|
15.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 415/25 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mill-Indja
(2015/C 415/10)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ Notifika dwar skadenza imminenti (1) tal-miżuri kompensatorji fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġina mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fis-16 ta’ Settembru 2015 minn SGL Carbon GmbH, TOKAI ERFTCARBON GmbH u GrafTech Switzerland S.A. (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit.
2. Il-prodott li qed jiġi rieżaminat
Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa elettrodi tal-grafit tat-tip użat għal fran tal-elettriku, b’densità apparenti ta’ 1,65 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 6,0 μ.Ω.m jew inqas, u bżieżel użati għal dawn l-elettrodi, kemm jekk impurtati flimkien kif ukoll jekk b’mod separat li joriġinaw mill-Indja (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċi TARIC 8545110010) u ex 8545 90 90 (kodiċi TARIC 8545909010).
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dazju kumpensatorju definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1628/2004 (3), kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 (4) u kif inhu sostnut mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1185/2010 (5).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija msejsa abbażi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni ta’ sussidji u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ ħsara
L-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Indja bbenefikaw u aktarx jkomplu jibbenefikaw minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tal-Indja u minn sussidji reġjonali.
Il-prattika tas-sussidji tikkonsisti, fost l-oħrajn, fi (1) trasferiment dirett tal-fondi u trasferimenti diretti potenzjali ta’ fondi jew obbligazzjonijiet, pereżempju l-Iskema ta’ Rifużjoni tad-Dazju; (2) dħul tal-gvern mitluf u mhux miġbur, pereżempju l-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem, l-Iskema għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti Kapitali, l-Iskema ta’ Eżenzjoni mid-Dazju fuq l-Elettriku tal-Istat ta’ Madhya Pradesh u l-Iskema tal-Esportazzjonijiet ta’ Merkanzija mill-Indja; u (3) pagamenti lil mekkaniżmu ta’ fondi, jew inkarigu jew direzzjoni ta’ korp privat biex iwettaq funzjoni waħda jew iktar kif deskritt f’(1) u (2) ta’ dan il-paragrafu, pereżempju l-Iskema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga prattiki oħrajn ta’ sussidju rilevanti li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
L-applikant qed jallega li l-iskemi ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Gvern tal-Indja jew gvernijiet reġjonali oħrajn u jagħtu benefiċċju lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Huwa allegat li huma speċifiċi għal intrapriża jew industrija jew grupp ta’ intrapriżi jew industriji, u għaldaqstant hija kumpensatorja.
4.2. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara
L-applikanti ressqu wkoll evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.
L-evidenza prima facie pprovduta mill-applikanti turi li, fin-nuqqas tal-miżuri, il-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi rieżaminat kien ikollhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mibjugħa, fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, li jirriżulta f’effetti negattivi sostanzjali ulterjuri fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.
L-applikanti pprovdew ukoll evidenza li turi li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni aktarx jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċitajiet sinifikanti mhux użati tal-produtturi esportaturi fl-Indja.
Barra minn hekk, l-applikanti jallegaw li kwalunkwe żieda sostanzjali ulterjuri tal-importazzjonijiet bi prezzijiet sussidjati mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx li jwasslu għal aktar ħsara għall-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.
5. Proċedura
Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (6), li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Ir-rieżami ta’ skadenza jiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri tistax twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.
Il-Gvern tal-Indja ġie mistieden għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2014 sat-30 ta’ Settembru 2015 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ sussidjar
Il-produtturi esportaturi (7) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.2.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
5.2.1.1.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufin fil-pajjiż ikkonċernat, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.
Il-produtturi esportaturi u, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.2.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (8) (9)
Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rivedut mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li jkunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir b’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi rieżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.3 Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qiegħed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun. Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan jeħtiġilhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bid-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.4. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ sussidjar u ħsara, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma ta’ miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.
Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.
5.5. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.6. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, sabiex tinstema’ t-talba trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.7. Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) jipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (10).
Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skenjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Bl-użu tal-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm dawn ma jitolbux speċifikament li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|||
|
Directorate General for Trade |
|||
|
Directorate H |
|||
|
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
|||
|
1040 Bruxelles/Brussel |
|||
|
BELGIQUE/BELGIË |
|||
|
6. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
Nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi nuqqas ta’ koperazzjoni, sakemm dik il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tar-risposta kif mitlub tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.
7. L-Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tat-termini preskrittivi u t-talbiet għas-smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu bis-sħiħ.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu s-sussidjar u l-ħsara, u l-interess tal-Unjoni.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.
8. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. Possibbiltà ta’ talba għal rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu ma jwasslux biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
10. Proċessar ta’ dejta personali
Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (11).
(2) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.
(3) Ir-Regolament tal-KunsilL (KE) Nru 1628/2004 tat-13 ta’ Settembru 2004 li jimponi taxxa kompensatorja definittiva u li jiġbor definittivament it-taxxa provviżorja imposta fuq l-importazzjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 295, 18.9.2004, p. 4).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1628/2004 li jimponi dazju definittiv ta’ kumpens fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja u r-Regolament (KE) Nru 1629/2004 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw fl-Indja (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 24).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1185/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mill-Indja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 332, 16.12.2010, p. 1).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).
(7) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rieżaminat.
(8) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna fl-Anness I ta’ din in-Notifika.
(9) Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.
(10) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (Ftehim dwar is-SCM). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
ANNESS I