20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE”

(Opinjoni esploratorja)

(2016/C 264/03)

Relatur:

is-Sinjura Christa SCHWENG

Korelatur:

is-Sur Panagiotis GKOFAS

F’ittra datata s-16 ta’ Diċembru 2015, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u l-Impjieg, f’isem il-Presidenza Netherlandiża tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-integrazzjoni tar-refuġjati fl-UE

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar tal-4 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tas-27 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’232 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

Il-presidenza Netherlandiża ressqet ir-raġunijiet għat-talba tagħha kif ġej:

L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw il-wasla massiva attwali ta’ refuġjati ġeneralment mingħajr ma huma mħejjija sewwa. Madankollu, l-għadd ta’ persuni li qegħdin jaslu huwa biss frazzjoni ta’ dawk li qegħdin jiċċaqilqu globalment u mhux mingħajr preċedent fl-istorja Ewropea riċenti. Jeħtieġ li l-livelli kollha tal-gvern u ħafna organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkooperaw flimkien sabiex ikunu jistgħu jilqgħu lir-refuġjati u jassiguraw l-integrazzjoni tagħhom ladarba jingħataw l-istatus ta’ protezzjoni tagħhom. L-approċċ, il-benefiċċji u l-livell tar-rispons organizzattiv ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Jistgħu jinstabu eżempji ta’ prattika tajba f’diversi bażijiet ta’ data, li jistgħu jservu bħala bażi għal analiżi aktar profonda.

L-opinjoni esploratorja għandha l-għan li tfassal rakkomandazzjonijiet, billi tibbaża fuq l-esperjenzi attwali u tfittex l-ispirazzjoni minn żoni ġeografiċi u żminijiet oħrajn li ġarrbu l-wasla ta’ refuġjati u migranti oħrajn fuq skala komparabbli jew ferm akbar, b’enfasi fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Hija għandha tindirizza mistoqsijiet bħal: X’inhuma l-aqwa mudelli ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili? X’inhuma l-approċċi innovattivi li jeżistu diġà? Kif jistgħu jiġu ttrasferiti f’kuntesti oħrajn?

2.   Rakkomandazzjonijiet

2.1

Il-KESE huwa konvint li l-integrazzjoni hija neċessità għas-soċjetajiet tagħna jekk irridu nippreservaw il-koeżjoni soċjali.

2.2

Skont il-KESE, jeħtieġ li jiġu implimentatit minnufih sistema Ewropea komuni tal-Asil, kif ukoll riforma profonda tar-Regolament ta’ Dublin u pjan Ewropew għall-migrazzjoni, sabiex ikunu effettivi u jreġġgħu lura l-fiduċja fil-valuri tas-soċjetajiet tagħna.

2.3

Il-KESE jirrimarka li l-integrazzjoni hija proċess bidirezzjonali. L-aqwa prattiki fil-politiki dwar l-integrazzjoni mhumiex immirati biss għar-refuġjati, iżda jinkludu wkoll liċ-ċittadini lokali. Approċċ bħal dan huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni tal-miżuri tal-integrazzjoni. Il-midja, l-awtoritajiet lokali, it-trejdunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-NGOs għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. Sabiex tinħoloq klima pożittiva fil-konfront tar-refuġjati fil-pajjiżi riċeventi - speċjalment fi żminijiet meta huwa mistenni biss tkabbir ekonomiku baxx u meta f’xi pajjiżi jeżistu swieq tax-xogħol b’numru limitat ta’ ħaddiema - għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkunu jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira.

2.4

It-taħriġ lingwistiku għandu jingħata malajr wara r-reġistrazzjoni, f’każ li tkun mistennija deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus ta’ asil. Dan it-taħriġ għandu jinkludi wkoll informazzjoni bażika dwar il-valuri, il-kulturi u l-proċessi, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ ħiliet u kwalifiki. Is-Cedefop tista’ tgħin fl-iżvilupp ta’ metodi biex jiġu identifikati l-ħiliet miksuba fil-pajjiż tal-oriġini.

2.5

Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lill-minorenni, b’mod partikolari dawk mhux akkumpanjati, li ta’ spiss ikunu trawmatizzati u jkunu jeħtieġu appoġġ soċjopedagoġiku. Għandhom jiġu pprovduti integrazzjoni malajr fis-sistema tal-iskola jew gwida dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ professjonali.

2.6

Il-KESE jenfasizza li r-refuġjati għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ġenerali fis-soċjetà ospitanti u dwar is-suq tax-xogħol b’mod partikolari. Ir-refuġjati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini lokali fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġu evitati l-kompetizzjoni inġusta u d-dumping tal-pagi u soċjali.

2.7

Il-KESE jtenni t-tifħir tiegħu għas-solidarjetà murija minn segmenti tas-soċjetà ċivili, trejdjunjins, organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, individwi privati u intrapriżi, b’mod partikolari SMEs mikro u artiġjanali, li volontarjament għenu lil dawk li kienu qegħdin ifittxu l-asil. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u s-sostenn ta’ impenji individwali bħal dawn permezz ta’ inċentivi adatti, b’mod partikolari waqt emerġenzi umanitarji, filwaqt li tiġi promossa s-solidarjetà fis-soċjetà ċivili.

