15.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/58


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)

[COM(2016) 683 final — 2016/0336 (CNS)]

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva

[COM(2016) 685 final — 2016/0337 (CNS)]

(2017/C 434/09)

Relatur:

Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21.11.2016

Bażi legali

L-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-Sezzjoni Speċjalizzata

7.9.2017

Adottata fil-plenarja

20.9.2017

Sessjoni plenarja Nru

528

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

182/2/11

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-għanijiet tal-proposti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-BKKTK.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li jsiru l-akbar sforzi possibbli biex il-BKKTK tiġi segwita b’kunsens, meta titqies in-natura sensittiva tal-kwistjonijiet f’termini tas-sussidjarjetà u s-sovranità statali.

1.3

Il-KESE jifhem ir-raġunijiet wara l-approċċ f’żewġ stadji adottat mill-Kummissjoni iżda jħeġġeġ l-introduzzjoni mgħaġġla tat-tieni stadju wara l-ftehim ta’ bażi komuni, peress li huwa biss wara l-konsolidazzjoni li l-kumpaniji se jħossu l-benefiċċji ewlenin. Se jkun hemm xi benefiċċji f’termini tal-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa mill-ewwel stadju, iżda l-konsolidazzjoni tikkompleta l-kompitu.

1.4

Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni nediet mill-ġdid il-proposta tal-BKKTK kemm bl-objettiv li tingħata għajnuna lis-suq uniku kif ukoll biex jiġi miġġieled l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, bl-attribuzzjoni ta’ dħul fejn jinħoloq il-valur. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu li jlestu ż-żewġ stadji bħala miżura effettiva għall-ġlieda kontra l-frodi u biex jiġi promoss it-tkabbir.

1.5

Bħalma għamel fl-2011, il-KESE jirrakkomanda rieżaminazzjoni tal-formula ta’ tqassim għall-BKKTK. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jirriflettu dwar jekk il-proprjetà intellettwali (PI) għandhiex tiġi eskluża mit-tqassim skont formula. Il-bejgħ skont il-koeffiċjent tad-destinazzjoni jista’ wkoll jeħtieġ tibdil biex jiżgura l-implimentazzjoni ġusta. Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-operat tal-koeffiċjent tal-bejgħ propost se jirriżulta f’ħafna mill-Istati Membri esportaturi jitilfu ammonti sostanzjali ta’ dħul taxxabbli għall-benefiċċju tal-Istati Membri li huma konsumaturi akbar. Il-KESE jemmen li l-proposta għandha timmira għal formula ekwa u tevita effett żbilanċjat b’mod sistematiku.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ il-kawtela dwar il-proposti dwar id-deprezzament biex jiġi żgurat li jirriflettu l-esperjenza reali tan-negozji. Il-kumpens għal deprezzament jista’ jkun limitat wisq għal ċerti klassijiet ta’ assi li huma soġġetti għal obsolenza rapida ħafna minħabba l-pass tat-tibdil teknoloġiku.

1.7

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tat-trattament fiskali ta’ finanzjament tal-ekwità għal investimenti korporattivi, permezz tal-proposta li tpoġġi d-dejn u l-finanzjament tal-ekwità fuq livell ugwali. Madankollu, kumpaniji li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet ekonomiċi m’għandhomx jiġu esposti għal piż fiskali akbar.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li għandu jkun hemm bilanċ ekwu fost l-Istati Membri bħala riżultat tal-proposti u b’hekk l-impatt tagħhom għandu jiġi eżaminat fid-dettall fuq bażi ta’ Stat Membru individwali, f’termini ta’ kemm huwa attraenti għall-investiment u ta’ kemm huwa kapaċi jżomm u joħloq l-impjiegi. Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti biex dan iseħħ.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li l-proposti tal-BKKTK għandhom inaqqsu l-kumplessità fejn possibbli, fid-dawl tal-għan iddikjarat li jipprovdi ċertezza u sempliċità. Dan huwa partikolarment importanti għat-trattament ta’ assi intanġibbli fuq il-karti tal-bilanċ tal-kumpanija.

1.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza l-ħtieġa għal flessibbiltà u tiżgura li l-istati u l-kumpaniji jkunu jistgħu jirreaġixxu għal tibdil fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi globali jew domestiċi, filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri tal-UE u l-kooperazzjoni konġunta.

