20.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”

(2016/C 264/04)

Relatur:

is-Sur Vitas MAČIULIS

Fis-16 ta’ Diċembru 2015, il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ April 2016.

Matul il-516-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-27 u t-28 ta’ April 2016 (seduta tat-28 ta’ April 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’143 vot favur, 0 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet: Lejn politika tal-enerġija esterna konsolidata u reżiljenti fl-UE

1.1.

L-enerġija hija parti inseparabbli mill-politika internazzjonali, u bħalissa tinsab quddiem nett fl-aġenda tal-UE. Minħabba li xi atturi internazzjonali jipprovaw jużaw l-enerġija bħala għodda sabiex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom, huwa fl-interess taċ-ċittadini tal-UE li din tibqa’ viġilanti fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-enerġija.

1.1.1.

Tliet fatturi huma essenzjali għad-dimensjoni esterna tal-enerġija: id-diversifikazzjoni, “nitkellmu b’vuċi waħda” u sistema tal-enerġija interna żviluppata tajjeb.

1.2.

Id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija tal-UE, il-fornituri u r-rotot hija essenzjali għall-politika esterna tal-enerġija. Kif enfasizzat fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE, sfida ewlenija għall-UE hija li aktar minn nofs l-enerġija kkunsmata tiġi mill-importazzjonijiet, li jridu jiġu żgurati bis-saħħa ta’ ċerti politiki tal-kummerċ.

1.2.1.

Iċ-ċirku tal-imsieħba fl-importazzjoni tal-enerġija għandu jitwessa’ billi jitfittxu u jiġu stabbiliti kontinwament djalogi ma’ fornituri tal-enerġija ġodda, affidabbli u prevedibbli.

1.2.2.

Proġetti ta’ infrastruttura ewlenin ġodda, li jikkontribwixxu għall-miri tad-diversifikazzjoni għandhom jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u jkunu f’konformità sħiħa mal-acquis tal-UE. Tali proġetti għandhom ikunu wkoll għalkollox konsistenti mal-għan li tiġi żviluppata sistema enerġetika deċentralizzata li fiha s-sorsi rinnovabbli jaqdu rwol fundamentali.

1.2.3.

Il-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti ta’ setturi privati u politiċi għandha titħeġġeġ sabiex jinstabu l-aktar modi adatti u l-imsieħba l-iżjed xierqa għall-iżvilupp tal-enerġija esterna. L-objettivi ta’ sigurtà tal-enerġija u s-sostenibbiltà għandhom dejjem jiġu kkunsidrati.

1.3.

“Nitkellmu b’vuċi waħda” għandha tkompli tkun l-għan minkejja differenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ taħlitiet ta’ enerġija, strutturi ta’ importazzjoni tal-enerġija u msieħba tradizzjonali. Pożizzjoni tal-UE interna komuni hija essenzjali għal dimensjoni esterna b’saħħitha.

1.3.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkoordinaw l-interessi tal-enerġija individwali tagħhom u jżommu solidarjetà u trasparenza lejn xulxin fuq bażi kontinwa.

1.3.2.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2016 li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni attwali fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi u l-istrumenti mhux vinkolanti.

1.3.3.

Standards ta’ sigurtà ambjentali u nukleari komuni fil-proġetti tal-enerġija li qed jiġu implimentati fil-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom ikunu punt importanti mill-politika tal-enerġija esterna tal-UE. Ix-xiri ta’ enerġija minn pajjiżi li ma jikkonformawx ma’ dawn l-istandards għandu jkun limitat.

1.4.

Sistema tal-enerġija interna b’saħħitha hija fundamentali għat-tnaqqis tal-impatt estern: waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija hija l-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija tal-UE li jkun kompletament funzjonali u trasparenti. Din għandha tiġi tradotta direttament f’approċċ tal-UE iktar effettiv lejn kwistjonijiet esterni dwar l-enerġija.

1.4.1.

Il-partijiet kollha meħtieġa tal-infrastruttura tal-enerġija jridu jkunu stabbiliti, sabiex ikun possibbli li tiġi ottimizzata u razzjonalizzata l-importazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija fl-UE.

1.4.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks u sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri kollha jiġu integrati b’mod sħiħ fis-suq intern tal-UE u li jiġi żgurat li dawn ikunu sinkronizzati b’mod sħiħ.

1.4.3.

Il-kompetittività tal-produtturi tal-enerġija tal-UE trid tiġi preżervata billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi Ewropej u dawk mhux Ewropej.

1.4.4.

Il-KESE jappella li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika esterna dwar l-enerġija tal-UE jqisu l-bżonn li l-industriji Ewropej, speċjalment l-industriji li jużaw ħafna enerġija, ikollhom għad-dispożizzjoni provvista ta’ enerġija kompetittiva, stabbli u prevedibbli, sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw f’kundizzjonijiet indaqs mal-kompetituri internazzjonali tagħhom.

1.5.

Politika tal-enerġija li tħares ‘il quddiem, u li tista’ tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet esterni tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-ftehim tal-COP21, għandha tistrieħ l-ewwel nett fuq il-kunsiderazzjoni sistematika tal-għanijiet ta’ politika tal-UE dwar il-klima u l-isforzi globali internazzjonali biex jiġi limitat t-tibdil fil-klima, notevolment permezz tal-iżvilupp ta’ tliet fatturi ewlenin: sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u r-riċerka u l-iżvilupp.

1.5.1.

Sorsi rinnovabbli huma l-element essenzjali fiż-żieda tas-sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjonijiet.

1.5.2.

L-UE għandha tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam.

1.5.3.

L-effiċjenza enerġetika hija waħda mill-pedamenti għat-tnaqqis tal-volum tal-konsum tal-enerġija tal-UE u konsegwentament jitnaqqas l-ammont tal-importazzjonijiet ta’ enerġija. Għaldaqstant hu essenzjali li titnaqqas in-nefqa tal-enerġija ta’ konsumaturi privati u kummerċjali.

1.6.

Ir-riċerka u l-iżvilupp iridu jingħataw riżorsi adegwati, li jista’ jwassal għal effikaċja akbar u anqas spejjeż ta’ produzzjoni tal-enerġija. Il-kooperazzjoni internazzjonali hija wkoll importanti b’mod ċar f’dan il-kuntest.

1.7.

Peress li l-enerġija għandha tkun affordabbli għall-konsumaturi u ta’ appoġġ għall-kompetittività tal-industrija, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet nazzjonali biex jagħtu rwol wiesa’ lis-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob għal Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija u Forum Ewropew tal-Enerġija li jinkludu l-partijiet interessati kollha. Dan huwa kruċjali għall-ħolqien ta’ politika tal-enerġija esterna tal-UE intelliġenti, effiċjenti u sostenibbli.

1.7.1.

Il-KESE jrid isejjaħ lill-korpi internazzjonali tiegħu biex ikollhom rwol attiv fil-ħolqien politika tal-enerġija esterna tal-UE effettiva u reżiljenti.

2.   Kuntest

2.1.

Il-kwistjonijiet tal-enerġija reċentement saru sinifikanti fid-dibattiti dwar politika tal-UE u telgħu fil-quċċata tal-aġenda tal-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE huwa attiv ukoll fil-qasam tad-dimensjoni esterna tal-enerġija u diġà ħareġ għadd ta’ opinjonijiet dwar dan is-suġġett (1).

2.2.

Minħabba d-dipendenza dejjem tikber tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, b’mod partikolari ta’ żejt u gass, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE qed issir kruċjali sabiex tirfed is-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija.

2.2.1

Aktar minn nofs (53,2 %) il-konsum intern gross tal-enerġija tal-UE jiġi mill-importazzjonijiet. L-UE timporta 44,2 % ta’ fjuwils solidi (li minnhom aktar minn nofs huwa faħam iebes), 87,4 % ta’ żejt mhux maħdum u l-prodotti tiegħu taż-żejt u 65,3 % ta’ gass naturali (data tal-Eurostat, 2013).

2.2.2.

Dawn in-numri jenfasizzaw b’mod ċar sa fejn waslet id-dipendenza tal-UE fuq il-kummerċ mal-fornituri ta’ pajjiżi terzi. Għalhekk, jekk il-fornitur ma jkunx affidabbli jew ikun imprevedibbli jew jekk l-infrastruttura ma jkollhiex manutenzjoni xierqa, is-sigurtà tal-enerġija tal-UE kollha jista’ jiġrilha ħsara kbira.

3.   Is-sinifikat tad-diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet tal-enerġija esterna

3.1.

L-UE għandha tfittex opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni u ssaħħaħ sħubijiet tal-enerġija li diġà jeżistu ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot.

3.2.

Huwa probabbli li r-Russja se tibqa’ l-imsieħba ewlenija fl-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE għall-futur previst. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali f’termini ta’ gass tal-pipeline.

3.2.1.

Prijorità ewlenija tar-Russja hija li tal-anqas iżżomm il-pożizzjoni favorevoli fis-suq tal-enerġija tal-UE, li hija kemm l-akbar destinazzjoni ta’ esportazzjoni tal-enerġija tagħha kif ukoll klijent affidabbli ħafna.

3.2.2.

Il-proġett tal-pipeline Nord Stream II huwa attwalment punt ewlieni fuq l-aġenda tal-enerġija tar-Russja, li għandu l-għan li jżid l-esportazzjonijiet ta’ gass naturali lejn l-UE. Hemm tħassib fl-UE, dwar jekk dan il-proġett jistax imur kontra l-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE dwar id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass. Il-KESE jara li l-aktar rwol importanti tal-Kummissjoni huwa li tivvaluta b’mod dettaljat il-proġett Nord Stream II u l-konformità tiegħu mal-acquis tal-UE, inkluż it-Tielet Pakkett tal-Enerġija, kif ukoll l-objettivi tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari d-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija.

3.2.3.

L-interessi ta’ kull Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi stabbilita pożizzjoni komuni tal-UE fir-rigward tan-Nord Stream II. L-aspetti kummerċjali tal-proġett m’għandhomx ikunu l-uniku fattur fid-deċiżjoni, speċjalment meta tiġi kkunsidrata t-tendenza tar-Russja li tuża l-enerġija bħala għodda għal għanijiet ġeopolitiċi.

3.3.

In-Norveġja hija msieħeb utli tal-UE fuq il-livell internazzjonali bi prijoritajiet ta’ politika komuni, inkluż fis-settur tal-enerġija. Bħala membru mill-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea n-Norveġja hija parti mis-suq intern tal-UE.

3.3.1.

L-importanza tad-dimensjoni tat-Tramuntana x’aktarx li tiżdied, bħalma hija l-kooperazzjoni fiż-żoni tat-Tramuntana fir-rigward tal-meded taż-żejt u tal-gass fl-Oċean Artiku. Madankollu, għandha ssir enfasi partikulari fuq il-kuntest ambjentali sensittiv jekk u meta l-kumpaniji jibdew jesploraw b’mod serju r-riżorsi potenzjali f’dan il-qasam.

3.4.

Il-kooperazzjoni tal-enerġija tal-UE mal-imsieħba tal-Mediterran tat-Tramuntana u l-Lvant ħadet spinta bl-istabbiliment riċenti ta’ pjattaformi reġjonali li jinkludu l-gass, l-elettriku, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Dawn il-pjattaformi huma maħsuba li se jkunu strumentali sabiex jiffaċilitaw u jtejbu l-kooperazzjoni fl-enerġija.

3.5.

Filwaqt li tikkunsidra lill-Asja Ċentrali bħala reġjun ta’ importanza strateġika u rikka fir-riżorsi tal-enerġija, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha sabiex tistabbilixxi relazzjoni soda u stabbli magħha. Kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin dwar l-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali adottata fit-22 ta’ Ġunju 2015, l-UE titlob it-tisħiħ fir-rabtiet tal-enerġija, li jikkontribwixxu għas-sigurtà reċiproka tal-enerġija.

3.6.

Il-konnessjoni tar-reġjun tal-Baħar Kaspju mas-suq tal-UE permezz tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar se tiftaħ possibbiltajiet ġodda għal-kummerċ tal-gass naturali u tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ diversifikazzjoni tal-UE. Il-pipeline tal-gass naturali Trans-Anatoljan (TANAP) se jkun parti ċentrali mill-interkonnessjoni flimkien mal-pipeline Trans-Adrijatiku (TAP).

3.7.

Ir-relazzjonijiet tal-enerġija mal-Istati Uniti qed isiru dejjem aktar importanti fuq l-aġenda tal-UE, kif rifless fil-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-Istati Uniti attwalment qed jesperjenzaw żmien ta’ roħs fil-gass bħala riżultat ta’ produzzjoni tal-gass mhux konvenzjonali. L-UE għandha tisfrutta l-mument u tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kummerċ tal-gass naturali likwifikat (LNG) transatlantiku, billi dan għandu jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija.

3.7.1.

Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP) tista’ ssir għodda sinifikanti għall-promozzjoni, fost oqsma oħra, tas-sigurtà tal-enerġija transatlantika. Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet sabiex jikkonċentraw l-isforzi kollha tagħhom sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-enerġija fil-ftehim.

3.8.

Is-sigurtà tal-enerġija tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet tal-enerġija tal-viċinat tagħha, li jfisser li l-UE għandha tkompli taħdem mill-qrib mal-ġirien tagħha u tespandi l-ambitu ta’ kooperazzjoni ta’ benefiċċju reċiproku.

3.8.1.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ aktar il-Komunità tal-Enerġija, b’mod speċjali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-acquis tal-enerġija tal-UE fir-rigward tal-Partijiet Kontraenti (2).

3.8.2.

L-objettiv ewlieni tal-Komunità tal-Enerġija huwa l-espansjoni tas-suq intern tal-enerġija tal-UE. L-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u s-soċjetajiet ċivili tagħhom bil-għan li jiġi stabbilit suq tal-enerġija pan-Ewropew ġenwin. Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni tas-sigurtà tal-provvista li tinvolvi direttament il-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija.

3.9.

Wara t-tneħħija tas-sanzjonijiet internazzjonali fl-Iran, l-UE għandha tisfrutta l-mument u tistabbilixxi mill-ġdid ir-relazzjonijiet tal-enerġija minħabba r-rwol potenzjali li jista’ jkollu l-Iran fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ provvisti tal-enerġija tal-UE.

3.10.

L-UE għandha wkoll tħaffef u ssaħħaħ l-isforzi sabiex tinforza sħubijiet solidi ma’ pajjiżi terzi differenti iżda importanti, bħall-Kanada, it-Turkija u l-Alġerija. Il-KESE jilqa’ l-involviment ta’ djalogi tal-enerġija ta’ livell għoli ma’ dawn il-pajjiżi fl-2015.

3.11.

Id-dimensjoni tal-enerġija għandha tiġi riflessa b’mod xieraq fil-ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-ftehimiet tal-enerġija ma’ fornituri ta’ pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet legali tal-UE u mal-prinċipji tas-sigurtà tal-enerġija.

4.   L-importanza li l-UE “titkellem b’vuċi waħda” u approċċ unifikat għal kwistjonijiet tal-enerġija

4.1.

Fl-20 ta’ Lulju 2015 il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin approva Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diplomazija tal-Enerġija (EDAP) sabiex jappoġġja d-dimensjoni esterna tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-pjan għandu l-għan li jsaħħaħ il-messaġġi komuni sabiex l-UE tkun tista’ titkellem b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet ewlenin tal-enerġija u sabiex tilħaq l-objettivi tal-enerġija fi spirtu ta’ solidarjetà u interess komuni, minflok jiġu nazzjonalizzati mill-ġdid il-politiki tal-enerġija.

4.1.1.

Id-dimensjonijiet ewlenin tal-EDAP jinkludu l-appoġġ diplomatiku għad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija, iż-żieda tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ tranżitu (b’mod speċjali l-Ukrajna) u msieħba ewlenin tal-enerġija minn pajjiżi terzi, aktar tisħiħ tal-Komunità tal-Enerġija u ż-żamma tal-involviment strateġiku tal-UE fl-inizjattivi multilaterali marbuta mal-enerġija.

4.2.

Ġie stabbilit mekkaniżmu ta’ skambju tal-informazzjoni għal Ftehimiet Intergovernattivi (IGAs) minn deċiżjoni adottata mill-Parlament u l-Kunsill fil-25 ta’ Ottubru 2012, sabiex jiġi żgurat li l-ftehim huwa ċar u trasparenti mil-lat legali u konformi mad-dritt tal-UE. Fi Frar 2016 il-Kummissjoni ressqet proposta għat-tisħiħ tal-mekkaniżmu eżistenti.

4.2.1.

Il-KESE jilqa’ t-tentattivi sabiex ikun hemm konformità u trasparenza legali fil-ftehimiet tal-UE ma’ partijiet terzi (3), u għalhekk jappoġġja t-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni attwali.

4.3.

L-UE għandha tibqa’ timpenja ruħha fil-promozzjoni u t-titjib kontinwu tal-istandards tas-sigurtà ambjentali u nukleari f’pajjiżi terzi.

4.3.1.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-impjanti tal-enerġija nukleari li jinbnew minn partijiet terzi qrib il-fruntieri tal-UE (jiġifieri l-impjant tal-enerġija nukleari Astraviec fil-Belarus, li nstab li ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Espoo). L-UE għandha tenfasizza ma’ partijiet terzi l-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà ġenerali ta’ proġetti bħal dawn f’konformità mal-Konvenzjoni dwar is-Sigurtà Nukleari tal-IAEA u ftehimiet internazzjonali rilevanti oħrajn. Il-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tiżgura li l-pajjiżi li qablu mal-istress tests nukleari skont ir-regoli tal-UE jissodisfaw dan l-impenn mill-aktar fis possibbli. Impjanti oħra perikolużi għandu jkollhom l-aċċess tagħhom tal-enerġija fl-UE ristrett.

5.   L-impatt ta’ sistema tal-enerġija interna b’saħħitha

5.1.

Sistema tal-enerġija interna b’saħħitha tissarraf direttament f’pożizzjoni esterna reżiljenti. Għalhekk, l-UE għandha timmira biex tissemplifika l-approċċ intern tagħha għal kwistjonijiet tal-enerġija.

5.2.

L-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija hija inizjattiva ta’ prijorità li għandha l-għan li tikkonsolida rispons komuni tal-UE għall-isfidi tal-enerġija. Billil-prosperità ekonomika u soċjali tal-UE tissejjes fuq is-sigurtà tal-enerġija, hija responsabbiltà kollettiva tal-Istati Membri, il-produtturi tal-enerġija, il-konsumaturi, il-pajjiżi ta’ tranżitu u l-komunità internazzjonali, li kollha huma involuti fis-swieq tal-enerġija globalizzati tal-lum.

5.2.1.

Pilastru ewlieni tal-Unjoni tal-Enerġija huwa t-titjib tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tas-suq intern tal-enerġija. L-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-intern tal-UE se żżid il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-enerġija, li min-naħa l-oħra se tirriżulta fi prezzijiet aħjar għall-konsumaturi finali.

5.2.2.

Billi l-gass naturali likwifikat (LNG) qiegħed isir dejjem aktar disponibbli fuq livell globali, dan jippreżenta lill-UE opportunitajiet ġodda għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass. Għalhekk, l-infrastruttura interna tal-LNG għandha tiġi msaħħa u żviluppata. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija tal-ħażna tal-LNG u tal-gass adottata mill-Kummissjoni fi Frar 2016.

5.2.3.

Integrazzjoni sħiħa tal-UE tfisser l-eliminazzjoni tal-“gżejjer tal-enerġija”. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li n-netwerks u s-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri kollha jiġu integrati b’mod sħiħ fis-suq intern tal-UE kemm bl-iżvilupp ta’ infrastruttura fiżika sabiex tgħaqqad il-grilji kif ukoll billi finalment tissolva l-kwistjoni tas-sinkronizzazzjoni tat-tliet Stati Baltiċi (4), peress li fil-preżent l-operazzjoni tas-sistema tal-elettriku tagħhom tiddependi fuq operatur ta’ pajjiż terz (ir-Russja).

5.2.4.

Il-kompetittività tal-manifatturi tal-enerġija tal-UE għandha tiġi ppreservata. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-manifatturi tal-enerġija Ewropej u mhux Ewropej sabiex ikun żgurat li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE huma segwiti mill-parteċipanti kollha fis-suq ta-enerġija.

6.   Politika tal-enerġija li tħares ‘il quddiem bħala fattur sinifikanti fid-dimensjoni esterna

6.1.

Is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli joħolqu opportunità diretta għall-UE mhux biss sabiex inaqqsu d-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili importati, iżda jagħmlu wkoll il-produzzjoni tal-enerġija domestika tagħha aktar sostenibbli. Il-KESE jirrikonoxxi l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala waħda mill-azzjonijiet l-aktar importanti għal futur tal-enerġija aktar sikur. Madankollu, l-UE m’għandhiex tistrieħ fuq suċċessi passati, u għandha tagħmel l-almu tagħha biex iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-uffiċjali tal-UE għandhom jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi biex iwaqqfu miri ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli.

6.1.1.

L-UE diġà qed tħares lil hinn mill-2020 u stabbiliet miri saħansitra aktar ambizzjużi għall-2030. Objettiv komuni ta’ mill-anqas 27 % tal-enerġija li ġejja minn sorsi rinnovabbli kieku jkun jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fuq il-livell reġjonali, filwaqt li jikkonsolidaw is-settur tal-enerġija tal-UE.

6.1.2.

Fi ħdan il-kuntest tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-KESE jilqa’ l-ftehim COP21 u l-impenn tal-UE li taqtal-emissjonijiet tal-gass b’effetta ta’ serra b’tal-anqas 40 % (mil-livelli tal-1990) sal-2030 kif stipulat fil-qafas tal-klima u l-enerġija. L-UE mhux biss għandha tħeġġeġ lill-imsieħba tagħha biex jaħdmu b’mod attiv f’dan il-qasam, iżda jipprovdu għajnuna prattika jekk jitqies meħtieġ.

6.1.3.

Produzzjoni ta’ enerġija deċentralizzata kif ukoll il-kooperattivi tal-enerġija jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u l-enerġija tal-UE. Dan jippermetti l-involviment tas-soċjetà usa’ sabiex taħdem lejn l-indipendenza u s-sigurtà tal-enerġija f’pajjiżha kif ukoll fl-UE kollha. Għalhekk, għandhom jiġu adottati l-aqwa prattiki ta’ ġenerazzjoni interna u mezzi ta’ konsum kosteffikaċi.

6.2.

L-effiċjenza enerġetika hija wkoll mod dirett kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-livell għoli ta’ importazzjoni tal-UE. Ġie stabbilit objettiv ta’ titjib ta’ mill-anqas 27 % fl-effiċjenza enerġetika (l-istess ċifra li ġiet stabbilita għas-sorsi rinnovabbli) għall-2030 fl-UE kollha, bil-Kummissjoni Ewropea tagħmel sforzi serji sabiex timplimenta l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”. Min-naħa tagħha, l-Unjoni tal-Enerġija se tibqa’ tippromwovi aċċess aħjar għall-istrumenti ta’ finanzjament għall-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport u l-bini, u tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw bis-serjetà l-effiċjenza enerġetika fil-politiki tagħhom.

6.3.

Il-kontribuzzjoni ta’ riżorsi adegwati għall-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp hija kruċjali sabiex jinżammu l-progessi teknoloġiċi fil-produzzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni intelliġenti. Dan huwa rilevanti b’mod speċjali f’termini ta’ enerġija rinnovabbli, bil-għan li l-produzzjoni tagħha ssir kosteffikaċi u affidabbli. Barra minn hekk, għandu jitkompla l-iżvilupp ta’ teknoloġiji mill-aktar avvanzati, bħall-użu tal-idroġenu, iċ-ċelluli tal-fjuwil u l-fużjoni nukleari fil-ġenerazzjoni tal-enerġija.

6.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE sabiex tieħu rwol ewlieni fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-enerġija tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod sostenibbli, permezz ta’ politiki u inizjattivi li għandhom l-għan li jestendu l-assistenza finanzjarja, teknika u legali. L-appoġġ tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’oqsma relatati għandu jkun l-għodda ewlenija biex tiġi estiża l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

7.   Is-soċjetà ċivili bħala attur attiv fi kwistjonijiet esterni dwar l-enerġija

7.1.

Minħabba li l-konsumaturi jistennew li l-enerġija tkun aċċessibbli u tappoġġja l-kompetittività tal-industrija, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali sabiex jinvolvu s-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi kwistjonijiet tal-enerġija u jżommu djalogu miftuħ. Dan għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal fehim aħjar tal-kwistjonijiet tal-enerġija li għandna quddiemna.

7.1.1.

Il-faqar tal-enerġija huwa kwistjoni globali li ma tistax tiġi injorata f’termini ta’ politiki interni jew esterni tal-enerġija tal-UE. Għandha tingħata daqqa t’id lil dawk li l-aktar huma mhedda.

7.2.

Is-soċjetajiet ċivili għandhom juru aktar inizjattiva fil-proċessi ta’ tfassil tal-politika tal-enerġija. Il-KESE jilqa’ d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-enerġija ffirmata mill-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u l-Ukraina (CSP) fil-11 ta’ Frar 2016, li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tipprepara rakkomandazzjonijiet dwar l-istat tad-dritt għall-awtoritajiet rilevanti.

7.2.1.

Il-kwistjonijiet dwar l-enerġija jridu jsiru parti tal-aġenda tal-laqgħat internazzjonali tal-KESE, kif ukoll tema importanti fid-dibattitu mas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi msieħba.

Brussell, it-28 ta’ April 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  

(1)

“Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għar-reviżjoni tal-Istrateġija UE-Asja Ċentrali”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 1);

(2)

“Il-qafas strateġiku tal-Unjoni tal-Enerġija”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 84);

(3)

“L-enerġija, fattur ta’ żvilupp u approfondiment tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 32, 28.1.2016, p. 8);

(4)

“Niggarantixxu l-importazzjonijiet essenzjali għall-UE bil-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-politiki relatati l-oħra”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 47);

(5)

“Ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 65);

(6)

“L-Involviment tas-Soċjetà Ċivili fit-twaqqif ta’ Komunità Ewropea tal-Enerġija tal-ġejjieni”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 68, 6.3.2012, p. 15);

(7)

“Id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE”, opinjoni tal-KESE (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8).

(2)  Partijiet kontraenti — l-Albanija, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kosovo, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja u l-Ukrajna.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, il-punt 5.

(4)  GU C 228, 22.9.2009, p. 84.