|
28.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 487/51 |
Opinjoni Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Leġislazzjoni valida għall-futur
(opinjoni esploratorja)
(2016/C 487/07)
|
Relatur: |
is-Sur Christian MOOS |
|
Korelatur: |
is-Sur Denis MEYNENT |
|
Konsultazzjoni |
Presidenza Slovakka, 14.3.2016 |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sottokumitat “Leġislazzjoni valida għall-futur” |
|
Adottata fis-sottokumitat |
7.9.2016 |
|
Adottata fil-plenarja |
21.9.2016 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
519 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
213/2/5 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Presidenza Slovakka talbet lill-KESE jagħti l-opinjoni tiegħu dwar “Leġislazzjoni valida għall-futur”. Dan il-kunċett ġdid isegwi talbiet speċifiċi oħra indirizzati lill-Kummissjoni u lill-koleġislaturi sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza ikbar tal-leġislazzjoni, b’mod partikolari mal-kompetittività tal-UE u li titqies in-natura speċifika tal-SMEs u l-mikrointrapriżi, kwistjonijiet li dwarhom il-KESE tkellem diversi drabi. |
|
1.2. |
Il-KESE jinnota li qed isiru sforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni Ewropea u li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu intensifikati. |
|
1.3. |
Il-KESE jemmen li leġislazzjoni ta’ kwalità għolja, sempliċi, li tinftiehem u koerenti “hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu”. Huwa indispensabbli jekk wieħed irid tkabbir ekonomiku sostenibbli u li titħeġġeġ l-innovazzjoni, il-kompetittività tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, kif ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. |
|
1.4. |
Il-“prinċipju tal-innovazzjoni”, kif definit fil-Kapitolu 2, jagħmel ukoll parti mil-loġika tal-programm REFIT. Il-KESE jfakkar il-prinċipji ta’ “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet”, diġà definiti u applikati, u jenfasizza li dan il-prinċipju ġdid m’għandux jieħu preċedenza fuqhom u għandu jiġi applikat b’mod intelliġenti u b’attenzjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u ambjentali, is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur. |
|
1.5. |
Il-KESE jissuġġerixxi li jitkompla l-eżami tal-potenzjal li joffri l-“prinċipju tal-innovazzjoni”, filwaqt li jsir skambju tal-aħjar prattiki. |
|
1.6. |
L-innovazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa. Ikun tajjeb li jiġi previst qafas regolatorju favorevoli għall-innovazzjoni, għalkemm m’hemm l-ebda relazzjoni sempliċi bejn l-innovazzjoni u l-qafas regolatorju. Minbarra d-dispożizzjonijiet leġislattivi, huwa wkoll neċessarju li jittieħdu miżuri biex jippromovu u jiżviluppaw l-innovazzjoni (miżuri amministrattivi, it-tassazzjoni, pjan ta’ investiment, eċċ.). |
|
1.7. |
L-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi tas-suq intern u li jevitaw piżijiet amministrattivi żejda. Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk tkun proattiva u progressiva; il-KESE huwa favur leġislazzjoni li tadatta. Il-KESE jemmen li leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju. |
|
1.8. |
Jinħtieġ li jiġu evitati l-ispejjeż mhux meħtieġa tar-regolamentazzjoni. L-ispejjeż tar-regolamentazzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-benefiċċji li jġibu magħhom. |
|
1.9. |
Il-KESE jemmen li kull leġislazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ deliberazzjonijiet politiċi pubbliċi. F’dan ir-rigward, ir-rwol tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali huwa importanti ħafna, u huwa meħtieġ li jiġi żgurat qafas adegwat għad-djalogu soċjali u ċiviku ta’ kwalità, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-fehmiet espressi. |
|
1.10. |
Il-KESE jinnota li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv stess li għandu jkun validu għall-futur biex jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini. |
|
1.11. |
Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun soda dwar l-objettivi tagħha, dejjem konformi mal-objettivi mħaddna fit-trattat u flessibbli fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali. Ma tidħolx fid-dettalji, iżda sempliċiment tistabbilixxi qafas, li għandu jiġi traspost fil-ħin u b’mod adatt fil-livell nazzjonali, f’konsultazzjoni kemm mal-imsieħba soċjali kif ukoll mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili u b’kont meħud tal-fehmiet tagħhom. Jistħoqq li jiġi analizzat aktar l-użu ta’ klawsoli ta’ estinzjoni (sunset clauses) fuq perjodu ta’ żmien. |
|
1.12. |
Il-KESE huwa favur il-fatt li tingħata kjarifika tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li huma xi kultant użati bħala l-argumenti ta’ dawk kontra inizjattivi leġislattivi mingħajr ma jiġi sostanzjat biżżejjed ir-raġunament sottostanti tagħhom. |
|
1.13. |
Is-soċjetà ċivili għandha tkun il-forum għal reazzjonijiet dwar leġislazzjoni valida għall-futur. Il-KESE jinsab f’qagħda tajba biex ikun l-intermedjarju bejn il-leġislatur u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. |
|
1.14. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt fil-livell nazzjonali u Ewropew, inkluż it-test għall-SMEs, tal-miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi kollha, b’mod li d-deċiżjonijiet politiċi jittieħdu b’għarfien tal-kawża u abbażi ta’ elementi konkreti. L-analiżijiet tal-impatt huma għajnuna għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi; mhumiex sostitut għal dawk id-deċiżjonijiet. |
|
1.15. |
Il-KESE jitlob li jiġi kkonsultat meta l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu dwar l-irtirar ta’ proposti leġislattivi minħabba l-importanza li jiġi vvalutat l-impatt materjali u immaterjali ta’ tali rtirar. |
|
1.16. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kunsill għandu jsir aktar trasparenti u li riforma futura tat-Trattati għandha tipprova ttejjeb il-koerenza tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill. Id-drittijiet tal-Parlament għandhom jissaħħu. |
|
1.17. |
Il-KESE jqis neċessarju li tiġi sfruttata iżjed il-kooperazzjoni msaħħa, filwaqt li jiġi evitat li din iddgħajjef ‘l-istituzzjonijiet. |
|
1.18. |
Il-KESE jenfasizza l-involviment tiegħu fil-proċessi konsultattivi li jridu jimxu id f’id mal-approfondiment tal-UEM. Il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-korpi konsultattivi, għandhom jiġu integrati aħjar fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. |
|
1.19. |
Il-KESE huwa favur proċedura leġislattiva aċċellerata fit-trilogu biss f’każijiet ta’ emerġenza. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-Presidenza Slovakka talbet lill-KESE jagħti l-opinjoni tiegħu dwar “Leġislazzjoni valida għall-futur” u biex jirrifletti dwar kif l-UE tista’ ttejjeb il-leġislazzjoni sabiex din tadatta għall-bżonnijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà fi żmien ta’ tibdil rapidu. Il-Presidenza qed tistaqsi kif wieħed jista’ jżomm l-ispejjeż regolatorji għan-negozji f’livell raġonevoli, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-għanijiet tat-Trattati. |
|
2.2. |
Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk tkun proattiva, progressiva u toffri ċarezza u prevedibbiltà ġuridika massima. Il-KESE għalhekk jappoġġja leġislazzjoni li tadatta ruħha u li fl-istess ħin għandha l-kapaċità li tantiċipa. |
|
2.3. |
Ir-regolamenti huma wkoll meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi politiċi tat-Trattati. L-Unjoni Ewropea hija ekonomija soċjali tas-suq u ċerti regoli għalhekk jirrappreżentaw spiża għall-kumpaniji, pereżempju fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Huwa l-bilanċ bejn l-għanijiet ekonomiċi u soċjali li jiggarantixxi l-paċi soċjali fl-Ewropa. Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tirrispetta dan il-bilanċ u tippromovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri. |
|
2.4. |
Il-KESE jappoġġja u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-leġittimità tal-leġislazzjoni Ewropea permezz ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet iżda jenfasizza li l-għarfien ta’ x’inhu validu għall-futur ma jwassalx għad-depolitiċizzazzjoni tal-proċess leġislattiv. Il-KESE jemmen li kull leġislazzjoni għandha tkun ir-riżultat ta’ deliberazzjonijiet politiċi pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jitqies ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali fil-qafas tad-djalogu soċjali. |