2.8

Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li l-UE tibbaża r-rispons immedjat tagħha għas-sitwazzjoni fuq is-solidarjetà u t-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-ispejjeż b’mod ġust, kif stipulat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.9

L-Istati Membri, u l-awtoritajiet kompetenti tal-UE, inkluż il-pajjiżi ta’ “tranżitu”, għandhom jikkooperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ, l-aġġornament tad-data u l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni, sabiex ikollhom politika tal-asil komuni tal-UE aktar effettiva. Għandhom jiġu żviluppati sistemi ta’ statistika komuni, armonizzati u aġġornati sabiex jiddefinixxu l-alternattivi ta’ politika tal-UE u tal-Istati Membri.

2.10

Jinħtieġu sforzi akbar mil-lat tal-investiment bil-għan li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fil-qafas tal-Pjan Juncker sabiex ir-refuġjati jkunu jistgħu jiġu integrati b’suċċess u b’mod dewwiemi. Għandu jingħata investiment addizzjonali għal miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. Il-KESE osserva l-effetti pożittivi potenzjali ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għall-finanzi pubbliċi, permezz tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni aktar ġusta mis-settur finanzjarju. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, u b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-ispejjeż addizzjonali għall-akkoljenza tar-refuġjati m’għandhomx, wara analiżi bir-reqqa, ikunu rikonoxxuti fid-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri. L-investiment fil-miżuri ta’ integrazzjoni fih spejjeż kbar fi żmien qasir u medju, iżda għandu jitqies bħala investiment fil-persuni, li jħalli l-frott fit-tul. Jekk l-integrazzjoni tirnexxi, din twassal għal koeżjoni soċjali, tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi. Bl-istess mod, ir-riżorsi tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kif ukoll dawk tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), partikolarment fl-Istati Membri li jkunu laħqu l-kwota tar-refuġjati, għandhom jiżdiedu kif meħtieġ, sabiex ikun jista’ jsir kofinanzjament aħjar ta’ miżuri ta’ integrazzjoni tar-refuġjati.

3.   Sfond

3.1

Il-kunflitti fil-Lvant Nofsani kkawżaw influss mingħajr preċedent ta’ refuġjati fl-Ewropa. Taħlita ta’ persuni minn pajjiżi mifnija bil-gwerra u oħrajn li riedu jħallu pajjiżhom għal raġunijiet ekonomiċi. Il-Pajjiżi Ewropej kollha ffirmaw il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra” tal-1951 b’rabta mal-istatus tar-refuġjati, li tagħti drittijiet bażiċi lir-refuġjati għall-protezzjoni ta’ dan il-grupp vulnerabbli. Fid-dawl tan-numru kbir ta’ persuni u sabiex tinkiseb konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u mal-prinċipji ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem, huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn migranti ekonomiċi u refuġjati, jiġifieri persuni li għandhom bżonn status ta’ protezzjoni (b’mod partikolari asil jew protezzjoni sussidjarja).

3.2

Filwaqt li, minn perspettiva individwali, wieħed jista’ jifhem totalment li individwi jħallu pajjiżhom sabiex isibu ċirkostanzi ekonomiċi aħjar barra mill-pajjiż, is-sitwazzjoni attwali u l-klima tas-soċjetà fil-maġġoranza tal-Istati Membri jirrikjedu din id-distinzjoni ċara. Il-migranti ekonomiċi għandhom jerġgħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom jekk jitolbu status ta’ protezzjoni abbażi ta’ raġunijiet mhux ġustifikati. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn, kif ukoll il-manwal dwar ir-ritorn għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri f’dawk il-każijiet fejn it-talba għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet rifjutata.

3.3

Dan jirrikjedi sistema Ewropea komuni tal-asil bi protezzjoni effikaċi fil-fruntieri esterni, reġistrazzjoni adatta fl-hekk imsejħa żoni kritiċi (hotspots), ipproċessar minnufih tat-talbiet għall-asil u jekk ma jingħata l-ebda status ta’ protezzjoni internazzjonali f’każ ta’ rifjut tal-applikazzjoni, ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew lejn pajjiż terz li miegħu jkun ġie konkluż ftehim ta’ riammissjoni. Jista’ jkun ukoll sinifikanti u effettiv li jiġu stabbiliti żoni kritiċi fil-pajjiżi terzi bi fruntieri mal-UE u li għandhom ftehimiet dwar il-politika tal-migrazzjoni għar-reġistrazzjoni u t-talba għall-asil.

3.4

L-avvenimenti li seħħew matul it-tieni nofs tal-2015 urew li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ spiss jiġu fl-Ewropa b’aspettattivi foloz u tamiet sbieħ tal-ħajja fl-UE, li ġeneralment jingħataw mill-kuntrabandisti. Meta jiġu wiċċ imb’wiċċ mar-realtà, ir-reazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tkun waħda ta’ diżappunt u, f’xi każijiet, jerġgħu lura lejn arthom volontarjament. Fil-qafas ta’ programm ta’ ritorn voluntarju, il-parteċipanti jistgħu jikkontribwixxu sabiex jagħtu stampa aktar realistika tal-ħajja Ewropea liċ-ċittadini tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, li tista’ twaqqaf lil oħrajn milli jimbarkaw fuq il-vjaġġ perikoluż lejn l-Ewropa.