1.11

Il-BKKTK għandha tkun aktar effettiva u jkollha probabbiltà akbar li tikseb l-unanimità neċessarja jekk numru ta’ elementi ta’ tħassib ewlieni, deskritti f’din l-Opinjoni, jiġu indirizzati.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Il-proposta għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) mnedija mill-ġdid hija sett uniku ta’ regoli biex jikkalkulaw il-profitti taxxabbli tal-kumpaniji fl-UE, bil-għan li jsir kontribut qawwi għat-tkabbir, il-kompetittività u l-ekwità fis-suq uniku. Permezz tal-BKKTK, kumpaniji transkonfinali se jikkonformaw ma’ sistema waħda u unika tal-UE għall-komputazzjoni tal-introjtu taxxabbli tagħhom, aktar milli ma’ regoli nazzjonali differenti. Il-kumpaniji jippreżentaw dikjarazzjoni tat-taxxa waħda għall-attivitajiet kollha tagħhom fl-UE, u jagħmlu tajjeb għat-telf fi Stat Membru wieħed bil-profitti fi Stat Membru ieħor. Tranżazzjonijiet intragruppi ma jibqgħux jiġu ntaxxati fil-livell tal-entità, u b’hekk jiġu eliminati kwistjonijiet ta’ trasferimenti tal-prezzijiet fil-qasam tal-BKKTK. Il-profitti taxxabbli konsolidati jinqasmu bejn l-Istati Membri li fihom huwa attiv il-grupp, bl-użu ta’ formula ta’ tqassim. Kull Stat Membru mbagħad jista’ jintaxxa s-sehem tiegħu tal-profitti fuq ir-rata ta’ taxxa nazzjonali korporattiva tiegħu stess.

2.2

Hemm ukoll dispożizzjonijiet ġodda mqabbla mal-proposta tal-2011. L-ewwel, il-proposti tal-2016 jitolbu li jkun hemm regoli obbligatorji minflok fakultattivi biex jiġu regolati gruppi konsolidati bi dħul annwali ta’ EUR 750 miljun jew aktar; it-tieni, hemm regoli li jħeġġu lill-kumpaniji biex iżidu l-ekwità meta jiffinanzjaw investimenti kontra l-preġudizzju favur il-finanzjament b’dejn; u t-tielet, huwa introdott tnaqqis “super” għar-riċerka u l-iżvilupp. Hemm ukoll proposti fil-Bażi Komuni għal ħelsien temporanju minn taxxa għal telf transkonfinali b’akkwist mill-ġdid sussegwenti sakemm tiġi introdotta l-konsolidazzjoni. It-tieni pass fil-proposti se jitwettaq ladarba jkun hemm qbil politiku dwar il-proposti għall-Bażi Komuni. S’issa, it-tieni fażi għadha pendenti għal kunsiderazzjoni mill-Kunsill.

2.3

Il-proposta attwali tal-Kummissjoni tikkonsisti f’żewġ proposti separati għal Direttivi tal-Kunsill. Waħda mill-proposti hija dwar “Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva” jew BKTK, u l-oħra dwar “Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva” jew BKKTK. Is-separazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi f’żewġ proposti separati hija differenza kruċjali bejn il-proposti tal-2016 u tal-2011. Il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ fi stadji l-ewwel lejn il-BKTK, li mbagħad għandu jiġi segwit mill-BKKTK.

2.4

Il-Kummissjoni nediet mill-ġdid ukoll il-proposta tal-BKKTK fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kif ukoll biex tingħata għajnuna lis-suq uniku, u tirrikonoxxi li “x’aktarx il-proposta għal BKKTK mhux se tiġi adottata fl-intier tagħha, mingħajr approċċ imqassam fi stadji”. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-konsolidazzjoni hija parti integrali tal-proposti. In-natura obbligatorja tal-BKKTK għall-kumpaniji b’fatturat ta’ aktar minn EUR 750 miljun hija parti minn strateġija biex jitjiebu l-prospetti għat-tkabbir u l-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-Kummissjoni temmen li l-proposti huma aktar attraenti għan-negozji b’mod ġenerali f’termini ta’ konformità u kumplessità u fil-promozzjoni tal-ekwità fuq id-dejn f’termini ta’ ħelsien mit-taxxa. Il-kumpensi transkonfinali għat-telf fi Stat Membru wieħed kontra l-profitt fi Stat ieħor huma meqjusa wkoll bħala vantaġġ tal-proposti.

