28.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 487/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali”

[COM(2016) 176 final]

(2016/C 487/15)

Relatur:

is-Sur Gundars STRAUTMANIS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 19.4.2016

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

7.9.2016

Adottata fil-plenarja

21.9.2016

Sessjoni plenarja Nru

519

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jirrikonoxxi li, b’mod ġenerali, it-test kif abbozzat mill-Kummissjoni huwa ta’ min ifaħħru, billi jistabbilixxi punt ta’ tluq għal pjani u inizjattivi li jappoġġaw l-istandardizzazzjoni tal-ICT, u għandu jiddetermina l-oqsma prijoritarji u l-attivitajiet essenzjali bi skeda (pjan direzzjonali).

1.2.

Il-KESE jemmen li l-istandardizzazzjoni għandha tgħin biex jiżdied il-valur miżjud, jiġu żgurati l-impjiegi fl-oqsma kollha u jitjieb il-livell tal-benessri tas-soċjetà inġenerali. Għalhekk huwa partikolarment importanti li jkunu identifikati l-oqsma prijoritarji fejn l-istandardizzazzjoni għandha titwettaq, inkluż fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), sabiex jissolvew dawn il-kwistjonijiet li huma importanti għal kulħadd. Għalhekk wieħed jista’ jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija ferm meħtieġa u għala l-iżvilupp ta’ dan id-dokument huwa kruċjali biex jistandardizza ulterjorment l-ICT u, b’hekk, l-approfondiment tas-Suq Uniku Diġitali.

1.3.

Il-KESE jixtieq iressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-komunikazzjoni u dokumenti oħra ta’ akkumpanjament li fasslet.

1.3.1.   Rakkomandazzjoni 1

Il-KESE jirrakkomanda li fil-komunikazzjonijiet futuri u dokumenti oħra relatati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet interessati kollha dwar il-ħtieġa ta’ approċċ bilanċjat fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-ICT: standards bħala fattur restrittiv tal-kreattività.

1.3.2.   Rakkomandazzjoni 2

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru sforzi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT li għandhom ismijiet differenti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex tinħoloq konsistenza bejn id-dokumenti differenti u t-testi kollha interrelatati, għandha tintuża l-istess terminoloġija.

1.3.3.   Rakkomandazzjoni 3

Minħabba l-importanza tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-KESE jirrakkomanda li għandha tkun offerta aktar informazzjoni fuq il-ġustifikazzjonijiet, il-metodoloġija u r-riżultati fir-rigward tal-għażla tal-oqsma prijoritarji.

1.3.4.   Rakkomandazzjoni 4

Sabiex l-atturi kollha kkonċernati jkollhom fehim aħjar tal-implimentazzjoni u l-koerenza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi mxerrda l-informazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet rikorrenti biex jissuplimentaw jew ikomplu l-ħidma mnedija minn dan id-dokument.

1.3.5.   Rakkomandazzjoni 5

Biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom fiduċja li l-Kummissjoni, meta tfassal il-komunikazzjoni tagħha, tkun ikkunsidrat kwistjonijiet lil hinn minn dawk marbuta direttament mal-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT u vvalutat ukoll l-impatt ta’ dawn il-prijoritajiet fuq diversi kwistjonijiet soċjali (ara l-Artikolu 11 TFUE), il-KESE jirrakkomanda li l-komunikazzjonijiet futuri tal-Kummissjoni jinkludu dettalji speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati u dwar il-konsegwenzi soċjali tal-approċċ tagħha fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, li diġà jaffettwaw lis-soċjetà kollha.

1.4.

Filwaqt li l-Kumitat jappoġġa b’mod wiesa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE madankollu jissuġġerixxi li jiġu evalwati:

jekk il-komunikazzjoni, fuq livell formali, hiex biżżejjed biex jintlaħqu l-objettivi deskritti, pereżempju il-qadi tar-rwol ta’ “mexxej” jew jekk huwiex meħtieġ li jintużaw forom li jippermettu aktar azzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet,

jekk hemmx lok li dan il-kunċett ta’ “mexxej” ikun rivedut u jekk ma rridux li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiffoka fuq il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni, fuq bażi ta’ sħubija, aktar milli fuq il-prinċipji ta’ kompetizzjoni, peress li inġenerali għandhom l-istess ħtiġijiet, li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fid-19 ta’ April 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali (COM(2016) 176 final)

2.2.

Għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

l-appoġġ u t-tisħiħ tar-rwol tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali globali,

l-iżgurar li l-istandards marbuta mal-ICT isiru b’mod li jkunu ta’ tweġiba għall-ħtiġijiet tal-politika,

l-iżgurar li l-istandards ikunu dinamiċi, miftuħa, aktar marbuta mill-qrib mar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.3.

Spirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Approċċ strateġiku u politiku komprensiv lejn l-istandardizzazzjoni tat-teknoloġija tal-ICT ta’ prijorità. Il-komunikazzjoni diskussa hawnhekk tistabbilixxi approċċ strateġiku u politiku komprensiv fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-ICT ta’ prijorità li għandhom rwol essenzjali fit-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali.

L-isfidi marbutin mal-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi marbutin mal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-Kummissjoni ħabbret li se tniedi “pjan integrat ta’ standardizzazzjoni sabiex tidentifika u tiddefinixxi prijoritajiet ewlenin għall-istandardizzazzjoni b’enfasi fuq teknoloġiji u oqsma li huma meqjusa li huma ta’ importanza kritika għas-Suq Uniku Diġitali”.

2.4.

Kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Standards komuni bħala l-pedament ta’ Suq Uniku Diġitali effettiv. L-istandards komuni għandhom jiżguraw l-interoperabilità tat-teknoloġiji diġitali u huma s-sinsla ta’ Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona tajjeb. Huma għandhom jiggarantixxu li t-teknoloġiji jaħdmu flimkien b’mod affidabbli u flessibbli, joħolqu ekonomiji ta’ skala, jistimulaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u jżommu s-swieq miftuħa. Min-naħa l-oħra, l-istandards nazzjonali diverġenti jistgħu jrażżnu l-innovazzjoni b’mod sinifikanti u jqiegħdu lin-negozji Ewropej fi żvantaġġ meta mqabbla mal-bqija tad-dinja.

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea. Ir-reviżjoni reċenti tal-politika ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea u l-ħolqien ta’ qafas għal sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni aktar trasparenti u effiċjenti għas-setturi industrijali kollha. Il-Komunikazzjoni diskussa hija bbażata fuq ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012  (1) u hija marbuta mal-Inizjattiva Konġunta proposta dwar l-Istandardizzazzjoni, li tifforma parti mill-Istrateġija usa’ dwar is-Suq Uniku (COM(2015) 550 final. Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji).

2.5.

Kwistjonijiet ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

L-istandards tal-ICT, pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali

It-twaqqif ta’ standards tal-ICT: kuntest globali kumpless u li qed jinbidel kontinwament

It-tweġiba tal-Ewropa: pjan ta’ żewġ pilastri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jinkiseb l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

Ħames oqsma ta’ prijorità: il-bażi tal-istandardizzazzjoni fl-ICT

Mobilizzazzjoni f’livell għoli sabiex jitwassal u jiġi żgurat rwol ewlieni permezz tal-istandards.

3.   Ħarsa ġenerali lejn u kummenti ġenerali dwar it-test tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

3.1.    L-istandards tal-ICT, pilastru fundamentali tas-Suq Uniku Diġitali

3.1.1.

Fil-punt 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huwa indikat li t-trasformazzjoni tal-ekonomija globali f’ekonomija diġitali hija realtà fis-setturi kollha industrijali u fis-setturi tas-servizzi. Bl -istess mod, il-punt 1 jindirizza kwistjonijiet ġenerali relatati mal-Komunikazzjoni bħal:

l-iskop tal-komunikazzjoni;

in-natura tal-komunikazzjoni;

il-kuntest tal-komunikazzjoni.

3.2.    It-twaqqif ta’ standards tal-ICT: kuntest globali kumpless u li qed jinbidel kontinwament

3.2.1.

Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, huwa indikat li l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT imur id f’id ma’ bosta sfidi ġodda li jitolbu soluzzjoni mmirata u sostenuta fil-livell tal-UE.