3.5

Minbarra l-ħtieġa li s-sistema Ewropea komuni tal-asil tkun operattiva bis-sħiħ, sabiex tiġi stabbilita kondiviżjoni ġusta u sostenibbli tal-piżijiet u sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq is-sistema tal-asil attwali, jeħtieġ li jiġi adottat bla xkiel approċċ Ewropew ġdid għall-migrazzjoni, kif ukoll tiġi adottata riforma profonda tar-Regolament ta’ Dublin li tkun tista’ tindirizza l-isfidi immedjati u fit-tul, kif tħabbar mill-President Juncker għall-ewwel trimestru tal-2016. Il-KESE se jesprimi l-fehmiet tiegħu f’opinjoni separata.

3.6

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-refuġjati, li ġiet adottata f’Diċembru 2015, il-KESE enfasizza li “s-sitwazzjoni attwali teħtieġ li l-UE tiżviluppa kurituri umanitarji siguri għar-refuġjati minn pajjiżi milquta mill-gwerer u mhedda mit-terroriżmu u dan għandu jsir flimkien mal-pajjiżi fejn dawn ir-refuġjati huma kkonċentrati l-aktar”. Il-KESE jtenni li l-proċess ta’ reġistrazzjoni għandu diġà jkun qiegħed iseħħ barra l-UE.

3.7

Il-gwerer, it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta’ prospetti f’pajjiżi terzi jistgħu joħolqu influss kontinwu u saħansitra akbar ta’ refuġjati u migranti. Il-limitazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw il-migrazzjoni b’mod ġenerali hija sfida globali. Madankollu, l-opinjoni preżenti hija ddedikata biss għall-integrazzjoni tal-individwi mogħtija status ta’ protezzjoni jew individwi li japplikaw għal dan l-istatus.

4.   Komparabbiltà ma’ movimenti tar-refuġjati fil-passat?

4.1

Il-presidenza Netherlandiża talbet sabiex jiġu misluta tagħlimiet ta’ integrazzjoni minn kriżijiet preċedenti li ġġeneraw movimenti kbar ta’ refuġjati. Il-KESE wasal għall-konklużjoni li l-kriżi tar-refuġjati attwali mhijiex komparabbli ma’ dawk preċedenti, l-ewwel nett minħabba l-għadd ta’ persuni li qegħdin jiċċaqilqu, fejn matul l-2015 kien hemm aktar minn 900 000 migrant li daħlu fil-fruntieri tal-UE mill-Greċja u, it-tieni, minħabba r-rapidità tal-evoluzzjoni, li twassal għal żieda fl-inċertezza fost il-popolazzjoni lokali. Jekk inħarsu, pereżempju, lejn il-każ tal-Awstrija, li fil-bidu tas-snin 90 laqgħet madwar 90 000 refuġjat li ħarbu mill-gwerra fl-eks-Jugoslavja, wieħed jista’ jara d-differenzi b’mod pjuttost ċar: il-persuni mill-Bożnija sikwit kellhom qraba fl-Awstrija, jew kienu diġà ħadmu hemmhekk. Il-kwalifiki miksuba fil-pajjiż tal-oriġini kienu ta’ valur immedjat għall-kumpaniji Awstrijaċi u n-nisa kienu diġà familjari mal-involviment sħiħ fis-suq tax-xogħol. Dan kompla jżid l-introjtu tal-familji u għamel lill-familji aktar mobbli, li b’hekk ipprevjena l-ħolqien ta’ żoni speċifiċi u ffavorixxa taħlita soċjali aħjar fl-iskejjel u fis-suq tax-xogħol.

4.2

L-esperjenzi mis-sitwazzjoni fis-snin 90 mhumiex komparabbli għal kollox mas-sitwazzjoni tal-lum. Il-persuni li qed jaslu issa ġejjin minn sitwazzjonijiet aktar varji, b’xi wħud li għandhom kwalifiki akkademiċi komparabbli ma’ dawk Ewropej, oħrajn għandhom edukazzjoni li tista’ ma tkunx ta’ użu immedjat fl-Ewropa, filwaqt li oħrajn għandhom edukazzjoni limitata ħafna u ħafna nisa qatt ma pparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-persuni fil-pajjiżi riċeventi, li għadhom qegħdin isofru r-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika, għandhom it-tendenza li jkunu aktar riservati fil-konfront tal-persuni barranin li qegħdin jikkompetu magħhom fis-suq tax-xogħol.

5.   X’inhi l-Integrazzjoni?

5.1

Skont il-UNHCR, ma hemm ebda kunsens dwar id-definizzjoni ta’ integrazzjoni tal-immigranti fil-kuntest tal-pajjiżi żviluppati u ma teżisti ebda definizzjoni formali fil-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati. Ħafna tentattivi akkademiċi u governattivi sabiex jagħtu definizzjoni ta’ integrazzjoni jew soċjetà integrata jibbażaw fuq fehim wiesa’ dwar l-integrazzjoni f’termini operattivi, individwali u bidirezzjonali.

5.2

“Fil-qalba tad-definizzjoni tal-UNHCR hemm il-kunċett tal-integrazzjoni bħala proċess bidirezzjonali u dan huwa bbażat fuq il-premessa ta’ “adattament” minn parti waħda u “merħba’ mill-oħra. Madankollu, din ma titlobx lir-refuġjati jwarrbu l-identità kulturali tagħhom u, għalhekk, l-integrazzjoni hija differenti minn assimilazzjoni” (1). Din id-definizzjoni tikkorrispondi mal-opinjoni tal-KESE (2).

