23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 433/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 433/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“LEVICKÝ SLAD”

Nru tal-KE: SK-PGI-0005-01181 – 20.11.2013

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem:

“Levický slad”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Is-Slovakkja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-“Levický slad” huwa xgħir tal-birer ħfief tat-tip pilsner li huwa maħsub prinċipalment għall-produzzjoni tal-birra. Jinkiseb minn varjetajiet imkabbra b’mod selettiv u ċċertifikati ta’ xgħir tal-birra b’żewġ spigi mkabbar fiż-żona ġeografika definita.

Il-parametri ggarantiti importanti ta’ “Levický slad” huma:

(a)   umdità: massimu ta’ 5 %;

(b)   kulur: massimu ta’ 4,5 EBC;

(c)   estratt (piż niexef): minimu ta’ 80 %;

(d)   friabbiltà: minimu ta’ 78,5 %

Mil-lat tal-karatteristiċi sensorjali x-xgħir irid ikollu aroma ta’ xgħir pur, ħielsa minn kull tip ta’ rwejjaħ; it-togħma trid tkun ħelwa u nadifa. Il-kulur huwa ċar b’mod uniformi, mingħajr kannella fit-trufijiet. Dan it-tip ta’ xgħir għandu dehra ta’ barli proċessat.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima għal “Levický slad” hija x-xgħir tal-birra b’żewġ spigi elenkati fil-Lista ta’ Varjetajiet Reġistrati għal “Levický slad”. Il-produzzjoni tuża jew il-varjetajiet kollha, jew xi wħud minnhom.

Iż-żona ġeografika definita hija kkaraterizzata minn ħamrija medjament tqila li hija ideali għat-tkabbir tax-xgħir tal-birra, bħalma huma chernozem, chernitza, fluvizem u l-ħamrija kannella fuq art ċatta jew f’xi każijiet kemmxejn inklinata. Iż-żona għandha klima sħuna u niexfa ħafna tipika ta’ artijiet b’altitudni baxxa. Dawn il-karatteristiċi jippermettu li x-xgħir tal-birra jinżergħa kmieni ħafna, u dan huwa fattur ferm importanti biex jinkiseb qamħ ta’ kwalità għolja (estratt rikk, persentaġġ minimu ta’ qamħ imħassar, inċidenza baxxa ta’ mard fungali) u rendiment għoli.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

 

Pass 1. Ix-xiri, il-wasla u t-tindif tax-xgħir.

 

Pass 2. It-tixrib

 

Pass 3. Il-ġerminazzjoni tax-xgħir

 

Pass 4. It-tisħin fil-forn u d-deġerminazzjoni

 

Pass 5. Id-deġerminazzjoni tax-xgħir

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

Ix-xgħir jista’ jiġi imballat f’boroż li jesgħu sa 50 kg jew f’ boroż kbar li jesgħu minn 300 sa 600 kg li fuqhom ikollhom it-tikketta jew il-marka tal-produttur.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-produtturi ta’ “Levický slad” jistgħu jużaw l-isem “Levický slad” waqt it-tikkettar, ir-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Kull tip ta’ imballaġġ għandu jkollu mwaħħal miegħu tikketta jew marka li tindika l-indirizz tal-produttur, l-indirizz tal-azjenda, il-piż tal-pakkett, in-numru tal-lott, id-data tal-mili u d-data sa meta għandu jintuża x-xgħir, u l-logo tal-Unjoni Ewropea; l-immarkar jista’ jinkludi l-kliem “indikazzjoni ġeografika protetta” jew it-taqsira “IĠP”.

L-applikant jirrikonoxxi li kull produttur fiż-żona definita għandu d-dritt li jipproduċi l-“Levický slad” skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona hija delimitata mil-linji u mill-punti ġeografiċi li ġejjin:

Fit-Tramuntana, mill-Punent għal-Lvant, bil-quċċata ta’ Holý Vrch fil-medda muntanjuża ta’ Považský Inovec, il-quċċati ta’ Tríbeč Veľký u ta’ Veľký Inovec, bil-muntanji ta’ Štiavnické Vrchy u bil-muntanji ta’ Javorie sax-xmara Krivánsky Potok.

Lejn il-Lvant u n-Nofsinhar, bix-xmara Krivánsky Potok safejn din tingħaqad max-Xmara Ipeľ, bix-Xmara Ipeľ safejn din tingħaqad max-Xmara Danubju, u bid-Danubju sal-muniċipalità ta’ Žitava.

Fil-Punent, min-Nofsinhar sat-Tramuntana, bil-muniċipalità ta’ Žitava tax-Xmara Danubju, bil-muniċipalitajiet ta’ Marcelová, Svätý Peter, Pavlov Dvor, Nesvady u Komoča sax-Xmara Váh bil-muniċipalità ta’ Dedina Mládeže, u x-Xmara Váh sa Holý Vrch fil-medda ta’ Považský Inovec.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Levický slad” huwa uniku minħabba l-kundizzjonijiet naturali speċifiċi taż-żona definita jiġifieri l-klima u l-ħamrija tagħha flimkien mal-kwalità, it-tradizzjoni u r-reputazzjoni tajba tiegħu. Il-medda tal-muntanji fuq in-naħa tat-Tramuntana sservi bħala lqugħ kontra l-arja kiesħa dieħla. Il-medja tat-temperatura tal-arja matul l-istaġun tat-tkabbir hija bejn 15-17 C; il-medja tax-xita hija ta’ 150-200 mm. Il-preċipitazzjoni totali f’żoni oħra li jkabbru x-xgħir fis-Slovakkja hija ta’ 450-650 mm. Xita eċċessiva matul il-perjodu tal-maturazzjoni tafettwa b’mod negattiv il-kwalità tal-immaltjar tal-qamħa, minħabba li temp bix-xita jiskatta l-aġenti tal-fermentazzjoni li jittrasformaw il-lamtu f’zokkor u l-qamħa ma tinbitx sew matul l-immaltjar.

Il-kwalità ta’ “Levický slad” hija affettwata mhux biss mill-kundizzjonijiet klimatiċi, iżda wkoll mill-ħamrija taż-żona. Dawn huma, chernozem, chernitza, fluvizem u ħamrija kannella fuq art ċatta jew inkella f’xi każijiet kemmxejn inklinata. Żoni oħra li jkabbru x-xgħir fis-Slovakkja huma kollha differenti minn waħda għall-oħra f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet bażiċi (preċipitazzjoni ogħla, temperaturi medji, tul tal-istaġun ta’ tkabbir, kundizzjonijiet tal-ħamrija). Fin-nuqqas ta’ dawn il-kundizzjonijiet tat-tkabbir għall-materja prima, il-“Levický slad” ma jiksibx l-istess kwalità jew rendimenti.

Fiż-żona definita, ix-xgħir tar-rebbiegħa jinżergħa bejn l-aħħar għaxart ijiem ta’ Frar sat-tieni perjodu ta’ għaxart ijem ta’ Marzu. Dan joħloq effett pożittiv fuq ir-rendiment u l-kwalità tal-qamħa. Il-kwalità tal-qamħ tax-xgħir tar-rebbiegħa hija ddeterminata l-aktar matul il-perjodu li fih jifforma u jimtela. F’termini fenoloġiċi, dak il-perjodu jiġi stabbilit mill-bidu tal-formazzjoni tal-ispigi, u fiż-żona definita jinkludi l-perjodu bejn l-ewwel u t-tielet għaxart ijiem ta’ Mejju u sal-maturità sħiħa. L-istaġun tat-tkabbir għax-xgħir tar-rebbiegħa fiż-żona definita huwa ta’ madwar 120 jum b’kollox, inklużi madwar 44 jum mill-bidu tal-formazzjoni tal-ispigi u l-maturità sħiħa. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet fiż-żona definita huma ideali għat-tkabbir ta’ xgħir tal-birra ta’ kwalità għolja b’kontenut tal-lamtu tal-qamħ li jikkorrispondi għal estratt tax-xgħir b’kontenut ta’ 81,5-82,5 %.

