15.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 417/17 |
Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)
(2015/C 417/03)
Il-kapital uman u soċjali taż-żgħażagħ huwa wieħed mill-ikbar assi li għandha l-Ewropa għall-ġejjieni. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jinvestu fil-potenzjal li d-90 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej jirrappreżentaw rigward ħiliet, kreattività u diversità.
Il-kriżi ekonomika tat daqqa ta' ħarta kbira liż-żgħażagħ. Żiedet id-diskrepanza bejn dawk b'iktar opportunitajiet u dawk b'inqas. Kulma jmur, uħud miż-żgħażagħ qegħdin jiġu esklużi mill-ħajja soċjali u ċivika. Agħar minn hekk, xi żgħażagħ qegħdin jissograw li jitilfu l-interess, li jisfaw emarġinati jew saħansitra li jaqgħu għar-radikalizzazzjoni vjolenti.
Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri komplew jaħdmu flimkien fil-perjodu mill-2013 sal-2015, sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tagħhom. Quddiem id-diskrepanza soċjoekonomika li qiegħda tiżdied, il-politika trid tkompli tindirizza l-problemi soċjali kbar li qegħdin jiffaċċjaw bosta żgħażagħ. Jeħtieġ li jiġu identifikati soluzzjonijiet sostenibbli kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni vjolenti. Dan jeħtieġ iżjed kooperazzjoni sistematika f'firxa ta' politiki fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, fosthom l-impjieg, l-edukazzjoni, it-taħriġ, in-nondiskriminazzjoni, il-politika soċjali, iċ-ċittadinanza (inkluża ċ-ċittadinanza tal-Unjoni) u ż-żgħażagħ, iżda anke l-kultura, l-isport u s-saħħa.
Mill-2016 sal-2018, il-qafas ta' kooperazzjoni għaż-żgħażagħ (1) għandu jimmira biex tingħata s-setgħa liż-żgħażagħ b'diversità li kulma jmur dejjem tiżdied, speċjalment dawk li qegħdin jissograw l-esklużjoni. Dan għandu jgħinhom isibu impjiegi ta' kwalità u jipparteċipaw fil-ħajja soċjali. Il-finanzjament tal-UE bil-programm Erasmus+ se jimxi id f'id mal-kooperazzjoni fil-politika dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, l-attivitajiet volontarji u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika. Strumenti oħra, fosthom il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), se jipprovdu finanzjament immirat għall-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u għall-iżvilupp tal-kapital uman tagħhom.
1. Introduzzjoni
L-UE tappoġġa l-impjieg, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, speċjalment bl-aġenda tagħha għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, bl-istrateġija Ewropa 2020 u permezz tal-fondi tal-UE, fosthom l-Erasmus+, il-FSE u l-YEI.
Barra minn hekk, l-UE tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri permezz ta' qafas ta' kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ f'konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-TFUE. Il-qafas ta' kooperazzjoni jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex:
— |
joħolqu iżjed opportunitajiet u opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol; u |
— |
jippromwovu ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha. |
Permezz ta' azzjonijiet li jinkludu l-ġbir ta' evidenza, it-tagħlim reċiproku u d-djalogu maż-żgħażagħ, il-qafas jappoġġa l-azzjoni fi tmien oqsma: l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-imprenditorija, is-saħħa u l-benesseri, il-parteċipazzjoni, l-attivitajiet volontarji, l-inklużjoni soċjali, iż-żgħażagħ u d-dinja, u l-kreattività u l-kultura.
Dan ir-rapport jevalwa l-progress li sar biex jintlaħqu l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-qafas ta' kooperazzjoni fil-perjodu mill-2013 sal-2015, abbażi ta' valutazzjoni tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u ta' miżuri ta' politika li ttieħdu fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.
2. Iż-Żgħażagħ Ewropej illum (2)
Mill-2013, l-effetti tal-kriżi komplew jinħassu bil-kbir miż-żgħażagħ. It-tranżizzjoni mit-tfulija għall-ħajja adulta saret iktar kumplessa u individwalizzata, xejra li żdiedet ġmielha mill-2008 'l hawn. Din it-tranżizzjoni hija kkaratterizzata minn bidliet ewlenin — mill-edukazzjoni għax-xogħol, mid-dipendenza finanzjarja għall-ġestjoni finanzjarja proprja — u minn ħtieġa li tinkiseb l-awtonomija, li tesponi ż-żgħażagħ għal kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jvarjaw. Il-politiki għandhom jakkumpanjaw liż-żgħażagħ f'dan il-vjaġġ u jgħinuhom iwettqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Id-data ta' hawn taħt tagħti idea tas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u d-29 sena (3).
Din il-ġenerazzjoni ta' żgħażagħ għandha edukazzjoni aħjar minn kwalunkwe ġenerazzjoni oħra …
L-indikaturi dwar l-edukazzjoni juru xejriet pożittivi. Minkejja li għad hemm diverġenzi konsiderevoli madwar l-UE, issal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien qiegħed jonqos (4).
