjoni ta’ organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi.

1.2.

Fl-aħħar 25 sena, il-programm LIFE kien fundamentali għall-politika ambjentali Ewropea, u qed isir ukoll dejjem aktar fundamentali għall-politika tas-sostenibbiltà. Dan jista’ jiġi ġustament deskritt bħala element indispensabbli tal-politika ambjentali tal-UE, li ġiet imsaħħa b’mod sinifikanti mill-programm LIFE.

1.3.

Dan seħħ f’żewġ modi. Il-proġetti LIFE kkontribwew

(a)

b’mod dirett għall-kisba ta’ suċċessi diretti u perċettibbli; b’hekk, pereżempju, ċerti speċi li jinsabu f’riskju ta’ estinzjoni, li huma protetti mil-leġislazzjoni tal-UE, huma protetti minn estinzjoni diretta permezz ta’ proġetti ffinanzjanti mill-programm LIFE;

(b)

juru lill-popolazzjoni lokali liema huma l-benefiċċji tal-politika ambjentali tal-UE u x’inhu l-użu ta’ din il-politika għall-bnedmin, l-ambjent u n-natura. Għalhekk, il-Programm LIFE sar “medjatur” bejn il-politika tal-UE u l-“Ewropa taċ-ċittadini u tar-reġjuni”. Dan huwa ta’ importanza partikolari fi żminijiet fejn qed titqajjem dejjem aktar ta’ spiss il-kwistjoni dwar x’valur miżjud għandha l-Ewropa.

1.4.

Il-programm LIFE, li l-adattament kontinwu tiegħu għal sfidi ġodda huwa partikolarment rikonoxxut, wera wkoll li s-soċjetà ċivili għandha potenzjal għoli u rieda qawwija li timpenja ruħha fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp tal-politika ambjentali u ta’ sostenibbiltà tal-UE. L-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE hija ferm aktar minn sempliċiment att leġiżlattiv li l-Istati Membri jridu jimplimentaw. Il-politika ambjentali u ta’ sostenibbiltà tiddependi mill-aċċettazzjoni taċ-ċittadini, għandha tkun trasparenti u kkomunikata, u hawnhekk ukoll il-programm LIFE jipprovdi kontributi siewja.

1.5.

Madankollu, il-proġetti LIFE ta’ spiss juru wkoll il-kontradizzjonijiet diretti jew indiretti tad-deċiżjonijiet politiċi, anke fil-livell tal-UE. Għalkemm dan jista’ ma jkunx pjaċevoli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, dan huwa kontribut siewi li finalment jista’ jwassal għal integrazzjoni akbar tal-ħarsien ambjentali f’oqsma oħra ta’ politika.

1.6.

L-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU (‘l hekk imsejħa SDG) fil-politika Ewropea hija waħda mill-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fis-snin li ġejjin. F’dan il-każ, il-programm LIFE se jkollu rwol ta’ appoġġ. Din mhijiex biss kwistjoni li jiġu żviluppati l-aktar modi effettivi tal-implimentazzjoni fi djalogu mill-qrib mal-imsieħba soċjali u l-gruppi tas-soċjetà ċivili. Iżda għall-kuntrarju ta’ dan, bosta servizzi tal-Kummissjoni u, bosta ministeri, aġenziji u uffiċċji fil-livell tal-Istati Membri, li għalihom s’issal-politika ta’ sostenibbiltà kienet kwistjoni sekondarja, iridu jikkunsidraw mill-ġdid kif l-integrazzjoni diskussa ħafna tal-ħarsien tan-natura u ambjentali se ssir realtà f’oqsma oħra ta’ politika.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda għadd ta’ bidliet:

il-programm LIFE għandu jsir strument ewlieni għall-finanzjament tan-netwerk Natura 2000. L-approċċ li ntgħażel, li jagħti prijorità lill-iffinanzjar tan-netwerk Natura 2000 primarjament mill-Fondi tal-UE għall-Iżvilupp Reġjonali, kif ukoll fuq it-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni, għandu jiġi kkunsidrat bħala inadegwat. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu (2) u jitlob li jkun hemm żieda korrispondenti allokata għall-programm LIFE. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-koerenza tal-miżuri kollha ta’ appoġġ, għaldaqstant għandu jiġi evitat finanzjament kuntrarju jew doppju minn fondi oħra tal-UE.

