12.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 375/9


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 375/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“SLAVONSKI KULEN”/“SLAVONSKI KULIN”

Nru tal-UE: HR-PGI-0005-01216 - 20.3.2014

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem/ismijiet

“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Ir-Repubblika tal-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajjar, immellaħ, affumikat, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa zalzett ippreservat magħmul minn taħlita ta’ qatat tal-majjal tal-ogħla kwalità, xaħam tad-dahar, melħ u ħwawar, liema taħlita titpoġġa fil-musrana l-għamja tal-majjal. L-intestin mimli jgħaddi minn proċessi konsekuttivi ta’ fermentazzjoni, affumikar kiesaħ, tnixxif u maturazzjoni matul perjodu li jdum mill-inqas 150 jum.

Irrispettivament mit-tul taż-żmien differenti minn meta tibda l-produzzjoni tiegħu, sal-aħħar tal-proċess tal-produzzjoni ta’ mill-inqas 150 jum, “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” tal-produtturi kollha għandu juri l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi stabbiliti fil-punt 3.2.

Fuq barra, “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” għandu forma ċilindrika li tvarja skont id-daqs u l-volum tal-musrana l-għamja tal-majjal. Huwa ta’ kulur uniformi ta’ kannella ċar għal skur mingħajr marki, tikmix jew qsim, marbut flimkien bl-ispag magħmul minn fibri tal-qanneb li jifforma qatat fit-tiwi naturali tal-musrana l-għamja. Qata’ trasversali tiżvela taħlita mħallta sew ta’ laħam u xaħam mingħajr xi biċċiet ta’ residwi ta’ tessut konnettiv. Il-laħam ivajra minn aħmar ċar għal skur, filwaqt li x-xaħam ivarja minn abjad għal oranġjo, u l-“kulen” ma għandux truf jew huwa sempliċiment ftit iktar skur fit-tarf.

Iz-zalzett għandu aroma pjaċevoli: tad-duħħan tal-injam tas-siġar fuq barra u ta’ majjal iffermentat, bżar u tewm ftit iffumikati fuq ġewwa. Għandu konsistenza soda, ma jitfarrakx, jinqata sew u faċli tomogħdu. It-togħma tiegħu hija intensa, ikkaratterizzata minn togħma ta’ majjal immaturat u ffermentat, mielaħ u jaħraq, mingħajr aċidità jew togħma morra.

Meta jitpoġġa fis-suq, “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” irid ikun jiżen mill-inqas 900 g u jkollu l-proprjetajiet fiżikokimiċi li ġejjin: kontenut tal-ilma ta’ mhux iktar minn 40 %, kontenut tax-xaħam ta’ mhux iktar minn 35 % u attività tal-ilma (aw) ta’ inqas minn 0,90.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa prodott mil-laħam tal-majjal biss li jkun trabba u msemmen fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4. Irid jintuża l-wild ta’ ħnieżer tar-razza indiġena Black Slavonian, ir-razza pura u mrobbija lokalment tar-razez Large Yorkshire u Swedish Landrace, inkroċi ta’ żewġ razez u inkroċi b’lura ta’ dawn ir-razez u inkroċi ta’ tliet razez ta’ dawn ir-razez mar-razza Duroc. Iridu jintużaw ħnieżer nisa u irġiel kastrati (ta’ eta’ żgħira miżmuma separati minn xulxin) ta’ bejn it-12 u l-20 xahar u li finalment jiżnu mill-inqas 140 kg.

Fil-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” jintużaw biss il-kategoriji ta’ majjal li ġejjin: l-ewwel (I) – is-sieq (mingħajr il-qasba tas-sieq), il-partijiet tal-ġenbejn u d-dahar tal-muskolu longissimus dorsi; it-tieni (II) – l-ispalla (mingħajr is-saqajn ta’ quddiem); u t-tielet (III) – l-għonq, ix-xaħam iebes tad-dahar (mhux iktar minn 10 %). Il-musrana l-għamja mnaddfa u msaffa sservi ta’ kontenitur taz-zalzett. Il-mili jitħawwar bil-melħ tal-mejda, il-bżar jaħraq u l-bżar ħelu u t-tewm.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin”, inkluż is-smien tal-ħnieżer, iridu jseħħu fiż-żona ġeografika speċifikata fit-taqsima 4. Il-proċess tal-produzzjoni jinkludi l-preparazzjoni tal-mili, il-fermentazzjoni, l-affumikar kiesaħ, it-tnixxif u l-maturazzjoni. Iċ-ċiklu tal-produzzjoni jseħħ kull sena bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li jirreferi għalih l-isem reġistrat

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li jirreferi għalih l-isem reġistrat

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa prodott f’parti speċifika tar-reġjun Kroat ta’ Slavonja. Din iż-żona tinsab fil-konfini amministrattivi tal-bliet u l-muniċipalitajiet tal-kontej li ġejjin:

il-Kontea ta’ Vukovar-Srijem: kollha; il-bliet u l-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Kontea ta’ Osijek-Baranja: Belišće, Donji Miholjac, Đakovo, Našice, Osijek, Valpovo, Antunovac, Bizovac, Čepin, Donja Motičina, Drenje, Đurđenovac, Erdut, Ernestinovo, Feričanci, Gorjani, Koška, Levanjska Varoš, Magadenovac, Marijanci, Petrijevci, Podgorač, Podravska Moslavina, Punitovci, Satnica Đakovačka, Semeljci, Strizivojna, Šodolovci, Trnava, Viljevo, Viškovci, Vladislavci u Vuka; il-Kontea ta’ Slavonski Brod-Posavina: kollha; il-Kontea ta’ Požega-Slavonia: kollha; il-bliet u l-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Kontea ta’ Sisak-Moslavina: Lipovljani, Kutina (l-irħula ta’ Banova Jaruga, Međurić, Jamarica u Janja Lipa), Novska u Jasenovac; il-bliet u l-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Kontea ta’ Bjelovar-Bilogora: Garešnica (l-irħula ta’ Duhovi, Gornji Uljanik, Uljanik, Uljanički Brijeg u Hrastovac), Dežanovac, Končanica, Đulovac, Sirač u Daruvar; il-bliet u l-muniċipalitajiet li ġejjin tal-Kontea ta’ Virovitica-Podravina: Virovitica, Slatina, Orahovica, Crnac, Čačinci, Čađavica, Gradina, Lukač, Mikleuš, Nova Bukovica, Pitomača (l-irħula ta’ Stari Gradac, Starogradački Marof u Križnica), Sopje, Suhopolje, Špišić Bukovica, Voćin u Zdenci.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” u ż-żona ġeografika tiegħu hija bbażata fuq il-fatturi li ġejjin: l-għarfien tradizzjonali tal-produtturi lokali u l-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli għall-ipproċessar u l-preservazzjoni naturali tal-laħam.

L-evidenza storika tissuġġerixxi li l-produzzjoni tal-“kulen” fi Slavonja tmur lura iktar minn 200 sena. Slavonja, żona li għandha tradizzjoni twila ta’ biedja u trobbija tal-bhejjem għall-ikel, minn dejjem kellha kundizzjonijiet tajbin għat-trobbija tal-ħnieżer u l-ipproċessar tal-laħam tal-majjal. L-iżvilupp kummerċjali iktar intensiv tat-trobbija tal-ħnieżer fi Slavonja beda wara li telqu t-Torok u l-istabbiliment tal-Fruntiera Militari fis-17-il seklu, meta t-trobbija tal-ħnieżer għall-konsum mill-militar u ċ-ċentri ewlenin tal-konsum bdew joperaw fuq skala kbira. Fil-bidu l-ħnieżer kienu jitrabbew primarjament għall-bejken u x-xaħam tal-annimali, iżda ftit aktar tard, bis-saħħa tal-iżvilupp tan-negozju tal-biċċiera, prodotti oħrajn bħaz-zalzett u l-“kulen” bdew isiru popolari.

Slavonja għandha klima kontinentali moderata b’xitwa kiesħa u sajf sħun. It-tbiċċir tal-ħnieżer u l-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” tradizzjonalment iseħħu fix-xitwa, meta t-temperatura baxxa tal-arja tipprovdi kundizzjonijiet naturali tajbin għall-ipproċessar tal-laħam. It-temperatura medja tal-arja bejn Novembru u Marzu hija 0,2–6,9 °C, li tiżgura protezzjoni naturali tajba kontra t-tħassir tal-laħam.

Ir-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-oriġini tal-ħnieżer jirriżultaw mit-tradizzjoni tal-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” u r-reputazzjoni tal-prodott fuq is-suq. “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa prodott tat-tradizzjoni Slavona tat-tbiċċir ta’ ħnieżer tqal imrobbija domestikament fil-bidu tax-xitwa sabiex jipproduċu laħam, xaħam tal-annimali u prodotti tal-laħam imnixxfa u pproċessati li jsostnu l-komunità lokali matul is-sena ta’ wara. It-tbiċċir tradizzjonali Slavon tal-ħnieżer kien jinkludi l-passi kollha, mit-tbiċċir proprju tal-annimal sal-produzzjoni, l-affumikar u t-tnixxif tal-prodotti tal-laħam ippreservati tradizzjonalment. It-tbiċċir tal-ħnieżer kien avveniment soċjali importanti li għalih kienu jattendu l-qraba, il-ħbieb u l-ġirien u fejn wara kienet issir festa bil-kant u ż-żfin. “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” kien isir mil-laħam tal-ħnieżer imrobbija fuq l-istess art tar-razzett privat jew jinxtara minn irziezet ġirien. Din it-tradizzjoni għadha l-istess illum il-ġurnata. Ma teżistix evidenza li tissuġġerixxi li “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” qatt sar minn majjal prodott x’imkien ieħor apparti Slavonja.

“Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” jieħu l-proprjetajiet organolettiċi u fiżikokimiċi tiegħu mill-metodu tal-produzzjoni u mit-tradizzjoni u l-għarfien tan-nies tal-lokal. Il-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” dejjem iddependiet fuq l-għarfien speċifiku u l-ħila tal-produtturi lokali fl-għażla tal-materja prima u l-proċess tal-produzzjoni. Fil-proċess tal-produzzjoni jintużaw biss qatat tal-ogħla kwalità u xaħam tad-dahar magħżula minn ħnieżer imrobbija lokalment li huma ikbar u itqal. Il-produzzjoni ssegwi riċetta tradizzjonali li tinvolvi taħlita ta’ kondimenti ta’ oriġini esklussivament naturali: bżar ħelu u bżar aħmar jaħraq, tewm u melħ tal-mejda. Ix-xaħam jammonta biss għal parti żgħira (sa 10 %) tal-mili, li jfisser li minħabba l-kontenut għoli ta’ laħam “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa zalzett partikolarment ta’ valur għoli iżda wkoll wieħed mill-iktar diffiċli biex tnixxfu.

It-tqegħid tal-mili fil-musrana l-għamja tal-ħanżir, li għandha dijametru pjuttost kbir, u t-tqandil taz-zalzett tqil li jirriżulta jfissru li l-produttur irid ikollu ħiliet u għarfien addizzjonali biex ikun kapaċi jorbot l-prodott bl-idejn u jaffumikah, inixxfu u jimmaturah għal perjodu ta’ żmien relattivament twil. Dan jagħmel lil “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” iktar kumpless f’termini teknoloġiċi u li jieħu iktar ħin biex isir meta mqabbel ma’ zalzett ieħor.

Il-metodu speċifiku tal-produzzjoni jagħti lil “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” dehra u proprjetajiet speċifiċi. “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” jitpoġġa fil-musrana l-għamja tal-ħanżir, li tintrabat bl-ispag f’disinn karatteristiku. Il-prodott jiġi affumikat ftit fil-wiċċ fid-duħħan tal-karpinu, tal-irmied jew tal-fagu. Il-ġewwieni jintgħaraf minn możajk armonizzat ta’ partikoli tal-laħam u tax-xaħam li jingħaddu mill-pjanċi tal-mitħan li jkollu toqob wesgħin 6–12 mm. L-affumikar kiesaħ li jsir bil-galbu fid-duħħan tal-injam tas-siġar jagħti lil “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” is-sura affumikata ħafifa tiegħu, filwaqt li l-aroma u t-togħma tal-majjal maturat u ffermentat, karatteristikament mielaħ u mħawwar, ilkoll jiġu mill-kondimenti użati tradizzjonalment, il-kontenut għoli ta’ laħam tari u t-teknika speċjali ta’ tnixxif u maturazzjoni tal-prodott għal diversi xhur.

Huwa proprju minħabba l-għażla tal-ingredjenti tal-iprem kwalità, ir-riċetta tradizzjonali, il-proċess tal-produzzjoni u ż-żmien għalih, li nżammu tul ġenerazzjonijiet sħaħ sal-lum, li “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” għandu l-karatteristiċi distintivi tiegħu u jżomm ir-rabta tiegħu mal-komunità lokali. Ir-reputazzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” ġejja mir-rwol tal-prodott fil-wirt Salvonjan, ismu u l-importanza ekonomika tiegħu.

Fil-passat il-“kulen” kien komodità ta’ valur għoli; prodott li seta’ jingħata bħala rigal lill-ħbieb tal-qalb jew persuna importanti. Minħabba l-fatt li l-produzzjoni kienet fuq skala relattivament żgħira, jiġifieri “kulen” wieħed għal kull ħanżir, il-prodott kien jinżamm għal okkażjonijiet speċjali jew mistiedna speċjali. Il-“kulen” jissemma wkoll fix-xogħlijiet ta’ ħafna awturi li jitkellmu dwar l-avventuri u d-diżavventuri fil-ħajjiet tas-Slavonjani u fid-deskrizzjoni tal-istil ta’ ħajja tagħhom. Il-fatt li żdiedet il-produzzjoni u l-kapaċità tal-akkwist tiegħu fil-popolazzjoni lokali ifisser li saru jiġu organizzati iktar festi u l-“kulen” jiġi offrut bħala rigal iktar spiss. Huwa prattikament impossibli li wieħed jimmaġina ċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi, il-festi tal-knisja, il-btajjal nazzjonali, iċ-ċerimonji tradizzjonali u l-festini tal-familja fejn ma jkunx hemm “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin”. It-tradizzjoni fejn wieħed jagħti “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” bħala rigal għadha teżisti sal-lum (Izravna prodaja seljačkih proizvoda, Agrarno savjetovanje, Zagreb, 2005, p. 127).

Ir-reputazzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” hija marbuta wkoll ma’ ismu. L-isem “Slavonski kulen” issemma għall-ewwel darba fl-1968 fil-gazzetta tal-listi Vinkovački (il-lista Vinkovački Nru 15, 12.4.1968, p. 5). Wieħed għandu jinnota li fid-djaletti Kroati differenti “kulen” jissemma bħala “kulin”, “kuljen” u “kulijen”. Madankollu, “kulen” u “kulin” huma l-iktar komuni, fejn tal-ewwel huwa l-isem preferut fost dawk li jitkellmu l-Istokavjan (il-Kroat uffiċjali, id-djalett Ijekavijan) u tal-aħħar fost dawk li jitkellmu d-djalett Ikavjan. Il-lum il-ġurnata l-ismijiet użati fid-dokumenti tan-negozju u dawk kummerċjali (irċevuti, tikketti tal-prodott, listi tal-prezzijiet) jinkludu jew “Slavonski kulen” inkella “Slavonski kulin”.

Fi Slavonja hemm irziezet fejn il-produzzjoni ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” tirrapreżenta sors importanti ta’ introjtu. Fis-suq domestiku, id-domanda għall-prodott teċċedi l-provvista. Barra minn hekk, “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” huwa wieħed mill-ftit prodotti li jista’ jagħmel l-irziezet fi Slavonja, partikolarment dawk li jrabbu l-ħnieżer, kompetittivi fis-suq.

L-ispeċifiċità ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” meta mqabbel ma’ prodotti oħrajn tirriżulta mill-użu ta’ teknoloġija tal-produzzjoni tradizzjonali, li nżammet sal-lum il-ġurnata, il-kwalità tal-materja prima (qatat magħżula ta’ laħam maturat minn ħnieżer indiġeni jew domestikati), kondimenti naturali u żmien tradizzjonali tal-produzzjoni.

Dawn ta’ hawn fuq kollha jservu biex juru l-importanza ta’ “Slavonski kulen”/“Slavonski kulin” għan-nies ta’ Slavonja, li jikkunsidrawh mhux biss prodott tal-ikel tradizzjonali, iżda wkoll parti integrali tat-tradizzjonijiet kulturali u l-patrimonju tagħhom.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (2))


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36.