3.2.2.

Fit-test tal-Komunikazzjoni, huwa enfasizzat li dawn l-isfidi jistgħu jwasslu b’mod partikolari għal tixrid tar-riżorsi limitati, in-nuqqas ta’ effikaċja u, b’mod aktar wiesa’, it-trażżin tal-kapaċità innovattiva tal-Ewropa.

3.3.    It-tweġiba tal-Ewropa: pjan ta’ żewġ pilastri biex jiddefinixxu l-prijoritajiet u jinkiseb l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali

3.3.1.

Fil-punt 3, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni ta’ prijorità għall-mewġa li jmiss ta’ standardizzazzjoni tat-teknoloġiji fl-ekonomija diġitali.

3.3.2.

L-approċċ propost mill-Kummissjoni:

1.

Il-Komunikazzjoni għandha tistabbilixxi lista tal-elementi kostitwenti ta’ prijorità għas-Suq Uniku Diġitali, fejn l-istandardizzazzjoni mtejba fil-qasam tal-ICT hija l-aktar urġenti, flimkien mar-riżultati u skeda ta’ żmien.

2.

Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi mekkaniżmu politiku ta’ livell għoli biex tivvalida, tissorvelja u, fejn xieraq, tadatta l-lista ta’ prijoritajiet. Huwa previst li dan il-mekkaniżmu juża l-istrumenti tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni, u jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, kemm fl-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali.

3.3.3.

Iż-żewġ partijiet ta’ dan il-pjan ta’ prijorità għandhom jitmexxew ‘il quddiem flimkien, sabiex ikun żgurat li l-UE ssir mexxejja fl-ekonomija diġitali globali.

3.4.    Ħames oqsma ta’ prijorità: l-elementi kostitwenti tal-iffissar tal-istandards tal-ICT

3.4.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni identifikat ħames oqsma ta’ prijorità li huma l-elementi kostitwenti teknoloġiċi essenzjali tas-Suq Uniku Diġitali (l-ordni tal-lista tal-oqsma mhix importanti).

cloud computing,

Internet tal-Oġġetti (IoT),

komunikazzjonijiet 5G,

it-teknoloġija tal-(big) data,

ċibersigurtà.

3.4.2.

Dawn l-oqsma ntgħażlu abbażi ta’ pariri mogħtija mill-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT, li tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati fl-industrija, dawk li jiffissaw l-istandards, il-gvernijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

3.4.3.

It-trasformazzjoni diġitali qed ikollha impatt sinifikanti fuq setturi differenti kif ukoll fuq il-konsumaturi. Ħafna oqsma importanti ta’ applikazzjoni tal-ICT (pereżempju: saħħa-elettronika, sistemi ta’ trasport intelliġenti, enerġija intelliġenti, manifattura avvanzata, bliet intelliġenti, eċċ) huma bbażati direttament fuq il-ħames prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT magħżula.

3.4.4.

Il-prijoritajiet magħżula jikkumplimentaw strumenti ta’ standardizzazzjoni oħrajn użati għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni. Minbarra l-Inizjattiva Konġunta dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea ppjanata, dawn huma l-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT u l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni.

3.5.    Mobilizzazzjoni f’livell għoli sabiex jitwassal u jiġi żgurat rwol ewlieni permezz tal-istandards

3.5.1.

Il-punt 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jiddikjara li mhux biżżejjed li jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għal standards tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali biss. Is-suċċess jiddependi fuq livell għoli ta’ impenn għal standardizzazzjoni minn bażi wiesgħa ta’ partijiet interessati, inklużi l-industrija, l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni u l-komunità tar-riċerka, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-UE u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

3.5.2.

Il-Kummissjoni tipproponi proċess ta’ livell għoli biex twettaq l-azzjonijiet ta’ prijorità. Dan il-proċess jibni fuq u jikkumplimenta l-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati, il-Pjan Rikorrenti tal-ICT għall-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT u l-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea bħala l-mekkaniżmi għat-twassil tal-istandards u r-riżultati tal-istandardizzazzjoni. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi kull element tal-proċess u l-attivitajiet kollha relatati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Il-bilanċ ġust bejn l-istandardizzazzjoni u l-kreattività

4.1.1.

Fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, l-istandardizzazzjoni mhuwiex għan fih innifsu, iżda biss mezz, li wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li jinkoraġġixxi r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ICT.

4.1.2.

Kwalunkwe standard mhux biss joffri opportunitajiet iżda jistabbilixxi wkoll oqfsa u limitazzjonijiet. L-istandards jistgħu jgħinu l-iżvilupp, iżda wkoll irażżnuh, b’mod partikulari f’oqsma bi żvilupp rapidu ħafna, bħall-ICT.

4.1.3.

Fil-punt 2 tal-Komunikazzjoni bl-isem “L-iffissar tal-istandards għall-ICT: kuntest globali li joffri sfidi u li qed jinbidel malajr”, li jiddiskuti l-problemi fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, huwa indikat li: “…il-kumplessità dejjem tikber li tirriżulta minn proliferazzjoni tal-istandards, kif ukoll id-diversità tal-komunitajiet tekniċi involuti fl-iffissar tal-istandards, jistgħu jnaqqsu r-ritmu tal-innovazzjoni”.

4.1.4.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika (Rapport fil-qosor dwar il-konsultazzjoni pubblika “Standards fis-Suq Uniku Diġitali li jiffissa prijoritajiet u jiżgura t-twassil”) jiżvelaw l-opinjonijiet tal-gruppi tal-partijiet interessati kkonċernati, bħas-settur tal-ICT. Dan is-settur irid proċess ta’ standardizzazzjoni “minn isfel għal fuq”.

4.1.5.

Huwa ċar li t-twaqqif sever iżżejjed jew prematur tal-istandards jista’

jirrestrinġi l-kreattività, li ddewwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda u innovattivi;

iwassal għal sitwazzjoni fejn l-istandards ikunu żviluppati u approvati, iżda fejn il-produtturi jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum skont “standards” oħrajn li stabbilixxew huma stess.

4.1.6.

Dan ifisser li, fil-proċess ta’ standardizzazzjoni, jeħtieġ li tiġi valutata bir-reqqa s-sitwazzjoni fir-rigward tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ kull standard u għandu jinstab bilanċ raġonevoli bejn l-istandards bħala fattur restrittiv u l-kreattività, jiġifieri għandha titħalla l-possibbiltà li jkun hemm espressjoni libera permezz tal-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda “mhux standard”.

4.1.7.   Rakkomandazzjoni 1

Il-KESE jirrakkomanda li fil-komunikazzjonijiet futuri u dokumenti oħra relatati, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet interessati kollha dwar il-ħtieġa ta’ approċċ bilanċjat fir-rigward tal-istandardizzazzjoni tal-ICT: standards bħala fattur restrittiv tal-kreattività.

4.2.    Inkonsistenzi bejn l-oqsma ta’ prijorità fid-dokumenti differenti marbuta mal-istandardizzazzjoni

4.2.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tippreżenta l-ħames oqsma ta’ prijorità dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT:

cloud computing,

Internet tal-Oġġetti (IoT),

komunikazzjonijiet 5G,

ċibersigurtà,

teknoloġiji tal-(big) data.

4.2.2.

Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni tirreferi għall-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Id-diversi oqsma identifikati u deskritti fit-test tal-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT tal-2016 huma elenkati hawn taħt:

3.5.

Faċilitaturi ewlenin u sigurtà

95

 

3.5.1.

Cloud computing

96

 

3.5.2.

Informazzjoni tas-settur pubbliku, data miftuħa u l-big data

101

 

3.5.3.

Gvern elettroniku

106

 

 

3.5.3.1.

Profil ta’ applikazzjoni tad-DCAT għal portali tad-data fl-Ewropa

107

 

 

3.5.3.2.

Skambju tal-metadata dwar assi interoperabbli li jistgħu jerġgħu jintużaw (Gvern elettroniku)

107

 

 

3.5.3.3.

Vokabularji ewlenin biex jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet interoperabbli

107

 

3.5.4.

Identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji fosthom il-firem elettroniċi

109

 

3.5.5.

Identifikazzjoni permezz tal-Frekwenza tar-Radju (RFID)

112

 

3.5.6.

Internet tal-Oġġetti

114

 

3.5.7.

Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni

120

 

3.5.8.

Privatezza elettronika (ePrivacy)

124

 

3.5.9.

Infrastrutturi elettroniċi għax-xjenza tad-data tar-riċerka u dik li tuża ħafna il-kompjuter

127

 

3.5.10.

Immappjar tal-Infrastruttura Broadband

131

 

3.5.11.

Preservazzjoni taċ-ċinema diġitali

134

4.2.3.

Għalkemm dawn iż-żewġ dokumenti – il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-Pjan Rikorrenti għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT 2016 – huma marbuta u kumplimentari, jużaw terminoloġija differenti. Ebda wieħed miż-żewġ dokumenti ma jagħmel rabta bejn oqsma simili ta’ standardizzazzjoni.

4.2.4.   Rakkomandazzjoni 2

Il-KESE jirrakkomanda li għandhom isiru sforzi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT li għandhom ismijiet differenti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT. Sabiex tinħoloq konsistenza bejn id-dokumenti differenti u t-testi kollha interrelatati, għandha tintuża l-istess terminoloġija.

4.3.    Għażla tal-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni għall-ICT

4.3.1.

Fil-punt 3.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-ħames oqsma ta’ prijorità dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT huma elenkati u huwa speċifikat: “Dawn l-oqsma ntgħażlu abbażi ta’ pariri mogħtija mill-Pjattaforma Ewropea b’Bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT, li tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati fl-industrija, dawk li jiffissaw l-istandards, il-gvernijiet u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Proċess ta’ konsultazzjoni pubblika kkonferma kunsens wiesa’ madwar il-prijoritizzazzjoni ppreżentata hawnhekk.”

4.3.2.

Saret konsultazzjoni pubblika bejn it-23 ta’ Settembru 2015 u l-4 ta’ Jannar 2016 u kien hemm 168 parteċipant. Ir-riżultati tal- konsultazzjoni jinsabu fir-Rapport fil-Qosor dwar il-Konsultazzjoni Pubblika “Standards fis-Suq Uniku Diġitali li jiffissaw Prijoritajiet u jiżguraw it-Twassil”.

4.3.3.

Peress li r-riżultati tal-istħarriġ għandhom jitqiesu fl-għażla ta’ oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija fil-qasam tal-ICT li tidher fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u huma marbutin mal-biċċa l-kbira tal-intraprendituri Ewropej, parteċipazzjoni relattivament baxxa (168 parteċipant) tista’ teħtieġ aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-kompożizzjoni tal-parteċipanti.

4.3.4.

Informazzjoni dwar il-gruppi ta’ dawk li wieġbu hija disponibbli fir-Rapport (2).

4.3.5.

Kif wieħed jista’ jara, diversi rispondenti huma parti minn diversi organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni. Proporzjon relattivament żgħir huwa magħmul minn żviluppaturi u produtturi – dawk li huma attenti għall-ħtiġijiet tas-suq, li jiddeterminaw jew isegwu x-xejriet tal-iżviluppi teknoloġiċi u li għandhom il-pjanijiet tagħhom ta’ żvilupp. F’ċifri assoluti, l-għadd tagħhom huwa żgħir.

4.3.6.

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni li jinsabu fid-dokument “Rapport fil-Qosor” jipprovdu informazzjoni dwar l-oqsma magħżula iżda ma jindikawx in-numru ta’ oqsma effettivament eżaminati u lanqas x’inhuma (lanqas l-oqsma elenkati fil-pjan rikorrenti għall-istandardizzazzjoni tal-ICT). Lanqas ma jippreċiżaw l-awturi tal-għażliet, jew, jekk il-lista oriġinali kienet tinkludi wkoll oqsma oħra, u x’kienu l-opinjonijiet.

4.3.7.   Rakkomandazzjoni 3

Minħabba l-importanza tad-determinazzjoni tal-prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-KESE jirrakkomanda li għandha tkun offerta aktar informazzjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet, il-metodoloġija u r-riżultati b’rabta mal-għażla tal-oqsma prijoritarji.