Għandu jiġi eżaminat kif il-proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE jistgħu jsiru “proġetti pilota”, u kif dawn jistgħu jiġu replikati f’postijiet oħra fl-Ewropa mingħajr finanzjament ulterjuri, jekk ikun possibbli.

Il-proġetti ta’ riċerka klassiċi m’għandhomx jiġu promossi mill-programm LIFE, anke sabiex tiġi żgurata distinzjoni ċara mill-programm Orizzont 2020.

1.8.

Il-fergħa tal-azzjoni klimatika għandha tkun żviluppata aktar, primarjament fir-rigward ta’ miżuri possibbli ta’ adattament li jistgħu jittieħdu b’mod partikolari mill-individwi, il-bdiewa, il-bliet/muniċipalitajiet u r-reġjuni milquta.

2.   Sfond

2.1.

Il-programm LIFE li nħoloq fl-1992 huwa l-aktar programm ta’ finanzjament tal-UE.ambjentali importanti Dan għandu l-għan li jipproteġi l-bijodiversità u l-ħabitats (b’mod partikolari permezz tan-netwerk Natura 2000), kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-komunikazzjoni u l-informazzjoni. Il-programm LIFE ġie allokat madwar EUR 3 456 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020, filwaqt li madwar EUR 2 biljun kienu disponibbli matul il-perjodu ta’ seba’ snin preċedenti.

2.2.

Il-programm għandu jkollu l-objettivi li ġejjin:

jagħti kontribut għall-iżvilupp ta’ ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-ħarsien tal-klima u għall-konservazzjoni tad-diversità bijoloġika;

politika ambjentali aħjar, implimentazzjoni u kontroll aħjar tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE, kif ukoll enfasi akbar fuq l-għanijiet ambjentali u tal-politika dwar il-klima f’oqsma oħra ta’ politika, kif ukoll fil-prattiċi tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati;

jippromwovi governanza aħjar fil-qasam ambjentali u tal-klima fil-livelli kollha, inkluż permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-atturi lokali;

jappoġġja l-implimentazzjoni tas-7 programm ta’ azzjoni ambjentali, kif ukoll l-implimentazzjoni futura tal-aġenda 2030 tan-NU fil-politika Ewropea.

2.3.

Meta l-programm LIFE jitqabbel mal-perjodu ta’ finanzjament mill-2007 sal-2013, dan għandu diversi karatteristiċi ġodda:

il-ħolqien tas-sottoprogramm “politika dwar il-klima”;

l-introduzzjioni ta’ kategorija ġdida ta’ proġetti, il-“proġetti integrati” flimkien mal-proġetti “tradizzjonali”, il-proġetti dwar il-bini tal-kapaċità u l-proġetti preparatorji;

L-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji, inkluż il-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF) b’enfasi fuq is-servizzi tal-ekosistema u l-protezzjoni tal-kapital naturali, kif ukoll l-istrument għall-finanzjament privat fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika (PF4EE);

l-allokazzjoni nazzjonali għall-proġetti se titwaqqaf gradwalment: mill-2018, il-proġetti se jintgħażlu biss skont l-adegwatezza tagħhom, irrispettivament mid-distribuzzjoni ġeografika tagħhom (dan jgħodd għall-proġetti tradizzjonali);

Attwalment, il-Kummissjoni qiegħda timplimenta l-programm permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME).

2.4.