5.3

Il-KESE enfasizza l-ħtieġa li l-integrazzjoni tintrabat mal-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-Trattat, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fl-aġenda Ewropa 2020, fil-politika tal-impjiegi u fl-aġenda soċjali. Il-KESE jqis li din ir-referenza hija ta’ importanza kruċjali, peress li tikkunsidra l-eżistenza ta’ kriżi ta’ valuri f’ċerti setturi soċjali u politiċi fl-Ewropa. L-integrazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali huma żewġ uċuħ tal-istess munita (3). L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tal-għajxien u prospetti diċenti għal kulħadd se jrawwem l-aċċettazzjoni tal-miżuri ta’ integrazzjoni.

5.4

Il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti (2004) u l-mezz għall-implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni (2005), jifformaw il-bażi li fuqha tissawwar l-integrazzjoni tal-migranti fl-UE u jqisu l-integrazzjoni bħala li tikkonsisti minn dawn li ġejjin:

proċess dinamiku, bidirezzjonali;

l-implikazzjoni tar-rispett għall-valuri tal-UE;

l-impjieg jifforma parti fundamentali mill-integrazzjoni u huwa ċentrali għall-parteċipazzjoni;

l-għarfien tal-lingwa, tal-istorja u tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà riċeventi huwa integrali għal integrazzjoni b’suċċess;

L-edukazzjoni li hija kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva;

l-aċċess għall-istituzzjonijiet, għall-prodotti u għas-servizzi fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini nazzjonali huwa fundamentali għall-integrazzjoni;

l-interazzjoni bejn il-migranti/iċ-ċittadini;

il-prattika ta’ kulturi u reliġjonijiet differenti għandha tiġi ssalvagwardjata;

il-parteċipazzjoni fil-proċess demokratiku;

l-integrazzjoni tal-politiki dwar l-integrazzjoni;

miri, indikaturi u mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni ċari għall-aġġustament tal-politika dwar l-integrazzjoni.

5.5

Għalkemm dawn il-prinċipji ma jiddistingwux bejn integrazzjoni tal-migranti u integrazzjoni tar-refuġjati, il-KESE jqis ukoll dawn il-prinċipji bħala bażi għall-integrazzjoni tar-refuġjati. Madankollu, minħabba l-għadd kbir ta’ persuni li jaslu fl-Ewropa, huma meħtieġa sforzi addizzjonali sabiex jiġu pprovduti taħriġ fil-lingwi, akkomodazzjoni u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

5.6

Sabiex tinħoloq klima pożittiva lejn ir-refuġjati fil-pajjiżi riċeventi - speċjalment fi żminijiet meta huwa previst tkabbir ekonomiku limitat u meta jeżistu swieq tax-xogħol b’nuqqas ta’ ħaddiema f’xi pajjiżi - għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkunu jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. L-importanza tal-konnessjoni u l-integrazzjoni tal-objettivi soċjali fil-kuntest tal-integrazzjoni diġà kienet iddikjarata mill-KESE (4).

5.7

Il-KESE huwa konvint li l-integrazzjoni tar-refuġjati hija ħtieġa assoluta għas-soċjetajiet tagħna jekk irridu nippreservaw il-koeżjoni soċjali. Nuqqas ta’ integrazzjoni jista’ jwassal għal soċjetajiet paralleli, li jistgħu jiddistabbilizzaw lill-pajjiżi riċeventi. Għalhekk, huwa fl-interess tagħna li nibdew nimplimentaw miżuri ta’ integrazzjoni minn stadju bikri ħafna. Il-midja għandhom jitħeġġu jirrikonoxxu l-importanza tal-integrazzjoni u tar-rwol li jaqdu fil-ħolqien ta’ klima politika u soċjetali pożittiva.

5.8

L-iżviluppi demografiċi fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej juru tnaqqis fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Sabiex is-sistemi soċjali tagħna jinżammu sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, l-integrazzjoni tal-forza tax-xogħol kollha fis-suq tax-xogħol, irrispettivament, pereżempju, mill-ġeneru, l-età, l-abbiltà fiżika, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali jew l-oriġini (etnika) għandha ssir prijorità. L-investiment fil-miżuri ta’ integrazzjoni fih spejjeż kbar fi żmien qasir u medju, iżda għandu jitqies bħala investiment fil-persuni, li jħalli l-frott fit-tul. Jekk l-integrazzjoni tirnexxi, din twassal għal koeżjoni soċjali, tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi.

5.9

Il-livell lokali għandu rwol deċiżiv fl-integrazzjoni, peress li dan huwa l-post fejn il-persuni jgħixu flimkien u fejn jibda jidher l-ewwel in-nuqqas ta’ integrazzjoni. Il-komunitajiet għandhom jieħdu pariri u gwida dwar il-miżuri ta’ integrazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, pereżempju, billi r-refuġjati jiġu mistiedna jipparteċipaw f’assoċjazzjonijiet volontarji lokali (pereżempju trejdunjins, NGOs, pumpiera jew klabbs sportivi).