2.5

Il-Kummissjoni ddikjarat li s-sistema attwali ta’ tassazzjoni korporattiva internazzjonali “m’għadhiex adatta għall-kuntest modern”. Jista’ jkun hemm diskrepanzi meta jiġu abbozzati regoli nazzjonali mingħajr kunsiderazzjoni għal kwistjonijiet internazzjonali, skont il-Kummissjoni. Il-proposti tal-2016, filwaqt li huma obbligatorji għal gruppi akbar, jipprovdu wkoll għal sistema ta’ konformità opzjonali għal entitajiet soġġetti għal tassazzjoni korporattiva fl-UE li taqa’ taħt il-limitu ta’ fatturat ta’ EUR 750 miljun. Il-Kummissjoni tqis dawn il-proposti bħala l-attribuzzjoni ta’ dħul fejn jinħoloq il-valur.

2.6

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi n-natura ambizzjuża tal-proposti u b’hekk in-natura gradwali fi stadji tal-implimentazzjoni tagħhom. Fil-fatt hija tenfasizza li diskussjonijiet diffiċli dwar l-element tal-konsolidazzjoni jistgħu jdewmu oqsma importanti oħrajn fejn jista’ jkun hemm aktar kunsens. Madankollu, iż-żewġ proposti xorta huma ppreżentati flimkien bħala parti mill-istess inizjattiva. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-konsolidazzjoni tibqa’ element essenzjali tal-inizjattiva u l-ostakoli fiskali prinċipali li jaffaċċjaw il-gruppi rilevanti jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta’ konsolidazzjoni.

3.   Il-benefiċċji tal-proposta

3.1

Il-proposti jinkludu benefiċċji sinifikanti għan-negozji u ċ-ċittadini. Se jkun hemm tnaqqis fi spejjeż ta’ konformità u kumplessità għal negozji akbar, u dawk li jagħżlu li jagħmlu kummerċ fl-UE. Din hija wkoll kwistjoni ewlenija li tmexxi ’l quddiem it-tlestija tas-suq uniku u sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd. Il-BKKTK, jekk tiġi introdotta b’mod adatt, jista’ jkollha rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja fost iċ-ċittadini fis-sistema tat-taxxa. Approċċ komuni għall-bażi tat-taxxa se jiżgura li l-pajjiżi kollha tal-UE qed jieħdu approċċ simili u jgħoddu b’mod kritiku l-istess affarijiet u jippermettu l-istess tnaqqis. Il-kumpaniji multinazzjonali issa jistgħu jagħmlu użu minn bażijiet tat-taxxa u rati tat-taxxa differenti fi Stati Membri differenti u xi kultant f’entitajiet lil hinn mill-kosta sabiex iħallsu rati effettivi baxxi ħafna. Il-BKKTK tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

3.2

L-ippjanar aggressiv tat-taxxa jirriżulta f’inqas dħul mit-taxxa. Il-livell ta’ ppjanar tat-taxxa huwa ta’ tħassib kbir għaċ-ċittadini tal-UE. L-UE ħadet għadd ta’ miżuri biex tindirizza din il-kwistjoni, u adottat il-pjan ta’ azzjoni. Wieħed mill-għanijiet tal-BKKTK hu li jesplora kif dan l-approċċ jista’ jitmexxa ’l quddiem sabiex jiżgura tassazzjoni korporattiva effettiva madwar l-UE kollha.

3.3

It-tnaqqis konsiderevoli fil-prezzijiet tat-trasferiment fl-UE li ġabet magħha l-BKKTK se jiġġieled il-prattiki li jwasslu għal pjanar aggressiv tat-taxxa. Pereżempju assi bħall-proprjetà intellettwali ħafna drabi huma użati għaliex huwa diffiċli li jitpoġġa valur fuqhom jew ikunu vvalutati mill-kumpanija nnifisha, b’mod li jirrifletti nominalment valur tas-suq miftuħ. Dawn huma ta’ spiss soġġetti għal negozjar intern fi ħdan l-istrutturi tal-kumpanija.