Fil-perjodu ta’ finanzjament mill-2014 sal-2020, il-programm LIFE kien imfassal b’dan il-mod:

is-sottoprogramm “Ambjent” bl-oqsma prijoritarji “Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi”, “Natura u Bijodiversità”, kif ukoll “Governanza u Informazzjoni Ambjentali” li jirrappreżentaw madwar 75 % tal-baġit (EUR 2 592 miljun);

is-sottoprogramm “Tibdil fil-Klima” bl-oqsma prijoritajri “Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima”, “Adattament għat-Tibdil fil-Klima”, kif ukoll “Governanza u Informazzjoni Klimatika” li huwa mgħammar b’madwar 25 % tal-baġit (EUR 864 miljun);

2.5.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm LIFE sat-30 ta’ Ġunju 2017; hija talbet lill-KESE u lill-Kumitat tar-Reġjuni jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-forma l-ġdida tal-programm LIFE qabel ma tiġi ppubblikata r-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, filwaqt li jqisu l-bidliet introdotti fl-2014.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jemmen li għadu kmieni wisq biex issir “evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu” kwalifikanti tal-fażi attwali tal-programm, minħabba li l-ewwel proġetti tal-fażi l-ġdida tal-programm ma ġewx mogħtija qabel l-2015 u l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proġetti għadhom ma tlestewx u wisq anqas ġew evalwati. Madankollu, huwa jixtieq jagħti kontribut inizjali għat-tfassil tal-programm LIFE fil-perjodu ta’ finanzjament mill-2021 sal-2028, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-fażi eżistenti tal-programm.

Ir-riżultati s’issa u l-valur miżjud, iżda wkoll il-limitazzjonijiet tal-programm LIFE

3.2.

Fl-aħħar 25 sena, il-programm LIFE kien fundamentali għall-politika ambjentali Ewropea, u qed isir ukoll dejjem aktar fundamentali għall-politika ta’ sostenibbiltà. Il-programm LIFE għamel kontribut importanti ħafna għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Dan jista’ jiġi ġustament deskritt bħala element indispensabbli tal-politika ambjentali tal-UE, li ġiet imsaħħa b’mod sinifikanti mill-programm LIFE.

3.3.

Dan seħħ f’żewġ modi. Il-proġetti LIFE kkontribwew

(a)

b’mod dirett għall-ilħuq ta’ suċċessi diretti u perċettibbli. B’hekk, pereżempju, ċerti speċi li jinsabu f’riskju ta’ estinzjoni, li huma protetti mil-leġislazzjoni tal-UE, huma protetti mill-estinzjoni diretta permezz ta’ proġetti ffinanzjanti mill-programm LIFE. Bħala eżempju, jistgħu jissemmew il-proġetti għall-protezzjoni tal-ispeċi tal-ibis eremita, u tal-pitarrun. Il-programm LIFE kien u ta’ spiss huwa l-uniku mod ta’ finanzjament, peress li bosta drabi l-Istati Membri naqsu milli jipprovdu programmi ta’ protezzjoni xierqa jew urew xi interess fihom;

(b)

juru lill-popolazzjoni lokali liema huma l-benefiċċji tal-politika ambjentali tal-UE u x’inhu l-użu ta’ din il-politika għall-bnedmin, l-ambjent u n-natura. Għalhekk, il-Programm LIFE sar “medjatur” bejn il-politika tal-UE u l-“Ewropa taċ-ċittadini u tar-reġjuni”. Dan huwa ta’ importanza partikolari fi żminijiet fejn qed titqajjem dejjem aktar ta’ spiss il-kwistjoni dwar x’valur miżjud għandha l-Ewropa.

3.4.