|
2.5. |
Il-leġislazzjoni Ewropea hija valida għall-futur jekk titqies leġittima miċ-ċittadini. Għandha tkun ibbażata fuq ir-rappreżentazzjoni, il-kunsens u l-parteċipazzjoni, u għandu jkollha l-kapaċità li tipproduċi riżultati jew soluzzjonijiet għal problema kollettiva. |
|
2.6. |
Il-KESE jemmen li l-proċess leġislattiv Ewropew jistħoqqlu jiġi rivedut fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona u, jekk meħtieġ, fil-kuntest ta’ Trattat ġdid sabiex il-politiki Ewropej jagħtu riżultati aħjar. Huwa preċiżament dan l-aspett ta’ leġislazzjoni valida għall-futur li l-KESE jixtieq jenfasizza, jiġifieri l-kwalità, il-leġittimità, it-trasparenza u n-natura inklużiva tagħha. |
|
2.7. |
Il-KESE jinnota li mhuwiex biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda l-proċess leġislattiv stess li għandu jkun validu għall-futur biex jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tan-negozji u taċ-ċittadini. Fi kliem ieħor, din hija kwistjoni li tirrigwarda d-demokrazija fil-livell Ewropew. |
|
2.8. |
Ir-rieda politika tar-rappreżentanti eletti u l-għażliet tagħhom huma għalhekk kruċjali. Kull leġislazzjoni tista’ tiġi analizzata skont il-kapaċità tagħha biex tittraduċi din ir-rieda politika fil-prattika, u tiġi ġġudikata skont il-kwalità demokratika tagħha. Il-KESE jipproponi wkoll li jiġi eżaminat mhux biss il-kontenut tal-leġislazzjoni iżda wkoll il-proċess leġislattiv. |
|
2.9. |
Dan il-kunċett ġdid ta’ “leġislazzjoni valida għall-futur” huwa marbut ma’ inizjattivi oħra biex itejbu l-leġislazzjoni. Il-KESE kemm-il darba tkellem fl-opinjonijiet (1) tiegħu dwar il-programm “Tfassil aħjar tal-liġijiet” u l-programm REFIT (2). Huwa jixtieq ifakkar dwar l-opinjoni tiegħu dwar approċċ proattiv tal-liġi (3). |
|
2.10. |
L-implimentazzjoni tal-programmi “Tfassil aħjar tal-liġijiet” u REFIT, dan tal-aħħar imniedi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2012 biex jitkejlu l-ispejjeż amministrattivi tad-dispożizzjonijiet leġislattivi fis-seħħ u, fejn xieraq, jiġu eliminati, hija prijorità ewlenija tat-Triju Presidenzjali (in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta) minn Jannar 2016 sa Ġunju 2017. Huwa evidenti li l-idea ta’ leġislazzjoni valida għall-futur taqa’ fil-loġika ta’ dawn il-programmi. |
|
2.11. |
Il-KESE jinnota li qed isiru sforzi biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni Ewropea u li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu intensifikati. Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2015 (4) u l-Ftehim interistituzzjonali dwar “Tfassil aħjar tal-liġijiet” tat-13 ta’ April 2016 (5), filwaqt li jsostni li ma kienx assoċjat ma’ dan tal-aħħar.. |
|
2.12. |
Il-KESE jemmen li leġislazzjoni ta’ kwalità għolja, sempliċi, li tinftiehem u koerenti, garantita mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, hija kundizzjoni indispensabbli sabiex jitrawwem it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jitħeġġu l-innovazzjoni, il-kompetittività tan-negozji – inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi – u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Huwa wkoll importanti li jiġi implimentat bis-sħiħ is-Small Business Act fl-oqsma kollha. |
|
2.13. |
Ir-regolamentazzjoni Ewropea hija “hija fattur ta’ integrazzjoni essenzjali li ma tikkostitwixxix piż jew spiża li jridu jitnaqqsu. Jekk tkun proporzjonata kif xieraq, għall-kuntrarju hija garanzija ta’ protezzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ sigurtà legali importanti għall-atturi u ċ-ċittadini Ewropej kollha” (6). |
|
2.14. |
Il-KESE jfakkar fl-importanza tal-prinċipji diġà definiti biex tiġi żgurata leġislazzjoni xierqa. Dawn jinkludu l-prinċipji ta’ implimentazzjoni korretta f’waqtha, tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, il-prinċipju tal-prekawzjoni, tal-prevedibbiltà, ta’ “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, tad-dimensjoni esterna tal-kompetittività u tat-test tas-suq intern. |
|
2.15. |