3.4

Il-BKKTK tista’ tiġġieled kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa biex jiġi ddeterminat fejn isseħħ l-attività ekonomika reali. Il-kumpaniji jistgħu jużaw għadd ta’ nies u/jew ikollhom assi sinifikanti fi Stat Membru iżda ma jkollhom l-ebda jew tassew ftit qligħ f’dak l-Istat Membru. Bħalissa, kumpaniji li għandhom struttura madwar l-UE jistgħu jorganizzaw in-negozju tagħhom b’tali mod li l-biċċa l-kbira tal-qligħ tagħhom tal-UE jispiċċa f’sede Ewropea f’ġurisdizzjoni li għandha l-inqas rati u/jew l-ikbar tnaqqis. Dan, flimkien mal-użu tal-ipprezzar ta’ trasferiment għal assi intanġibbli, jista’ jwassal għal rati baxxi ħafna ta’ taxxa korporattiva effettiva għall-kumpaniji multinazzjonali b’fatturat kbir ħafna f’bosta ġurisdizzjonijiet. Il-proposti għal BKKTK jistgħu jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Il-formula stabbilita fil-proposti timmira lejn fejn qed issir l-attività ekonomika, bil-bejgħ, il-forza tax-xogħol u l-assi jkunu komponenti ewlenin ta’ dan. Barra minn hekk, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali għandhom rwol x’jaqdu f’dawn il-kwistjonijiet.

3.5

Meta tiġi adottata, il-BKKTK għandha tindirizza l-kompetittività għall-kumpaniji kollha. Il-proposta għandha tqis il-kwistjonijiet differenti li qed jaffaċċjaw l-SMEs, kif ukoll kumpaniji kbar.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jilqa’ l-proposti għal Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva u Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva bħala mezz biex jissaħħaħ is-suq uniku billi jiġu semplifikati l-kwistjonijiet tat-taxxa ta’ kumpaniji akbar u bħala mezz biex jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa. Mill-2011 ’l hawn kien hemm bidliet konsiderevoli fil-kuntest usa’ ekonomiku u politiku Ewropew u globali. Il-proposta preċedenti tal-BKKTK ma għamlet l-ebda progress sinifikanti. Il-Kumitat jittama li l-proposti l-ġodda li jqisu l-iżviluppi globali jkollhom aktar suċċess.

4.2

Hekk kif id-dibattitu dwar il-BKKTK jimxi ’l quddiem, huwa importanti li l-konsolidament jibqa’ l-objettiv primarju. Il-proposta se tibbenefika wkoll minn kumplessità mnaqqsa, fejn dan ikun possibbli. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfittex l-ammont massimu ta’ kunsens meta tmexxi ’l quddiem iż-żewġ aspetti tal-proposta.

4.3   Is-sistema ta’ tqassim tal-BKKTK

4.3.1

Hemm għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-formula ta’ tqassim. Il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li ma kien hemm l-ebda tentattiv biex jiġi spjegat jew definit b’mod li jagħmel sens il-mod kif il-formula ġenerali (terz assi, terz impjiegi u terz bejgħ skont id-destinazzjoni) hija rappreżentazzjoni adegwata tar-realtà ekonomika tal-kumpanija għat-tqassim tal-profitti taxxabbli bejn l-Istati Membri. Il-proposta eżistenti tista’ tikkawża bidliet sinifikanti fejn il-profitti huma dovuti għal finijiet ta’ taxxa, li se jkollhom effetti sinifikanti u mhux magħrufa fuq il-kumpaniji u l-Istati Membri. Id-dħul mit-taxxa huwa element fundamentali fil-ġestjoni ekonomika, li jista’ jkollha impatt serju. Il-KESE jemmen li l-proposta għandha timmira għal formula ekwa u tevita effett żbilanċjat b’mod sistematiku.

4.3.2

Il-fokus fuq kwistjonijiet bħal impjanti, makkinarju u persunal, filwaqt li rilevanti, ma tagħtix l-istampa sħiħa tal-industrija moderna. L-istrateġija tas-suq uniku diġitali, pereżempju, tenfasizza l-importanza tal-proprjetà intellettwali. Bl-istess mod, żviluppi fir-rigward tal-unjoni tas-swieq kapitali jistgħu jiffukaw fuq assi finanzjarji.

4.3.3

It-tħassib tal-Kumitat jirriżulta l-iżjed minn dawn l-aspetti:

(1)

il-proposta biex tiġi eskluża l-proprjetà intellettwali mill-koeffiċjent tal-assi. Il-PI hija fattur ekonomiku li huwa faċli li jinbidel għall-kalkolu tal-profitt. Il-KESE jirrikkonoxxi li huwa diffiċli li tiġi vvalutata u għalhekk ma kinitx parti mill-proposta tal-Kummissjoni, u jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq l-aqwa mod kif għandu jiġi indirizzat dan is-suġġett importanti. Dan huwa partikolarment pertinenti minħabba li l-PI hija xprunatur importanti tal-ħolqien tal-valur ekonomiku u tiddetta dejjem aktar id-direzzjoni li fiha qed jimxu l-ekonomiji moderni. Is-soluzzjoni hija wkoll inkonsistenti mal-enfasi kontinwa tal-Kummissjoni fuq is-suq uniku diġitali;

