27.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 355/28


Pubblikazzjoni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel fir-rigward tal-isem ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita

(2015/C 355/08)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), il-Litwanja ppreżentat (2) l-isem “Lietuviškas skilandis” bħala isem ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita (STG), konformi mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Preċedentement, l-isem “Skilandis” kien ġie rreġistrat (3) bla ma l-isem kien ġie rriżervat skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (4) bħala speċjalità tradizzjonali garantita u bħalissa huwa protett skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Wara l-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-isem “Skilandis” kien ikkomplementat bit-terminu “Lietuviškas” li jidentifika l-karattru tradizzjonali u speċifiku tiegħu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qiegħda b’dan tippubblika l-isem

“LIETUVIŠKAS SKILANDIS”

bil-ħsieb li jkun jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni li l-isem “Lietuviškas skilandis” jiddaħħal fir-reġistru tal-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, skont l-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament.

F’każ li l-isem “Lietuviškas skilandis” jiddaħħal fir-reġistru, skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-STG “Skilandis” titqies li tkun l-ispeċifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-STG “Lietuviškas skilandis” u għalhekk jiġi protett bir-riżervazzjoni tal-isem.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza u f’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, din il-pubblikazzjoni tinkludi l-ispeċifikazzjoni tal-STG “Skilandis” kif diġà ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (5).

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ STG

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti  (6)

“SKILANDIS”

Nru tal-KE: LT-TSG-007-0032-15.06.2005

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

Isem il-grupp jew isem l-organizzazzjoni

:

Lietuvos mėsos perdirbėjų asociacija.

Indirizz

:

A. Vienuolio g. 8

LT-01104 Vilnius

LIETUVA/IL-LITWANJA

Tel

:

+370 52126814

Faks

:

+370 52126814

Email

:

lmpa@takas.lt

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Litwanja

3.   Speċifikazzjoni tal-prodott

3.1.   Isem/ismijiet li jrid/u ikun/jkunu rreġistrat/i (Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

“Skilandis”

3.2.   Isem

huwa speċifiku fih innifsu

jesprimi il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Materjal ta’ referenza fil-Mużew Etnografiku Litwan f’Rumšiškės juri li l-kelma “skilandis” tissemma f’reġistri bil-miktub minn diversi postijiet fil-Gran Dukat tal-Litwanja li jmorru lura sa bejn is-seklu 16 u 18. L-isem jidher fil-“Prūsų-lietuvių kalbų žodynas” [id-Dizzjunarju mill-Prussjan għal-Litwan] ta’ Theodor Lepner tal-1680 u fid-dizzjunarji mil-Litwan għall-Ġermaniż li ġew ippubblikati minn Philipp Ruhig fl-1747, minn Christian Moeleke fl-1800 u minn Friedrich Kurschat fl-1883. Dan l-isem jintuża madwar il-Litwanja kollha biex issir referenza għall-prodott. L-isem tal-prodott huwa uniku, ilu jeżistu għal ħafna żmien u għadu jintuża.

3.3.   Jekk ir-riżervazzjoni tal-isem hijiex qiegħda ssir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

reġistrazzjoni bir-riżervazzjoni tal-isem

reġistrazzjoni mingħajr riżervazzjoni tal-isem

3.4.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2: Prodotti magħmulin mil-laħam (imsajrin, immelħin, affumikati, eċċ.)

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

“Skilandis” huwa prodott magħmul minn laħam affumikat ippakkjat f’ġilda naturali, marbuta bl-ispag, b’wiċċ b’għamla rregolari u ħarxa, f’forma ta’ demgħa ċċattjata jew ta’ qarabagħla żgħira. Għandu dijametru ta’ mhux inqas minn 80 mm u l-piż tiegħu jista’ jvarja. Fl-imgħoddi, il-ġilda ta’ “skilandis” kienet issir mill-istonku tal-ħanżir imma, mill-bidu tas-seklu 20, din bdiet issir mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Ġeneralment, “skilandis” artiġjanali jkun magħmul mil-laħam tal-majjal biss, filwaqt li n-negozji li jipproċessaw il-laħam jużaw kemm majjal kif ukoll ċanga għall-produzzjoni tiegħu.