Aspett ġdid tal-leġislazzjoni jidher li qed isir aktar importanti għall-Kunsill: il-prinċipju tal-innovazzjoni. Dan il-prinċipju, li jimplika li jitqies l-impatt fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni waqt it-tfassil u r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni, huwa wieħed mill-ħafna kriterji li jippermettu l-valutazzjoni tal-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni fl-oqsma ta’ natura teknika, teknoloġika u xjentifika. Madankollu, għandu jintuża b’mod intelliġenti u bi prudenza, b’mod partikolari fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali u ambjentali, is-saħħa u l-ħarsien tal-konsumatur. |
|
2.16. |
Mill-konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività” tal-UE (7) jirriżulta li jrid jiġi applikat il-“prinċipju tal-innovazzjoni”, li jimplika li jitqies l-impatt fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni waqt it-tfassil u r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni, l-oqsma kollha ta’ azzjoni meqjusa flimkien. Dan huwa rifless ukoll fit-talba tal-Presidenza Slovakka kif ukoll fi studju reċenti tas-CEPS (8), li skonthom l-adozzjoni ta’ regoli stretti wisq tista’ tfixkel l-investimenti u joħnoq l-innovazzjoni. Din l-interpretazzjoni tidħol ukoll fil-loġika tal-programm REFIT. |
|
2.17. |
Il-KESE jemmen li l-użu ta’ dan il-prinċipju ġdid għandu jiġi definit minn qabel u l-użu tiegħu speċifikat b’mod preċiż. |
|
2.18. |
Għall-KESE, il-prinċipju tal-innovazzjoni għandu jkollu l-istess piż li għandhom il-kriterji l-oħra msemmija fil-punt 2.14 u użati mill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt ta’ proposta leġislattiva. Għalhekk għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-prinċipju tal-innovazzjoni u l-kriterji oħra u jiġi assigurat li wieħed ma jieħux preċedenza fuq l-oħrajn. |
|
2.19. |
Il-KESE jissuġġerixxi lill-Presidenza Slovakka tkompli l-eżami tal-potenzjal li joffri l-prinċipju tal-innovazzjoni, filwaqt li jsir skambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex, fuq din il-bażi tagħmel rapport dwar l-opportunitajiet u l-impatt ta’ dan il-prinċipju ġdid. |
|
2.20. |
L-għan tal-leġislazzjoni Ewropea għandu dejjem ikun li jinħoloq qafas legali li jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini jgawdu l-vantaġġi u l-libertajiet tas-suq intern, jiġifieri li jippromovi l-isforzi innovattivi fl-Ewropa. Dan jimplika li jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, filwaqt li r-regoli mfassla ħażin, skaduti u ta’ piż għandhom jiġu riveduti jew jitneħħew. |
|
2.21. |
Il-KESE jemmen li l-ispejjeż tar-regolamentazzjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-benefiċċji li ġġib magħha. L-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi bla bżonn għandhom jiġu evitati fl-interess tan-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni. Huwa importanti li l-profitt nett u l-valur miżjud ta’ regolamentazzjoni jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż għan-negozji u s-soċjetà inġenerali. |
3. Proposti prospettivi għal leġislazzjoni valida għall-futur
|
3.1. |
Il-KESE jinsisti li l-kunċett ta’ “leġislazzjoni valida għall-futur” jiġi definit aħjar. Għandu jirrispetta l-valuri u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 1 u 2 tat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, il-prinċipju tal-innovazzjoni, li huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Presidenza Slovakka (9) u għaldaqstant marbut mill-qrib mal-kunċett ġdid ta’ leġislazzjoni valida għall-futur, għandu jkun applikabbli. |
|
3.2. |
L-innovazzjoni hija waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa. Kwalunkwe leġislazzjoni, kemm jekk tkun Ewropea kif ukoll nazzjonali, għandha tevita li n-negozji, speċjalment l-SMEs li ma tantx għandhom mezzi, ikunu soġġetti għal piżijiet bla bżonn. L-innovazzjoni u l-kompetittività huma l-bażi għas-suċċess tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew. L-innovazzjoni teħtieġ qafas regolatorju ta’ kwalità. L-interazzjoni bejn il-leġislazzjoni u l-innovazzjoni hija kumplessa u ma tistax titqies mil-lat kwantitattiv biss, fid-direzzjoni ta’/b’orjentazzjoni lejn aktar jew inqas leġislazzjoni (10). |
|
3.3. |
Il-KESE jemmen li l-użu ta’ klawsoli ta’ estinzjoni fil-leġislazzjoni Ewropea sabiex jiġu evitati ostakoli burokratiċi futuri jistħoqqilha tiġi analizzata aktar. |