Fiż-żona definita, ix-xgħir tal-birra jiħasad ftit jiem wara li jilħaq maturità sħiħa. Sabiex jinħasad qamħ li huwa fiżjoloġikament matur u b’saħħtu li ma tkunx saritlu l-ebda ħsara bix-xita, il-ħsad isir kmieni sabiex jiġi evitat il-perjodu tax-xita li regolarment jibda fit-tieni nofs ta’ Lulju u fl-ewwel nofs ta’ Awwissu.

Il-kwalità ta’ “Levický slad” tiddependi fuq parametri ta’ kwalità tax-xgħir u fuq il-proċess tal-immaltjar. Minħabba l-preċipitazzjoni baxxa fiż-żona u l-kundizzjonijiet tal-ħamrija tagħha, il-qamħa hija akbar u aktar uniformi u fiha aktar lamtu u b’hekk ikun jista’ jiġi estratt ammont akbar ta’ xgħir. Huwa importanti li l-qamħ ikollu daqs uniformi meta jiġi mgħaddas ħalli jkun jista’ jassorbi l-ilma bl-istess rata u jkollu ammont uniformi ta’ enerġija ġermintattiva waqt il-fażi sussegwenti tal-immaltjar bl-użu tas-sistema [Wanderhaufen].

Għall-birrerriji esperti, li jiffavorixxu l-“Levický slad”, il-karatteristiċi tipiċi tiegħu huma d-dehra, il-lewn u t-togħma tal-qamħa, il-kompożizzjoni tas-sustanzi tal-estrazzjoni u l-livell tad-degradazzjoni tal-proteini minħabba li dan jaffettwa b’mod pożittiv il-kwalità tal-birra prodotta b’mod tradizzjonali. Għal birrer ta’ dan it-tip, il-“Levický slad” huwa importanti biex jinkisbu l-kulur u t-togħma meħtieġa u l-effiċjenza tal-produzzjoni.

It-tradizzjoni tat-tkabbir taċ-ċereali taż-żona ilha stabbilita mis-seklu 19 permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital mill-familja von Schoeller u tal-iżvilupp rapidu sussegwenti tat-tkabbir taċ-ċereali u tal-industrija tal-ipproċessar assoċjata. Konsegwentement ix-xgħir tal-birra ta’ din iż-żona beda jiġi kkumerċjalizzat bħala kategorija separata (“Tót Árpa”) fil-Borża ta’ Budapest. It-tradizzjoni kompliet tistabilixxi ruħha aktar meta sar investiment f’fabbrika tal-immaltjar kummerċjali awtonoma fit-tieni nofs tas-seklu 20. Mill-bidu nett, il-prodott ta’ din il-fabbrika tal-immaltjar kien imsejjaħ “Levický slad”, isem li kien magħruf sew kemm fost dawk li jkabbru x-xgħir kif ukoll fost dawk li jipproduċuh. Dlonk wara li nbdiet il-produzzjoni tiegħu, il-kwalità u r-reputazzjoni tajba tal-“Levický slad” stabbilew ruħhom aktar minħabba li dan beda jiġi esportat mhux biss lejn bosta pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u tal-Punent, iżda wkoll lejn pajjiżi li jinsabu f’erba’ kontinenti oħra. Billi ma jiġux organizzati xi kompetizzjonijiet partikolari għax-xgħir tal-birra, il-kwalità tiegħu hija kkonfermata mill-premji li jintrebħu mill-birrer ħfief prinċipalment barra mill-pajjiż, inklużi f’kompetizzjonijiet fir-Repubblika Ċeka u bl-għoti tal-Premju Stilla Ewropea tal-Birra.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.upv.sk/swift_data/source/pdf/specifikacie_op_oz/specifikacia_Levicky_slad.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.