30.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 438/8 |
Il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2015/C 438/06)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
“PATATA DEL FUCINO”
Nru tal-KE: IT-PGI-0005-01217 — 21.3.2014
IĠP ( X ) DOP ( )
1. Isem
“Patata del Fucino”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Id-denominazzjoni “Patata del Fucino” tindika t-tuberi maturi tal-ispeċi Solanum tuberosum tal-familja tas-Solanacee, miksuba bl-użu taż-żrieragħ tuberużi ta’ varjetajiet ta’ patata li huma reġistrati fil-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-pjanti agrikoli.
It-tuberi huma ta’ qies (id-dijametru) akbar minn 35 mm u ma jikbrux akbar minn 80 mm. Għandhom forma bejn tonda u tonda-ovali, ovali, ovali tawwalin. Il-qoxra ma titqaxxarx mill-polpa; il-ġewwieni hu iebes u ma jċedix għall-pressjoni u l-kulur hu tipiku tal-varjetà: bejn abjad għal sfumaturi varji ta’ isfar. Il-parti li tittiekel mhix iżgħar minn 95 %.
Il-karatteristiċi kimiċi (għal kull 100 g tal-parti li tittiekel) huma dawn: Ir-residwu xott ≥ 14, il-lamtu ≥ 8 g, il-potassju ≥ 300 mg, il-fosforu ≥ 35 mg.
Il-“Patata del Fucino” tinġabar meta l-patata tkun saret kompletament, minn tmiem Lulju “l quddiem. Il-patata tinħażen f’kontejners xierqa u tista” tinżamm sa tmiem ix-xaħar ta’ Mejju ta’ wara l-ħsad mingħajr ma titlef il-karatteristiċi tipiċi tagħha.
Tolleranzi għall-kwalità
Il-patata eliġibbli għall-protezzjoni, meta tiġi kkummerċjalizzata fl-imballaġ magħżul, għandha jkollha l-karatteristiċi li ġejjin:
(a) |
uniformità fid-daqs tat-tuberi: id-daqs tat-tuberi ma għandux ikun iżgħar minn 35 mm jew aktar minn 80 mm; id-differenza massima permessa fil-pakketti individwali hi ta’ 20 mm. |
(b) |
It-tuberi għandhom ikunu sħaħ, sodi, imnaddfa, mingħajr nibet u ħielsa minn ħsara bijotika jew abijotika. |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-“Patata del Fucino” għandha tinżera’, titkabbar u tinġabar fiż-żona ġeografika ddefinita.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
Il-patata għandha tinħażen f’kontenituri (bins) f’temperatura ta’ 4-10 °C b’umdità relattiva ta’ bejn 88 % u 95 %.
It-tuberi jistgħu jinżammu wkoll fil-friġġ għal perjodi twal, iżda mhux aktar minn disa’ xhur.
Jistgħu jsiru trattamenti biex jiġi evitat in-nibet fuq tuberi maħżunin f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
Meta tigi kkummerċjalizzata għall-finijiet ta’ konsum l-IĠP “Patata del Fucino” għandha tiġi ppakkjata b’dawn il-modi:
— |
xkejjer ta’ 5 kg – 20 kg; |
— |
xbieki ta’ 1,5 kg – 2 kg – 2,5 kg; |
— |
pakketti: vertbag, quickbag, girsac u borża ta’ 1,5 Kg – 2,5 kg – 2,5 kg – 5 kg; |
— |
kartuna jew kaxxa ta’ bejn 3 kg sa massimu ta’ 20 kg. |
Kull tip ta’ imballaġ għandu jkun fih patata mnaddfa (mibruxa u/jew maħsula) u għandha tiġi ssiġillata b’tali mod li t-tuberi ma jistgħux jinqalgħu mingħajr ma jitqattal-imballaġ, għajr il-kartun u l-kaxex.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikketta li tidher fuq l-imballaġġ, barra s-simbolu tal-Unjoni Ewropea u t-tagħrif korrispondenti rikjest mil-liġi, għandha turi wkoll dawn l-indikazzjonijiet:
— |
“Patata del Fucino” segwita mit-taqsira IĠP jew mill-kliem Indicazione Geografica Protetta [Indikazzjoni Ġeografika Protetta]; |
— |
isem jew isem il-kumpanija u l-indirizz jew is-sede tal-produttur uniku u/jew issieħeb u/jew dak li jippakkja l-prodott; |
— |
il-piż nett oriġinali; |
— |
tip, |
— |
dan il-logo:
|
Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Il-limitu taż-żona ġeografika tat-tkabbir hu individwat mit-triq provinċjali Circonfucense u ż-żona tinkludi bċejjeċ tat-territorju, suddiviż b’toroq tal-għelieqi fi ħbula tal-art numerati, li jappartjenu għall-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ L’Aquila: Avezzano; Celano; Cerchio; Aielli; Pescina; S. Benedetto dei Marsi; Ortucchio; Trasacco; Luco dei Marsi.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Il-“Patata del Fucino” titkabbar fil-qiegħ tal-lag li jġib l-istess isem il-“Fucino” li tnixxef u ġie riklamat fl-1875. Din iż-żona hi 700 metru ‘il fuq mill-baħar.