Il-programm LIFE, li l-adattament kontinwu tiegħu għal sfidi ġodda huwa rikonoxxut b’mod partikolari, wera wkoll li s-soċjetà ċivili għandha potenzjal għoli u rieda qawwija li timpenja ruħha fl-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-politika ambjentali u ta’ sostenibbiltà tal-UE. L-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE hija ferm aktar minn sempliċiment att leġislattiv li l-Istati Membri jridu jimplimentaw. Il-politika ambjentali u ta’ sostenibbiltà tiddependi mill-aċċettazzjoni taċ-ċittadini, għandha tkun trasparenti u kkomunikata, u hawnhekk ukoll il-programm LIFE jipprovdi kontributi siewja.

3.5.

Madankollu, il-proġetti LIFE ta’ spiss juru wkoll il-kontradizzjonijiet diretti jew indiretti tad-deċiżjonijiet politiċi, anke fil-livell tal-UE. Għalkemm dan jista’ ma jkunx pjaċevoli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, dan huwa kontribut siewi li finalment jista’ jwassal għal integrazzjoni akbar tal-ħarsien ambjentali f’oqsma oħra ta’ politika.

3.6.

Dan iwassal direttament għal-limitazzjonijiet tal-programm LIFE: il-programm LIFE ma jistax u ma għandux jikkumpensa għan-nuqqasijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi ambjentali eżistenti jew minn nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali minn oqsma oħra ta’ politika. Dan huwa spjegat fi tliet eżempji:

3.6.1.

Il-programm LIFE jista’, pereżempju, jagħti kontribut billi jikkjarifika pubblikament li l-politika tal-UE dwar l-arja nadifa għandha l-għan ewlieni li tnaqqas ir-riskju għas-saħħa tal-popolazzjoni mill-inkwinanti. Madankollu, il-programm LIFE ma jistax isolvi kunflitti, bħal pereżempju l-kunflitt li jeżisti fil-Ġermanja bejn l-ambjentalisti u dawk li jfasslu l-politika tat-trasport, fejn il-kwistjoni hija essenzjalment dwar liema “suġġetti ta’ protezzjoni” għandhom jiġu kklassifikati fi grad superjuri (il-“protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni urbana mill-materja partikolata” jew id-“dritt tas-sewwieqa relatat mal-mobilità libera”)

3.6.2.

Pereżempju, bil-proġett “Urban Bees” (3), il-programm LIFE wera b’mod eċċellenti lil sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni l-importanza, il-kawżi tal-periklu, iżda wkoll l-għażliet għal azzjoni biex jiġu protetti l-pollinaturi. Madankollu, il-perikli li huma ppreżentati minn pereżempju ċerti prattiki agrikoli jew l-awtorizzazzjoni ta’ pestiċidi li huma potenzjalment perikolużi għan-naħal, jistgħu jiġu eliminati biss jekk dipartimenti oħra tal-UE jagħtuhom biżżejjed attenzjoni u jekk jiġi applikat b’mod konsistenti l-prinċipju ta’ prekawzjoni.

3.6.3.

Mill-1999, programm ta’ suċċess għall-protezzjoni ta’ speċi ta’ ħut li tinsab fil-periklu ta’ estinzjoni, magħrufa bħala s-“salamun tad-Danubju” (Huchen) (4), ġie ffinanzjat fl-Awstrija mill-fondi pubbliċi li jammontaw għal EUR 45 miljun, li parti minnhom ġejja mill-programm LIFE. Il-magħqad tal-ilma tas-Sava huwa l-ħabitat ewlieni ta’ dan it-tip. Studju riċenti juri li fiż-żona tal-ħabitat tas-salamun tad-Danubju (Huchen) hija ppjanata l-kostruzzjoni ta’ madwar 600 impjant idroelettriku. L-esperti jemmnu li l-popolazzjoni tas-salamun tad-Danubju (Huchen) se tonqos sa 70 % bħala riżultat ta’ dawn l-interventi. Il-kostruzzjoni ta’ diversi impjanti tal-enerġija idroelettrika se tiġi appoġġjata wkoll minn fondi tal-UE.

3.7.