Ir-rati ta' ksib tal-edukazzjoni għolja tjiebu minn 33,8 % fl-2010 għal 37,9 % fl-2014 (5). Anke jekk ir-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet għal dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, xorta waħda din tibqa' ferm iżjed baxxa minn ta' dawk bl-inqas livell ta' edukazzjoni. Madankollu, dawn il-gruppi jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom man-nuqqas ta' biżżejjed impjieg u li jkunu kkwalifikati ż-żejjed għall-opportunitajiet li jkun hemm fis-suq tax-xogħol.
Bosta żgħażagħ jibnu netwerks soċjali li jgħaqqdu flimkien il-konnettività globali mal-għeruq lokali: Fl-2014, 82 % pparteċipaw f'netwerks soċjali fuq l-Internet. Iż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f'għamliet ġodda ta' parteċipazzjoni politika, ta' sikwit billi jużaw il-midja soċjali, iżda għandhom it-tendenza li jivvutaw inqas mill-ġenerazzjonijiet imdaħħlin iktar fiż-żmien. Xorta waħda, ħafna jibqgħu membri attivi tal-komunità lokali tagħhom; fl-2014, madwar wieħed minn kull tnejn kienu jiffurmaw parti minn tal-inqas organizzazzjoni waħda; wieħed minn kull erbgħa jipparteċipa fil-volontarjat (6). Din l-istampa differenzjata tal-involviment taż-żgħażagħ tixħet dubji fuq kif jinftiehem il-kunċett taċ-ċittadinanza llum il-ġurnata.
… iżda l-kriżi ħolqot diviżjonijiet ġodda
Bosta żgħażagħ isibuha diffiċli biex isibu impjiegi ta' kwalità u dan ixekkilhom ferm fi triqthom lejn l-indipendenza. Minkejja li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kien hemm tnaqqis mill-eqqel livell fl-2013, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' problema serja: 8.7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ma jistgħux isibu xogħol (7) u l-proporzjon ta' dawk li qegħdin jiffaċċjaw qgħad fit-tul jew xogħol part-time involontarju għadu għoli.
B'kollox, 13,7 miljun żagħżugħ u żagħżugħa la huma impjegati u lanqas qegħdin jitgħallmu jew jitħarrġu (NEETs) (7). Qrib is-27 miljun ruħ qegħdin jissograw il-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Ir-rati tal-faqar huma ogħla fost iż-żgħażagħ milli għall-popolazzjoni ġenerali u x-xogħol part-time involontarju jew il-kuntratti temporanji għal żmien twil jesponu din il-ġenerazzjoni għal riskju ta' faqar fit-tul (8).
In-nuqqas ta' attività, il-faqar u l-esklużjoni ma jaffettwawx b'mod indaqs. Dawk li jibdew il-ħajja b'inqas opportunitajiet għandhom it-tendenza li jakkumulaw iż-żvantaġġi. Iż-żgħażagħ minn sfond ta' migrazzjoni, dawk li ma tantx jiksbu livell għoli ta' edukazzjoni jew iż-żgħażagħ bi problemi ta' saħħa, għandhom iżjed probabbiltà li jsiru NEETs (9). Il-qgħad fost iż-żgħażagħ li twieldu fil-pajjiż u li għandhom ġenituri immigranti huwa kważi 50 % ogħla minn ta' fost żgħażagħ oħra fl-UE (10).
Id-diskrepanza qiegħda tikber bejn minn banda, dawk iż-żgħażagħ li jistudjaw, huma fiduċjużi li jsibu impjieg u jinvolvu ruħhom fil-ħajja soċjali, ċivika u kulturali u mill-banda l-oħra, dawk li ftit li xejn ikollhom tama ta' ħajja sodisfaċenti u li jissograw l-esklużjoni u l-emarġinazzjoni.
Dawn id-diskrepanzi qegħdin jheddu li jimminaw in-nisġa soċjali u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli fit-tul (11). It-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa jagħmilha saħansitra iktar meħtieġ u urġenti li jiġu integrati ż-żgħażagħ kollha (filwaqt li tkun irrispettata d-diversità tagħhom).
Iż-żgħażagħ li jkunu fuq in-naħa l-ħażina ta' din id-diskrepanza jsibuha diffiċli biex jesprimu l-fehma politika tagħhom. Inqas ma jkunu mgħallma dwar attivitajiet soċjali jew inqas ma jkunu involuti fihom, inqas ma jieħdu sehem fil-votazzjoni, fil-volontarjat jew fl-attivitajiet kulturali (12). Pereżempju, in-NEETs ikollhom inqas fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-attivitajiet soċjali u ċiviċi u ma jipparteċipawx daqs il-pari tagħhom.
L-ebda politika waħidha ma hija s-soluzzjoni, iżda l-politiki kollha jistgħu jgħinu
Iż-żgħażagħ kollha jistħoqqilhom opportunitajiet ġusti u indaqs, iżda dan jirrikjedi investiment fit-tul. Fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jimmobilizzaw il-politiki kollha li jistgħu jgħinu biex jitjiebu l-prospetti taż-żgħażagħ.
