|
20.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 17/2 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ
(2015/C 17/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JFAKKAR FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI, KIF IMNIŻŻEL FL-ANNESS GĦAL DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET, U B’MOD PARTIKOLARI S-SEJĦA REĊENTI TAL-KUNSILL EWROPEW BIEX “NIPPROMWOVU KLIMA TA’ INTRAPRENDITORIJA U ĦOLQIEN TA’ IMPJIEG” (1),
B’KONT MEĦUD TAD-DEFINIZZJONI TA’ INTRAPRENDITORIJA UŻATA FIR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-2006 DWAR IL-KOMPETENZI EWLENIN GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA (2),
JENFASIZZA LI
|
1. |
Kemm l-intraprenditorija kif ukoll l-edukazzjoni huma prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. |
|
2. |
L-iżvilupp ta’ mentalità intraprenditorjali jista’ jkollu benefiċċji konsiderevoli għaċ-ċittadini kemm fil-ħajja professjonali tagħhom kif ukoll f’dik privata. |
|
3. |
L-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ tista’ trawwem l-impjegabbiltà, l-impjieg indipendenti u ċ-ċittadinanza attiva, kif ukoll istituzzjonijiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ orjentati lejn l-estern u adattabbli. |
|
4. |
L-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jimmiraw li jipprovdu lil kull min qed jitgħallem, irrispettivament mis-sess, l-isfond soċjo-ekonomiku jew ħtiġijiet speċjali, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jibni mentalità u kapaċità intraprenditorjali. |
|
5. |
L-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ tista’ wkoll tagħti lil min qed jitgħallem il-ħiliet, il-kompetenzi u s-sostenn meħtieġa għall-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda, pereżempju fil-forma ta’ SMEs u intrapriżi soċjali. |
|
6. |
Minbarra l-ħiliet bażiċi bħall-ħila tal-qari u l-ħila fil-kompetenzi aritmetiċi u matematiċi, l-intraprenditorija teħtieġ l-iżvilupp gradwali ta’ firxa ta’ kompetenzi, li jibda minn età bikrija. Dawn jinkludu, pereżempju, il-kreattività u sens ta’ inizjattiva; il-ħila li wieħed isolvi l-problemi u li jaħseb b’mod kritiku; it-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ riskji; l-adattabbiltà u l-perseveranza; l-awtodixxiplina u sens ta’ responsabbiltà; il-ħila fit-tmexxija u ta’ ħidma fi grupp; il-ħila li wieħed jippjana u jorganizza; li wieħed jifhem il-kuntest soċjali, ekonomiku u kulturali; u ħiliet fil-lingwi u l-kapaċità tal-persważjoni. |
|
7. |
Il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali għandhom jiġu indirizzati fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u, kemm jista’ jkun, fil-kurrikulu kollu b’mod li jippermetti l-iżvilupp kontinwu tagħhom, b’attenzjoni għall-kisba ta’ riżultati ta’ tagħlim intraprenditorjali. |
|
8. |
L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom huma stess iħabirku biex ikunu aktar kreattivi u innovattivi, b’reazzjoni għal ambjent li qed jinbidel rapidament xprunat mit-teknoloġija, il-globalizzazzjoni u l-ħtiġiet għal kompetenzi li jevolvu. L-għalliema, min iħarreġ u l-mexxejja edukattivi għandhom ikunu inkoraġġuti jrawmu ħiliet, kompetenzi u mentalità intraprenditorjali, filwaqt li l-istituzzjonijiet għandhom joffru ambjenti ta’ tagħlim kreattivi u innovattivi u jħeġġu attivament l-involviment fil-komunità inġenerali. |
|
9. |
Sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, jistgħu jgħinu biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-dinja tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol. In-negozji u l-organizzazzjonijiet tan-negozji għandhom għalhekk jiġu mħeġġa jappoġġaw l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ, pereżempju permezz tal-provvediment ta’ pjattaformi fiżiċi jew virtwali mfassla biex jippromwovu sħubijiet bħal dawn u tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. |
|
10. |