Għalhekk il-KESE jilqa’ wkoll il-fatt li LIFE qed jiffoka dejjem aktar fuq li jtejjeb l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni, mhux biss mill-awtoritajiet ikkonċernati, iżda wkoll fil-qasam tal-korpi ta’ spezzjoni.

L-iżvilupp tal-programm LIFE

3.8.

Il-KESE jilqa’ l-livell għoli ta’ flessibbiltà u adattabbiltà għal sfidi ġodda, kif ukoll l-esperjenza miksuba mill-programm LIFE f’dawn l-aħħar snin. Dan huwa rifless ukoll fil-perjodu l-ġdid ta’ finanzjament mill-2014 sal-2020:

Enfasi fuq il-pajjiżi b’ nuqqasijiet kbar ta’ implimentazzjoni.

Tneħħija tal-kwoti nazzjonali.

Opportunijiet ta’ parteċipazzjoni aħjar għan-negozji.

Enfasi akbar fuq l-innovazzjoni.

Aktar sinerġiji ma’ programmi oħra, bil-bidu jkun mal-proġetti integrati ġodda, introdotti fl-2014. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjoni tiegħu (5) għamlet diviżjoni ċara bejn il-baġit għall-proġetti “tradizzjonali” u dawk “integrati”;

L-użu ta’ strumenti finanzjarji ambjentali kompletament ġodda (PF4EE, NCFF).

Il-ħolqien ta’ dimensjoni klimatika.

4.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

Iż-żamma u t-tisħiħ tal-programm LIFE

4.1.

L-ebda programm ma huwa tant tajjeb li ma jistax isir aħjar. Madankollu, il-KESE jafferma (6) l-appoġġ qawwi tiegħu għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm b’baġit separat jitkompla lil hinn mill-perjodu finanzjarju attwali. Dan huwa meħtieġ minħabba li, minkejja bosta kisbiet inkoraġġanti u minkejja deċiżjonijiet direzzjonali (fost l-oħrajn l-Aġenda 2030 tan-NU, id-Deċiżjonijiet dwar il-Klima ta’ Pariġi, l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità), il-problemi ambjentali għadhom ‘il bogħod milli jiġu solvuti u t-trasformazzjoni lejn politika tal-UE li hija effiċjenti fir-riżorsi, b’livell baxx ta’ karbonju u li tippreserva l-bijodiversità għadha ma tneditx b’suċċess. Għall-kuntrarju: il-Kummissjoni tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jirrapportaw ukoll f’diversi rapporti li f’ċerti każijiet, il-piżijiet qegħdin jiżdiedu (7).

4.2.

L-analiżijiet fi ħdan il-qafas tal-proċess REFIT għad-Direttivi dwar il-Konservazzjoni tan-Natura wrew biċ-ċar li l-qafas legali huwa mfassal b’mod adegwat, iżda li r-riżorsi finanzjarji għall-ġestjoni bbażata fuq l-għanijiet tan-netwerk Natura 2000 mhumiex suffiċjenti bil-bosta. Dan il-kompitu bażiku tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-Ewropa jeħtieġ finanzjament adegwat immedjatament.

4.3.

Il-kontinwità tal-programm LIFE hija rilevanti għall-effikaċja u l-kredibbiltà tal-politika ambjentali tal-UE, li għandha tiġi ssalvagwardjata permezz tal-intergrazzjoni orizzontali tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, l-Aġenda tas-Sostenibilità tan-NU u d-deċiżjonijiet dwar il-klima ta’ Pariġi fl-oqsma l-oħrajn kollha ta’ politika u l-programmi ta’ finanzjament Ewropej. Il-KESE jfakkar li, barra minn hekk, huwa diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar Semestru Ewropew ekoloġiku u ekwitabbli.

Effetti tal-bidliet fl-2014

4.4.

