|
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/122 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008”
(COM(2016) 39 final — 2016/023 (COD))
(2016/C 303/17)
|
Relatur: |
is-Sur Vladimír NOVOTNÝ |
Nhar l-4 ta’ Frar 2016 u nhar it-18 ta’ Frar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1), 207 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008”
(COM(2016) 39 final — 2016/023 (COD)).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’153 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-Kumitat jirrakkomanda bla ebda riżervi l-adozzjoni tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 bħala l-ewwel pass lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi u mill-Istati Membri tagħha. |
|
1.2 |
Il-problema dinjija tal-emissjonijiet tal-merkurju teħtieġ approċċ globali, kif toffri l-Konvenzjoni ta’ Minamata. L-UE ilha, flimkien mal-Ġappun, l-attur ewlieni fit-tnaqqis tal-piż tal-merkurju fuq l-ambjent (u fuq il-popolazzjoni), iżda rridu nirrealizzaw li l-merkurju u l-komposti tiegħu ser jibqgħu element fl-ambjent għal dejjem. |
|
1.3 |
Il-Kumitat jinnota li l-azzjoni sostnuta tal-UE dwar il-merkurju fuq livell globali u, b’mod partikulari, fil-limiti tagħha stess ġabet ’l-Unjoni tnaqqis ta’ 75 % fl-emissjonijiet ta’ merkurju kkawżati mill-bniedem sa mill-1990 u l-leġislazzjoni fis-seħħ tiggarantixxi aktar tnaqqis progressiv. |
|
1.4 |
Il-Kumitat jirrakkomanda aktar azzjoni tal-UE bi qbil mal-Konvenzjoni ta’ Minamata rratifikata ladarba tkun daħlet fis-seħħ. Il-Kumitat huwa konvint li l-qafas leġislattiv li jirregola primarjament l-emissjonijiet — iżda wkoll il-proċessi ta’ manifattura u prodotti — huwa biżżejjed biex jissodisfa l-impenji tal-Konvenzjoni mingħajr ma jfixkel il-kompetittività tal-UE kollha kemm hi. |
|
1.5 |
Huwa essenzjali, fil-fehma tal-Kumitat, li porzjon proporzjonat tal-kapaċità xjentifika u tar-riċerka tal-UE għandu jiġi ddedikat għall-kwistjoni tal-merkurju u l-alternattivi tiegħu fil-proċessi ta’ manifattura u l-prodotti. |
|
1.6 |
Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li, wara r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata, il-korpi rilevanti tal-UE, flimkien mal-Istati Membri firmatarji tal-Konvenzjoni, jieħdu sehem fl-ewwel konferenza tal-partijiet tal-konvenzjoni dwar il-merkurju (COP 1) — li bħalissa qed tiġi organizzata — u jikkontribwixxu għal għarfien sabiex ikun possibbli aktar tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ merkurju kkawżati mill-bniedem u l-użu tiegħu fil-prodotti u l-manifattura. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Il-merkurju huwa komponent naturali tad-dinja, b’abbondanza medja ta’ madwar 0,05 mg/kg ġol-qoxra tad-dinja, b’varjanti lokali sinifikanti. Huwa wkoll preżenti f’livelli baxxi ħafna fil-bijosfera kollha. L-assorbiment tal-merkurju mill-pjanti jispjega l-preżenza tiegħu fil-karburanti bħall-faħam, iż-żejt u l-gass naturali — iżda wkoll fil-bijokarburanti. F’termini ta’ emissjonijiet tal-merkurju, il-kombustjoni tal-bijomassa hija prattikament l-istess bħal dak li jiġi kkawżat bil-ħruq tal-faħam. Il-merkurju u l-emissjonijiet tiegħu huma indirizzati fid-dettall f’dokumenti tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) (1). |
|
2.2 |
Ladarba jkun rilaxxat il-merkurju jippersisti fl-ambjent, fejn jiċċirkola bejn l-arja, l-ilma, is-sedimenti, il-ħamrija u l-bijota f’diversi forom. Il-forma tiegħu tista’ tinbidel (primarjament bil-metaboliżmu mikrobijali) għal metilmerkurju, li għandu l-kapaċità li jinġabar f’organiżmi u partikularment fil-katina tal-ikel akwatika (ħut u mammali tal-baħar). Il-bijoakkumulazzjoni tal-merkurju u ta’ metalli tqal oħra u l-potenzjal tagħhom li jiġu trasportati fl-atmosfera fuq distanza kbira hija r-raġuni għaliex dawn huma meqjusa bħala theddida ambjentali globali. |
|
2.3 |
