15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kriżi attwali tar-rifuġjati”

(2016/C 013/01)

Il-KESE jitlob biex tittieħed azzjoni Ewropea immedjata, responsabbli u kollettiva u biex tiġi indirizzata l-wasla ta’ għadd enormi ta’ refuġjati

Is-sitwazzjoni attwali inaċċettabbli ta’ dawk li qed ifittxu ażil titlob strateġija robusta fil-livell tal-UE f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra biex jiġu indirizzati l-bosta kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw ir-rifuġjati.

Il-kriżi umanitarja li bħalissa għaddejjin minnha tant rifuġjati hija ta’ tħassib kbir għall-Kumitat tagħna, billi kuljum irġiel, nisa u tfal qed ipoġġu ħajjithom fil-periklu biex jaslu l-Ewropa. L-iskala tal-kriżi attwali tar-rifuġjati qatt ma rajna bħalha u laqtet lil xi Stati Membri b’mod sproporzjonat. Is-sitwazzjoni diffiċli titlob li l-Istati Membri Ewropej juru s-solidarjetà, kemm lejn in-nies li qed jaħarbu mill-gwerra, il-persekuzzjoni, il-kunflitt u l-faqar kif ukoll lejn xulxin. Li jiġu żgurati dħul sikur u akkoljenza hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri kollha u hija parti fundamentali tal-valuri Ewropej tagħna.

Il-KESE jesprimi s-solidarjetà tiegħu u jiddispjaċih tassew għat-telf ta’ ħajja u l-kundizzjonijiet ħorox li qed jiffaċċjaw ir-rifuġjati fi triqthom lejn post tal-kenn. Aħna nappellaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li huma rappreżentati fil-KESE, biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jilqgħu u jintegraw lir-refuġjati. Il-KESE jfaħħar l-impenn tal-persuni li jaħdmu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali, l-organizzazzjonijiet u l-voluntiera nongovernattivi li huma attivi fl-inizjattivi fil-livell lokali madwar l-Ewropa li jagħtu assistenza lill-persuni fil-bżonn.

Illum l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li taġixxi bħala Unjoni reali u tadotta liġi tal-ażil unifikata billi tibda b’reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin. Wasal iż-żmien għall-gvernijiet u l-politiċi li jsegwu l-eżempju taċ-ċittadini, l-assoċjazzjonijiet, kif ukoll bosta muniċipalitajiet li qed jimmobilizzaw aktar u b’mod aktar effiċjenti mill-gvernijiet tagħna u l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-KESE jiddispjaċih li l-Kunsill kien għadu mhux kapaċi jieħu d-deċiżjoni meħtieġa f’din il-kriżi umanitarja urġenti. Għalhekk il-KESE jappella lill-Kunsill Ewropew biex jorganizza summit straordinarju qabel l-aħħar tax-xahar sabiex jasal għal ftehim dwar miżuri u azzjonijiet konkreti, inkluża skema ta’ kwota ġusta.

Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar id-dgħufija attwali tal-Ftehim ta’ Schengen u l-moviment liberu, peress li din hija waħda mill-kisbiet fundamentali li minnhom jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-UE.

Huwa kruċjali li jiġu żviluppati wkoll miżuri immedjati biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi attwali ta’ refuġjati. L-UE trid taħdem mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu fuq dawn il-kwistjonijiet u l-KESE jilqa’ l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem previst mill-Kummissjoni għal din il-kooperazzjoni. Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża s-soċjetà ċivili fid-djalogu ma’ pajjiżi terzi.