Il-KESE jilqa’ l-innovazzjoni tal-introduzzjoni ta’ żewġ strumenti finanzjarji ġodda fil-programm LIFE bħala proġetti pilota. Għadu kmieni wisq biex issir evalwazzjoni ta’ dan l-approċċ, peress li l-ewwel proġetti miż-żewġ faċilitajiet (il-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF), kif ukoll mill-Istrument għall-Finanzjament Privat fl-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE)) ġew konklużi riċentement, iżda għadhom ma ġewx implimentati.

4.5.

Dan l-approċċ huwa mod kompletament ġdid biex jinħolqu opportunitajiet ta’ finanzjament innovattivi fir-rigward tal-proġetti ta’ konservazzjoni tan-natura u l-proġetti tal-effiċjenza enerġetika, għal investituri privati żgħar. Dan huwa meħtieġ minħabba li f’ħafna każijiet, il-proġetti bħal dawn, iffinanzjati b’mod klassiku, fallew.

4.6.

Attwalment, hija diffiċli li ssir evalwazzjoni ta’ kemm finalment il-programm se jkun ta’ suċċess, ta’ jekk il-kooperazzjoni preċedenti mal-BEI tirriżultax f’suċċess, ta’ jekk il-modalitajiet tal-applikazzjoni humiex suffiċjenti, kif ukoll li jiġu evalwati l-kondizzjonijiet ta’ finanzjament, inkluż l-użu tar-riskju tal-kapital. Għalhekk il-KESE jitlob li ssir evalwazzjoni bir-reqqa iktar ‘il quddiem ta’ din il-parti tal-programm LIFE ġdid.

4.7.

Fl-evalwazzjoni proprja tagħha, il-Kummissjoni tista’ teżamina wkoll il-possibbiltà li l-proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE jsiru “proġetti mudell”, u kif dawn jistgħu jiġu replikati f’postijiet oħrajn fl-Ewropa (idealment mingħajr sussidji addizzjonali), bi prominenza fuq it-trasferiment ta’ għarfien espert u l-fattibilità ekonomika. Pass wieħed jista’ jkun li l-organizzaturi tal-proġetti, b’mod partikolari dawk ta’ proġetti ta’ suċċess, jiġu inkarigati jindirizzaw din il-kwistjoni fi stadju profond tal-proġett.

4.8.

Il-programm LIFE huwa meqjus mill-KESE bħala faċilità ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-miżuri u l-politiki tal-UE u mhux bħala programm li primarjament jiffinanzja proġetti fl-interess nazzjonali. Madankollu, jista’ jkun il-każ li, pereżempju, il-proġetti LIFE mitluba mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu fl-interess Ewropew, iżda inqas fl-interess nazzjonali. Jenħtieġ, għalhekk, li fil-futur il-kwistjoni dwar il-kofinanzjament titfassal b’tali mod li l-proġetti ma jiqfux minħabba l-fatt li l-finanzjament nazzjonali jiġi rifjutat (il-KESE huwa konxju ta’ każijiet bħal dawn). Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa kemm jistgħu jiġu applikati rati ogħla ta’ kofinanzjament speċjalment għall-NGOs. Għall-NGOs il-kontribuzzjoni proprja hija ostaklu li ta’ spiss issibu diffiċli biex jegħlbu. Barra minn hekk, dawn il-kontribuzzjonijiet ta’ spiss jiġu minn baġits pubbliċi u l-fornituri ta’ kofinanzjament evidentement isegwu “politika tas-selezzjoni”.

Proġetti integrati/kumplimentarjetà ma’ oqsma oħra ta’ politika tal-UE

4.9.