(2)

il-proposta sabiex jiġi inkluż koeffiċjent tal-“bejgħ skont id-destinazzjoni”. Il-Kumitat jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-operat tal-koeffiċjent tal-bejgħ propost se jirriżulta f’ħafna mill-Istati Membri esportaturi jitilfu ammonti sostanzjali ta’ dħul taxxabbli għall-benefiċċju tal-Istati Membri li huma konsumaturi akbar. L-impatt ekonomiku u soċjali mhuwiex magħruf u l-koeffiċjent tal-bejgħ għandu jibbenefika mill-fatt li jiġi kwantifikat l-impatt tiegħu; u jekk ikun hemm bżonn, għandu jiġi kkunsidrat mill-ġdid;

(3)

L-introduzzjoni ta’ sistema sħiħa u mifruxa mal-UE kollha ta’ kalkolu u konsolidazzjoni tat-taxxa korporattiva tkun bidla ewlenija fl-ambjent tan-negozju fl-UE u għandha l-potenzjal li tagħti spinta lis-suq uniku. Għalhekk jenħtieġ li jiġi analizzat bir-reqqa u jenħtieġ li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt nazzjonali. Sett wieħed sinifikanti u eżistenti ta’ regoli għall-kumpaniji internazzjonali ewlenin kollha huwa l-istandards internazzjonali finanzjarji u ta’ kontabbiltà. Kull diverġenza minn dawn fil-proċess tal-ippjanar tan-negozju se tpoġġi piżijiet addizzjonali fuq in-negozji aktar milli tippermetti ffrankar. Peress li l-formula għat-tqassim tal-BKKTK hija żviluppata mill-Kummissjoni biss għal dan l-għan speċifiku, prima facie ma taqbilx ma’ wħud mill-istandards internazzjonali ta’ kontabbiltà.

(4)

Minħabba li ċ-ċarezza u l-konsistenza fl-użu tat-termini huma ta’ importanza kruċjali speċjalment fil-qasam tat-tassazzjoni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-elementi ewlenin kollha u, b’mod partikolari, id-definizzjonijiet, iridu jiġu indirizzati f’din id-Direttiva.

4.4   Il-finanzjament b’dejn kontra l-finanzjament tal-ekwità

4.4.1

Il-proposti tal-Kummissjoni jqiegħdu ħafna enfasi fuq il-kwistjoni tat-trattament fiskali tad-dejn kontra l-ekwità fil-finanzjament korporattiv. Bħala element wiesa’ tal-istrateġija industrijali, il-promozzjoni tal-ekwità tista’ tidher ta’ valur billi tiddiversifika r-riskju f’kumpanija u tevita ħafna aspetti ta’ volatilità fl-ippjanar.

4.4.2

B’mod aktar speċifiku, il-Kumitat huwa mħasseb li l-approċċ magħżul jista’ jkun proċikliku fis-sens li tnaqqis fl-ekwità fi żminijiet ħżiena, jew ir-rikors tad-dejn minħabba nuqqas ta’ alternattivi, iwasslu għal żieda fid-dħul taxxabbli, u b’hekk ma jtejjeb xejn is-sitwazzjoni tal-kumpanija hekk kif tkun qed taffaċċja l-aktar żminijiet diffiċli. Dan se jkollu impatt sussegwenti fuq l-impjiegi u t-tkabbir. Għalhekk, skont il-KESE, hemm bżonn li ssir riflessjoni dwar l-approċċ magħżul.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-proposti tal-Kummissjoni huma, fil-fehma tagħha, b’saħħithom f’dak li jirrigwarda l-appoġġ għan-negozju u l-ħolqien ta’ reġim eħfef u aktar effettiv ta’ konformità u biex isir in-negozju. Filwaqt li l-promozzjoni tas-suq uniku u l-ħtiġijiet tan-negozju tista’ titqies bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE, fuq livell eżistenzjali l-UE kienet stabbilita mill-Istati Membri biex taqdi l-bżonnijiet tagħhom. Tal-inqas, jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni sistematika mwettqa mill-Kummissjoni tal-impatt fuq kull Stat Membru tal-bidliet proposti għad-dħul mit-taxxa, l-investiment u l-impjieg, filwaqt li tiffoka fuq l-analiżi tal-bażi tad-data internazzjonali u d-data tal-Istati Membri. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu lill-Kummissjoni aċċess għad-data kollha rilevanti, u jissuġġerixxi li l-valutazzjonijiet tal-impatt jitwettqu għaż-żewġ stadji tal-BKKTK.