It-togħma aċidika, imħawra, mhux tal-ħelu u mielħa tiegħu u l-benna u r-riħa speċifiċi li jiżviluppaw waqt il-maturazzjoni u t-tnixxif huma karatteristiċi ta’ “skilandis”, u l-istess jista’ jingħad għall-kulur tal-ġewwieni meta dan jinqata’, li jvarja minn aħmar fir-roża għal aħmar skur u jista’ jkun iktar skur lejn it-truf. Għandu riħa partikolari ta’ ħwawar u riħa ħafifa ta’ affumikar. Għandu konsistenza riġida. Biċċiet tax-xaħam li ma jkunux ikbar minn 20 mm huma mifruxa b’mod irregolari fil-laħam dgħif.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi ta’ “skilandis” huma dawn li ġejjin:

—   kontenut massimu ta’ ndewwa: 40 %,

—   kontenut minimu ta’ proteini tal-laħam, minbarra l-kollaġen: 16 %,

—   kontenut massimu ta’ melħ komuni: 5 %,

—   kontenut massimu ta’ xaħam: 35 %,

—   pH: ta’ mill-anqas 5,0,

—   piż tal-prodott: 0,4-2,0 kg.

“Skilandis” jista’ jinbiegħ ukoll maqsum minn nofs jew imqatta’, ippakkjat fil-vakwu jew f’tip ta’ ppakkjar bl-atmosfera mmodifikata.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

Ingredjenti:

laħam dgħif tal-majjal, bil-kontenut intramuskolari viżibbli tax-xaħam tiegħu ma jaqbiżx il-5 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: il-koxxa, l-ispalla mingħajr ix-xikel u l-flett. Madwar nofs “skilandis” isir mil-laħam dgħif tal-majjal;

sa 60 % tal-laħam dgħif tal-majjal jista’ jinbidel bl-istess kwantità ta’ laħam dgħif taċ-ċanga, bil-kontenut tax-xaħam viżibbli u l-kontenut tal-vini fini tiegħu ma jaqbżux il-5 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: l-għolja tal-koxxa, il-laħam tan-naħa ta’ barra, it-taħrika ta’ ġewwa, il-mixwi, l-iktar parti tarija tar-ramp, il-kustilja l-maġġura, il-kustilja tal-kozz, l-ispalla u t-taqsira;

laħam nofsu xaħmi tal-majjal, li l-kontenut intermuskolari u li jinsab taħt il-ġilda tiegħu ma jaqbiżx it-30 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: in-naħa ta’ ġewwa tal-ispalla, in-naħa ta’ isfel tal-ispalla u l-għonq;

laħam xaħmi tal-majjal mingħajr il-ġilda ta’ barra, li l-kontenut tax-xaħam tiegħu ma jaqbiżx il-55 %. Il-laħam tal-majjal nofsu mxaħħam u l-laħam tal-majjal imxaħħam kollu flimkien jammontaw għal madwar kwart ta’ “skilandis”;

xaħam tad-dahar mingħajr il-ġilda ta’ barra. Madwar kwart minn “skilandis” huwa magħmul mix-xaħam tad-dahar;

melħ komuni: 26-30 g ma’ 1 kg laħam;

ħwawar, jiġifieri bżar iswed, bżar abjad u bżar tal-Ġamajka: 2-3 g ma’ 1 kg laħam; Dawn jinżdiedu mitħuna jew sħaħ;

tewm: 2-3 g ma’ 1 kg laħam;

zokkor: 2-5 g ma’ 1 kg laħam;

konservant E 250 (nitrit tas-sodju): 50-180 mg ma’ 1 kg laħam;

antiossidanti E 300 (aċidu askorbiku) u E 301 (askorbat tas-sodju): 0,5-1 g ma’ 1 kg laħam;

karwi, weraq tar-rand mitħun u noċemuskata mitħuna jistgħu jinżdiedu wkoll ma’ kwantità ta’ mhux iktar minn 2-3 g sa 1 kg laħam.

Metodu ta’ produzzjoni:

“Skilandis” huwa prodott permezz tal-metodu tradizzjonali. Huwa rrakkomandat li jintuża l-laħam tal-annimali adulti.

Il-laħam imkessaħ tal-majjal jitqatta’, bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ magni speċjali, f’biċċiet ta’ bejn 10 mm u 30 mm, u x-xaħam jitqatta’ f’biċċiet ta’ bejn 5 mm u 20 mm. Il-laħam imkessaħ taċ-ċanga jiġi kkapuljat billi jingħadda minn magna tal-ikkapuljar li jkollha toqob ta’ bejn 2 mm u 5 mm.