Forma partikolari hija ‘l hekk imsejħa “proġetti integrati” li ġew żviluppati fi ħdan il-programm LIFE u li l-importanza tagħhom hija partikolarment apprezzata mill-KESE. Eżempju eċċellenti huwa il-“Belgian Nature Integrated Project (BNIP)” (Proġett Integrat Belġjan dwar in-Natura), li jkopri t-territorju Belġjan kollu, jinkorpora 28 parti ikkonċernata, 18-il proġett speċifiku ta’ protezzjoni, 48 azzjoni definita b’mod ċar u aktar minn 300 pjan ta’ ġestjoni (pereżempju għas-siti Natura 2000). 52 impjegat f’7 timijiet differenti tlaqqgħu flimkien permezz tal-proġett. Dan wassal biex inbnew diversi rabtiet ta’ suċċess bejn id-diversi finanzjamenti tal-UE disponibbli, kif ukoll ir-riżorsi nazzjonali.

Tali rabtiet relatati mal-kontenut u l-istruttura għandhom jissaħħu aktar fil-futur, pereżempju bil-ħolqien ta’ sinerġiji potenzjali bejn il-programm LIFE u PAK aktar ekoloġika.

Kompiti ġodda għall-programm LIFE

4.10.

Madankollu, mhux biss ir-rabta bejn il-programm LIFE u l-PAK tista’ titjieb, iżda f’kull każ għandha ssir ukoll innovazzjoni importanti amministrattivi u baġitarja.

4.11.

S’issal-Fondi tal-UE għall-iżvilupp reġjonali, kif ukoll it-tieni pilastru tal-PAK huma l-istrumenti ewlenin għall-finanzjament tan-netwerk tan-Natura 2000; dan huwa r-riżultat ta’ proposta tal-Kummissjoni tal-2004 (8). F’dak iż-żmien, il-KESE kien appoġġja din il-proposta bil-kundizzjoni li l-fondi allokati korrispondenti jsiru disponibbli f’ammonti suffiċjenti fi ħdan il-fond imsemmi hawn fuq. Dan ma seħħx u għalhekk l-approċċ li ġie adottat dak iż-żmien jitqies bħala inadegwat mill-KESE (9).

4.12.

Il-fondi li ngħataw s’issa ma jkoprux l-ammonti meħtieġa għall-kumpens tar-rekwiżiti tal-konservazzjoni tan-natura, kif ukoll l-ammonti meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjani ta’ ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri. Natura 2000 huwa linja ta’ azzjoni klassika taħt ir-responsabbiltà tal-UE, u għal din ir-raġuni il-baġit għandu jkun ċar f’dan ir-rigward.

4.13.

Minflok, il-Kumitat jipproponi li mill-perjodu ta’ finanzjament li jmiss, ir-riżorsi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tan-“Netwerk Natura 2000” jiġu ffinanzjati mill-programm LIFE u li jiġu ppjanati r-riżorsi baġitarji meħtieġa. Huwa jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkjarifika wkoll internament jekk il-programm LIFE huwiex ukoll l-istrument adegwat għall-implimentazzjoni tan-“Netwerks Trans-Ewropej Infrastruttura Ekoloġika” (10). Il-fondi korrispondenti jkollhom jiġu stabbiliti u pprovduti addizzjonalment. Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-koerenza tal-miżuri kollha ta’ appoġġ, għaldaqstant għandu jiġi evitat finanzjament kuntrarju jew doppju minn fondi oħra tal-UE.

4.14.

Il-KESE jenfasizza li l-finanzjament tan-netwerk Natura 2000 huwa investiment bażiku f’parti importanti tal-infrastruttura ekoloġika tal-Ewropa, li ma jirriżultax biss f’forma ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar u kwalità ambjentali aħjar, iżda wkoll f’żieda fid-dħul lokali.

4.15.

L-implimentazzjoni tal-SDG, jiġifieri l-Aġenda 2030 tan-NU fil-politika Ewropea, se teħtieġ bosta bidliet fundamentali fl-approċċi politiċi Ewropej (11). Dan jeħtieġ ukoll

(a)

kunsiderazzjoni mill-ġdid radikali, f’xi każijiet, b’mod partikolari f’dawk is-servizzi tal-Kummissjoni li s’issa ma tantx kienu attivi fil-qasam tal-politika sostenibbli;

(b)

approċċ kompletament ġdid għall-governanza li jeħtieġ l-involviment ferm akbar tal-atturi tas-soċjetà ċivili u ħafna aktar approċċi minn isfel għal fuq.