|
3.4. |
Leġislazzjoni valida għall-futur għandha tkun soda dwar l-obbjettivi tagħha, dejjem b’mod koerenti mal-għanijiet tat-Trattati, u flessibbli fil-qafas tat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, fir-rispett tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Ma tidħolx fid-dettalji, iżda sempliċiment tistabbilixxi qafas li jista’ jkun supplimentat, fejn hu xieraq, permezz ta’ strumenti mhux leġislattivi, jew ta’ regolaturi nazzjonali, l-imsieħba soċjali jew skemi awtoregolatorji, dawn tal-aħħar huma dejjem taħt il-kontroll tal-leġislatur fil-livell xieraq. |
|
3.5. |
Il-KESE huwa favur il-fatt li ssir kjarifika tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Ir-rispett tas-sussidjarjetà, jew pjuttost tat-tqassim tal-kompetenzi, huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UE bħala spazju legali komuni. Madankollu, dawn iż-żewġ prinċipji xi kultant jintużaw bħala l-argumenti ta’ dawk kontra inizjattivi leġislattivi mingħajr ma jiġi sostanzjat biżżejjed ir-raġunament sottostanti tagħhom. Hemm bżonn kjarifika tal-kriterji li jiddeterminaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-ispazju legali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun wieħed u indiviżibbli. |
|
3.6. |
Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġi eżaminat fl-ewwel lok il-proċess leġislattiv fil-livell Ewropew biex tittejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni. Jeżistu għadd kbir ta’ inizjattivi biex itejbu l-proċess leġislattiv, iżda l-partijiet interessati f’dan il-proċess ma jaqblux dwar il-mezzi. Il-KESE jirreferi għal-linji gwida tal-Kummissjoni inklużi fil-programm tagħha “Tfassil aħjar tal-liġijiet” (19 ta’ Mejju 2015) u l-ftehim interistituzzjonali (Diċembru 2015/16, April 2016), ir-rapport Brok-Bresso (Frar 2016), ir-rapport Hübner (Marzu 2016), ir-rapport Giegold (fl-aħħar ta’ Mejju 2016) u notevolment, is-Small Business Act (Frar 2011). Jiġbed ukoll l-attenzjoni dwar il-proposti tal-gvernijiet u tal-parlamenti tal-Istati Membri, dwar inizjattivi bħal dawk tal-European Movement International (EMI) u tal-Federalisti Ewropej (UEF), kif ukoll il-kontributi tal-istituzzjonijiet ta’ riċerka u tal-gruppi ta’ riflessjoni (think tanks). |
|
3.7. |
Is-soċjetà ċivili organizzata għandha importanza deċiżiva għall-iżvilupp tal-opinjoni pubblika Ewropea. L-Ewropa għandha bżonn ta’ opinjoni pubblika inqas frammentata li sservi ta’ forum għal reazzjonijiet dwar leġislazzjoni Ewropea valida għall-futur. Bħala korp li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa, il-KESE jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex jiffaċilita kunsens bejn l-atturi differenti tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, u anke fl-Istati Membri. Preċiżament, huwa intermedjarju importanti bejn il-leġislatur u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. |
|
3.8. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-valutazzjonijiet tal-impatt, b’mod partikolari għall-SMEs. Dawn għandhom jiġu riflessi fil-proċess leġislattiv, iżda ma jistgħux jissostitwixxu l-proċess politiku. |
|
3.9. |
Is-simplifikazzjoni ta’ liġijiet diffiċli biex jinftiehmu u xi kultant diffiċli li jiġu implimentati, jew l-abbandun ta’ regolamenti li saru superfluwi, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u għall-atturi ekonomiċi, u b’hekk jikkontribwixxu għal ambjent favur it-tkabbir u l-ħolqien ta’ iktar impjiegi ta’ kwalità (“ambjent abilitanti”). Madankollu, il-KESE jitlob li jiġi kkonsultat meta l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jaqblu dwar l-irtirar ta’ proposti leġislattivi. F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġu evalwati l-konsegwenzi materjali u immaterjali għal tali rtirar u li l-KESE jkun infurmat. |
|
3.10. |
It-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-metodu Komunitarju. Fil-kuntest tal-kriżi, il-Kunsill Ewropew sar il-pedament tas-sistema istituzzjonali Ewropea. Il-KESE jemmen li din il-prattika għandha tiġi kkoreġuta. Leġislazzjoni Ewropea valida għall-futur għandha tkun ibbażata fuq il-metodu Komunitarju. |