Il-laħam imqatta’ u kkapuljat jitħallat ma’ melħ komuni u nitrit tas-sodju, zokkor, ħwawar u additivi tal-ikel f’magna tat-taħlit jew f’magna tat-tħin. It-taħlit jieħu minn tal-anqas 10 minuti. Il-mili li jiġi prodott b’dan il-mod jitħalla joqgħod minn tal-anqas għal sitt sigħat f’temperatura li ma tkunx ogħla minn +4 °C. Il-laħam jitpoġġa fil-bżieżaq naturali tal-awrina tal-ħnieżer jew fl-imsaren l-għomja naturali tal-baqar billi jintużaw magni għall-mili, li d-dijametru tagħhom ikun akbar minn dak tal-ġilda li normalment tintuża għaz-zalzett affumikat fil-kesħa. Meta wieħed ikun qed jimla’ l-bużżieqa tal-awrina jew il-musrana l-għamja bil-laħam, huwa importanti ħafna li joqgħod attent li ma jħallix l-arja tidħol. Waqt l-istadju li jmiss fil-proċess tal-produzzjoni, il-partijiet ta’ ġewwa ta’ “skilandis” ikunu soġġetti għal tnixxif bil-mod u fermentazzjoni intensiva, u dan jiddetermina l-proprjetajiet karatteristiċi organolettiċi ta’ “skilandis”. Il-mili jitpoġġa bil-mod fil-ġilda, u jiġi ppressat fil-bużżieqa tal-awrina jew fil-musrana l-għamja. Kwalunkwe arja li tkun daħlet fil-mili titneħħa billi l-ġilda tingħafas. Il-ġilda trid tkun mimlija sew, tant li ma jkunx hemm vojt bejn il-mili u l-ġilda anke wara li l-mili jinxtorob xi ftit waqt il-proċess tal-affumikar u tat-tnixxif.

Il-bużżieqa tal-awrina jew il-musrana l-għamja bil-mili jintrabtu b’ħajta ħoxna jew bi spaga naturali. Il-prodott bil-mili jintrabat bl-idejn għal tulu bl-ispag, li jaqsam il-prodott f’erba’ partijiet. Jekk il-mili jitpoġġa f’ġilda magħmula mill-musrana l-għamja, il-prodott jintrabat ukoll minn naħa għall-oħra kull 4–5 cm.

“Skilandis” marbuta jiddendlu fuq oqfsa b’tali mod li ma jmissux ma’ xulxin u jitħallew minn tal-anqas għal tlitt ijiem biex jimmaturaw f’temperatura li ma tkunx ogħla minn +4 °C. Waqt dan l-istadju, il-mili fil-ġilda jsir iktar kompatt, il-kulur tal-prodott joqgħod u jiżviluppaw il-mikroorganiżmi b’mod selettiv, li jgħin sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jagħtu t-togħma u r-riħa speċifiċi tal-prodott.

Wara li jimmatura, il-prodott jiġi affumikat f’temperatura ta’ 18–30 °C permezz ta’ duħħan li jinkiseb mill-ħruq tas-serratura tal-injam tas-siġar ħorfija (tal-alnu, tal-luq, tal-betula, tal-fagu, tal-ballut). Il-proċessi inizjali ta’ maturazzjoni u ta’ affumikazzjoni jistgħu jsiru f’diversi tipi ta’ kompartimenti klimatiċi u f’tagħmir tat-tnixxif. Il-prodott jiġi affumikat permezz ta’ proċess mhux kontinwu, bl-intervalli, li matulhom jitnixxef f’temperatura ta’ 18–28 °C. It-tul tal-proċess tal-affumikazzjoni (inklużi l-intervalli) jiddependi mit-tagħmir li jintuża għall-affumikazzjoni u mid-daqs ta’ “skilandis”, u jista’ jdum bejn jumejn u 15-il jum. Il-ħin li jieħu “skilandis” biex jiġi affumikat jiddetermina l-intensità tal-kulur tiegħu, u l-prodott jikseb riħa ta’ affumikazzjoni karatteristika sal-aħħar tal-proċess.

“Skilandis” affumikat jitnixxef f’temperatura ta’ 8–18-il °C u f’umdità relattiva ta’ 90–75 %. Il-proċessi bijokimiċi miġjuba mill-iżvilupp tal-mikroorganiżmi u l-azzjoni tal-fermenti tat-tessuti jkomplu matul il-proċess tat-tnixxif, u minħabba f’hekk, “skilandis” jikseb it-togħma u r-riħa karatteristiċi tiegħu. “Skilandis” jitħalla jitnixxef għall-anqas 30 jum, sakemm jilħaq l-indewwa meħtieġa u jikseb il-karatteristiċi tipiċi organolettiċi tiegħu.

“Skilandis” jitħalla mdendel ġewwa, f’temperatura ta’ 0–15-il °C.

3.7.   Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew prodott tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

L-iktar proprjetajiet speċifiċi importanti li huma karatteristiċi ta’ “skilandis” huma:

Id-dehra— “skilandis” huwa prodott tal-laħam affumikat, f’ġilda magħmula mill-bużżieqa naturali tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja naturali tal-baqar, marbut bi spaga, b’wiċċ b’għamla rregolari u ħarxa, f’forma ta’ demgħa ċċattjata jew ta’ qarabagħla żgħira. Għandu dijametru ta’ mill-anqas 80 mm u jiżen bejn 0,4 kg u 2 kg.

Id-dehra tal-ġewwieni— il-kulur tal-qatgħat ivarja minn aħmar fir-roża għal aħmar skur u jista’ jkun iktar skur lejn it-truf. Biċċiet tax-xaħam li ma jkunux ikbar minn 20 mm huma mifruxa b’mod irregolari fil-laħam dgħif. Jista’ jkun li jidhru diversi biċċiet ta’ ħwawar.

Il-metodu tal-produzzjoni— il-laħam tal-majjal u taċ-ċanga jitqatta’ bl-idejn jew jiġi kkapuljat f’biċċiet kbar permezz ta’magna li tikkapulja l-laħam, jitħawwar bi ħwawar tradizzjonali u jiddaħħal fil-bużżieqa naturali tal-awrina tal-ħnieżer jew fil-musrana l-għamja naturali tal-baqar. Wara li jitnixxef, “skilandis” jiġi affumikat bosta drabi permezz ta’ duħħan li jinkiseb mill-ħruq tal-injam tas-siġar ħorfija, u wara l-affumikazzjoni, jitnixxef minn tal-anqas għal 30 jum.

It-togħma u r-riħa— it-togħma aċiduża, imħawra, mhux ħelwa u mielħa tiegħu u l-benna speċifika li tiżviluppa mill-proċessi speċifiċi u eċċezzjonali ta’ fermentazzjoni matul il-maturazzjoni u t-tnixxif huma karatteristiċi tipiċi ta’ “skilandis”. Għandu riħa partikolari ta’ ħwawar u riħa ħafifa ta’ affumikar. Il-proċessi ta’ fermentazzjoni msemmija hawn fuq jiddependu essenzjalment mill-ingredjenti li huma inklużi fir-riċetta, li ġeneralment jinstabu mingħajr problema ta’ xejn fil-klima Litwana.

It-tradizzjonijiet tal-konsum— jisserva l-iktar waqt festi, f’okkażjonijiet speċjali, f’laqgħat u fi żminijiet fil-kalendarju agrikolu meta jkun hemm ħafna xogħol. Jitqatta’ rqiq u jittiekel mal-ħobż ismar.

3.8.   Karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

“Skilandis” jitqies bħala platt nazzjonali fil-Litwanja. Fil-ktieb “Lietuvos kulinarijos paveldas” ta’ B. Imbrasienė (li ġie ppubblikat minn Baltos lankos fl-2008), “skilandis” huwa l-ewwel minn fost ħafna prodotti tradizzjonali tal-laħam li jissemmew. Minn żminijiet imgħoddija, fl-irħula Litwani dan il-prodott kien jitħalla għaż-żminijiet tas-sajf meta kien ikun hemm ħafna xogħol agrikolu (il-qtugħ tal-ħuxlief għat-tnixxif, il-ħsad tas-segala) u biex jiġi offrut lill-mistednin. Fil-ktieb “Būdas senovės lietuvių, kalnėnų ir žemaičių”, li ġie ppubblikat fl-1845, l-awtur Litwan Simonas Daukantas kiteb li fiż-żminijiet imgħoddija tal-Litwanja, “skilandis” kien ikel li kien jiġi offrut lill-mistednin. “Skilandis” jissemma wkoll f’ħafna xogħlijiet klassiċi oħra tas-seklu 19 u 20 fil-letteratura Litwana. Mappa fil-“Lietuvių kalbos atlasas” [Atlas tal-lingwa Litwana] (Vilnius, 1977) li turi d-distribuzzjoni tal-kelma “skilandis”, turi li l-isem ta’ dan l-oġġett tal-ikel kien magħruf fil-partijiet kollha tal-Litwanja ħlief fil-Majjistral.