4.16.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni toħloq attivitajiet ġodda u opportunitajiet ta’ proġetti fil-fażi l-ġdida tal-programm LIFE wara l-2020 sabiex jissaħħu l-ħtiġijiet tar-rekwiżiti msemmija taħt il-punt 4.15.

4.17.

Għall-proġetti ta’ riċerka klassiċi, li ftit minnhom ġew iffinanzjati fil-passat mill-programm LIFE, għandu jiġi ddeterminat jekk il-programmta’ riċerka klassika tal-Kummissjoni humiex adattati aħjar. Dan iwassal għal distinzjoni ċara fir-rigward tal-programm Orizzont 2020.

4.18.

Il-parti tal-programm LIFE li tittratta kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima fil-futur għandha tkun saħansitra aktar estiża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri ta’ adattament possibbli li jistgħu jittieħdu miċ-ċittadini, il-bdiewa, il-bliet/il-muniċipalitajiet u r-reġjuni partikolarment milquta.

Brussell, it-23 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 191, 29.6.2012, p. 111.

(2)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika tal-UE dwar il-bijodiversità, ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14.

(3)  http://urbanbees.eu/

(4)  Protezzjoni skont l-Anness II tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

(5)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 191, 29.6.2012, p. 111.

(6)  Opinjoni tal-KESE ĠU C 191, 29.6.2012, p. 111.

(7)  The European environment — state and outlook 2015: synthesis report, European Environment Agency, Copenhagen, 2015.

(8)  COM(2004) 431 tal-15.7.2004 dwar “L-Iffinanzjar ta’ Natura 2000”.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 487, 28.12.2016, p. 14.

(10)  http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/strategy/index_en.htm

(11)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE, ĠU C 117, 30.4.2004, p. 22 u ĠU C 487, 28.12.2016, p. 41.


APPENDIĊI

għall-opinjoni tal-Kumitat

L-emenda li ġejja inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti:

Punt 3.6.2

Ibdel it-test kif ġej:

 

Pereżempju, bil-proġett “Urban Bees”  (12), il-programm LIFE wera b’mod eċċellenti lil sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni l-importanza, il-kawżi tal-periklu, iżda wkoll l-għażliet għal azzjoni biex jiġu protetti l-pollinaturi. Madankollu, il-perikli li huma ppreżentati minn pereżempju ċerti prattiki agrikoli mhux xierqa jew l-awtorizzazzjoni ta’ pestiċidi li huma potenzjalment perikolużi għan-naħal, jistgħu jiġu eliminati biss jekk dipartimenti oħra tal-UE jagħtuhom biżżejjed attenzjoni u jekk jiġi applikat b’mod konsistenti il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Raġuni

Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li l-agrikoltura Ewropea tosserva bl-aktar konformità stretta ma’ regoli dwar il-preservazzjoni tal-ambjent, il-benessri tal-annimali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġestjoni tal-art u tal-ilma, peress li din hija suġġetta għall-ogħla standards globali, u “l-kundizzjonalità” (jiġifieri li jkun hemm konformità ma’ dawn il-kriterji) hija dispożizzjoni vinkolanti għall-bdiewa Ewropej kollha.

Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti hija soġġetta wkoll għal proċessi ta’ verifika u monitoraġġ mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel; b’hekk il-kriterji għandhom ikunu xjentifiċi u bbażat fuq analiżi tal-probabbiltà li dawn jikkawżaw ħsara. Din l-istess bażi għandha tiggwida l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

75

Kontra

95

Astensjonijiet

33


(12)  http://urbanbees.eu/