7.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/6


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Lundbeck (AT.39226)

(2015/C 80/06)

I.   TAGĦRIF EŻISTENTI

1.

Dan il-każ jirrigwarda ftehimiet li daħlu fihom il-kumpanija farmaċewtika oriġinatorja Lundbeck u erba’ kumpaniji farmaċewtiċi ġeneriċi fl-2002 dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-antidepressiv citalopram.

2.

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni bdiet abbażi ta’ informazzjoni li waslitilha mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni Daniża f’Ottubru 2003. L-investigazzjoni kienet interrotta bl-inkjesta tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku li damet minn Jannar 2008 sa Lulju 2009 (2).

3.

F’Jannar 2010, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti kontra Lundbeck, u f’Lulju 2012 kontra erba’ gruppi ta’ kumpaniji ġeneriċi li kienu involuti fi ksur, meta hija bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet.

II.   PROĊEDURA BIL-MIKTUB

1.   Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

4.

Fl-24 ta’ Lulju 2012 il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) kontra Lundbeck, Alpharma, A.L. Industrier, Arrow, Resolution Chemicals, GUK, Merck u Ranbaxy (3). Hija esprimiet il-fehma preliminari li l-ftehimiet ta’ riżoluzzjoni bejn il-kumpanija oriġinatriċi u l-kumpaniji ġeneriċi jirrappreżentaw l-hekk imsejħa ftehimiet ħlas għad-dewmien u jammontaw għalhekk għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan bi ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE.

2.   Aċċess għall-fajl

5.

Il-partijiet kollha ngħataw aċċess għall-fajl fil-forma ta’ DVD f’Awwissu tal-2012.

6.

F’Settembru tal-2012 Alpharma, aktar tard segwita minn partijiet oħra, għamlet talba dettaljata għal żvelar tal-partijiet redatti kollha tal-hekk imsejħa dokumenti Matrix fil-fajl tal-Kummissjoni. Sabiex jindirizza dawn it-talbiet, id-DĠ Kompetizzjoni talab lill-fornitur tad-dokumenti Matrix, Lundbeck, biex ifittex l-iżvelar. Il-proċess ta’ żvelar li mbagħad segwa dam għaddej bosta xhur.

3.   Il-limitu ta’ żmien għal tweġiba għad-DO

7.

Id-DĠ Kompetizzjoni inizjalment stabbilixxiet skadenza ta’ 10 ġimgħat għat-tweġibiet tal-partijiet għad-DO li ġie mtawwal b’madwar 3 ġimgħat. Meta Alpharma talbet estensjoni ulterjuri fuq il-bażi li xtaqet tara d-dokumenti Matrix qabel ma’ twieġeb għad-DO, id-DĠ Kompetizzjoni pprovdielha estensjoni limitata ulterjuri iżda kkunsidrata bħala finali. Huwa informa lill-partijiet li kienu se jingħataw l-opportunità li jissuplimentaw it-tweġibiet tagħhom jekk id-dokumenti Matrix isiru aċċessibbli biss wara l-iskadenza. Alpharma, Arrow, GUK u Merck sussegwentement insistew fuq estensjoni sakemm ikunu raw id-dokumenti pendenti.

8.

Wara li din it-talba ġiet irrifjutata mid-DĠ Kompetizzjoni, l-erba’ partijiet irreferew il-kwistjoni tal-estensjoni tal-iskadenza għat-tweġibiet tagħhom għad-DO lili. Huma ddikjaraw li d-drittijiet tagħhom tad-difiża kienu se jinkisru jekk kien se jkollhom jagħtu tweġiba qabel ma jingħataw aċċess sħiħ għall-fajl peress li d-dokumenti Matrix kien fihom informazzjoni kruċjali għad-difiża tagħhom.

Is-sospenzjoni tal-limitu ta’ żmien

9.

Fil-fatt, il-partijiet fil-prinċipju mhux mistennija jwieġbu għad-DO qabel ma jkunu ġew mogħtija aċċess sħiħ għall-fajl u qabel kull talba għal aċċess addizzjonali tiġi riżolta. Sabiex niddetermina l-importanza tad-dokumenti Matrix għad-difiża tal-partijiet u jekk l-approċċ tad-DĠ Kompetizzjoni li jimponi proċess gradwali għar-risposti għad-DO jistax fid-dawl tal-importanza tad-dokumenti Matrix għad-difiża tal-partijiet eċċezzjonalment hux aċċettabbli fl-interess tal-effiċjenza tal-proċediment, issospendejt il-limitu ta’ żmien stabbilit mid-DĠ Kompetizzjoni (4).

10.