5.10

Is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni (5) fih minjiera ta’ informazzjoni dwar eżempji ta’ integrazzjoni. Permezz tal-użu ta’ filtri tat-tiftix jistgħu jinstabu eżempji tal-aħjar prattika, skont, pereżempju, il-pajjiż, il-qasam tal-integrazzjoni, il-grupp fil-mira. Dan is-sit web għandu jiġi promoss aktar sabiex jispira lill-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali dwar attivitajiet ta’ integrazzjoni

5.11

Abbażi ta’ proposta mill-KESE, diġà hemm fis-seħħ kollaborazzjoni strutturata bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Forum Ewropew dwar il-Migrazzjoni, li jittratta l-kwistjonijiet kollha relatati mal-migrazzjoni, l-asil u l-integrazzjoni. Barra minn hekk, jista’ jkun utli li l-mandat tal-kumitat konsultattiv dwar il-moviment liberu tal-persuni jiġi estiż għall-integrazzjoni tar-refuġjati, billi dan huwa l-korp li permezz tiegħu l-gvernijiet jiddiskutu u jiskambjaw l-ideat mal-imsieħba soċjali. Dan il-kumitat jista’ jipprovdi spazju addizzjonali għall-iskambju tal-aqwa prattiki.

6.   Miżuri ta’ integrazzjoni

6.1

Il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil li jaslu fl-Ewropa (fil-biċċa l-kbira tal-każijiet) wara vjaġġ eżawrjenti u sikwit trawmatizzanti jkollhom bżonn, l-ewwel u qabel kollox, post fejn joqogħdu u jistrieħu. Dan iż-żmien għandu jintuża mill-awtoritajiet sabiex jirreġistrawhom kif suppost u jevalwaw bejn wieħed u ieħor jekk dawn għandhomx ċans li jirċievu l-istatus ta’ refuġjati. F’dan il-każ, il-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom jibdew minn stadju bikri ħafna. Skont riċerka riċenti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, hemm bżonn ta’ ħarsien tas-sigurtà medika speċjali għar-refuġjati li żviluppaw Disturb minn Stress Postrawmatiku, billi spiss dan huwa wieħed mill-iktar ostakli għaljin għad-dinamika tal-integrazzjoni.

6.2

Wieħed ma jistax jaħseb dwar integrazzjoni mingħajr ma jkollu tal-inqas għarfien bażiku tal-lingwa tal-pajjiż riċeventi. Għalhekk, it-taħriġ lingwistiku għandu jibda mill-aktar fis possibbli matul il-proċedura tal-asil. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ strutturi ġodda kif ukoll ġestjoni tal-interfaċċja mtejba sabiex ilaħħqu mal-għadd kbir ta’ persuni li jfittxu asil. Il-korsijiet tal-lingwa għandhom jintużaw ukoll biex il-persuni li jkunu qed ifittxu l-asil jiffamiljarizzaw ruħhom mal-valuri (eż. it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa, il-libertà tal-espressjoni, il-projbizzjoni ta’ vjolenza domestika) u l-kultura tal-pajjiż riċeventi. Dawn il-korsijiet jistgħu jintużaw ukoll sabiex il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil jingħataw gwida bażika dwar l-aspetti tal-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u t-tagħrif li jistgħu jirrikorru għalihom meta jinqalgħu problemi. Il-persuni li qegħdin ifittxu l-asil ta’ spiss ikunu ġejjin minn kulturi differenti ħafna. L-azzjonijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ għarfien dwar il-valuri, id-drittijiet u l-obbligi bażiċi tal-pajjiżi riċeventi jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-integrazzjoni.

6.3

It-tfal refuġjati għandhom jattendu l-iskejjel flimkien mat-tfal lokali mill-aktar fis possibbli u jingħataw appoġġ sabiex jitgħallmu l-lingwa nazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-minorenni, b’mod partikolari dawk mhux akkumpanjati, li ta’ spiss ikunu sfaw trawmatizzati. Jekk - minħabba l-età tagħhom - ma jitħallewx jibqgħu jattendu l-iskola, għandhom jiġu pprovduti alternattivi adatti ddisinjati apposta għal dan il-grupp sabiex tiġi evitata l-frustrazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu konxji tal-ħtiġijiet speċjali tat-tfal trawmatizzati u tal-minorenni mhux akkumpanjati u joffru appoġġ soċjopedagoġiku, (pereżempju, il-belt ta’ Vjenna tipprova tqiegħed lit-tfal mhux akkumpanjati fil-foster care bl-użu tal-oqfsa eżistenti).

6.4

L-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni bikrija taċ-ċertifikati, tal-ħiliet u tal-kwalifiki huma essenzjali f’termini tal-garanzija ta’ integrazzjoni rapida fis-suq tax-xogħol. Sa mill-bidu ta’ proċedura tal-asil għandhom jiġu identifikati l-ħiliet u l-kwalifiki professjonali tal-persuna li qed tfittex l-asil, bl-involviment ta’ esperti fis-suq tax-xogħol. Dawn l-aspetti huma indispensabbli għall-promozzjoni tal-lingwa fil-mira, il-bidu ta’ kors ta’ taħriġ, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-provvediment tal-kwalifiki sekondarji meħtieġa u l-akkwist effettiv ta’ impjieg adatt. Madankollu, l-identifikazzjoni tal-ħiliet tista’ tkun proċess diffiċli ħafna. Ħafna refuġjati lanqas biss ikollhom id-dokumenti personali tagħhom magħhom, aħseb u ara l-attestazzjonijiet jew iċ-ċertifikati li jipprovdu evidenza tal-livell tal-kwalifiki tagħhom. Stati Membri differenti (eż. il-Ġermanja, l-Awstrija) qegħdin jiżviluppaw metodi differenti sabiex jivvalutaw il-ħiliet u l-kompetenzi. Is-Cedefop tista’ tipprovdi pjattaforma għat-tagħlim reċiproku u skambju ta’ prattiki tajba f’dan il-qasam.