4.4.    Ċiklu tal-ħajja tal-komunikazzjoni

4.4.1.

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssemmi għadd ta’ punti konkreti u li jevolvu maż-żmien, b’mod partikolari l-oqsma ta’ prijorità, l-azzjonijiet ewlenin, l-iskadenzi ewlenin u ħafna iktar. Dan ifisser li tali dokument, f’dan il-każ il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ma jistax ikun imfassal għal żmien twil.

4.4.2.

Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm proċedura speċifika, applikata fil-prattika, li tiddeskrivi kif u kemm drabi d-dokument se jiġi rivedut, il-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati, id-deċiżjonijiet meħuda, l-ippjanar operazzjonali mwettaq u attivitajiet oħra mwettqa – jiġifieri, il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja regolari ta’ dokument u kwalunkwe attivitajiet relatati għandhom jiġu ppjanati.

4.4.3.   Rakkomandazzjoni 4

Sabiex l-atturi kollha kkonċernati jkollhom fehim aħjar tal-implimentazzjoni u l-koerenza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE jirrakkomanda li għandha tiġi mxerrda l-informazzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet rikorrenti biex jissupplimentaw jew ikomplu l-ħidma mnedija minn dan id-dokument.

4.5.    Suġġetti li mhumiex koperti biżżejjed

4.5.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ssemmi diversi aspetti marbuta mal-għażla tal-prijoritajiet ta’ standardizzazzjoni tal-ICT, kif ukoll l-attivitajiet ippjanati dwar il-kontinwazzjoni ta’ din l-azzjoni. Madankollu, permezz dan it-test u d-dokumenti relatati, il-grupp ta’ studju tal-KESE sab li diversi aspetti importanti għas-soċjetà mhuma diskussi imkien, jew huma msemmija biss b’mod inċidentali.

4.5.2.

Għalkemm l-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li jiddetermina l-linji gwida ta’ prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT u attivitajiet relatati, l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħha fil-prattika għandhom jipproduċu wkoll effetti diretti jew indiretti, f’oqsma bħal:

id-drittijiet tal-konsumatur,

l-attività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME),

l-impjieg u s-sigurtà tiegħu,

il-ħin u l-kundizzjonijiet tax-xogħol,

il-possibbiltajiet ta’ aċċess għall-ICT għall-persuni b’diżabilità jew bi bżonnijiet partikolari,

il-ħarsien ambjentali;

diversi kwistjonijiet oħra relatati mad-dimensjoni soċjali.

4.5.3.

Il-KESE jinnota li matul il-proċess ta’ standardizzazzjoni, għandha tingħata attenzjoni lil dawn il-punti:

li tipprovdi lill-partijiet interessati kollha b’“kundizzjonijiet ekwi”,

l-enfasi tal-importanza ta’ kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni fi ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles tal-UE,

kif is-setturi ta’ attività jiġu kklassifikati,

il-kompetenzi tal-impjegati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandards,

id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema,

l-involviment ta’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi djalogu.

4.5.4.   Rakkomandazzjoni 5

Biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkollhom fiduċja li l-Kummissjoni, meta tfassal il-komunikazzjoni tagħha, tkun ikkunsidrat kwistjonijiet lil hinn minn dawk marbuta direttament mal-Prijoritajiet għall-Istandardizzazzjoni tal-ICT u vvalutat ukoll l-impatt ta’ dawn il-prijoritajiet fuq diversi kwistjonijiet soċjali (ara l-Artikolu 11 TFUE), il-KESE jirrakkomanda li l-komunikazzjonijiet futuri tal-Kummissjoni jinkludu aktar dettalji speċifiċi dwar il-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati u dwar il-konsegwenzi soċjali tal-approċċ tagħha fil-qasam tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, li diġà jaffettwa lis-soċjetà kollha.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2016.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12

(2)  http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/image/document/2016-17/synopsis_report_on_the_public_consultation_-_standards_in_the_digital_single_market_setting_priorities_and_ensuring_delivery_15264.pdf