Fl-imgħoddi, il-ġilda ta’ “skilandis” kienet issir mill-istonku tal-ħanżir imma, mill-bidu tas-seklu 20, din bdiet issir mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Ġeneralment, “skilandis” artiġjanali jkunu magħmula mil-laħam tal-majjal biss, filwaqt li n-negozji li jipproċessaw il-laħam jużaw kemm majjal kif ukoll ċanga għall-produzzjoni tiegħu.

“Skilandis” huwa deskritt fil-“Lietuviška tarybinė enciklopedija” [l-Enċiklopedija Litwana Sovjetika] (Vilnius, 1983) kif ġej: “zalzett nej jew affumikat magħmul minn laħam mhux imqatta’ fin. Huwa magħmul minn laħam xaħmi tal-majjal (≈ 85 %) u minn laħam taċ-ċanga (≈ 15 %). Il-laħam jitqatta’ f’biċċiet ta’ bejn 2 cm u 3 cm b’1,5 cm. Jintefa’ l-melħ (≈ 3,5 % tat-taħlita tal-laħam), salnitru (nitrit tas-sodju), zokkor, bżar iswed, bżar tal-Ġamajka u tewm. Il-mili jitqiegħed fil-ġilda magħmula mill-istonku jew mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mir-rektum jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Normalment ikun affumikat. Jiġi prodott f’fabbriki li jipproċessaw il-laħam jew fid-djar tan-nies.”

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri biex jiġi kkontrollat il-karattru speċifiku (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007).

Il-kontrolli li jsiru jkopru:

il-konformità tal-materja prima mar-rekwiżiti stipulati;

l-osservazzjoni tal-ordni korretta tal-istadji fil-proċess tal-produzzjoni;

ir-rispett tal-parametri fil-proċess tal-produzzjoni;

kemm idum l-istadju tat-tnixxif tal-prodott;

il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodott aħħari (id-dehra, it-togħma, ir-riħa, il-kulur, il-konsistenza);

L-indikaturi fiżikokimiċi tal-prodott aħħari (l-indewwa, il-kontenut ta’ proteini minbarra l-kollaġen, il-kontenut tal-melħ komuni, il-pH, il-kontenut tax-xaħam);

il-ħżin tal-prodott aħħari. It-temperatura ambjentali u l-umdità jiġu kkontrollati waqt il-ħżin.

L-awtorità li tispezzjona twettaq il-kontrolli meħtieġa, li jridu jsiru minn tal-anqas darba fis-sena. L-awtorità li tispezzjona terġa’ teżamina s-sistemi ta’ monitoraġġ u l-punti kritiċi ta’ kontroll tal-produtturi u tikkontrolla d-dokumentazzjoni tal-produtturi.

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

4.1.   Isem u indirizz

Isem

:

Lietuvos Respublikos valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba

Indirizz

:

Siesikų g. 19

LT-07170 Vilnius

LIETUVA/IL-LITWANJA

Tel

:

+370 52404361

Email

:

vvt@vet.lt

☒ Pubbliku

☐ Privat

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità

L-awtorità li tispezzjona, li ġiet imsemmija fil-punt 4.1, hija responsabbli mill-monitoraġġ tal-kriterji kollha li huma stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(2)  Nru tal-KE: LT-TSG-0107-01274-10.11.2014.

(3)  Nru tal-KE: LT-TSG-007-0032-15.6.2005 (Ara l-ĠU C 106, 8.5.2009, p. 27).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1). Regolament imħassar u sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 1151/2012.

(5)  Ara n-nota 3 ta’ qiegħ il-paġna.

(6)  Ara n-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna.