25.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/14


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja

(2015/C 392/10)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba għal rieżami tressqet minn Metpro Limited (“l-applikant”), importatur ta’ ċerti tipi ta’ fittings tal-fondut għal tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli, għal importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Billi l-miżuri japplikaw ukoll għal importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha stess li tibda rieżami għal importazzjonijiet li joriġinaw fit-Tajlandja wkoll.

Ir-rieżami huwa limitat għall-eżaminazzjoni tal-ambitu tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika ta’ jekk ċerti tipi ta’ prodotti jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ fittings tal-fonduti għal tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja (“il-pajjiżi kkonċernati”).

2.   Il-prodott li qed jiġi rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huma fittings tal-fondut ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li jeskludi korpi ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13 u kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr ma jkollhom għatu (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ fil-kodiċi NM ex 7307 19 10 (kodiċi TARIC 7307191010).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li hemm bħalissa fis-seħħ huma dazju definittiv ta’ anti-dumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 (2).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

L-applikant jitlob l-esklużjoni ta’ ċerti fittings tal-fondut ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping attwali. Il-prodotti li allegatament se jiġu esklużi huma fittings ta’ kondjuwits tal-elettriku (elbows, liwjiet u forma ta’ T) b’distanze bejn il-kamin metrika standard ta’ 1,5 mm skont il-forma metika tal-ISO BS 3463.

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie pprovduta mill-applikant li turi li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti li se jiġu esklużi jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott li qed jiġi rieżeminat. L-istess evidenza titqies applikabbli għall-prodott rieżaminat miż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

Għalhekk, huwa xieraq li jiġu rieżaminati l-miżuri attwali sa fejn għandu x’jaqsam l-ambitu tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiżi kkonċernati. Kull regolament li jista’ jirriżulta minn dan ir-rieżami jista’ jkollu effett retroattiv sa mid-data tal-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, jew inkella minn data ulterjuri, pereżempju d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari l-importaturi, huma mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni, u jissottomettu kull evidenza li tappoġġa dawn il-fehmiet.

5.   Proċedura

Wara li stabbiliet, wara li infurmat lill-Istati Membri, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami parzjali interim limitat għall-eżaminazzjoni tal-ambitu tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika dwar jekk ċerti tipi ta’ prodotti jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott rieżaminat il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant bħala importatur, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u lill-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi, lill-produtturi magħrufa fl-Unjoni, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.3.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.4.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ hija ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (3).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tal-informazzjoni imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt ikunu stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1040 Bruxelles/Brussels

BELGIUM/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-R623-MALLEABLE-FITTINGS@ec.europa.eu.

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet sabiex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, l-ambitu tal-prodott tal-miżuri kurrenti.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja (ĠU L 129, 14.5.2013, p. 1).

(3)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.