It-talba addizzjonali għall-aċċess kienet tikkonċerna 29 dokument (IDs) li jammontaw għal madwar 4 000 paġni redatti. Id-dokumenti kienu parti mit-tilwima Lagap fir-Renju Unit u t-tilwima parallela f’pajjiżi Ewropej oħrajn. Dawn kienu jirrelataw mal-proċessi ta’ manifattura, miġbura matul l-ispezzjonijiet ta’ ksur tal-brevett fl-istabbilimenti ta’ kumpanija li ġġib l-isem ta’ Matrix. Ir-redazzjonijiet li saru bħala riżultat ta’ ordni tal-kunsens tar-Renju Unit u ordnijiet minn imħallfin nazzjonali tal-privattivi.

11.

Fuq inizjattiva tiegħi, id-DĠ Kompetizzjoni stabbilixxa skeda flimkien ma’ Lundbeck u Matrix li tistipula meta l-partijiet l-oħrajn kienu se jingħataw aċċess għad-dokumenti Matrix mitluba. Id-dokumenti kollha tar-Renju Unit imbagħad saru disponibbli ftit qabel it-tmiem tal-2012 u d-dokumenti li joriġinaw mill-proċedimenti tat-tilwima parallela segwew sal-31 ta’ Jannar 2013.

Estensjoni tal-limitu ta’ żmien

12.

Fit-18 ta’ Diċembru 2012, jiena ddeċidejt li nagħti lill-partijiet estensjoni oħra tal-limitu ta’ żmien għat-tweġibiet tagħhom għad-DO. Għaldaqstant, it-tweġibiet tagħhom kienu dovuti wara li kellhom iċ-ċans li jaraw id-dokumenti Matrix kollha marbuta mat-tilwima tar-Renju Unit iżda qabel ma d-dokumenti relatati ma’ tilwima parallela oħra kienu saru aċċessibbli, jiġifierifil-perjodu bejn id-9 u l-14 ta’ Jannar 2013.

13.

Ħadt id-deċiżjoni tiegħi filwaqt li kkunsidrajt kemm id-dritt tal-partijiet għal smigħ xieraq u l-interess pubbliku fi proċedimenti effiċjenti. Fil-fehma tiegħi, id-dokumenti Matrix marbuta mal-litigazzjoni tar-Renju Unit kienu potenzjalment siewja għad-difiża tal-partijiet iżda mhux “kruċjali” kif iddikjaraw xi wħud. B’kuntrast, id-dokumenti Matrix marbuta ma’ litigazzjoni parallela ftit żiedu informazzjoni ma’ dik li diġa’ pprovdew id-dokumenti li oriġinaw mil-litigazzjoni tar-Renju Unit. Għaldaqstant, jiena kkonkludejt li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet kienu se jkunu mħarsa, jekk dawn kienu se jingħataw iċ-ċans li jaraw il-karti tat-tilwima tar-Renju Unit, qabel ma jwieġbu għad-DO. Ikkunsidrajt ukoll li d-DĠ Kompetizzjoni kien offra lill-partijiet l-opportunità biex jissupplimentaw it-tweġibiet tagħhom jekk xtaqu jagħmlu dan wara li ngħataw aċċess sħiħ għad-dokumenti Matrix. L-erba’ partijiet kollha ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom fil-ħin u l-ebda waħda minnhom ma użat id-dritt li jissupplimentawhom fid-dawl tad-dokumenti Matrix li saru aċċessibbli biss wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien.

14.

Peress li l-ebda parti ma reġgħet ikkuntattjatni b’rabta mad-dokumenti Matrix jien inqis li din il-kwistjoni hija solvuta.

4.   Pretensjonijiet proċedurali mqajma fit-tweġibiet għad-DO.

15.

Alpharma, Arrow, GUK, Lundbeck u Merck qajmu ċerti pretensjonijiet proċedurali fit-tweġibiet tagħhom għad-DO, iżda għamlu hekk biss vis-à-vis id-DĠ Kompetizzjoni. B’rabta mad-drittijiet tad-difiża, Alpharma, GUK u Merck iddikjaraw li t-tul eċċessiv tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kiser id-drittijiet ta’ difiża tagħhom (5). Fi kwalunkwe każ, huma argumentaw, li t-tul tal-proċediment kien twil wisq u l-Kummissjoni għandha tiġbed konsegwenzi xierqa minn dan il-fatt. Jien se nanalizza iż-żewġ partijiet tat-talba hawn taħt.

16.

L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jaġixxu fi żmien raġonevoli meta jwettqu proċeduri amministrattivi. Ir-raġonevolezza tat-tul tal-proċedimenti amministrattivi se tiġi vvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull każ. B’mod partikolari, iridu jiġu eżaminati l-kuntest, l-istadji proċedurali varji segwiti mill-Kummissjoni, il-kondotta tal-partijiet matul il-proċedura, u l-kumplessità tagħha (6).

17.

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għalija, la l-kuntest tal-kawża, il-kumplessità tagħha, il-passi proċedurali varji kif deskritt fid-DO u lanqas ċertament l-imġiba tal-partijiet ma jidhru li jiġġustifikaw it-tul konsiderevoli tal-proċedura ta’ 8 snin u 9 xhur li jibdew jgħoddu mid-data meta l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni sad-data meta ntbagħtet id-DO.

18.

Anki jekk jitqies li huwa stabbilit li l-proċedura amministrattiva kienet irraġonevolment twil, il-Kummissjoni tista’ tiġi pprojbita biss milli timponi multi, jekk il-partijiet juru li n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq il-proċedura amministrattiva fi żmien raġonevoli setgħet attwalment tikkomprometti jew taffettwa ħażin id-drittijiet tad-difiża tagħhom (7). Il-piż tal-prova huwa f’idejn il-partijiet li jridu jippreżentaw evidenza konvinċenti.

19.

Wara li kkunsidrajt l-evidenza sottomessa, ikkonkludejt li l-partijiet ma wrewx suffiċjentement fid-dritt li t-tul straordinarju tal-investigazzjoni kiser id-drittijiet tad-difiża tagħhom. B’reazzjoni b’mod partikolari għall-pretensjoni dettaljata ta’ Alpharma, ninnota li hija r-responsabbiltà tal-parti fl-ewwel lok li tiżgura li la ż-żmien u l-anqas il-bejgħ tan-negozju involut fl-allegat ksur ma jikkawżaw l-allegat diffikultà jew impossibiltà biex tiġi prodotta kull evidenza eżistenti li tiskaġuna. L-impriżi għandhom dmir ta’ diliġenza, skont il-ġurisprudenza, li jorbothom biex jassiguraw il-manutenzjoni xierqa ta’ rekords fil-kotba tagħhom jew fajls li jippermettu s-sejba tad-dettalji tal-attivitajiet tagħhom, sabiex jippreżentaw l-evidenza meħtieġa disponibbli f’każ ta’ proċedimenti legali jew amministrattivi. Dan id-dmir jgħodd anke meta n-negozju involut ikun ġie mibjugħ tul konsiderevoli ta’ żmien qabel ma tkun inbdiet l-investigazzjoni (8). Jeżisti obbligu simili fir-rigward tal-aċċess għal eks impjegati Barra minn hekk, jidher li Alpharma ma indikax bil-preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza (9), in-natura u l-ambitu ta’ informazzjoni li tiskaġuna li allegatament ġiet mitlufa minħabba l-mogħdija taż-żmien.

20.

Il-konklużjoni tiegħi li d-drittijiet tal-partijiet ta’ difiża ma nkisrux ma tfissirx li t-tul konsiderevoli tal-istadju tal-investigazzjoni ma ħalla l-ebda konsegwenza. Fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u skont il-ġurisprudenza (10), nikkunsidra li l-ewwel fażi tal-proċedura amministrattiva kien twil b’mod mhux raġonevoli. Dan għandu jiġi kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-multa.

5.   Aċċess għat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra

21.

Id-DĠ Kompetizzjoni ta l-aċċess għal kopji tal-verżjoni mhux konfidenzjali tat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għad-DO lill-partijiet kollha. Il-partijiet ngħataw l-opportunità li jippreżentaw kummenti bil-miktub qabel is-Seduta Verbali. Alpharma, Lundbeck u Ranbaxy għamlu sottomissjonijiet supplimentari qabel is-Seduta Orali, filwaqt li A.L. Industrier għamlet dan wara.

III.   PROĊEDURA VERBALI

22.

Il-partijiet fil-proċedimenti kollha, għajr għal Resolution Chemicals, eżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu f’Seduta Verbali, li seħħet fl-14 u l-15 ta’ Marzu 2013.

IV.   PROĊEDURA WARA S-SEDUTA VERBALI

1.   Ittra tal-Fatti

23.

Fit-12 ta’ April 2013 il-Kummissjoni bagħtet Ittra tal-Fatti (“IF”) lil Alpharma, Arrow, GUK, Lundbeck u Ranbaxy. Intbagħtet IF oħra lill-eks kumpanija prinċipali ta’ GUK, Merck u lill-eks kumpanija azzjonarja ta’ Alpharma, A.L. Industrier fis-6 ta’ Mejju 2013. Il-partijiet kollha ngħataw għaxart ijiem kalendarji biex iwieġbu.

2.   Estensjoni tal-limitu ta’ żmien

24.

Wara l-wasla tal-IF, Alpharma, Arrow, GUK u Lundbeck ressqu talba l-ewwel lid-DĠ tal-Kompetizzjoni u, wara li t-talba tagħhom ġiet irrifjutata, quddiemi biex inġedded il-limitu ta’ żmien għat-tweġiba tagħhom għall-IF.

25.

GUK talbet li nissospendi l-iskadenza għat-tweġiba tagħha għall-IF sakemm inkun ħadt deċiżjoni dwar it-talbiet tagħhom li l-Kummissjoni kien imissha ħarġet Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet (“DSO”) fir-rigward ta’ ċerti provi mressqa f’LF u LF ġdid li tiċċara l-użu maħsub ta’ ċerti provi (ara t-Taqsima IV. 4 ta’ hawn taħt).

26.

Nosserva li filwaqt li taħt it-Termini ta’ Referenza nista’ neżamina mill-ġdid it-talbiet sottomessi minn GUK tabilħaqq mill-partijiet l-oħra, ma hemmx bażi għalija biex nagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni. Dan jimplika wkoll li ma nistax nissospendi l-limitu ta’ żmien.

27.

L-erba’ partijiet kollha kisbu estensjonijiet ta’ tul li jvarja skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Il-partijiet kollha ppreżentaw tweġibiet fl-iskadenzi rispettivi.

3.   Aċċess għat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra

28.

Id-DĠ Kompetizzjoni ta lill-partijiet kollha l-aċċess għal kopji tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għall-IF u ppermettielhom ukoll li jikkummentaw fuqhom. Lundbeck biss ippreżentat xi kummenti.

4.   Pretensjonijiet proċedurali fir-rigward tal-Ittra tal-Fatti

29.

Arrow, GUK u Lundbeck qajmu żewġ pretensjonijiet proċedurali fir-rigward tal-IF. Wara li d-DĠ Kompetizzjoni rrifjuta dawn l-ilmenti l-partijiet irreferew il-kwistjonijiet lili biex nirrevedihom.

Id-Dikjarazzjoni tal-Oġġezzjonijiet supplimentari meħtieġa?

30.

L-ewwel nett, b’rabta ma’ total ta’ 10 punti minn 62 tal-IF, it-tliet partijiet argumentaw li l-evidenza l-ġdida u l-użu maħsub, kif indikat mill-Kummissjoni, marru lil hinn minn sempliċement jikkorroboraw l-oġġezzjonijiet tad-DO. Anzi, iddikjaraw li b’dawk il-punti l-Kummissjoni kienet qiegħda sostanzjalment tirriformula l-oġġezzjonijiet, tintroduċi oġġezzjonijiet addizzjonali jew timmodifika n-natura intrinsika tal-ksur. Il-partijiet għalhekk staqsew jekk tali evidenza tistax tkun ikkomunikata b’mod IF u jekk kinitx teħtieġ il-ħruġ tad-DSO, jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuqha.

31.

DSO hija meħtieġa meta l-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet ulterjuri jew tbiddel in-natura intrinsika tal-oġġezzjonijiet (11), filwaqt li hija biżżejjed l-LF meta tintroduċi provi ġodda meqjusa meħtieġa biex jappoġġjaw l-oġġezzjonijiet li diġà qegħdin fl-DO (12). Il-format tal-aħħar huwa kompatibbli bis-sħiħ mad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari meta tkun applikata sabiex tiċħad l-argumenti miġjuba mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva (13).

32.

Wara li ġew analizzati l-10 punti tal-IF li għalihom il-partijiet argumentaw li l-DSO kienet meħtieġa, ma nistax insib li dawn il-punti jqajmu oġġezzjonijiet addizzjonali jew jimmodifikaw in-natura tal-oġġezzjonijiet eżistenti. Dawn il-punti, bħal punti oħra tal-IF, fil-parti l-kbira jiddaħħlu wara reazzjoni għall-osservazzjonijiet tal-partijiet għad-DO. Kunċettwalment, jista’ jkun li xi wħud mill-pretensjonijiet ġew imqanqla minħabba indikazzjoni fqira tal-użu intiż tal-evidenza l-ġdida (ara aktar ‘l isfel). Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni ta’ provi ġodda inkriminanti, anki jekk parzjalment ta’ tip differenti mill-provi diġà introdotti, ma kinitx teħtieġ DSO. Għaldaqstant, jiena nikkonkludi li d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet ma nkisrux bl-introduzzjoni tal-10 punti li lmentaw dwarhom permezz ta’ IF.

L-Ittra tal-Fatti mhux ċara?

33.

It-tieni nett, b’rabta ma’ total ta’ 23 punt minn 62 tal-IF, it-tliet partijiet allegaw li l-IF mhijiex ċara, hija ambigwa u taqta’ wisq fil-qasir fir-rigward tal-użu li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel mill-evidenza l-ġdida. Tali punti jikkoinċidu parzjalment mal-10 punti li dwarhom il-partijiet jitolbu għal ħruġ ta’ DSO.

34.

B’mod partikolari, il-partijiet argumentaw li r-rabta bejn l-evidenza u l-oġġezzjonijiet stabbilita fid-DO mhix ċara. Huma sostnew li l-allegat nuqqas ta’ ċarezza seta’ jxekkel l-abbiltà tagħhom li jiddefendu lilhom infushom.

35.

Sabiex id-destinatarji tagħha jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv dwar evidenza ġdida, IF trid tinvoka l-paragrafu tad-DO li jikkonċernah u tispjega r-rilevanza tal-evidenza l-ġdida għall-oġġezzjonijiet diġà kkomunikati (14).

36.

Filwaqt li jien naqbel li fi ftit każijiet il-Kummissjoni setgħet spjegat aħjar l-użu li kienet beħsiebha tagħmel mill-evidenza l-ġdida, jien ma nikkunsidrax li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ġew affettwati.

37.

L-ewwel nett, għal kull biċċa evidenza ġdida l-IF dejjem tirreferi għall-paragrafu jew it-taqsima tad-DO u tindika kif il-Kummissjoni beħsiebha tużaha, ħlief f’każ wieħed.

38.

It-tieni nett, f’każ wieħed fejn l-IF ma tirreferix għal paragrafu tad-DO kif ukoll f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-użu intiż tal-evidenza l-ġdida ġie allegat li ma kienx ċar, huwa possibbli li jiġi dedott raġonevolment mill-kontenut ta’ kemm IF u d-DO r-rilevanza ta’ evidenza ġdida għal oġġezzjoni partikolari (15).

39.

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mit-tweġibiet tal-partijiet għall-IF. Dawn juru li l-partijiet kienu kapaċi jifhmu, jew almenu, jiddeduċu raġonevolment għal kull wieħed mit-23 punt is-sinifikanza tal-evidenza l-ġdida għall-oġġezzjonijiet miġjuba kontrihom. F’dan ir-rigward, jiena ninnota li fejn parti waħda ma tweġibx għal punt allegatament mhux ċar, dak l-istess punt ġie indirizzat minn tal-inqas parti oħra u dik il-parti identifikat sew ir-rabta bejn l-evidenza l-ġdida u l-oġġezzjonijiet li tirreferi għaliha.

40.

Fejn f’każ wieħed parti twieġeb billi tirreferi għal oġġezzjoni differenti minn dik ta’ parti oħra, dan probabbilment jinvolvi raġunijiet oħra għajr l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tal-IF.

41.

Għaldaqstant, jiena nikkonludi li l-punti kkritikati fl-IF ma affettwawx l-abbiltà tal-partijiet li jeżerċitaw effettivament id-drittijiet tagħhom ta’ difiża u li n-nuqqas allegat ma influwenzax ir-riżultat tal-proċedura.

5.   Pretensjonijet proċedurali fir-rigward tal-Ittra tal-Fatti

Lundbeck

42.

Fit-22 ta’ Mejju 2013, madwar xahar wara t-tweġiba tagħha għall-IF, Lundbeck indirizzatli sottomissjoni oħra li tiddikjara li l-IF kienet xekklet id-drittijiet ta’ difiża u proċess dovuti ta’ Lundbeck. Filwaqt li s-sottomissjoni kienet ittenni bosta mill-argumenti indirizzati diġà hawn fuq, Lundbeck qajmet ukoll żewġ pretensjonijiet ġodda (16).

43.

L-ewwel nett, Lundbeck sostniet li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq il-proċeduri b’mod imparzjali u oġġettiv. Il-Kummissjoni se tinjora l-evidenza li tikkonferma il-fehmiet ta’ Lundbeck u dawk ġeneriċi u tikkunsidra b’valur nominali l-evidenza li jidher li tgħin il-każ tagħha b’mod tanġenzjali. Allegatament, l-IF terġa’ turi b’mod ovvju li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-provi fil-fajl b’mod preċiż, oġġettiv u mhux imxekkel, li hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-korp sħiħ ta’ evidenza rilevanti, inklużi l-osservazzjonijiet Lundbeck, u li hija ma eskludietx evidenza ikkontestata jew insuffiċjenti.

44.

Wara reviżjoni bir-reqqa tal-argumenti mingħajr preġudizzju dwar il-mertu tal-punti sostantivi imressqa minn Lundbeck, jidhirli li l-pretensjoni tal-parti mhix fondata. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dover li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-aspetti rilevanti kollha tal-każ individwali (17). Madankollu, meta l-Kummissjoni ma ssegwix l-argumenti miġjuba minn xi parti dan ma jkunx indikazzjoni ta’ preġudizzju. Lanqas ma l-interpretazzjoni persistentement differenti tal-evidenza rilevanti ssarraf fi preġudizzju. Barra minn hekk, l-IF sempliċement tippreżenta fatti ġodda. Ma tiddiskutix l-argumenti jew tevalwa l-evidenza miġjuba mill-partijiet bi tweġiba għad-DO. Dan irid isir fid-deċiżjoni finali motivata bis-sħiħ. Għaldaqstant, jidher li mhuwiex xieraq li wieħed jivvaluta l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċedimenti tal-Kummissjoni fuq din il-bażi. Barra minn hekk, anke li kieku d-DO u d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-Seduta Verbali ġew ikkunsidrati, xorta waħda ma nqisx l-argument ta’ Lundbeck ġust.

45.

It-tieni nett, Lundbeck allegat li l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ġie miksur minħabba li IF kienet ibbażata fuq informazzjoni minn parti terza b’mod partikolari, li ma kinitx parti fil-proċedimenti, mingħajr ma’ ingħatat il-possibbiltà li tagħmel mistoqsijiet lil din il-parti terza u l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tagħha.

46.

Jiena wkoll inqis dan l-argument bħala bla bażi. Fil-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni mhix obbligata li tipprovdi lill-partijiet bl-opportunità għal kontroeżami tad-dikjarazzjonijiet tal-partijiet terzi vis-à-vis il-Kummissjoni. Id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet huma rispettati jekk id-dikjarazzjonijiet użati mill-Kummissjoni jkunu rreġistrati fil-fajl, ikunu disponibbli għalihom u wara deċiżjoni finali jkunu jistgħu jiġu sfidati quddiem il-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea (18). Dan qatt ma kien il-każ hawnhekk. Lundbeck ngħatat l-aċċess għad-dikjarazzjoni inkwistjoni qabel is-Seduta Verbali u setgħet tikkummenta dwarha.

47.

Ta’ min jinnota wkoll li Lundbeck qajmet din il-kwistjoni fi stadju tassew avvanzat tal-proċedimenti. Jekk Lundbeck ħasbet li kienet rilevanti għad-difiża tagħha li tisma’ lill-persuna terza matul il-proċediment amministrattiv hija setgħet issuġġeriet lill-Kummissjoni biex tistieden lill-parti terza għas-Seduta Orali jew li torganizza laqgħa trijangulari kif indikat fl-Aħjar Prattiki (19). Skont l-informazzjoni li għandi disponibbli, Lundbeck ma ssuġġeriet xejn minn dan.

48.

Abbażi ta’ dan, jiena nikkonkludi li d-drittijiet tad-difiża ta’ Lundbeck ma nkisrux.

Alpharma

49.

Fit-3 ta’ Ġunju 2013, ħames ġimgħat wara t-tweġiba tagħha għall-IF, irċevejt ittra minn Alpharma li qajmet tliet kwistjonijiet ewlenin (20).

50.

L-ewwel nett, il-parti argumentat li huwa probabbli li l-Kummissjoni se temenda sostanzjalment fid-deċiżjoni finali tagħha s-sejbiet dwar Alpharma f’mill-inqas tliet lati, jiġifieri, il-kompetizzjoni potenzjali, il-valur trasferit u l-kuntest ġuridiku u ekonomiku. Alpharma saqsiet lill-Kummissjoni biex tagħtiha l-opportunità tikkummenta fuq is-sejbiet riveduti qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni finali.

51.

Jiena analizzajt bir-reqqa l-abbozz tad-Deċiżjoni fid-dawl tal-pretensjoni ta’ Alpharma u t-tliet eżempji pprovduti. Ma rnexxilix insib li l-abbozz tad-Deċiżjoni jaltera l-oġġezzjonijiet jew jintroduċi evidenza ġdida li fuqha l-parti ma ngħatatx il-possibilità li tagħmel osservazzjonijiet sew jekk qabel il-komunikazzjoni tad-DO, jew sussegwentement, tal-IF. Għaldaqstant, ir-rifjut tad-DĠ Kompetizzjoni tat-talba ta’ Alpharma ma jiksirx id-dritt tal-parti li tinstema’.

52.

It-tieni nett, Alpharma sostniet illi d-DO m’għadiex korretta fir-rigward ta’ ħames sejbiet preliminari dwar Alpharma: il-kuntest ġuridiku u ekonomiku, ir-rabta bejn il-ħlas u r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess, l-ammont tal-valur trasferit, il-kompetizzjoni potenzjali u l-iskop tal-ftehim ta’ riżoluzzjoni. Id-DO hija allegatament ibbażata fuq suppożizzjonijiet fattwali fir-rigward ta’ dawn il-ħames sejbiet li sussegwentement kienu inkorretti. Skont Alpharma, dawn in-nuqqasijiet ma ġewx korretti mil-LF. Id-dokument pjuttost jintroduċi fatti ġodda li joħolqu kunflitt ma’ dawk stipulati fid-DO. Minħabba din is-sensiela ta’ fatti u allegazzjonijiet kontradittorji u konfondenti, Alpharma tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli tispjega liema fatti hija temmen li huma korretti, u b’hekk għamlitha diffiċli għal Alpharma li tifhem fuq liema evidenza l-Kummissjoni kien beħsiebha sserraħ u x’allegazzjonijiet qiegħda tagħmel kontriha. F’tali ċirkostanza, hija tallega li huwa impossibbli għal Alpharma li tiddefendi lilha nnifisha sew. Fuq din il-bażi, Alpharma talbitni biex nirrakkomanda lill-Kummissjoni biex toħroġ DSO jew tipprovdi kjarifika li tistabbilixxi b’mod ċar l-oġġezzjonijiet kontriha u l-fatti li jappoġġjaw dawn l-oġġezzjonijiet qabel ma tadotta d-deċiżjoni finali.

53.

Jiena eżaminajt mill-ġdid u fil-fond din il-kwistjoni proċedurali, iżda ħallejt barra l-allegazzjonijiet sostantivi miġjuba minn Alpharma. Madankollu, ma nistax nqis li t-talba tagħha hija fundata.

54.

Il-parti diġà rċeviet risposta fuq il-kwistjoni dwar liema fatti l-Kummissjoni tqis korretti. Wara li qajmet l-istess kwistjoni mad-DĠ Kompetizzjoni, Alpharma rċeviet risposta li l-Kummissjoni temmen li l-fatti l-ġodda fl-IF huma korretti. Ta’ min jinnota wkoll li f’dan ir-rigward biċċa kbira sew tal-fatti l-ġodda introdotti fl-IF li jikkonċernaw lil Alpharma ġew provduti mill-parti stess wara l-ħruġ tad-DO, minkejja li d-DĠ Kompetizzjoni kien diġà bagħat talba għall-informazzjoni f’Marzu 2011.

55.

Barra minn hekk, l-IF riċevuta mill-parti tindika għal kull fatt ġdid għal liema parti tad-DO tirrigwarda u r-rilevanza tiegħu għall-oġġezzjoni. Għaldaqstant, Alpharma tpoġġiet f’pożizzjoni li tikkummenta fuq l-evidenza l-ġdida u s-sinifikanza tagħha għall-oġġezzjonijiet. Kuntrarjament għal dak li jidher li tissuġġerixxi Alpharma, m’hemm l-ebda obbligu fuq il-Kummissjoni li tindika f’nota LF jew DSO liema mill-fatti, inizjalment miġjuba fid-DO, hija temmen li m’għadhomx korretti fid-dawl tal-evidenza sussegwentement misjuba. Il-Kummissjoni lanqas m’għandha l-obbligu li tipprovdi valutazzjoni ġuridika tal-fatti l-ġodda. Kif diġà ġie indikat aktar ‘il fuq, il-Kummissjoni hija biss obbligata li toħroġ l-DSO meta trid tbiddel l-oġġezzjonijiet eżistenti. Għaldaqstant, jien tal-fehma li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Alpharma.

56.

Fl-aħħar nett, it-Termini ta’ Referenza ma jagħtux is-setgħa lill-Uffiċjal tas-Smigħ biex formalment jirrakkomanda lill-Kummissjoni l-kjarifika ta’ ċerti oġġezzjonijiet, jew l-interpretazzjoni tagħha ta’ ċerti fatti li jappoġġjaw tali oġġezzjoni, għall-benefiċċju ta’ parti bħalma jidher li qed tassumi Alpharma.

57.

It-tielet nett, anki jekk biss fir-rigward ta’ punt wieħed, Alpharma iddikjarat ukoll li l-IF ma tispjegax sew l-użu li l-Kummissjoni beħsiebha tagħmel tal-fatti ġodda. Ma nistax insib li d-drittijiet tad-difiża ġew miksura u nirreferi għall-analiżi tiegħi ta’ pretensjonijiet simili magħmula minn partijiet oħra għal dan il-proċediment fit-Taqsima IV. 4 msemmi hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, it-tweġiba ta’ Alpharma għall-IF tixhed li l-parti setgħet tifhem l-IF.

58.

Alpharma fl-aħħar nett semmiet it-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva. F’din il-kwistjoni, jiena nirreferi għall-analiżi tiegħi ta’ pretensjonijiet simili fit-Taqsima II. 4. hawn fuq.

V.   L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI

59.

Fl-opinjoni tiegħi l-abbozz tad-Deċiżjoni jirrelata biss mal-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

60.

Kollox ma’ kollox, jiena nikkonkludi li l-parteċipanti kollha kienu kapaċi jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali f’dan il-każ.

Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2013.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29). (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  http://ec.europa.eu/competition/sectors/pharmaceuticals/inquiry/

(3)  H. Lundbeck A/S u Lundbeck Limited, Xellia Pharmaceuticals ApS u Alpharma LLC (issa msejħa Zoetis Products LLC) (“Alpharma”), A.L. Industrier AS, Arrow Generics Limited u Arrow Group ApS (“Arrow”), Resolution Chemicals Limited, Generics [UK] Limited, Merck KGaA, u Ranbaxy (UK) Limited u Ranbaxy Laboratories Limited (“Ranbaxy”).

(4)  Fl-opinjoni tiegħi s-sitwazzjoni f’dan il-każ kienet simili għas-sitwazzjoni deskritta fil-Premessa 15 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kienet tiġġustifika deċiżjoni ta’ sospensjoni simili.

(5)  Alpharma qajmet dan il-punt għal darb’ oħra miegħi f’ittra sottomessa fit-3 ta’ Ġunju 2013.

(6)  Kawża T-228/97 Irish Sugar v Commission [1999] Ġabra II-02969, paragrafu 278.

(7)  Il-Kawża T-99/04 AC-Treuhand AG v Commission, [2008] Ġabra II-1501, paragrafu 58.

(8)  Il-Kawża T-587/08 Fresh del Monte Produce Inc. v Commission, [2013] li għadha mhux rappurtata, paragrafi 683 u 684.

(9)  Il-Kawża C-105/04 P Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied v Commission (FEG) [2006] Ġabra I-08725, paragrafi 56 sa 60.

(10)  Il-Kawża T-240/07 Heineken Nederland BV and Heineken NV v Commission, [2011] Ġabra II-03355, paragrafi 290 u 291.

(11)  Ara l-Kawża T-111/08 MasterCard Inc. and others v Commission [2012] li għadha mhux rappurtata, paragrafu 268.

(12)  Ara l-Kawża T-23/99, LR AF 1998 A/S, formerly Løgstør Rør A/S v Commission [2002] Ġabra II-1705, paragrafi 190 u 193; Ara wkoll il-Kawżi Konġunti T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Tokai Carbon and Others v Commission [2004] Ġabra II-1181, paragrafu 45; u l-Kawża T-340/03 France Télécom SA v Commission [2007] Ġabra II-107, paragrafu 30.

(13)  MasterCard Inc. and others v Commission, ikkwotata aktar ‘il fuq, paragrafu 273.

(14)  LR AF 1998 A/S, imsemmija hawn fuq, paragrafu 191; Ara wkoll il-Kawża T-353/06 Vermeer Infrastructuur BV v Commission, [2012] li għadha mhux rappurtata, paragrafu 182.

(15)  Is-sitwazzjoni hawnhekk, fejn ir-rabta bejn IF u d-DO mhux faċli tiftiehem, fil-fehma tiegħi hija simili għas-sitwazzjoni li kienet ikkonfrontata biha l-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-11/89 Shell v Commission [1992] Ġabra 11-757, paragrafi 56 u 62; Ara wkoll il-Kawżi Konġunti T-191/98 u T-212/98 sa T-214/98, Atlantic Container Line AB and others v Commission, [2003] Ġabra II-03275, paragrafu 162; u l-Kawża T-13/89 ICI v Commission [1992] Ġabra II-1021, paragrafu 35. Għaldaqstant, it-test applikat għal din is-sitwazzjoni tal-aħħar għandu jgħodd ukoll hawnhekk.

(16)  Peress li Lundbeck ippreżentat l-ilment dettaljat fi stadju tassew avvanzat tal-proċediment, nista’ biss nittrattah fil-qosor.

(17)  Il-Kawża T-31/99 ABB Asea Brown Boveri v Commission [2002] Ġabra II-1881, paragrafu 99.

(18)  Il-Kawża T-439/07 Coats Holdings Ltd. v Commission, [2012] li għadha mhux rappurtata, paragrafi 174 u 175.

(19)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Aħjar Prattiki għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU C 308, 20.10.2011, p. 6), il-paragrafi 68 u 69.

(20)  Peress li Alpharma rreferietli għadd ta’ kwistjonijiet u ppreżentatli lment komprensiv u dettaljat ħafna fi stadju tassew avvanzat tal-proċediment, nista’ biss nittrattah fil-qosor.