6.5

Il-proċeduri tal-asil sikwit jieħdu żmien twil ħafna, tant li jħallu lill-persuna li tkun qed tfittex l-asil f’pożizzjoni ta’ inċertezza. Perjodi twal li matulhom il-persuna li tfittex l-asil ma tkunx tista’ tgħix ħajja ddeterminata minnha stess jistgħu jikkawżaw instabbiltà psikosoċjali, telf ta’ fiduċja fiha innifisha u sindrome ta’ dipendenza, li jistgħu jimpedixxu l-opportunitajiet ta’ impjieg anke wara li l-persuna tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat. It-tfal ikunu affettwati saħansitra aktar minħabba li jeħtieġu ambjent stabbli. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-proċeduri tal-asil mill-aktar fis possibbli. Skont l-OECD (6), fir-rigward tal-appoġġ għall-integrazzjoni tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil, il-proċeduri tal-asil fil-Greċja, il-Belġju u d-Danimarka huma l-iqsar, u jinkludu taħriġ fil-lingwa flimkien ma’ edukazzjoni tal-adulti u taħriġ relatat max-xogħol.

6.6

Fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku pproġettat u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-pajjiżi jistgħu jipprovaw miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-aċċess għas-suq tax-xogħol. Filwaqt li l-Ġermanja u l-Ungerija diġà naqqsu l-ħinijiet ta’ stennija għall-aċċess għax-xogħol, il-Finlandja, il-Belġju u l-Lussemburgu ħadu xi azzjoni sabiex inaqqsuhom. Regolamenti ġusti, trasparenti u raġonevoli li jagħtu aċċess lill-persuni li qegħdin ifittxu l-asil għas-suq tax-xogħol jipprevjenu l-impjieg mhux iddikjarat u jżidu l-aċċettazzjoni fost iċ-ċittadini lokali. Fl-istess ħin, il-persuni bi status ta’ protezzjoni għandu jkollhom il-prospett li jibqgħu fil-pajjiż ospitanti, jekk ikunu integrati fis-suq tax-xogħol jew fis-soċjetà ospitanti. Dawk li jfittxu l-asil għandhom ikunu konxji li l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol jiddependi mill-pajjiż li fih huma jkunu talbu asil. Minħabba nuqqas ta’ għarfien, xi wħud jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra bit-tama li jsibu xogħol hemm. Fir-realtà jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ irregolarità, li faċilment tista’ tiġi evitata permezz ta’ informazzjoni adatta.

6.7

L-akkomodazzjoni hija importanti ħafna fir-rigward tal-integrazzjoni: iċ-ċentri ta’ akkoljenza jissodisfaw il-ħtieġa immedjata għal post ta’ mistrieħ (u sikwit għal perjodu ferm itwal milli ppjanat), iżda permanenzi itwal jagħmlu l-integrazzjoni aktar diffiċli. Fl-Awstrija ġie stabbilit il-proġett “Kosmopolis” sabiex tiġi pprovduta akkomodazzjoni privata. F’żona mibnija ġdida, numru partikolari ta’ appartamenti jiġu riservati għal refuġjati li jkunu diġà qegħdin jaħdmu. Sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim bejn ir-refuġjati u persuni oħrajn li jgħixu hemmhekk, twaqqaf ċentru ta’ informazzjoni f’dawk l-inħawi. Fil-Portugall, protokoll bejn il-muniċipalità ta’ Lisbona u l-NGOs Portugiżi ppermetta l-provvediment ta’ akkomodazzjoni għar-refuġjati u aċċess għas-servizzi tal-muniċipalità rigward it-taħriġ, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (7).

6.8

Wara deċiżjoni pożittiva dwar l-istatus tal-asil, ir-refuġjat ikun irid isib akkomodazzjoni huwa stess. Dan il-perjodu sikwit ikun diffiċli ħafna, minħabba li l-appoġġ li jkun ingħata fil-bidu mill-Istat jiġi fi tmiemu u r-refuġjat ikollu jsib impjieg bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiż riċeventi.

6.9

Is-servizz pubbliku tal-impjiegi għandu rwol partikolari f’dan il-kuntest. L-ewwel u qabelxejn, huwa għandu jaqdi b’mod attiv ir-rwol tiegħu bħala faċilitatur ta’ impjiegi sostenibbli. Iżda huwa jrid jiddeċiedi wkoll dwar kwalifiki addizzjonali li r-refuġjat jista’ jkollu bżonn jikseb jekk irid jirnexxi fis-suq tax-xogħol. Ta’ min jinnota u jieħu f’kunsiderazzjoni li, anki wara r-raba’ sena tal-permanenza, huma biss 25 % tar-refuġjati li jiġu impjegati; u saħansitra sal-għaxar sena dan il-perċentwal ma jaqbiżx il-50 % (8). Jista’ jiġi konkluż kuntratt ta’ integrazzjoni individwali ma’ kull refuġjat, li jkun fih l-azzjonijiet rilevanti li jridu jittieħdu (taħriġ addizzjonali, in-numru ta’ applikazzjonijiet, eċċ.) għal integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jenfasizza li r-refuġjati għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini lokali fis-suq tax-xogħol, sabiex jiġu evitati kemm il-kompetizzjoni inġusta kif ukoll id-dumping tal-pagi u soċjali. Jekk refuġjat ma jkollu ebda ċans li jsib impjieg fi żmien raġonevoli, alternattiva tajba tista’ tkun li jiġi offrut volontarjat għal servizz fil-komunità. Dan jista’ jgħin lir-refuġjat jikseb ħiliet lingwistiċi addizzjonali u jintegra fis-soċjetà.