|
3.11. |
Il-laqgħat tal-formazzjonijiet tal-Kunsill li jaħdmu b’maġġoranza kwalifikata għandhom ikunu pubbliċi, għal finijiet ta’ aktar trasparenza u aktar demokrazija. Il-votazzjoni b’maġġoranza kkwalifikata għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandha tkun ir-regola. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li riforma futura tat-Trattati għandha tipprova ttejjeb il-koerenza tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, billi l-formazzjonijiet tiegħu attwalment isegwu politiki parzjalment kontradittorji b’konsegwenzi ovvji fuq il-kwalità tal-leġislazzjoni. |
|
3.12. |
L-estensjoni tad-drittijiet tal-Parlament Ewropew prevista fit-Trattati mingħajr ma saret realtà, għandha ssir mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, id-dritt ta’ inizjattiva limitata introdott mit-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 225 tat-TFUE) għandu jiġi applikat aktar skont it-termini ta’ dak it-Trattat. M’għandhiex tkun possibbli ċaħda mill-Kummissjoni ħlief għal raġunijiet formali, b’mod partikolari meta l-bażi tal-ħiliet mhijiex suffiċjenti. |
|
3.13. |
Id-differenzi f’termini tar-ritmu ta’ integrazzjoni ilhom realtà fl-UE u dawn id-differenzi huma inevitabbli fil-ġejjieni, fir-rigward ta’ għadd ta’ Stati Membri. F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jkun hemm aktar kooperazzjoni msaħħa. Fl-istess ħin, għandu jiġi evitat li l-istituzzjonijiet tal-UE ma jiddgħajfux minn ġeometrija varjabbli ta’ proġetti ta’ integrazzjoni Ewropea. Il-kooperazzjoni msaħħa għandha topera fuq il-bażi ta’ maġġoranza kwalifikata. |
|
3.14. |
Il-KESE jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tkun trasformata fi “gvern ekonomiku effikaċi u demokratiku” u jerġa’ jinsisti fuq l-involviment tiegħu fil-proċessi konsultattivi li għandhom jimxu id f’id ma’ tali approfondiment tal-UEM, jekk irridu li s-soċjetà ċivili tidentifika magħha. |
|
3.15. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-proċedura leġislattiva aċċellerata fit-trilogu m’għandhiex tiġi applikata ħlief f’każi ta’ emerġenza, li fil-fatt huwa konformi mal-kundizzjonijiet tat-Trattat. Kuntrarjament għall-kumitati tal-Parlament Ewropew, il-laqgħat tat-trilogu la huma trasparenti u lanqas aċċessibbli. Il-limitazzjoni tal-proċedura leġislattiva għal qari wieħed biss twassal għal-limitazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. |
|
3.16. |
Il-KESE jemmen li l-istrumenti u l-proċeduri introdotti b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u l-kriżi tal-euro għandhom jiġu integrati aħjar fil-qafas leġislattiv Ewropew. Il-Parlament Ewropew, iżda wkoll il-korpi bħall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) u l-KESE, għandhom jiġu integrati aħjar fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà għandu jkun marbut mal-qafas leġislattiv tal-UE. |
|
3.17. |
Fir-rigward tal-atti delegati, il-Kummissjoni Ewropea għandha żżid aktar trasparenza għat-teħid tad-deċiżjonijiet (ara l-Artikolu 290 tat-TFUE), fatt li l-Kumitat enfasizza diversi drabi. |
Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Lista tal-opinjonijiet u rapporti ta’ informazzjoni tal-KESE.
(2) ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66 u ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45.
(3) ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.
(4) Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE – COM(2015) 215 final.
(5) Tfassil aħjar tal-liġijiet ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(6) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 45.
(7) Konklużjonijiet tal-Kunsill “Kompetittività”26 ta’ Mejju 2016 (punt 2), http://www.consilium.europa.eu/register/fr/content/out/?&typ=ENTRY&i=ADV&DOC_ID=ST-9580-2016-INIT
(8) Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Politiki Ewropej (CEPS) huwa grupp ta’ riflessjoni ibbażat fi Brussell.
(9) http://www.eu2016.sk/data/documents/presidency-programme-fra-nahlad2.pdf.
(10) Better regulations for innovation-driven investment at EU level, dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/research/innovation-union/pdf/innovrefit_staff_working_document.pdf (Mhux disponibbli bil-Malti).