L-integrazzjoni tat-trianglu tal-għarfien bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni - bħal dik appoġġata mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) - ittejjeb il-proċess tat-tagħlim, billi jistimola l-ħsieb kreattiv u attitudnijiet u approċċi innovattivi li spiss jirriżultaw fil-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda. |
|
11. |
Attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livell ta’ masters u ta’ dottorat, bħal dawk li jsiru mill-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tal-EIT, jgħinu wkoll biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati mal-innovazzjoni, it-titjib ta’ ħiliet u kompetenzi maniġerjali u intraprenditorjali u l-mobilità tar-riċerkaturi u l-istudenti. |
|
12. |
It-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll attivitajiet volontarji, jistgħu wkoll jagħtu kontribut importanti għall-iżvilupp ta’ ħiliet, kompetenzi u mentalitajiet intraprenditorjali. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F’KONFORMITÀ MAL-PRASSI NAZZJONALI U B’KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ U L-AWTONOMIJA ISTITUZZJONALI, BIEX:
|
1. |
Iħeġġu l-iżvilupp ta’ approċċ koordinat għall-edukazzjoni intraprenditorjali tul is-sistema kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż pereżempju permezz tal-kollegament tal-ministeri tal-edukazzjoni u ministeri rilevanti oħrajn, tal-faċilitazzjoni għall-involviment tan-negozji u tal-intraprendituri - kif ukoll tas-settur mingħajr skop ta’ profitt - fil-livelli kollha ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni (inklużi sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji), u permezz tal-inkoraġġiment ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ speċifiċi. |
|
2. |
Jippromwovu l-inklużjoni ta’ ħiliet u kompetenzi intraprenditorjali fil-programmi inizjali tal-edukazzjoni għall-għalliema/ħarrieġa kif ukoll waqt l-iżvilupp professjonali kontinwu. |
|
3. |
Jiżviluppaw sinerġiji bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali u l-pariri dwar il-karrieri bħala appoġġ għall-kisba tal-kompetenza importanti tal-intraprenditorija u bħala riflessjoni tal-ħolqien ta’ impriżi bħala possibbiltà ta’ karriera. |
|
4. |
Jappoġġaw inizjattivi ta’ intrapriża għall-istudenti, pereżempju billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ ambjenti ta’ tagħlim xierqa, l-għoti ta’ pariri siewja dwar il-karrieri fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u - b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV) - id-disponibbiltà ta’ mentoring u inkubaturi għal intraprendituri aspiranti. |
|
5. |
Jiffaċilitaw u jistimolaw l-involviment ta’ intraprendituri fil-proċess tat-tagħlim, kif ukoll jieħdu mill-esperjenza ta’ dawk diġà gradwati, pereżempju billi jiġu mistiedna intraprendituri f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom ma’ studenti, għalliema u ħarrieġa jew billi jingħataw opportunitajiet għal tagħlim, traineeships u apprendistati bbażati fuq ix-xogħol. |
|
6. |
Jużaw, fejn ikun possibbli, informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati meta ssir valutazzjoni tal-kwalità u l-effikaċja tal-edukazzjoni u t-taħriġ intraprenditorjali. |
|
7. |
Jippromwovu esperjenzi intraprenditorjali prattiċi, bħalma huma sfidi ta’ kreattività, bidu ta’ impriżi, simulazzjonijiet ta’ negozju jew tagħlim ibbażat fuq proġetti intraprenditorjali, waqt li titqies il-ħtieġa ta’ approċċ rilevanti għall-età. |
|
8. |
Jinnotaw il-ħidma li ssir mill-Grupp ta’ Ħidma Tematiku dwar l-Edukazzjoni fl-Intraprenditorija. |
B’rigward speċifiku għall-edukazzjoni għolja, b’kont meħud tal-awtonomija istituzzjonali:
|
9. |
Jappoġġaw l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw miżuri mmirati għall-ġestjoni ta’ bidliet istituzzjonali u aktar żvilupp organizzattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni ta’ mentalità aktar intraprenditorjali u innovattiva. |
|
10. |
Jippromwovu l-użu tal-istrument fuq l-Internet HEInnovate (3) bħala mezz li jappoġġa l-HEIs fit-tfassil ta’ strateġiji effettivi għall-iżvilupp ta’ aktar kapaċitajiet intraprenditorjali u innovattivi, billi jtejjeb l-għarfien dwar kwistjonijiet u sfidi li jfeġġu u billi jagħti gwida dwar kif dawn għandhom jiġu indirizzati. |
|
11. |
B’kont meħud tal-Prinċipji dwar it-Taħriġ Innovattiv għad-Dottorat (4), li jissottolinjaw li t-tħabrik għal riċerka eċċellenti huwa fundamentali, jenfasizzaw ir-rwol tar-riċerkaturi fl-istadju bikri bħala aġenti tat-trasferiment tal-għarfien lid-dinja mhux akkademika, b’mod partikolari u fejn ikun xieraq, billi jistimulaw il-kuntatt ta’ kandidati għal PhD mal-industrija u setturi tal-impjieg oħra rilevanti, kif ukoll il-kisba ta’ ħiliet trasferibbli differenti, inkluża l-intraprenditorija, permezz ta’ taħriġ jew esperjenza prattika adatti. |
Fir-rigward speċifiku tal-iskejjel, l-ETV u t-tagħlim għall-adulti, b’kont meħud tal-awtonomija istituzzjonali:
|
12. |
Iħeġġu d-disponibbiltà ta’ servizzi li jassistu lill-iskejjel u l-istituzzjonijiet u min jipprovdi l-ETV u t-tagħlim għall-adulti biex isibu sħab mid-dinja tan-negozju u l-intraprendituri soċjali. |
|
13. |
Iħeġġu sforzi mill-istituzzjonijiet tal-ETV biex jappoġġaw il-ħolqien ta’ intrapriżi minn studenti permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-intensifikazzjoni ta’ rabtiet ma’ intrapriżi kummerċjali u soċjali. |
|
14. |
Jippromwovu d-disponibbiltà u l-aċċess għal programmi ta’ apprendistat u inizjattivi oħrajn ta’ tagħlim bbażati fuq ix-xogħol li għandhom dimensjoni intraprenditorjali. |
|
15. |
Iħeġġu lil min jipprovdi tagħlim għall-adulti biex, fejn ikun possibbli, jintegraw il-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali fit-tagħlim eżistenti jew permezz ta’ korsijiet speċifiċi. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FILWAQT LI JAĠIXXU FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX
|
1. |
Jesploraw - f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Ħiliet Trasversali “ET2020” - il-fattibbiltà u l-utilità tal-iżvilupp ta’ qafas ta’ referenza bħala gwida għall-kompetenza importanti tal-intraprenditorija (5), li juri l-elementi differenti tal-kompetenza u juża approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u l-livelli tat-tagħlim. Dan ikun jappoġġa approċċ koordinat bejn il-livelli differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll jgħin biex jitqiesu l-eżiti tat-tagħlim mhux formali u t-tagħlim informali. |
|
2. |
Jiffaċilitaw l-iskambju ta’ ideat u prattiki tajba fil-livell nazzjonali u Ewropew - pereżempju permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Ħiliet Trasversali “ET 2020” - bil-ħsieb li tittejjeb l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
|
3. |
Jesploraw il-valur miżjud tal-iżvilupp ta’ strument għaċ-ċittadini fil-livell Ewropew għall-awtovalutazzjoni tal-kompetenza fl-intraprenditorija, inkluż l-identifikazzjoni ta’ xi strumenti simili li huma attwalment disponibbli. |
|
4. |
Jisfruttaw il-potenzjal sħiħ li joffri Erasmus+ fl-appoġġ għall-edukazzjoni intraprenditorjali, pereżempju billi jħeġġu l-integrazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozju f’Alleanzi ta’ Għarfien għall-edukazzjoni għolja u f’Alleanzi ta’ Ħiliet Settorjali għall-ETV. B’mod partikolari, jikkunsidraw ir-riżultati tal-inizjattiva Ewropea dwar il-politiki sperimentali rigward esperjenzi intraprenditorjali prattiċi. |
|
5. |
Jippromwovu l-edukazzjoni fil-ħiliet u l-kompetenzi intraprenditorjali għall-għalliema u l-ħarrieġa, pereżempju permezz ta’ proġetti li jlaqqgħu flimkien netwerks ta’ għalliema u ħarrieġa u li jinkoraġġixxu l-kontribut ta’ intraprendituri proprja, jew permezz tal-iżvilupp ta’ korsijiet jew riżorsi ġodda, inkluż permezz tat-tagħlim diġitali u t-tagħlim bl-Internet. |
|
6. |
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, jesploraw modi sabiex jiggwidaw liż-żgħażagħ lejn l-attivitajiet intraprenditorjali permezz ta’ taħriġ rilevanti, filwaqt li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol sabiex jidentifikaw żgħażagħ li jistgħu jibbenefikaw mill-Iskema, tingħata promozzjoni lit-tagħlim intraprenditorjali għall-parteċipanti fl-Iskema u jiġi identifikat il-bidu ta’ negozji bħala karriera potenzjali. |
|
7. |
Iqisu kif l-aħjar jużaw riżorsi Ewropej oħrajn bħall-Fond Soċjali Ewropew b’appoġġ għall-promozzjoni tal-intraprenditorjat fl-edukazzjoni u t-taħriġ. |
|
8. |
Jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-intraprendituri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ bil-ħsieb li jiġu żviluppati soluzzjonijiet edukattivi innovattivi, pereżempju permezz ta’ kompetizzjonijiet u inkubaturi. |
|
9. |
Jappoġġaw il-kooperazzjoni u l-iskambji ma’ netwerks u organizzazzjonijiet fil-livell reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew, li jistgħu joffru esperjenza u għarfien espert fit-tisħiħ tal-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ u fl-iżvilupp ta’ strumenti u metodoloġiji mfassla biex jippromwovu l-intraprenditorija bħala kompetenza importanti. |
|
10. |
Filwaqt li jqisu l-ħidma li saret mill-Grupp ta’ Esperti dwar id-Data u l-Indikaturi tat-Tagħlim u l-Kompetenza Intraprenditorjali, u bl-involviment xieraq tal-Grupp Permanenti dwar Indikaturi u Punti ta’ Referenza, jesploraw aktar is-siwi u l-possibbiltà li jiġu ddefiniti indikaturi dwar l-edukazzjoni fl-intraprenditorija biex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza u bħala appoġġ fl-identifikazzjoni tal-oqsma tal-aħjar prattika. |
|
11. |
Jesploraw il-potenzjal għall-iżvilupp ta’ strumenti diġitali u fuq l-Internet bla ħlas u miftuħa għal kulħadd, li jsaħħu l-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi intraprenditorjali u innovattivi, u jesploraw il-kooperazzjoni mal-komunità tal-“open source” biex jippromwovu strumenti kummerċjali bla ħlas, kif ukoll taħriġ għal dawk l-istrumenti. |
B’rigward speċifiku għall-edukazzjoni għolja, b’kont meħud tal-awtonomija istituzzjonali:
|
12. |
Jippromwovu sinerġiji mas-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, bil-ħsieb li jinkoraġġixxu inizjattivi maħsuba għall-iżvilupp u t-twessigħ ta’ ħiliet u kompetenzi intraprenditorjali. |
|
13. |
Jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri, l-adattament u d-disseminazzjoni ta’ HEInnovate bħala strument għal HEIs intraprenditorjali u innovattivi, billi titqies l-evidenza miġbura bl-applikazzjoni tiegħu f’dawk l-HEIs li jagħżlu li jipparteċipaw, bl-użu tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet nazzjonali tal-OECD u bl-iffaċilitar ta’ skambji regolari mal-Istati Membri u l-partijiet konċernati tal-HEI. |
|
14. |
Jistiednu lill-EIT biex jesplora l-potenzjal tat-tikketta “innovatur u intraprenditur ċertifikat” tal-EIT li qed tiġi żviluppata bħalissa u jorbotha mal-aġenda edukattiva kumplessiva tiegħu, u jikkomunikaw ir-riżultati b’mod ampju, skont l-aġenda ta’ sensibilizzazzjoni tal-EIT, filwaqt li jevitaw kull piż amministrattiv addizzjonali. |
|
15. |
Jisfruttaw, fejn ikun xieraq, il-potenzjal intraprenditorjali tal-edukazzjoni għolja, billi jiġu identifikati fatturi abilitanti f’termini kurrikulari, ekstrakurrikulari u istituzzjonali, permezz tal-promozzjoni aktar mifruxa ta’ dawn fl-HEIs u f’livelli oħra tal-edukazzjoni u bl-użu ta’ studji rilevanti dwar l-appoġġ għal tali potenzjal. |
|
16. |
Jikkunsidraw ir-rwol u l-impatt tal-Forum Università-Negozju, b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni tal-Pilastru intraprenditorjali tiegħu, bil-ħsieb li jiġu żviluppati approċċi innovattivi u jitrawmu skambji dwar suġġetti b’rabta mal-intraprenditorija f’salib it-toroq bejn l-universitajiet u n-negozji. |
Fir-rigward speċifiku tal-iskejjel, l-ETV u t-tagħlim għall-adulti, b’kont meħud tal-awtonomija istituzzjonali:
|
17. |
Jesploraw il-potenzjal ta’ Entrepreneurship360 bħala strument biex jgħin lill-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-ETV jidentifikaw u jaġixxu fir-rigward tal-qawwiet u dgħufijiet intraprenditorjali tagħhom. |
|
18. |
Jappoġġaw l-użu ta’ netwerks u l-iżvilupp ta’ proġetti għal għalliema u ħarrieġa fl-edukazzjoni intraprenditorjali, pereżempju permezz tal-pjattaformi eTwinning u EPALE. |
|
19. |
Jesploraw il-potenzjal tal-Forum Ewropew għall-Impriżi dwar it-Taħriġ Vokazzjonali, b’mod partikolari billi jikkunsidraw ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu rigward intraprenditorija, kif ikun adatt. |
|
20. |
Fi ħdan l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, iħeġġu inizjattivi għall-iżvilupp u t-twessigħ ta’ ħiliet u kompetenzi intraprenditorjali fil-kuntest ta’ programmi ta’ apprendistat u ta’ tagħlim ieħor ibbażat fuq ix-xogħol. |
JIEĦU NOTA TAL-INTENZJONI TAL-KUMMISJSONI LI
|
1. |
Iżżid il-bażi ta’ evidenza dwar l-edukazzjoni intraprenditorjali permezz ta’ studji rilevanti, bħar-rapport tematiku Eurydice ippjanat għall-2015. |
|
2. |
Tirrapporta dwar il-komunikazzjoni u l-impatt tal-istrument HEInnovate u l-metodoloġija tiegħu sal-ewwel nofs tal-2016, u tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti għall-iżvilupp ulterjuri tiegħu. |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX
tiżgura l-koordinazzjoni interna meħtieġa sabiex l-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu involuti fis-segwitu għal dawn il-konklużjonijiet.
(1) Ara d-dok. EUCO 79/14, paġna 15, l-aħħar paragrafu.
(2) Għall-finijiet ta’ dan it-test, it-terminu “intraprenditorija” qed jintuża biex jinftiehem bħala “sens ta’ inizjattiva u intraprenditorija” kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-2006, u jirreferi għal “kapaċità ta’ individwu li jdawwar l-ideat f’azzjoni. Jinkludi l-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid tar-riskju, kif ukoll l-abbiltà tal-ippjanar u l-immaniġġar tal-proġetti sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Dan huwa ta’ appoġġ għal individwi, mhux biss fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom fid-dar u fis-soċjetà, iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom u sabiex ikunu kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet, u huwa l-pedament għal ħiliet aktar speċifiċi u l-għarfien meħtieġ minn dawk li jistabbilixxu jew jikkontribwixxu għall-attivitajiet soċjali jew kummerċjali. Dan għandu jinkludi għarfien ta’ valuri etiċi u jippromwovi tmexxija tajba.”.
(3) https://heinnovate.eu/intranet/main
(4) Kif ikkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (ĠU C 372, 20.12.2011, p. 39, paragrafu 10).
(5) Fil-kuntest tal-Qafas ta’ Kompetenzi Ewlenin, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 394, 30.12.2006).
ANNESS
Sfond politiku
|
1. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (1); |
|
2. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”) (2); |
|
3. |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-iżvilupp tar-rwol tal-edukazzjoni fi trianglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament (3); |
|
4. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar Ewropa 2020 (4); |
|
5. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja (5); |
|
6. |
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (6); |
|
7. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ għat-trawwim tal-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ (7); |
|
8. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (8); |
|
9. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26-27 ta’ Ġunju 2014, b’mod partikolari l-Anness I: Aġenda strateġika għall-Unjoni fi żminijiet ta’ bidla (9); |
u
|
1. |
Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar (10), Novembru 2012; |
|
2. |
Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 - Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (11), Jannar 2013. |
(1) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(2) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(3) ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.
(4) 7586/10.
(5) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 36.
(6) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(7) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 18.
(8) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22.
(9) EUCO 79/14, p. 15.
(10) 14871/12 + ADD 1 sa 8.
(11) COM(2012) 795 final.