L-elementi morfoloġiċi prinċipali taż-żona ħolqu tliet żoni distinti: il-qiegħ tal-lag l-antik; żona terrazzata f’għoli ta’ bejn 670 u 720 metru; u żona b’morfoloġija kumplessa ‘il fuq miż-żewġ żoni l-oħrajn.
Minħabba l-preżenza tal-baċir tal-lag l-antik, inġabar sediment li għeleb l-effetti tal-erożjoni.
Il-ħamrija hi bil-ħama u fiha ħafna ġir totali u attiv b’riżultat tan-natura karbonatika tas-sedimenti pedoġeniċi. Ir-reazzjoni (pH) tiċċaqlaq bejn subalkalina u alkalina u hemm livelli ta’ sustanza organika, nitroġenu totali, fosforu assimilabbli u potassju li jista’ jiġi skambjat.
Il-kontenut għoli tas-sustanza organika hija preservata bħala riżultat tal-kwantitajiet kbar ta’ demel imqiegħed b’mod regolari mill-bdiewa.
Il-kompożizzjoni tal-ħamrija tippermetti skular tajjeb u l-iżvilupp normali ta’ tuberi uniformi u regolari.
Il-karatteristiċi partikolari tat-territorju, magħluq imdawwar bil-mutanji, ifisser li ma jkunx affettwat mill-baħar li hu fil-lvant, 80 km biss ‘il bogħod. Minflok, dan għandu karatteristiċi tipiċi ta’ klima kontinentali bi xtiewi ħorox ħafna u b’ħafna xita u sjuf sħan ta’ spiss umdi.
Matul l-istaġun produttiv, il-varjazzjoni tat-temperatura bejn il-jum (viċin it-30 °C) u l-lejl (10 °– 15 °C) tiddetermina kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir tax-xitla.
Il-kapaċità tajba taż-żamma tal-ilma tal-ħamrija u t-tlugħ tal-ilma permezz tal-kapillarità mill-akwiferi sottostanti, flimkien man-nida spissa ta’ fil-għodu, jiżguraw li r-raba’ mhu qatt nieqes mill-ilma.
Ix-xita, il-borra, u n-nida karatteristika li ta’ spiss toħloq mikropreċipitazzjoni jgħaqqdu l-profil klimatiku taż-żona.
Fiż-żona hemm provvista tajba tal-ilma grazzi għan-nixxigħat u x-xmajjar li jinżlu mill-muntanji li jdawru l-pjanura u n-netwerk ġeometriku ta’ kanali. Dan tal-aħħar inbena b’mod speċjali bħala parti mix-xogħlijiet ta’ inġinerija idrawlika mill-entità “Ente Fucino”, li f’dak iż-żmien tar-riforma agrarja (1950), kienet għadha kif twaqqfet bl-iskop doppju: li jiġi żviluppat l-iskular tal-art u l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni tar-raba’ biex b’hekk jiġu ottimizzati l-kundizzjonijiet tal-koltivazzjoni għall-produtturi.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-“Patata del Fucino” hi differenti minn patata mkabbra f’żoni oħra minħabba l-polpa karatteristika tagħha li tagħmilha adatta kemm għall-konsum domestiku kif ukoll għall-użu industrijali. Il-“Patata del Fucino” għandha polpa soda li ma ċċedix għall-pressjoni u l-qoxra ma titqaxxarx mill-polpa. Meta tissajjar bil-fwar, il-polpa tippreżnta granulazzjoni pjuttost fina u ma turix sinjali ta’ swidija wara li tissajjar (after cooking blackening). Barra minn hekk, karatteristika oħra partikolarment apprezzata hija l-kapaċità li ma ssirx kannella meta tinqela. F’panel test esegwit minn assaġġaturi mħarrġa, il-“Patata del Fucino” ġiet iġġudikata li għandha togħma pjaċevoli jew togħma qawwija ħafna ta’ patata li, wara li tittiekel, ma tħalli l-ebda togħmiet negattivi (ta’ metall, ħaxix, eċċ.). Dawn il-karatteristiċi organolettiċi jibqgħu anke wara xhur ta’ konservazzjoni.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)
Iċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-“Patata del Fucino” jinfirex fuq l-istaġuni kollha taż-żona ġeografika: tinżera’ fir-rebbiegħa, tikber u tipproduċi fis-sajf; tinħasad, meta biss tkun kompletament matura, tard fis-sajf/il-ħarifa. Dan ifisser li l-patata tibbenefika mill-effett klimatiku tal-istaġuni differenti.
Il-kwalità tal-“Patata del Fucino” hi marbuta mal-kondizzjonijiet tat-tkabbir provduti minn dak li kien il-qiegħ tal-lag. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-art ifissru li l-patata tista’ tiġi kkoltivata b’mod naturali b’tali mod li tagħti lill-prodott il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tiegħu.
Il-ħamrija ħafifa, friska, prevalentement bil-ħama u fertili ħafna hi għanja b’mod naturali b’nutrijenti makro u mikro, b’sustanza organika u bil-ħumus li jirriżulta minnu, prodott mis-sediment ta’ materjal organiku li jinġabar matul is-sekli, li jiżgura li ma ssir l-ebda ħsara u/jew xquq fuq wiċċ il-patata matul it-tkabbir jew il-ħsad biex b’hekk jiżviluppa f’tuberu b’forma regolari bil-qoxra mwaħħla sew mal-polpa.
Il-kondizzjonijiet klimatiċi deskritti (il-kompożizzjoni tal-ħamrija, it-tlugħ kapillari tajjeb, it-temperatura, l-ilma għall-irrigazzjoni) jagħmlu ż-żona tal-Fucino tajba għat-tkabbir tal-patata. Grazzi għall-esperjenza estensiva tal-produtturi lokali, l-isforzi kontinwi biex jittejbu t-tekniki agrikoli bi preferenza għall-metodi ekoloġiċi, u l-protezzjoni tal-ambjent tal-koltivazzjoni, din iż-żona tipproduċi patata ta’ kwalità għolja li minn dejjem ġiet apprezzata u hija magħrufa fis-suq nazzjonali.
Mill-2002, ħafna produtturi assoċjati taż-żona tal-Fucino jipproduċu patata skont l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-“produzzjoni integrata” u adottaw speċifiċità marbuta b’mod espliċitu mal-“Patata del Fucino”; dan juri l-użu tal-isem ukoll fil-lingwaġġ kummerċjali/tal-produzzjoni agrikola.
Kien hemm diversi artikli ppubblikati f’rivisti settorjali fejn tissemma’ id-denominazzjoni “Patata del Fucino”, fosthom “L’informatore Agrario”. Dan jgħid li l-Fucino hu żona tajba ħafna għall-produzzjoni tal-patata u li l-Fucino huwa lokalità fejn jiġu ttestjati l-varjetajiet tal-patata:
— |
“Le varietà di patata coltivate in Italia e la loro destinazione d’uso” (paġna 61, il-ħarġa 2/2002); |
— |
“Ecco perchè in Italia non si produce patata da seme” (paġni. 34-36, il-ħarġa 46/2008); |
— |
“Produzione di patata da seme: contributo per la valorizzazione dell’agricoltura montana” (paġni 27-29, il-ħarġa 18/97); |
— |
“Sperimentazione varietale 1998 su patata comune nel centro e nel nord” (paġni 39-46, il-ħarġa 48/98). |
Matul is-snin, saru ħafna attivitajiet mill-operaturi lokali li jippromwovu u jagħtu valur lill-“Patata del Fucino” fosthom jissemmew:
— |
mill-1971 is-“Sagra della Patata” li tkun organizzata fil-Fucino, preċiżament fil-muniċipalità ta’ Avezzano; |
— |
fl-2008, is-sena internazzjonali tal-patata dikjarata mill-FAO, il-bdiewa tal-Patate del Fucino taw appoġġ tekniku u għodda agrikoli liz-Zadrima tal-Albanija fl-ambitu tal-proġett ta’ kooperazzjoni “Progetto Albania”. |
— |
fl-2001, ġiet dedikata puntata tal-programm televiżiv “Il Gusto” lill-Patata del Fucino li xxandret fuq l-istazzjoni televiżiv Canale 5; |
— |
fl-1993 f’puntata tal-programm Linea Verde, imxandar mir-RAI, inxterdet ir-reputazzjoni tal-Patata del Fucino fuq il-livell nazzjonali. |
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))
Din l-amministrazzjoni varat il-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Patata del Fucino” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 37 tal-14 ta’ Frar 2014.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
Jew
billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.