F’xi partijiet tad-dinja, speċjalment barra mill-UE, għadd konsiderevoli ta’ nies huma esposti għall-merkurju li huwa ’l fuq mil-livelli aċċettabbli għas-saħħa. L-aħjar stimi jindikaw li l-emissjonijiet tal-merkurju fl-atmosfera minn attivitajiet tal-bniedem jammontaw għal 1 960 tunnellata fis-sena madwar id-dinja u 87,5 tunnellata fis-sena (4,5 % tat-total) għall-UE. L-emissjonijiet diretti fl-ilma jammontaw għal 900 tunnellata fis-sena u l-emissjonijiet naturali (l-erożjoni tal-ġebel u l-attività vulkanika) jilħqu madwar l-istess ammont. Ħarsa ġenerali lejn l-emissjonijiet tal-merkurju antropoġeniċi jinsabu fl-Appendiċi 1. |
|
2.4 |
Minkejja nuqqas fil-konsum globali tal-merkurju (id-domanda globali hija inqas minn nofs il-livelli tal-1980), u prezzijiet baxxi, il-produzzjoni mill-minjieri għadha sseħħ f’numru ta’ pajjiżi madwar id-dinja. L-akbar produtturi huma ċ-Ċina u l-Każakstan. Fl-Ewropa, il-produzzjoni primarja waqfet sa mill-2003, iżda l-merkurju jiġi iżolat bħala prodott sekondarju ta’ proċessi oħra estrattivi u t-trattament tal-materja prima. Dan il-merkurju huwa kklassifikat bħala skart u huwa trattat f’konformità mal-leġislazzjoni dwar l-iskart. |
|
2.5 |
Kwantitajiet kbar tal-merkurju qegħdin jidħlu wkoll fis-suq dinji — b’riżultat tal-konverżjoni jew l-għeluq tal-faċilitajiet ta’ chlor-alkali — minn pajjiżi fejn, għal kuntrarju tal-UE, il-kummerċ f’dan il-merkurju ma ġiex ipprojbit. |
|
2.6 |
L-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-faħam u l-proċessi ta’ inċinerazzjoni, inklużi għall-azzar u l-manifattura ta’ metalli mhux tal-ħadid, huma l-akbar sors ta’ emissjonijiet antropoġeniċi u speċjalment ta’ immissjonijiet tal-komposti tal-merkurju fil-viċinanza ta’ sorsi speċifiċi ta’ emissjonijiet fl-UE. Eżami tal-għażliet varji tkopri kemm il-qbid tal-merkurju flimkien ma’ elementi oħra fil-proċess ta’ tindif tal-emissjonijiet mill-gass kif ukoll proċessi ta’ qbid speċifikament għall-merkurju meta dawn il-proċessi selettivi jagħmlu sens. |
|
2.7 |
Sors ewlieni ieħor ta’ emissjonijiet magħmula mill-bniedem, prinċipalment ta’ merkurju elementali, jirriżulta mill-użu ta’ mili amalgama tas-snien. Jidher li l-emissjonijiet (primarjament fl-ilma) huma ferm aktar faċli li jiġi ssorveljati f’dan il-qasam u li t-teknoloġiji disponibbli għal dan huma użati b’mod wiesa’ fid-dinja żviluppata. |
|
2.8 |
Il-Kumitat diġà esprima l-pożizzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara tal-merkurju u l-komposti tiegħu f’opinjonijiet preċedenti, u din l-opinjoni hija kontinwazzjoni naturali tagħhom (2). |
3. Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni
|
3.1 |
L-Unjoni u sitta u għoxrin Stat Membru ffirmaw konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar il-merkurju. Din, il-Konvenzjoni ta’ Minamata, tindirizza mad-dinja kollha ċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-merkurju, mill-estrazzjoni tal-merkurju primarju għall-ġestjoni tal-iskart tagħha. L-għan tagħha huwa li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn emissjonijiet tal-merkurju kkawżati mill-bniedem kif ukoll il-komposti tiegħu fl-arja, l-ilma u l-art. L-Unjoni u l-maġġoranza tal-Istati Membri ffirmaw din il-konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar il-merkurju, li diġà għandha 128 firma u ġiet ratifikata minn 25 pajjiż parteċipant (3). |
|
3.2 |
Evalwazzjoni dettaljata tal-acquis tal-Unjoni identifikat għadd limitat ta’ diskrepanzi regolatorji li jridu jitneħħew sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-leġislazzjoni tal-Unjoni mal-konvenzjoni (4). Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawk id-diskrepanzi, li jikkonċernaw il-kwistjonijiet li ġejjin: —
|
|
3.3 |
Fl-interess taċ-ċarezza legali, l-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjoni li għadhom mhumiex trasposti fil-liġi tal-UE għandhom jiġu inkorporati f’att legali wieħed. |
|
3.4 |
Iċ-ċarezza u l-koerenza legali għandhom jissaħħu u din il-proposta għandha, għal dan il-għan, tħassar u tieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008, filwaqt li tassumi tali obbligi essenzjali li għadhom meħtieġa. |
|
3.5 |
L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva huma konsistenti wkoll ma’ dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli. Din il-proposta se tgħin biex ikun hemm opportunitajiet indaqs madwar id-dinja għal proċessi industrijali li jużaw il-merkurju jew joħolqu mhux intenzjonalment emissjonijiet tal-merkurju u komposti tal-merkurju u l-manifattura u l-kummerċ ta’ prodotti li fihom il-merkurju, u b’hekk tippromovi l-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. |
|
3.6 |
Barra minn dan, il-proposta tissimplifika u tiċċara l-acquis kemm jista’ jkun ħalli tkun tista’ tiġi implimentata aħjar u b’mod aktar effettiv. |
|
3.7 |
Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Minamata sejrin iwasslu biex l-UE tikseb benefiċċji sinifikanti għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-iktar minħabba t-tnaqqis li huwa mistenni jseħħ fl-emissjonijiet tal-merkurju li joriġinaw minn bnadi oħra tad-dinja. |
4. Kummenti ġenerali
|
4.1 |
Il-Kumitat jappoġġa l-adozzjoni ta’ din il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, peress li dan jirrappreżenta l-qofol ta’ sforzi fuq medda twila ta’ żmien biex jinħoloq ambjent legali responsabbli li jippermetti r-restrizzjoni sostenibbli u fit-tul mad-dinja kollha tal-effetti negattivi minħabba l-merkurju u l-komposti tiegħu. Il-Kumitat jinnota li l-proposta għal Regolament hija konformi b’mod sħiħ mal-għan prinċipali tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ambjent mill-effetti ta’ħsara tal-merkurju. |
|
4.2 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut li mhux biss l-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll l-Istati Membri varji, għamlu fit-tfassil, in-negozjati u r-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Minamata. |
|
4.3 |
Huwa kuntent ħafna wkoll li l-proċess kollu rrispetta — kemm issa kif ukoll qabel — il-prinċipji kruċjali ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, mingħajr ma dan jippreġudika l-effettività tal-istrumenti legali adottati fil-livell pan-Ewropew u madwar id-dinja. |
|
4.4 |
Il-Kumitat huwa konvint li l-isforzi tal-Ewropa se jgħinu sabiex tiġi żgurata r-ratifika rapida tal-Konvenzjoni ta’ Minamata sa tmiem l-2016 u t-trażżin xieraq tar-riskji ambjentali u għas-saħħa li jiġu minn emissjonijiet antropoġeniċi tal-merkurju u l-użu tiegħu madwar id-dinja. Il-Kumitat jafferma wkoll il-konvinzjoni tiegħu li r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill m’għandux imur — u mhuwiex se jmur — lil hinn mill-ambitu ta’ dak li tesiġi l-Konvenzjoni ta’ Minamata. |
5. Kummenti speċifiċi
|
5.1 |
Il-KESE huwa kuntent ukoll li r-Regolament jirrifletti r-riżultati ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati fl-UE u diskussjonijiet dwar il-Konvenzjoni ta’ Minamata li saru f’fora ta’ esperti taħt l-awspiċi tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP). Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni għat-tlestija b’suċċess tal-kompitu impenjattiv u estensiv ħafna ta’ analiżi li rriżultat fil-proposta għal Regolament. |
|
5.2 |
Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li kull restrizzjoni għall-kummerċ li kienet se tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni — fi kliem ieħor, li tagħti bidu għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkurju mingħajr kundizzjonijiet — ma kinitx ġustifikata, billi kienet tiswa lill-industrija tal-Unjoni aktar mingħajr xi benefiċċji ambjentali notevoli. |
|
5.3 |
Il-Kumitat jaqbel ukoll mal-fehma espressa mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Regolament li restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċertu prodotti li fihom il-merkurju wkoll ma jkunux ġustifikati, minħabba li d-dħul u r-rilaxx tal-merkurju fl-ambjent jibqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess u l-projbizzjoni bħal din tista’ fil-fatt iżżid l-emissjonijiet tal-merkurju f’pajjiżi terzi. |
|
5.4 |
Il-Kumitat (skont il-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet u r-riżultati ta’ studji) japprova bla riżervi l-argument li restrizzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju f’ċerti proċessi ta’ manifattura u proċessi ġodda ta’ manifattura għandhom ikunu proporzjonati mar-riskji involuti u jiġu implimentati bħala riżultat tal-progress teknoloġiku fuq perjodu itwal ta’ żmien. |
|
5.5 |
Madankollu l-Kumitat japprova d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Minamata li jistipulaw li l-partijiet iridu jieħdu miżuri li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ proċessi tal-manifattura ġodda li jużaw il-merkurju u l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju. |
|
5.6 |
Il-Kumitat jinnota li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni rriżultat f’limitazzjoni sinifikanti tal-emissjonijiet tal-merkurju mis-settur tal-enerġija — is-settur jikkontribwixxi l-aktar għal emissjonijiet antropoġeniċi u l-immissjonijiet tal-merkurju fil-ħamrija u fl-ilma b’riżultat tad-depożizzjoni atmosferika — u li din ix-xejra qed tkompli. Mill-1990, l-emissjonijiet tal-merkurju mill-attività tal-bniedem naqsu fl-UE b’aktar minn 75 % (5) u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali se tikkontribwixxi ħafna biex jitnaqqsu aktar l-emissjonijiet tal-merkurju. Filwaqt li japprova l-fehma tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li m’hemm l-ebda bżonn għalissa li jinbidlu jew miżjuda r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali fir-rigward b’mod speċifiku tal-emissjonijiet tal-merkurju. |
|
5.7 |
Il-KESE japprova l-approċċ propost biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-merkurju minn proċessi industrijali msejjes fuq il-kunċett tal-aħjar tekniki disponibbli (BAT) u d-dokumenti ta’ referenza (BREF) tagħhom. |
|
5.8 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal miżuri leġislattivi dwar il-ħżin permanenti u sikur tal-merkurju rtirat minn proċessi industrijali fi strutturi ġeoloġiċi adegwati — f’minjieri tal-melħ li m’għadhomx jintużaw, pereżempju. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi b’urġenza kriterji li għandhom japplikaw għall-faċilitajiet tal-ħżin u rekwiżiti għall-ħżin ta’ skart ikkontaminat bil-merkurju. |
|
5.9 |
Il-Kumitat japprezza l-approċċ ibbilanċjat meħud mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta’ amalgama fid-dentistrija abbażi tal-aħħar għarfien xjentifiku disponibbli. Huwa jqis li r-rekwiżiti dwar tagħmir fi stabbilimenti ta’ kura dentali — jiġifieri l-obbligu li jiġu installati separaturi tal-merkurju u r-restrizzjoni fuq l-użu tal-amalgama dentali fil-forma inkapsulata tagħha — huma biżżejjed biex jiġi limitat b’mod effettiv ir-rilaxx tal-merkurju fl-ambjent u sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem (6). Fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskji possibbli — u li għadhom mhux mifhuma b’mod inadegwat u lanqas speċifikati għal kollox — tal-materjali dentali ġodda li għandhom jissostitwixxu l-użu tal-amalgama. |
|
5.10 |
Fl-istess waqt, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż dejjem jiżdiedu tas-servizzi rimborżati mill-baġits tal-kura tas-saħħa pubblika u għall-effetti li jista’ jkun hemm fuq is-saħħa u soċjali fuq ċerti kategoriji ta’ pazjenti li kieku dawn l-ispejjeż kellhom jiġu mgħoddija lilhom. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) UNEP, (2013). Global Mercury Assessment 2013: Sources, Emissions, Releases and Environmental Transport. UNEP Chemicals Branch, Geneva, Switzerland.
(2) ĠU C 318, 23.12.2006, p. 115.
(3) http://mercuryconvention.org/Convention/tabid/3426/Default.aspx
(4) Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, il-Valutazzjoni tal-Impatt Li Takkumpanja d-dokumenti Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li tirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 u Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, SWD [2016] 17 final.
(5) Sors: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA), Xejriet fl-emissjonijiet ta’ metalli tqal http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/daviz/emission-trends-of-heavy-metals-3#tab-chart_3
(6) Scientific Committee on Health and Environmental Risks (SCHER): Opinion on the environmental risks and indirect health effects of mercury from dental amalgam (aġġornament 2014).