6.10

Eżempju tajjeb huwa dak tal-Ġermanja, li riċentament iddeċidiet li tintroduċi karta tal-identità speċifikament għall-persuni li qegħdin ifittxu asil. Wara li persuna tirreġistra għall-ewwel darba, il-karta ssir il-mezz ċentrali u obbligatorju ta’ identifikazzjoni u tkun marbuta ma’ bażi ta’ data ċentrali li tinkludi tagħrif bħall-isfond edukattiv u l-esperjenza professjonali tal-persuna.

6.11

Fost ir-refuġjati, kif ukoll fost il-popolazzjoni lokali, hemm persuni b’interessi u ħiliet intraprenditorjali. Dawn għandhom jingħataw tagħrif u gwida dwar kif jistgħu jibdew negozju u jibdew iħaddmu l-persuni magħhom.

6.12

Bħalissa qegħdin isiru diskussjonijiet fil-Ġermanja u fis-Slovakkja dwar kif ir-refuġjati bi kwalifiki għolja fi professjonijiet fejn hemm nuqqas ta’ ħiliet jistgħu jiddaħħlu fis-suq permezz ta’ proċeduri mgħaġġla.

6.13

Ir-refuġjati jeħtieġu tagħrif dwar is-suq tax-xogħol inġenerali, l-opportunitajiet ta’ taħriġ professjonali u dwar l-impjiegi disponibbli. Billi perċentwal għoli ta’ refuġjati huma ta’ età tipika ta’ studenti, jiġifieri bejn is-16 u l-25 sena, jeħtieġ li jiġu pprovduti tagħrif bażiku jew korsijiet ta’ tħejjija f’oqsma professjonali differenti qabel ikunu jistgħu jibdew it-taħriġ. Fil-Ġermanja, il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija bdew inizjattivi sabiex jassistu fil-kollokamenti, pereżempju, intervisti fi stil ta’ laqgħat qosra ma’ bosta impjegaturi differenti f’avveniment wieħed. Il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija Ġermaniżi jappoġġjaw lin-negozji sabiex jipprovdu kwalifiki u taħriġ għar-refuġjati permezz tal-proġett “Impenn għat-taħriġ”. Huma jipprovaw ukoll jattiraw sponsors volontarji sabiex jieħdu ħsieb kemm lir-refuġjati kif ukoll lill-intrapriżi, billi jagħtu pariri liż-żewġ naħat. Il-Kmamar tal-Kummerċ u tal-Industrija jipprovdu wkoll appoġġ lir-refuġjati li jridu jibdew in-negozju tagħhom.

6.14

Fl-Awstrija beda proġett li għandu l-għan li jqiegħed refuġjati żgħażagħ f’postijiet vakanti ta’ apprendistat bl-appoġġ mis-servizz pubbliku tal-impjiegi u minn kowċis. Jista’ jkun hemm perjodu ta’ taħriġ prattiku qabel jiġi ffirmat ftehim ta’ apprendistat formali. Barra minn hekk, is-Servizz Ferrovjarju Federali tal-Awstrija (ÖBB) nieda l-proġett “Id-diversità bħala opportunità (“Diversität als Chance”) u offra apprendistati għal 50 refuġjat mhux akkumpanjati ta’ bejn 15 u 17-il sena.

6.15

Sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ migranti bi kwalifiki għolja, il-Kamra Ekonomika Federali tal-Awstrija żviluppat il-programm “Mentoring għall-migranti”, li kien estiż għar-refuġjati bi kwalifiki għolja. Il-mentors huma persuni li huma integrati sewwa fis-suq tax-xogħol Awstrijak u li jappoġġjaw lill-migranti matul it-tfittxija tagħhom għax-xogħol billi jipprovdu tagħrif jew saħansitra aċċess għan-netwerk professjonali tagħhom stess. Dan il-programm jgħin ukoll sabiex jiġi evitat kull nuqqas ta’ ftehim kulturali.

6.16

F’għadd ta’ Stati Membri, l-hekk imsejħa “Refugee Buddies” jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tar-refuġjati. Huma jinvolvu ruħhom volontarjament f’firxa varjata ta’ organizzazzjonijiet u jiltaqgħu regolarment ma’ refuġjat wieħed sabiex jibnu relazzjonijiet personali. Dan huwa aktar u aktar importanti minħabba li għadd kbir ta’ refuġjati huma minorenni mhux akkumpanjati, li ħallew familthom warajhom. Il-buddies jistgħu jaġixxu wkoll bħala sostenituri tar-refuġjati sabiex itejbu l-immaġini tagħhom f’pajjiżhom.

6.17

L-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali f’xi Stati Membri (eż. Spanja, Franza, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Awstrija) appellaw lill-gvernijiet tagħhom sabiex jaħdmu b’mod aktar effettiv dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati. Fi Spanja, ġiet inkluża miżura addizzjonali fil-politiki tal-Pjan Annwali għall-Impjiegi li kienet speċifikament immirata għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol.

6.18

Id-Danimarka tuża l-hekk imsejjaħ “staircase model” għall-integrazzjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol: fl-ewwel pass (minn erba’ ġimgħat sa tmien ġimgħat) jiġu identifikati l-kompetenzi tar-refuġjat individwali u jiġu pprovduti lezzjonijiet tad-Daniż. Fit-tieni pass (26-52 ġimgħa), il-persuna li tkun qed titħarreġ titpoġġa f’intrapriża (mingħajr ebda spiża għal min iħaddem) u tingħata lezzjonijiet addizzjonali tad-Daniż. Wara dan il-proċess, ir-refuġjat ikun lest biex jibda jaħdem b’sussidju tal-paga. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-mudelli għandha trawwem il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg addizzjonali u tipprevjeni l-esklużjoni taċ-ċittadini lokali (mingħajr l-hekk imsejħa “revolving-door effects”).

6.19

Sabiex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-pagi, għandhom jiġu rrispettati b’mod sħiħ, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-istatus ta’ ħaddiem (il-prinċipju tal-lex loci laboris). L-Istati Membri għandhom jiżguraw miżuri, mekkaniżmu u kapaċitajiet amministrattivi effikaċi sabiex jinfurzawh. It-trejdunjins jappoġġjaw lir-refuġjati jew lill-ħaddiema migranti li ma jkollhom ebda dokumentazzjoni meta jitolbu d-drittijiet tagħhom (“Ecole des solidarités” – il-Belġju, “UNDOK” – l-Awstrija).

7.   Il-finanzjament tal-integrazzjoni tar-refuġjati

7.1

Il-KESE jirrimarka li kull miżura għandha tiġi ffinanzjata adegwatament, sabiex b’hekk ikollha impatt pożittiv dejjiemi fuq is-soċjetà tagħna. Jinħtieġu sforzi akbar mil-lat tal-investiment bil-għan li jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg fil-qafas tal-Pjan Juncker sabiex ir-refuġjati jkunu jistgħu jiġu integrati b’suċċess u b’mod dewwiemi. Għandhom jingħataw investiment addizzjonali għal miżuri ta’ integrazzjoni u investimenti soċjali kemm lill-popolazzjoni lokali kif ukoll lir-refuġjati, li jkopru l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull grupp fil-mira. Il-KESE osserva l-effetti pożittivi potenzjali ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għall-finanzi pubbliċi, permezz tal-iżgurar ta’ kontribuzzjoni aktar ġusta mis-settur finanzjarju. Minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u b’konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-ispejjeż addizzjonali għall-akkoljenza tar-refuġjati ma għandhomx, wara analiżi bir-reqqa, ikunu rikonoxxuti fid-defiċits pubbliċi tal-Istati Membri (9).

7.2

L-Istati Membri tal-akkoljenza inizjali, bħalma huma l-Italja, Malta, Spanja u l-Greċja, għandhom jirċievu għajnuna ekonomika diretta għal kull refuġjat jew migrant sabiex ikunu jistgħu jipproċessaw b’mod preċiż u malajr l-applikazzjonijiet għal asil jew sabiex jagħmlu arranġamenti għar-ritorn f’każ li r-rekwiżiti għall-għoti tal-asil ma jiġux sodisfatti. L-Istati Membri li jassumu r-responsabbiltà biex jintegraw numru akbar ta’ refuġjati fis-soċjetajiet tagħhom minn kemm jintalbu skont il-prinċipju tas-solidarjetà, għandu jkollhom il-garanzija ta’ appoġġ finanzjarju mill-UE.

7.3

Ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għandhom jiżdiedu sabiex ikun hemm involviment akbar mal-Istati Membri fil-finanzjament għall-integrazzjoni tar-refuġjati, b’mod partikolari għal programmi mwettqa mill-awtoritajiet lokali u l-NGOs. Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jiżdied ukoll kif xieraq biex jipprovdi għal aktar riżorsi biex jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali tar-refuġjati, l-ugwaljanza tan-nisa, l-appoġġ għan-negozji u l-inklużjoni tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol li jirrikjedu djalogu u kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu jaħdem b’riżorsi addizzjonali għal żoni urbani li jimplimentaw l-arranġamenti meħtieġa għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati.

7.4

Għandha tiġi mistħarrġa il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-finanzjament tal-integrazzjoni tar-refuġjati f’kooperazzjoni speċjali mal-UNHCR u mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

Brussell, is-27 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  A new beginning – Refugee integration in Europe (2013).

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 131. ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(3)  Rapport ta’ Informazzjoni L-isfidi ġodda tal-integrazzjoni — Relatur: Luis Miguel PARIZA CASTAÑOS.

(4)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(5)  https://ec.europa.eu/migrant-integration/home.

(6)  Biex l-integrazzjoni taħdem, 28.1.2016, OECD.

(7)  Approaches towards the labour market integration of refugees in the EU, 7.1.2016, EurWORK.

(8)  Ara nota f’qiegħ il-paġna 6.

(9)  Dikjarazzjoni tal-KESE dwar ir-refuġjati.