Sabiex is-sinjali reċenti ta' rkupru jissarrfu fi tkabbir sostenibbli u dejjiemi, l-UE ħadet azzjoni biex jiġu xprunati l-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, inklużi l-isforzi biex iż-żgħażagħ jiġu mgħejuna biex jerġgħu jkollhom impjiegi ta' kwalità. L-UE u l-Istati Membri jistgħu jibnu l-isforzi tagħhom fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ (13), fuq il-Fond Soċjali Ewropew u fuq il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa.
L-impjiegi huma kruċjali iżda mhux dejjem ikunu biżżejjed biex tiġi żgurata inklużjoni sħiħa. L-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jagħtu liż-żgħażagħ il-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol u jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-inugwaljanzi u biex tiġi promossa mobbiltà għall-aħjar. L-isfida urġenti għall-edukazzjoni u għat-taħriġ fl-UE kollha hija li jkun hemm investiment u mmodernizzar malajr biżżejjed biex jitwettaq dan il-potenzjal (14). Il-politika dwar iż-żgħażagħ, lil hinn mill-iskejjel, tista' tgħin ukoll liż-żgħażagħ biex ikollhom taħlita tajba ta' ħiliet u biex ikunu ppreparati għall-ħajja u għax-xogħol.
Iż-żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jikbru f'komunitajiet inklużivi u pluralisti, li jkunu bbażati fuq il-valuri demokratiċi Ewropej, fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali. Sabiex jiġu ssalvagwardjati t-tolleranza, d-diversità u r-rispett reċiproku, l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà tinvolvi azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin mnejn tinbet il-vjolenza estremista u biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, inkluż billi jiġu promossi l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ (15). L-attakki terroristiċi ta' din is-sena, li twettqu f'Pariġi u f'Kopenħagen, wasslu urġenza ġdida għal dawn l-isfidi kumplessi. F'dikjarazzjoni adottata f'Pariġi f'Marzu tal-2015, il-Kummissjoni u l-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE impenjaw ruħhom li jieħdu aktar azzjoni sabiex jitħarsu l-valuri Ewropej.
3. L-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri mill-2013 sal-2015 (16)
3.1. Azzjoni tal-UE: l-impjegabbiltà, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni
L-azzjoni fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE
L-impjieg taż-żgħażagħ u l-impjegabbiltà baqgħu prijoritajiet ewlenin matul il-perjodu mill-2013 sal-2015.
Sabiex jitjiebu l-eżiti fl-edukazzjoni, l-Istati Membri ħadu azzjoni fil-qafas tas-Semestru Ewropew biex jitnaqqas il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien u biex jiġi promoss il-ksib tal-edukazzjoni għolja sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020. L-isforzi tagħhom kienu mirfuda mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, kif ukoll mill-programm Erasmus+. Mill-2012 'il hawn, wara Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, l-Istati Membri bdew jintroduċu miżuri biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minn dak li jitgħallmu barra mill-edukazzjoni formali.
L-UE u l-Istati Membri ħadu l-impenn li jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol. Fl-2013, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet introdotta bħala qafas strutturali biex iż-żgħażagħ jiġu offruti impjieg, apprendistat, skema ta' taħriġ jew tkomplija tal-edukazzjoni fi żmien erba' xhur minn meta jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jew minn meta jsiru qiegħda. Il-FSE u l-YEI warrbu minn tal-inqas EUR 12,7 biljun għall-attivazzjoni u għall-impjieg taż-żgħażagħ. Mill-2014 sal-2020, se jintefqu madwar EUR 27 biljun ta' finanzjament tal-FSE għal miżuri fil-qasam tal-edukazzjoni. Indirettament, iż-żgħażagħ se jgawdu wkoll minn finanzjament tal-FSE ta' madwar EUR 11-il biljun għal inizjattivi oħra bħall-immodernizzar tas-servizzi tal-impjieg jew bħall-appoġġ biex iż-żgħażagħ jaħdmu għal rashom. L-azzjonijiet fil-qafas tal-YEI huma mistennija jkattru l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet u servizzi differenti sabiex in-NEETs speċjalment jiġu megħjuna b'mod integrat.
Mill-2013 'il hawn, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati kisbet l-appoġġ mis-settur privat, filwaqt li mill-2014 'il hawn, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għall-Iskemi ta' Taħriġ (17) timmira li tiffaċilita t-tagħlim ta' kwalità u l-kundizzjonijiet ġusti tax-xogħol. Il-Kummissjoni tejbet it-tagħrif għaż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu impjieg, permezz tas-sistema tal-EURES għall-qsim tat-tagħrif dwar l-offerti ta' impjieg, u nediet l-inizjattiva “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” biex tgħin liż-żgħażagħ isibu impjieg barra minn pajjiżhom.
Apparti l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, l-Istati Membri impenjaw ruħhom sabiex jiżdiedu l-isforzi għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha fis-soċjetà. Bis-saħħa ta' azzjonijiet fosthom il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni qanqlet lis-soċjetà ċivili biex taħdem għall-inklużjoni, għaċ-ċittadinanza u għad-djalogu interkulturali. Dawn l-oqsma kollha se jgawdu minn iżjed finanzjament mill-Erasmus+. Dawn l-isforzi jimxu id f'id mal-ħidma tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni li huwa ffinanzjat mill-UE u li jisħaq fuq ir-rwol ta' prevenzjoni li għandha l-edukazzjoni u fuq it-tagħlim tal-ħsieb kritiku u tal-valuri demokratiċi fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ilha tisħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jaħsbu b'mod kritiku dwar il-messaġġi estremisti (18) u tenfasizza l-potenzjal ta' Erasmus+ biex jiġu appoġġati l-mobbiltà tat-tagħlim u s-sħubijiet bejn il-partijiet ikkonċernati, li fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiżviluppaw reżiljenza għal fehmiet estremisti (19).
L-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ
Il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE ffukat fuq l-inklużjoni soċjali u fuq l-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ, inkluż l-aċċess għad-drittijiet u għall-parteċipazzjoni politika. Il-Kunsill appella għal kontribuzzjoni akbar min-naħa tal-politika dwar iż-żgħażagħ għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u kkonferma li biħsiebu jinkludi aħjar lin-NEETs u jippromwovi l-imprenditorija fost iż-żgħażagħ.
Mill-2013 'il hawn, il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ kienet ta' importanza kbira fl-aġenda tal-UE dwar iż-żgħażagħ. Studju tal-Kummissjoni wera l-valur tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ stess f'aspetti differenti ta' ħajjithom (20) u fl-2015, it-Tieni Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ identifikat l-iżjed sfidi urġenti u appellat għal Aġenda Ewropea dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. (21) Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ, fid-dawl tar-riżultati tal-istudji rilevanti u l-ħidma tal-grupp ta' esperti.
Fid-dawl tat-tħassib dwar l-irtirar taż-żgħażagħ mill-forom tradizzjonali ta' parteċipazzjoni, il-Kummissjoni ġabret evidenza (22) li turi li xorta għadhom ħerqana li jipparteċipaw, iżda qegħdin jitolbu għal iktar mezzi ta' parteċipazzjoni u għal mezzi differenti. L-isfida għal dawk li jfasslu l-politika se tkun li jsibu l-aħjar mod kif jistgħu jwieġbu għal din it-talba. Ir-Riżoluzzjoni tal-2015 tal-Kunsill dwar l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa tipprovdi qafas biex tingħata tweġiba għal din l-isfida.
Mill-politika għall-bidla fil-prattika: Erasmus+
Fl-2014, l-UE nediet il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. B'baġit ta' EUR 14,7-il biljun għall-perjodu sal-2020, Erasmus+ jappoġġa l-mobbiltà għat-tagħlim ta' żgħażagħ u edukaturi li jlaħħqu l-erba' miljuni, li minnu 10 % tal-baġit huwa rriżervat għal attivitajiet taż-żgħażagħ; huwa stmat li jiġu ffinanzjati 400 000 parteċipant fi skambji bejn iż-żgħażagħ u 100 000 parteċipant fis-Servizz Volontarju Ewropew (SVE). Dan jirrappreżenta żieda ta' 80 % meta mqabbel mal-finanzjament tal-programm preċedenti Żgħażagħ fl-Azzjoni.
Meta mqabbel ma' qabel, l-Erasmus+ qiegħed joħloq rabta aħjar bejn il-politika u l-programm. Il-programm jiffinanzja sħubijiet strateġiċi bejn il-fornituri tal-edukazzjoni u jqanqal il-kooperazzjoni transsettorjali. Il-Youthpass (23) kompliet tappoġġa r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u dak informali: Minn mindu nbdiet tintuża din l-għodda, l-Aġenziji Nazzjonali għaż-żgħażagħ ħarġu kważi 250 000 ċertifikat. Sabiex jitwessa' l-impatt tal-Youthpass, il-Kunsill ippropona li jiġi introdott u li jiġi appoġġat l-użu ta' għodod nazzjonali ta' rikonoxximent ispirati minnha.
It-twessigħ tal-komunikazzjoni
Permezz ta' għodod fuq l-Internet kif ukoll mhux fuq l-Internet, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tgħarraf liż-żgħażagħ dwar l-opportunitajiet offruti mill-politiki u mill-programmi tal-UE. Iżjed importanti minn hekk, il-Kummissjoni fittxet li tagħti widen għall-opinjonijiet u għall-ideat tagħhom. B'1,5 miljun viżitatur differenti fl-2014, il-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ sar is-sies ta' dawn l-attivitajiet, billi jirreklama opportunitajiet ta' volontarjat transfruntier u jagħti aċċess għat-tagħrif tal-EURES dwar offerti ta' impjieg u ta' skemi ta' taħriġ. Fl-2015, il-Kummissjoni ġabret l-ideat mingħand iż-żgħażagħ fil-“Laboratorji tal-Ideat” matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ, li b'mod ġenerali laħqu 137 000 ruħ fl-avvenimenti u 1,2 miljun ruħ permezz tal-midja soċjali.
Il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb id-disinn u l-funzjonalità tal-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ u ta' pjattaformi oħra fuq l-Internet. Il-Kummissjoni se taħdem iżjed mill-qrib ma' netwerks f'kuntatt dirett maż-żgħażagħ, fosthom in-netwerk Eurodesk li għandu 1 200 speċjalista tal-informazzjoni.
3.2. L-azzjoni mill-Istati Membri
Kulma jmur l-Istati Membri qegħdin iwettqu politiki trasversali dwar iż-żgħażagħ, bl-impjieg u l-inklużjoni soċjali u ċivika fil-qalba tat-tħassib ewlieni. L-Istati Membri ħadu bosta miżuri biex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-suq tax-xogħol, ta' sikwit bħala parti mill-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u appoġġati minn fondi tal-UE li jingħataw fil-qafas tal-FSE u tal-YEI. Barra minn hekk, fl-2014, twettaq 18-il proġett pilota fuq skala żgħira bl-appoġġ dirett tal-Kummissjoni. L-Istati Membri kollha ressqu l-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom jiġi vvalutat fi ħdan is-Semestru Ewropew. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri involvew l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, u żewġ terzi tal-Istati Membri involvew is-servizzi taż-żgħażagħ fis-sħubijiet li ġew stabbiliti fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.
Bħala tweġiba għat-tħassib dwar iż-żieda tal-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, kważi l-Istati Membri kollha ħadu miżuri sabiex iżidu l-inklużjoni tan-NEETs. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu l-impenn li jitjieb l-aċċess taż-żgħażagħ għal servizzi ta' kwalità u 80 % tal-Istati Membri appoġġaw il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u ċ-ċentri taż-żgħażagħ. Madankollu, il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ ġarrbet tnaqqis fil-baġits madwar l-Ewropa (24), filwaqt li l-ammont dejjem jikber ta' żgħażagħ li qegħdin jissograw il-faqar u l-esklużjoni jżid id-domanda għal intervent.
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni, 27 Stat Membru żviluppaw mekkaniżmi għad-djalogu maż-żgħażagħ; 25 Stat Membru pprovdew appoġġ pubbliku lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u żewġ terzi tal-Istati Membri ppromwovew l-użu tal-midja fuq l-Internet u pprovdew iżjed opportunitajiet għal dibattitu. Minkejja li l-Istati Membri fittxew li jinvolvu ż-żgħażagħ mill-firxa soċjoekonomika kollha kemm hi, minħabba l-parteċipazzjoni iktar baxxa b'mod persistenti fost xi gruppi, dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għad jistgħu jagħmlu iktar biex jinvolvu lill-gruppi li mhumiex irrappreżentati biżżejjed.
4. Il-governanza u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni dwar iż-żgħażagħ mill-2013 sal-2015
Ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni jipprovdu bażi soda li minnha tista' tissokta l-kooperazzjoni dwar iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE. Appoġġat minn evidenza u minn skambji tal-esperjenzi rilevanti, il-qafas għen biex imexxi 'l quddiem l-aġendi nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni transsettorjali b'appoġġ għaż-żgħażagħ.
Sabiex l-implimentazzjoni tal-qafas tkun iżjed effettiva, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-qsim ta' data rilevanti u ta' evidenza oħra li mhux parti mill-qasam taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, jistgħu jużawhom bħala bażi għal politiki dwar iż-żgħażagħ li jkunu iżjed orjentati lejn ir-riżultati. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jagħtu l-appoġġ tagħhom biex it-tħassib dwar iż-żgħażagħ jiġi kkunsidrat f'politiki oħra. Fil-livell tal-UE, it-tagħlim reċiproku jista' jiġi ddiversifikat, pereżempju billi jinħolqu iżjed opportunitajiet ta' tagħlim bejn il-pari, li jkunu mfassla apposta skont il-ħtiġijiet differenti tal-Istati Membri. Id-Djalogu Strutturat maż-żgħażagħ għandu jsir iktar inklużiv.
L-attivitajiet u l-istrumenti ewlenin huma analizzati fid-dettall hawn taħt.
Qafas li jistabbilixxi l-aġenda
Il-qafas ta spinta kbira lill-aġendi nazzjonali dwar iż-żgħażagħ. Mill-2010 'l hawn, kważi l-Istati Membri kollha introduċew inizjattivi jew għodod f'dan il-qasam. F'żewġ terzi tal-Istati Membri, il-qafas saħħaħ mill-ġdid il-prijoritajiet tal-politika nazzjonali dwar iż-żgħażagħ u f'terz tal-Istati Membri influwenza l-livell lokali u reġjonali. 11-il Stat Membru orjentaw mill-ġdid il-politika nazzjonali tagħhom dwar iż-żgħażagħ f'konformità mal-qafas.
Il-qafas ħeġġeġ il-kooperazzjoni transsettorjali. Kważi l-Istati Membri kollha għandhom mekkaniżmi istituzzjonalizzati biex jiġi żgurat approċċ transsettorjali għall-politika dwar iż-żgħażagħ, fosthom strutturi interdipartimentali u laqgħat interministerjali regolari.
L-ewwel Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ (mill-2014 sal-2015) tal-Kunsill kellu l-għan li jixpruna l-implimentazzjoni tal-qafas, u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ħadu sehem fl-attivitajiet tiegħu. 23 Stat Membru ħassew li l-Pjan ta' Ħidma rnexxielu jilħaq l-għan tiegħu u li kien jirrifletti sew il-prijoritajiet nazzjonali, iżda wħud wissew li kien hemm riskju ta' approċċi mhux koerenti jew paralleli għall-qafas ta' disa' snin.
It-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza: l-iżviluppi kwantitattivi u kwalitattivi
Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE titkejjel b'mod regolari abbażi ta' sensiela ta' 41 indikatur dwar il-kundizzjonijiet li qegħdin jaffettwaw liż-żgħażagħ (25). Kulma jmur l-Istati Membri qegħdin jużaw dawn l-indikaturi, anki jekk dan għadu ma wassalx politiki sistematiċi dwar iż-żgħażagħ orjentati lejn ir-riżultati.
L-indikaturi u evidenza oħra ġejja mill-Eurostat, mill-Eurofound u mis-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa, partikolarment mill-analiżi mir-Riżerva ta' Riċerkaturi Żgħażagħ Ewropej (PEYR), ser jgħinu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw xejriet ġodda u biex jadattaw il-prijoritajiet skonthom.
Hemm bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu din l-evidenza ma' oħrajn li jaħdmu maż-żgħażagħ, lil hinn mill-qasam tal-politika dwar iż-żgħażagħ. Fil-livell tal-UE, il-monitoraġġ il-ġdid taż-żgħażagħ (26) jipprovdi aċċess għad-data fuq l-Internet li jkun faċli għall-utent. Mill-2016, wiki ġdid taż-żgħażagħ se jipprovdi tagħrif aġġornat dwar il-politiki, il-leġiżlazzjoni u l-programmi nazzjonali fil-qasam taż-żgħażagħ. Dan se jkun akkumpanjat minn Qafas ta' Indikaturi għall-Monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li l-ewwel data tiegħu tkun mistennija għall-aħħar tal-2015.
It-tagħlim reċiproku: skambju tal-esperjenza
L-Istati Membri tgħallmu minn xulxin, l-ewwel nett billi pparteċipaw fil-gruppi ta' esperti. Bejn l-2013 u l-2015, l-esperti indirizzaw modi kif jiġi appoġġat il-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ, il-kontribut tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ għall-isfidi taż-żgħażagħ matul il-kriżi, u l-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ. Is-sejbiet taw kontribut lil ħidma fil-Kunsill kif ukoll lil diskussjonijiet fil-Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ (27). Ir-rapport tal-2015 dwar il-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ (28) nebbaħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ biex jiġu żgurati soċjetajiet koeżivi (29), li appellaw għal għodda ta' referenza u ta' gwida dwar il-kwalità għall-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.
L-Istati Membri tgħallmu wkoll minn xulxin permezz ta' attivitajiet organizzati fi sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa; gruppi iżgħar ta' Stati Membri organizzaw skambji speċifiċi dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom il-ħidma lokali fil-qasam taż-żgħażagħ.
Biex jagħmel l-aħjar użu tad-diversi attivitajiet ta' tagħlim reċiproku, il-pjan ta' ħidma li jmiss għandu jinkludi l-iżvilupp ta' qafas flessibbli biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni u għar-riżultati tal-attivitajiet. Għandu jħeġġeġ ukoll l-użu tar-riżultati u għandu jgħin biex ilaqqa' msieħba b'interessi komuni.
Djalogu Strutturat: tiżdied il-komunikazzjoni u jissejjes id-djalogu fl-aġenda ta' politika
Id-Djalogu Strutturat tal-UE bejn dawk li jfasslu l-politika, iż-żgħażagħ u r-rappreżentanti tagħhom ġeneralment jitqies bħala għodda tajba biex iż-żgħażagħ jingħataw widen. L-ewwel ċiklu tiegħu ta' 18-il xahar, li ntemm fl-2011, għen biex jissawru l-inizjattivi sussegwenti tal-UE dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ. Bejn l-2013 u l-2015, id-Djalogu indirizza l-inklużjoni soċjali u l-għoti ta' setgħa liż-żgħażagħ u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ġew indirizzati sussegwentement fil-Kunsill.
Id-Djalogu Strutturat evolva mill-2013 'il hawn u huwa msejjes aħjar fl-aġenda tal-politika dwar iż-żgħażagħ. In-numru ta' parteċipanti żdied b'iktar mid-doppju u madwar 40 000 żagħżugħ u żagħżugħa wieġbu fl-aħħar ċiklu, ħafna minnhom f'isem gruppi akbar. Barra minn hekk, qegħdin jibdew jitnebbħu u jitfaċċaw proċessi nazzjonali ta' djalogu.
Id-Djalogu Strutturat għadu jrid jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu: Għadu ma jirnexxielux jilħaq grupp usa' ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet u b'leħen politiku iżjed dgħajjef. Il-Kummissjoni tħeġġeġ iktar komunikazzjoni bis-saħħa tal-għotjiet finanzjarji tal-Erasmus+ li jappoġġaw l-isforzi nazzjonali u permezz tal-għodda ta' konsultazzjoni fuq l-Internet li ġiet imnedija fl-2014. Sfida oħra hija l-monitoraġġ tal-użu tar-riżultati tad-Djalogu fil-politika nazzjonali u tal-UE. Fl-aħħar nett, fl-interess tar-responsabbiltà u sabiex iż-żgħażagħ jiġu mmotivati li jibqgħu involuti, dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għandhom jipprovdu tagħrif aħjar dwar it-tweġibiet tagħhom permezz tal-Portal Ewropew dwar iż-Żgħażagħ u tal-gruppi nazzjonali ta' ħidma. Is-sejbiet tar-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ għall-2015 u tal-evalwazzjoni interim li għaddejja bħalissa tal-qafas ta' kooperazzjoni tal-UE għaż-żgħażagħ jistgħu jnebbħu t-titjib tad-Djalogu Strutturat fil-ġejjieni.
5. It-triq 'il quddiem għall-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE (mill-2016 sal-2018)
Opportunitajiet indaqs ta' edukazzjoni, ta' impjieg u ta' parteċipazzjoni fil-komunitajiet inklużivi
Abbażi tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, ir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas, id-data u l-evidenza miġbura, u ċ-ċiklu ta' ħidma għall-ġejjieni tal-qafas ta' kooperazzjoni għandhom jipprijoritizzaw:
— |
aktar inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, b'kont meħud tal-valuri Ewropej sottostanti; |
— |
sehem akbar taż-żgħażagħ kollha fil-ħajja demokratika u ċivika fl-Ewropa; |
— |
tranżizzjoni eħfef taż-żgħażagħ miż-żgħożija għall-ħajja adulta, partikolarment l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. |
Fir-rigward ta' dawn il-prijoritajiet, u filwaqt li l-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandha tiġi indirizzata lejn iż-żgħażagħ kollha, għandha ssir enfasi partikolari fuq il-gruppi li ġejjin:
— |
Żgħażagħ li jissograw li jisfaw emarġinati |
— |
Żgħażagħ li la qegħdin jaħdmu, la fl-edukazzjoni u lanqas f'taħriġ (NEET) |
— |
Żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migranti, fosthom immigranti li jkunu għadhom kif waslu u refuġjati żgħażagħ. |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jieħdu azzjoni f'dawn l-oqsma, inkluż permezz tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ, l-istrumenti tal-qafas u permezz tal-kooperazzjoni ma' politiki oħra, kif jixraq, għall-promozzjoni:
— |
tal-inklużjoni soċjali u tal-prattiki ta' komunikazzjoni biex jintlaħqu ż-żgħażagħ minn ambjenti diversi, speċjalment dawk li jbatu minn żvantaġġi, biex jiġi żgurat is-sehem sħiħ tagħhom fl-attivitajiet soċjali u ċiviċi; |
— |
tal-kapaċità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, tal-organizzazzjonijiet u tan-netwerks taż-żgħażagħ li jaġixxu bħala forzi ta' inklużjoni billi jgħinu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom, jagħmlu volontarjat u jixprunaw il-bidla soċjali pożittiva fil-komunitajiet; |
— |
tar-rikonoxximent tal-ħidma ta' kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ, billi tinbena l-kapaċità ta' komunikazzjoni u ta' reazzjoni għall-bidliet emerġenti tas-soċjetà, tal-imġiba u tat-teknoloġija; |
— |
tal-forom ġodda ta' parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi u tal-aċċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi permezz tal-għodod fuq l-Internet kif ukoll mhux fuq l-Internet; |
— |
tad-domanda dejjem tevolvi għall-ħiliet, fosthom iċ-ċittadinanza, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku u l-fehim interkulturali; |
— |
l-aċċess taż-żgħażagħ għad-drittijiet fundamentali tagħhom u l-prattika tan-nondiskriminazzjoni u l-fehim interkulturali; u |
— |
tal-volontarjat, inkluż permezz ta' programmi tal-UE bħas-SVE u l-Inizjattiva l-ġdida tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, bħala mod li jgħaqqad flimkien it-tagħlim u l-involviment ċiviku (30); ta' iżjed komplementarjetà bejn l-atturi nazzjonali u internazzjonali biex jiżdied il-volontarjat transfruntier u biex il-volontarjat nazzjonali jintrabat aħjar mas-SVE. |
Sabiex jirrifletti dawn il-prijoritajiet, id-Djalogu Strutturat tal-UE maż-żgħażagħ għandu jippromwovi l-inklużjoni taż-żgħażagħ kollha f'soċjetajiet tolleranti, diversi u demokratiċi. Id-Djalogu li jmiss irid jilħaq udjenza ferm usa' ta' gruppi ta' żgħażagħ, speċjalment lil dawk li ma kinux involuti fid-Djalogu sa issa, fost l-oħrajn permezz ta' għodod inqas eżiġenti ta' involviment li jkunu mfassla apposta skont il-ħtiġijiet u d-drawwiet taż-żgħażagħ.
Il-politika dwar iż-żgħażagħ fi ħdan aġenda usa' tal-UE
Il-politika dwar iż-żgħażagħ ma tistax taħdem f'iżolament. Huma essenzjali l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà ma' politiki bħax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa u l-benesseri, il-kultura, il-midja diġitali, l-iżvilupp sostenibbli, iċ-ċittadinanza u l-isport.
Il-qafas ta' kooperazzjoni jista' jirfed din il-kooperazzjoni permezz tal-mekkaniżmi tiegħu. Bil-Pjan ta' Ħidma tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw u jirfinaw iżjed l-istrutturi u l-metodi ta' ħidma transsettorjali. Dan jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali fil-qasam taż-żgħażagħ: il-ħolqien ta' iżjed opportunitajiet u ta' opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva, tal-inklużjoni soċjali u tas-solidarjetà taż-żgħażagħ kollha.
Il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ għandha tkun parti minn aġenda politika usa' għaż-żgħażagħ. Sabiex ikun hemm impatt reali, dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jridu jaħdmu flimkien mal-prattikanti tal-qasam, mal-fornituri tas-servizzi, mal-edukaturi u man-negozji fuq il-post biex b'hekk jimmobilizzaw ir-riżorsi u l-fondi sabiex tintlaħaq massa kritika ta' żgħażagħ. Dawn għandhom jimmiraw li jwasslu soluzzjonijiet innovattivi għall-fenomeni kumplessi tal-emarġinazzjoni, tal-esklużjoni soċjali u tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni.
Fl-aħħar nett, hemm bżonn urġenti li jiżdiedu l-isforzi. Sabiex iżjed żgħażagħ jiġu offruti l-prospettiva ġenwina li jsiru membri sħaħ u involuti tal-komunitajiet tagħhom, jeħtieġ li jkun hemm approċċ komprensiv li jkun paripassu mal-isfidi eżistenti. Dan jirrikjedi li jkun hemm aġenda koerenti ta' politika, appoġġata mill-Erasmus+, mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ u mill-istrumenti ta' finanzjament tal-UE b'involviment akbar, fosthom il-FSE u l-YEI. Ir-riżorsi nazzjonali u reġjonali jridu jappoġġaw dawn l-isforzi meta dan ikun possibbli.
(1) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018), ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(2) Għad-dettalji u għas-sorsi tad-data li fuqhom hija msejsal-analiżi, ara d-dokument ta' ħidma tal-persunal SWD(2015)169 dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE.
(3) Sakemm mhux indikat mod ieħor.
(4) Skont l-indikatur tal-Eurostat għal dawk li jieqfu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ qabel iż-żmien, il-persentaġġ naqas minn 13,9 % fl-2010 għal 11,1 % fl-2014 fost dawk ta' bejn it-18-il sena u l-24 sena (il-persentaġġi baqgħu għoljin b'mod partikolari fi Spanja, fl-Italja, f'Malta, fil-Portugall u fir-Rumanija).
(5) L-Eurostat, il-popolazzjoni ta' bejn it-30 u l-34 sena li kisbu l-edukazzjoni terzjarja.
(6) L-Istħarriġ Flash Nru 408 tal-Ewrobarometru tal-2014.
(7) L-Eurostat, 2014.
(8) Rising inequality: youth and poor fall further behind, OECD, 2014.
(9) “NEETs”, Eurofound, 2012 u l-OECD, 2015.
(10) Indicators of immigrant integration — Settling in 2015, studju konġunt bejn l-OECD u l-Kummissjoni Ewropea.
(11) In it together: why less inequality benefits all, OECD, Mejju 2015.
(12) L-Istħarriġ Flash Nru 408 tal-Ewrobarometru tal-2014.
(13) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(14) Ir-Rapport Konġunt tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, COM(2015) 408.
(15) COM(2015) 185.
(16) Iktar dettalji jingħataw fid-dokument ta' ħidma tal-persunal (SWD(2015)168) dwar ir-riżultati tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ; http://ec.europa.eu/youth/policy/implementation/report_en.htm.
(17) ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.
(18) COM(2013) 941 “Il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni għat-Terroriżmu u l-Estremiżmu Vjolenti: It-Tisħiħ tar-Reazzjoni tal-UE”.
(19) http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/about-ran/ran-prevent/index_en.htm
(20) Studju tal-2014, Value of youth work in the EU; rapporti tal-grupp ta' esperti dwar il-potenzjal kreattiv u innovattiv taż-żgħażagħ u l-approċċi ta' kwalità għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.
(21) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8491-2015-INIT/en/pdf
(22) Studju tal-2013, Youth participation in democratic life.
(23) Il-Youthpass huwa għodda ta' rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ; huwa jintuża għal proġetti ffinanzjati mill-parti għaż-żgħażagħ fl-Erasmus+. https://www.youthpass.eu/en/youthpass/.
(24) Studju tal-2014, Value of Youth Work in the EU.
(25) SEC(2011) 401.
(26) http://ec.europa.eu/youth/dashboard/index_en.htm.
(27) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ mill-2014 sal-2015.
(28) Quality Youth Work — A common framework for the further development of youth work, http://ec.europa.eu/youth/library/reports/quality-youth-work_en.pdf.
(29) Mejju tal-2015.
(30) Fil-livell tal-UE, minkejja l-irdoppjar tal-għadd ta' benefiċjarji fis-SVE, il-volontarjat transfruntier għadu ftit li xejn.