5.2

Filwaqt li l-eliminazzjoni tal-ipprezzar tat-trasferiment hija element ewlieni tal-proposti, huwa evidenti li l-kunċett xorta jibqa’ jeżisti meta gruppi għandhom kemm attivitajiet ġewwa kif ukoll barra l-UE. Dan bla dubju se jinvolvi arranġamenti distinti u separati għal ħafna kumpaniji. Għalhekk hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-kostruzzjoni ta’ gruppi ġewwa u barra l-UE u strutturi mħallta. Il-potenzjal għal evitar imbagħad jista’ jiċċaqlaq mill-bażi ta’ tassazzjoni jew id-diskrepanzi ibridi attwali għall-istrutturi tal-kumpaniji u l-gruppi.

5.3

Il-KESE jappella għal dibattitu dwar il-BKKTK biex jiġu segwiti l-proċeduri Ewropej ladarba jsir ftehim. Filwaqt li l-politika għandha tkun xi ftit flessibbli għall-kundizzjonijiet dejjem jinbidlu, jeħtieġ ukoll li jkun hemm mekkaniżmu organizzat sabiex il-politika tiġi aġġustata għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi.

5.4

It-trattament tar-riċerka u l-iżvilupp huwa milqugħ b’sodisfazzjon. Tnaqqis “super” f’dan il-qasam naturalment se jżid l-attività b’mod sinifikanti u jikkontribwixxi għall-kompetittività. Huwa importanti li l-miżuri proposti hawnhekk jitqiesu fil-kuntest tagħhom billi jitqabblu ma’ dak li l-Istati Membri diġà jipprevedu (li huwa pjuttost differenti). Filwaqt li l-allowance għat-tkabbir u l-investiment huwa importanti, huwa wkoll kruċjali li bħala inċentiv ġdid dan u tabilħaqq it-tnaqqis “super” għar-riċerka u l-iżvilupp ma jsirux forom ġodda ta’ abbuż tat-taxxa meta jiġu implimentati.

5.5

Il-Kummissjoni trid tqis il-kunflitti probabbli li jistgħu jinqalgħu bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-awtorità tat-taxxa prinċipali. Kunflitti dwar it-tassazzjoni tas-sussidjarji fi grupp u t-tqassim ta’ profitt jistgħu jinqalgħu u jieħdu post kull ħin iffrankat billi jneħħu l-kwistjonijiet tal-ipprezzar tat-trasferimenti.

5.6

Jenħtieġ li tiġi pprovduta ċarezza dwar kif l-awditi tal-Istati Membri jseħħu f’sussidjarja fi ħdan grupp jekk l-awtoritajiet tad-dħul tal-Istat Membru kkonċernat ikunu jixtiequ jagħmlu awditu.

5.7

Id-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ deprezzament jistgħu jkunu inkonsistenti ma’ xi prattiki kummerċjali; jenħtieġ li tiġi kkunsidrata hawnhekk xi tip ta’ flessibbiltà. Ħafna kumpaniji jibdlu t-tagħmir tagħhom (pereżempju l-kompjuters) kull sena jew sentejn sabiex jevitaw l-obsolenza, u fis-snin li ġejjin, il-pass rapidu tat-tibdil teknoloġiku se jqassar aktar iċ-ċiklu ta’ tibdil għal numru ta’ kategoriji ta’ assi.

5.8

Xorta waħda huwa importanti li tingħata gwida kontra l-evitar tat-taxxa permezz ta’ arbitraġġ tal-kodiċi ta’ kontabilità billi tali attività tista’ tkun għadha possibbli qabel ma jseħħ il-konsolidament.

5.9

Il-proposti jippermettu wkoll lill-kumpaniji multinazzjonali biex jeskludu entitajiet intermedjarji, inklużi dawk f’pajjiżi li joffru kenn mit-taxxi, għaliex dawn jinsabu barra mill-UE. Dan imbagħad ikun irid jiġi ttrattat b’metodi differenti bħal pereżempju r-regoli dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti, il-kumpaniji barranin kontrollati, u prinċipju ġenerali kontra l-evitar tat-taxxa.

Brussell, l-20 ta’ Settembru 2017

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS