16.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/13


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta’ Ġunju 2015

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.6800 — PRSfM/STIM/GEMA/JV)

(innotifikat taħt id-dokument C(2015)4061)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2015/C 341/08)

Fis-16 ta’ Ġunju 2015 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

PRS for Music Limited (“PRSfM”, ir-Renju Unit), Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (“STIM”, l-Iżvezja) u Gesellschaft für musikalische Aufführungs — und mechanische Vervielfältigungsrechte (“GEMA”, il-Ġermanja) huma organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv (OMK), magħrufin ukoll bħala soċjetajiet kolletturi.

II.   L-OPERAZZJONI

(2)

Fit-28 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika formali ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), li permezz tagħha l-impriżi PRSfM, STIM u GEMA (“il-Partijiet Notifikanti”) jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta (l-“IK”) li għadha kif inħolqot permezz ta’ xiri ta’ ishma. Il-konċentrazzjoni kienet notifikata lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni fuq talba tal-Partijiet Notifikanti skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

III.   SOMMARJU

(3)

PRSfM, STIM u GEMA huma organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Huma joħorġu liċenzji għad-drittijiet tal-awtur f’kanzunetti u xogħlijiet mużikali oħrajn (minn hawn’ il quddiem it-terminu “kanzunetti” se jintuża biex jindika t-tnejn li huma). Il-Partijiet Notifikanti beħsiebhom joħolqu impriża konġunta ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ mużika onlajn u servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

(4)

Filwaqt li t-tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji onlajn, id-Deċiżjoni ssib li t-tranżazzjoni tirriżulta f’impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur pprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-“pubblikaturi tat-tielet għażla” (2) fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ liċenzji multiterritorjali.

(5)

Sabiex ineħħu dan it-tħassib, il-Partijiet Notifikanti ppreżentaw dawn l-impenji:

(6)

PRSfM ikkommettiet ruħha li ma tużax il-kontroll tagħha fuq id-drittijiet ta’ eżibizzjoni li tamministra sabiex iġġiegħel lill-pubblikaturi tat-tielet għażla jew lill-fornituri tas-servizzi tagħha jixtru servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur mill-IK. L-IK se tippermetti li soċjetajiet kolletturi u “pubblikaturi tat-tielet għażla” oħrajn jagħżlu liema servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur jixtiequ jużaw.

(7)

L-IK se toffri servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur prinċipali lil soċjetajiet kolletturi oħrajn fuq termini li jkunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji meta mqabbla mat-termini offruti lill-kumpaniji prinċipali tagħha PRSfM, STIM u GEMA. L-IK se tiffaċilita wkoll il-bdil tas-soċjetajiet kolletturi li jiddependu fuq il-bażi ta’ dejta tagħha tad-drittijiet tal-awtur għal fornitur ieħor tas-servizzi tal-bażi ta’ dejta. Is-soċjetajiet kolletturi jistgħu jtemmu l-kuntratt tagħhom mal-IK fi kwalunkwe ħin.

(8)

L-IK mhijiex se tidħol f’kuntratti esklussivi mal-klijenti tagħha għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, din il-possibbiltà tibqa’ għal servizzi ta’ back office.

(9)

Fid-dawl ta’ dawn l-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni proposta ma tibqax tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni, billi d-deċiżjoni tiddependi fuq konformità sħiħa mal-impenji.

IV.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

A.   Sfond għat-tranżazzjoni

1.   It-tipi differenti ta’ drittijiet tal-awtur

(10)

Diversi tipi ta’ drittijiet huma rilevanti għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-mużika u l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu liċenzja biss għal xi tipi. L-ewwel kategorija ta’ drittijiet huma d-drittijiet ta’ reġistrazzjoni, li jipproteġu l-verżjoni rreġistrata ta’ kanzunetta. Dawn id-drittijiet ta’ reġistrazzjoni huma proprjetà tal-artisti (il-persuni li tkun ġiet irreġistrata l-vuċi jew l-istrument tagħhom) jew tal-kumpaniji diskografiċi (il-kumpaniji li jirreġistraw u jbigħu l-mużika). Il-liċenzja tinħarġilhom direttament mill-kumpaniji diskografiċi u f’dan il-każ ma humiex ikkontestati. It-tieni kategorija ta’ drittijiet huma d-drittijiet tal-kanzunetta stess, jiġifieri d-drittijiet tal-kompożizzjoni u tal-lirika tal-kanzunetta. Dawn id-drittijiet huma oriġinarjament proprjetà tal-awturi tal-kanzunetti, jiġifieri l-persuni li jkunu kkomponew il-mużika u kitbu l-lirika.

(11)

Hemm diversi tipi ta’ drittijiet tal-kanzunetti iżda, għal dan il-każ, id-drittijiet onlajn biss huma rilevanti. Id-drittijiet onlajn jikkonsistu f’taħlita ta’ żewġ tipi ta’ drittijiet: id-drittijiet mekkaniċi u ta’ eżibizzjoni għal użu onlajn. Id-drittijiet ta’ eżibizzjoni (li huma proprjetà tal-awturi) huma d-drittijiet li kanzunetta tiġi kkomunikata lill-pubbliku, li tinkludi d-dritt li l-kanzunetta ssir disponibbli għall-pubbliku. Id-drittijiet mekkaniċi huma d-drittijiet ta’ riproduzzjoni ta’ kanzunetta.

(12)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu l-liċenzji għall-kanzunetti biss, mhux id-drittijiet tar-reġistrazzjoni. L-awturi jittrasferixxu d-drittijiet mekkaniċi u ta’ eżibizzjoni tagħhom lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv billi jkun diffiċli għalihom li joħorġu liċenzji għad-drittijiet tal-awtur tagħhom huma stess, billi dan ikun jinvolvi mijiet ta’ tranżazzjonijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jgħaqqdu d-drittijiet ta’ għadd kbir ta’ awturi u mbagħad jagħtu liċenzji ta’ dawn id-drittijiet b’mod kollettiv. Il-pakkett sħiħ ta’ drittijiet li OMK toħroġ liċenzja għalihom b’dan il-mod huwa r-repertorju tal-OMK. Wara l-ħruġ tal-liċenzji għad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jagħmlu monitoraġġ ukoll tal-użu ta’ dawn id-drittijiet u jiġbru r-royalties, jiġifieri l-kumpens dovut lill-awtur għall-użu tal-kanzunetta tiegħu. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jgħaddu r-royalties lill-awturi iżda jnaqqsu kummissjoni għal xogħolhom.

(13)

Tista’ tingħata liċenzja għal drittijiet tal-awtur għal użi differenti. Dan il-każ jikkonċerna l-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awtur għal użu onlajn, magħruf ukoll bħala liċenzji onlajn. Il-pjattaformi onlajn bħal Spotify, Deezer u iTunes jeħtieġ li jakkwistaw dawn il-liċenzji onlajn sabiex joffru l-mużika lill-abbonati tagħhom. Jeħtieġu liċenzja għal kemm id-drittijiet mekkaniċi kif ukoll għad-drittijiet ta’ eżibizzjoni għall-kanzunetti li joffru fuq il-pjattaforma tagħhom.

(14)

Tista’ tingħata liċenzja għad-drittijiet tal-awtur għal pajjiż wieħed jew għal diversi pajjiżi, u dan jirriżulta f’liċenzji monoterritorjali u liċenzji multiterritorjali rispettivament.

2.   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv bħala liċenzjaturi, il-frammentazzjoni tar-repertorju u d-Direttiva CRM

(15)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tradizzjonalment kienu joħorġu liċenzji kemm għal drittijiet ta’ eżibizzjoni kif ukoll għal drittijiet mekkaniċi għal użu onlajn lil pjattaformi onlajn. Tradizzjonalment kienu jagħmlu dan biss għal pajjiżhom stess. Madankollu, kull OMK kellha ftehimiet ma’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn, l-hekk imsejħin ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni reċiproka, u li jippermettulha li toħroġ liċenzji għar-repertorji ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn. B’dan il-mod, kull OMK kienet f’pożizzjoni li toħroġ liċenzja għar-repertorju dinji, iżda għat-territorju tagħha stess biss. Għaldaqstant, il-pjattaformi onlajn kellhom jiksbu liċenzja mingħand l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha fiż-ŻEE sabiex joperaw fiż-ŻEE kollha.

(16)

F’dawn l-aħħar għaxar snin, din l-iskema tradizzjonali nbidlet f’żewġ modi importanti. L-ewwel nett, ċerti organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv bdew joħorġu liċenzji multiterritorjali għar-repertorju tagħhom. Fi kliem ieħor, jagħtu liċenzji għar-repertorju tagħhom mhux biss f’pajjiżhom stess, iżda anke f’pajjiżi oħrajn fiż-ŻEE. Konsegwenza waħda ta’ dan l-iżvilupp hija li dawn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għadhomx jagħtu mandat bla restrizzjonijiet lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn biex joħorġu liċenzja għar-repertorju tagħhom għal użu onlajn f’pajjiżi koperti mil-liċenzja multiterritorjali.

(17)

It-tieni nett, ċerti drittijiet mekkaniċi tneħħew mir-repertorju tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. B’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tilfu d-dritt tagħhom li jagħtu liċenzji onlajn għal parti importanti tad-drittijiet mekkaniċi fir-repertorju Anglo-Amerikan, jiġifieri l-kanzunetti ta’ awturi rreġistrati ma’ soċjetajiet kolletturi fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħrajn li jitkellmu bl-Ingliż. L-awturi f’dawn il-pajjiżi li jitkellmu bl-Ingliż tradizzjonalment assenjaw id-drittijiet mekkaniċi tagħhom lill-pubblikaturi tal-mużika u lill-kumpaniji li jgħinu lill-awturi fil-ħolqien ta’ kanzunetti u fir-riċeviment ta’ pagamenti għall-użu tal-kanzunetti tagħhom. Minħabba li l-pubblikaturi kienu kisbu d-drittijiet mekkaniċi permezz ta’ assenjazzjoni, setgħu jirtiraw id-drittijiet mekkaniċi tagħhom mis-sistema ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u jagħtu liċenzji għad-drittijiet mekkaniċi tagħhom direttament huma stess. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-repertorji mhux Anglo-Amerikani, l-awturi tradizzjonalment ma assenjawx id-drittijiet mekkaniċi tagħhom lill-pubblikaturi. Minflok, l-awturi tradizzjonalment irreġistraw id-drittijiet mekkaniċi tagħhom ma’ OMK.

(18)

Il-pubblikaturi li rtiraw id-drittijiet mekkaniċi onlajn tagħhom mir-repertorji tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv huma magħrufin bħala l-pubblikaturi tat-tielet għażla. Din id-denominazzjoni tirriżulta minn valutazzjoni tal-impatt qabel ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2005 dwar l-immaniġġjar kollettiv transfruntier tad-drittijiet tal-awtur għal użu onlajn. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2005 irrakkomandat, fost l-oħrajn, li l-pubblikaturi għandu jkollhom id-dritt li jirtiraw id-drittijiet onlajn tagħhom u jittrasferixxu l-ġestjoni multiterritorjali ta’ dawk id-drittijiet għal OMK tal-għażla tagħhom. Il-pubblikaturi tat-tielet għażla jinkludu l-pubblikaturi prinċipali kollha u xi pubblikaturi iżgħar. Il-pubblikaturi tat-tielet għażla normalment joħorġu liċenzji għar-repertorju tagħhom fuq bażi multiterritorjali, f’kooperazzjoni ma’ OMK waħda jew aktar li jaġixxu bħala fornitur ta’ servizz jew aġent. L-irtirar mill-pubblikaturi tat-tielet għażla jikkonċerna biss id-drittijiet mekkaniċi għal użu onlajn, mhux għal użu offlajn.

(19)

Iż-żewġ żviluppi deskritti hawn fuq, jiġifieri l-irtirar tad-drittijiet mekkaniċi Anglo-Amerikani mill-pubblikaturi tat-tielet għażla u l-moviment lejn ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali minn xi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv iżda mhux kollha, għamluha diffiċli għal pjattaformi onlajn biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa. Pjattaformi onlajn mhux biss ikollhom jiksbu liċenzji mingħand l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha iżda anke għadd ta’ liċenzji addizzjonali mill-pubblikaturi tat-tielet għażla. Barra minn hekk, dawn l-iżviluppi ħolqu sfidi għall-amministrazzjoni tal-liċenzji tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u s-sistemi ta’ proċessar, billi l-frammentazzjoni tar-repertorju għamlitha aktar diffiċli biex ir-royalties dovuti jiġu kkalkulati bi preċiżjoni.

(20)

Din is-sitwazzjoni reċentement wasslet għal intervent regolatorju mill-UE fil-forma tad-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użu onlajn fis-suq intern (“id-Direttiva CRM”). Id-Direttiva CRM ġiet adottata fi Frar 2014 u twaqqaf qafas li jippromwovi l-aggregazzjoni ta’ repertorji mużikali differenti għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali onlajn mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Madankollu, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv involuti fi ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali jridu jikkonformaw ma’ sensiela ta’ rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva CRM.

3.   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fil-forniment ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla u organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn

(21)

Kif imsemmi, il-pubblikaturi tat-tielet għażla joħorġu liċenzji għad-drittijiet mekkaniċi tagħhom infushom madwar iż-ŻEE. Din l-attività ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali onlajn teħtieġ in-negozjar ta’ liċenzji, il-monitoraġġ tal-użu ta’ dawn il-liċenzji, il-kalkolazzjoni tar-royalties dovuti u l-ġbir ta’ pagamenti tar-royalties minn pjattaformi onlajn għall-kanzunetti li jindaqqu. Il-pubblikaturi tat-tielet għażla bħalissa jiddependu fuq l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex iwettqu dan ix-xogħol. Is-servizzi pprovduti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward tal-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awtur tagħhom jissejħu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Sabiex l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv iwettqu dawn is-servizzi, il-pubblikaturi tat-tielet għażla jużaw l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv bħala l-fornitur ta’ servizz jew l-aġent tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv imbagħad jinnegozjaw il-ftehim ta’ ħruġ ta’ liċenzji mal-pjattaformi onlajn iżda t-termini tal-ħruġ ta’ liċenzji jridu jkunu approvati mill-pubblikatur tat-tielet għażla. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu anke jipprovdu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn. Pereżempju, OMK għandha mnejn tippreferi li ma twaqqafx l-għodda ta’ pproċessar meħtieġa għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali innifsu u minflok titlob lil OMK oħra tinvolvi ruħha fi ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali f’isimha.

4.   L-IK

(22)

L-IK li l-Partijiet Notifikanti beħsiebhom joħolqu se jkollha żewġ funzjonijiet ewlenin. L-ewwel nett, l-IK se toħroġ liċenzji multiterritorjali onlajn għar-repertorju kkombinat ta’ PRSfM, STIM u GEMA għal pjattaformi onlajn li huma attivi f’aktar minn pajjiż wieħed, jiġifieri pjattaformi multiterritorjali onlajn. Skont il-Partijiet Notifikanti, l-IK hija reazzjoni diretta għad-Direttiva CRM, billi din id-Direttiva tippromwovi l-aggregazzjoni tar-repertorji għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali onlajn.

(23)

It-tieni nett, l-IK se toffri servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla u lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn.

B.   Il-prodott rilevanti u s-swieq ġeografiċi

1.   Is-suq għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ipprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali

(24)

L-IK se tipprovdi servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla u lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali (3). Billi l-amministrazzjoni tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali hija aktar kumplessa mill-amministrazzjoni tal-liċenzji monoterritorjali (ġenerali), il-Kummissjoni tqis li s-suq rilevanti tal-prodott huwa s-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward ta’ liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali.

(25)

Il-Kummissjoni tqis li dan is-suq huwa mifrux maż-ŻEE kollha fl-ambitu tiegħu.

2.   Is-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji għal użu onlajn

(26)

L-IK se toħroġ liċenzji għad-drittijiet onlajn f’kanzunetti fuq bażi multiterritorjali. Dawn id-drittijiet jinkludu drittijiet mekkaniċi u ta’ eżibizzjoni. F’Sony/Mubadala/EMI Music Publishing, il-Kummissjoni ddefinixxiet suq separat għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet onlajn f’kanzunetti. Il-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll is-suq tal-prodott rilevanti f’dan il-każ bħala s-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet onlajn f’kanzunetti jew, fil-qosor, is-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji onlajn. Huwa possibbli li s-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji onlajn ikopri suq aktar strett, jiġifieri s-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali onlajn jew saħansitra suq aktar strett minn hekk, jiġifieri s-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali onlajn li fih huma attivi l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv (mhux il-pubblikaturi tat-tielet għażla). Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi jekk dan huwiex il-każ, billi anke f’dawn is-swieq aktar stretti t-tranżazzjoni ma toħloqx kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni.

(27)

L-ambitu ġeografiku tas-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet għall-pubblikazzjoni tal-mużika onlajn huwa mifrux madwar iż-ŻEE kollha.

C.   Valutazzjoni kompetittiva

1.   Is-suq għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur b’rabta mal-amministrazzjoni tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali

(28)

Is-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur b’rabta mal-amministrazzjoni tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali huma pprovduti lill-pubblikaturi tat-tielet għażla u lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(29)

Fil-preżent, erba’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdu l-biċċa l-kbira tas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla. Dawn huma l-PRSfM, l-OMK Franċiża SACEM, GEMA u STIM. Is-sehem li jibqa’ mis-suq huwa kopert minn ftit organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ta’ daqs medju. Is-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv b’rabta mal-liċenzji multiterritorjali għadhom kemm bdew jiġu żviluppati.

(30)

L-IK se tgħaqqad l-attivitajiet ta’ tlieta mill-erba’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu l-biċċa l-kbira tas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla. Dan jista’ jillimita wkoll l-għadd ta’ kombinazzjonijiet attwali jew potenzjali ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv (“hubs”) li attwalment qed jipprovdu u se jipprovdu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fil-futur.

(31)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-effett antikompetittiv tat-tranżazzjoni ma jfeġġx minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni li tirriżulta mit-tranżazzjoni, iżda minn żieda fl-ostakoli għad-dħul u l-espansjoni. Fir-rigward tal-pubblikaturi tat-tielet għażla, iż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq li tirriżulta mit-tranżazzjoni hija żgħira minħabba li, diġà llum, PRSfM u GEMA jipprovdu s-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur b’mod konġunt u għalhekk ma jikkompetux ma’ xulxin. Barra minn hekk, STIM titlef ħafna mis-sehem fis-suq tagħha ladarba l-mandat mogħti lilha minn Kobalt jiskadi. Għaldaqstant, iż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq hija żgħira. Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, filwaqt li t-tranżazzjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ hubs attwali jew potenzjali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-kuntest kompetittiv huwa pjuttost frammentat u għadu qed jiżviluppa biex b’hekk il-hubs li qegħdin jikkompetu xorta jistgħu jiżviluppaw.

(32)

Madankollu, it-tranżazzjoni toħloq ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni. Bħalissa, l-ostakoli għad-dħul għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv huma baxxi. Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ta’ daqs żgħir u medju jistgħu jidħlu fis-suq u jibdew jipprovdu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla mingħajr wisq diffikultà. Dawn ikollhom aċċess għal bażijiet tad-dejta tad-drittijiet tal-awtur, li huma kruċjali biex jipprovdu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur minħabba li juru biċ-ċar, għal kull kanzunetta, min għandu liema drittijiet. Barra minn hekk, b’mod partikulari fir-rigward tas-servizzi pprovduti lill-pubblikaturi tat-tielet għażla, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom relazzjonijiet kontinwi mal-pubblikaturi minħabba li l-pubblikaturi huma membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(33)

It-tranżazzjoni se tagħmel id-dħul mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv aktar diffiċli għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba l-preżenza akbar tal-IK fis-suq, PRSfM ikollha inċentiv ikbar biex tikkontrolla d-drittijiet ta’ eżibizzjoni Ingliżi biex tostakola jew iddewwem id-dħul ta’ kompetitur.

(34)

It-tieni nett, meta organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiddependu fuq l-IK għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, huma x’aktarx jikkontribwixxu d-dejta tagħhom għall-bażi tad-dejta tad-drittijiet tal-awtur tal-IK bl-isem ta’ ICE. Dawn imbagħad iwaqqfu l-investiment fil-bażi tad-dejta tagħhom u jsiru dipendenti fuq l-IK. B’riżultat ta’ dan, dawn jisfaw ikkonfinati fil-bażi tad-dejta ICE u ma jkunux jistgħu jaqilbu għal OMK oħra li tipprovdi servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, l-IK tista’ tiddeċiedi li toffri tipi differenti ta’ servizzi bħala grupp minflok fuq bażi awtonoma, u b’hekk, għal darb’ oħra, tagħmilha diffiċli għall-klijenti li jiddependu fuq sors ieħor għal ċerti servizzi.

(35)

It-tielet nett, meta l-pubblikaturi tat-tielet għażla jew l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiddependu fuq l-IK għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur, huma se jkollhom jużaw is-servizzi tal-IK b’mod esklużiv. Din l-esklużività tagħmilha aktar diffiċli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ġodda sabiex jidħlu fis-suq u għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv eżistenti biex jespandu.

(36)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tranżazzjoni tagħmilha aktar diffiċli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn sabiex jidħlu fis-suq u għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv eżistenti biex jespandu. Għaldaqstant, it-tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq mifrux madwar iż-ŻEE kollha għal servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ipprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward ta’ liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali.

2.   Is-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji għal użu onlajn

(37)

Il-Kummissjoni kkalkulat is-sehem mis-suq tal-IK billi għaddet flimkien l-ishma mis-suq tar-repertorji li x’aktarx jiġu inklużi fil-liċenzja tal-IK.

(38)

Il-Kummissjoni kkalkulat l-ishma mis-suq abbażi tad-definizzjonijiet tas-suq tal-prodott possibbli differenti. Is-sehem mis-suq tal-IK huwa ogħla fis-suq tal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mifrux madwar iż-ŻEE kollha milli fis-suq tal-għoti ta’ liċenzji mifrux madwar iż-ŻEE li jinkludi kemm drittijiet monoterritorjali kif ukoll drittijiet multiterritorjali. Rigward is-suq aktar strett ta’ għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għal użu onlajn, is-sehem mis-suq tal-IK ikun ta’ [20-30] % wara t-tranżazzjoni.

Qabel it-tranżazzjoni

Wara t-tranżazzjoni

PRSfM

STIM

GEMA

MCPS

PRSfM

IK

[10-20] %

[5-10] %

[5-10] %

[5-10] %

[5-10] %

[20-30] %

(39)

F’suq saħansitra aktar strett, is-suq mifrux madwar iż-ŻEE kollha għall-liċenzji multiterritorjali mogħtija minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv (u bl-esklużjoni ta’ liċenzji mogħtija mill-pubblikaturi tat-tielet għażla), is-sehem mis-suq tal-IK ikun saħansitra ogħla għal [30-40] %

(40)

L-ishma mis-suq huma punt tat-tluq għall-valutazzjoni tal-pożizzjoni fis-suq tal-IK fil-konfront tal-pjattaformi onlajn. Madankollu, minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet għall-pubblikazzjoni tal-mużika onlajn, il-Kummissjoni tagħti wkoll ħafna importanza lil elementi oħrajn. L-ispeċifiċitajiet ta’ dan is-suq jinkludu l-fatt li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom monopolju fuq il-ħruġ tal-liċenzji għar-repertorju nazzjonali tagħhom u l-fatt li hemm ċertu livell ta’ komplementarjetà bejn ir-repertorji differenti offruti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti. Dan jixhdu l-fatt li ħafna pjattaformi onlajn ma jagħtux liċenzja għal repertorju wieħed biss iżda għal diversi repertorji. Għaldaqstant, l-effett li jiġu kkombinati diversi repertorji ma jistax jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-ishma fis-suq biss.

(41)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet analiżi empirika dwar kif id-daqs ta’ repertorju jaffettwa l-pożizzjoni ta’ negozjar tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u, fl-aħħar mill-aħħar, it-termini tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-pjattaformi onlajn. Għal dan l-għan il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ sorsi ta’ evidenza empirika. Il-Kummissjoni (1) ivvalutat l-evidenza mill-investigazzjoni tas-suq, (2) irrieżaminat l-analiżi u l-valutazzjonijiet interni tal-Partijiet Notifikanti, (3) irrieżaminat il-ftehimiet kummerċjali bejn diversi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u pjattaformi onlajn u (4) wettqet analiżi kwantitattiva tal-pagamenti ta’ royalties li saru minn pjattaformi onlajn lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(42)

L-analiżi tal-ftehimiet kummerċjali u l-analiżi kwantitattiva ma wrewx relazzjoni sistematika bejn repertorji ikbar u termini aħjar ta’ ħruġ ta’ liċenzji. L-investigazzjoni tas-suq u l-analiżi tal-analiżi u l-evalwazzjonijiet proprji tal-Partijiet Notifikanti kienu mħallta, jiġifieri kellhom elementi li jissuġġerixxu iktar setgħa ta’ negozjar u xi elementi li jissuġġerixxu l-kuntrarju. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex jiġi konkluż li r-repertorju ikbar tal-IK se jagħtiha iktar setgħa ta’ negozjar u, għaldaqstant, iwassal għal termini ta’ ħruġ ta’ liċenzji li jkunu agħar għall-pjattaformi onlajn. Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa improbabbli li l-ħolqien tal-IK se jwassal għal aktar termini ta’ ħruġ ta’ liċenzji onerużi għall-pjattaformi onlajn. Għaldaqstant, huwa improbabbli li t-tranżazzjoni timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq mifrux madwar iż-ŻEE kollha għall-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet għall-pubblikazzjoni tal-mużika onlajn.

3.   Aspetti oħrajn

(43)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk it-tranżazzjoni twassalx għal effetti antikompetittivi minħabba li dan iwassal għall-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Fid-dawl tal-miżuri ta’ separazzjoni tan-negozju li se jimplimentaw il-Partijiet Notifikanti u tal-fatt li t-tranżazzjoni mhux se tibdel b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni attwali rigward l-aggregazzjoni tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tranżazzjoni ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva b’riżultat ta’ żieda ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(44)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-effetti konsegwenzjali possibbli minħabba li l-Partijiet Notifikanti jżommu ċerti attivitajiet fis-suq tal-ħruġ ta’ liċenzji onlajn li fih tkun attiva l-IK. Abbażi tad-differenzi fil-klijenti, fl-ambitu ġeografiku tal-liċenzja u fir-repertorju kopert, u fid-dawl tas-separazzjoni tan-negozju li se jimplimentaw il-Partijiet Notifikanti, il-Kummissjoni ma tqisx li t-tranżazzjoni tagħmel aktar probabbli l-koordinazzjoni u, għaldaqstant, l-effetti konsegwenzjali bejn il-Partijiet Notifikanti.

4.   Konklużjoni

(45)

It-tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq mifrux madwar iż-ŻEE kollha għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ipprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali.

D.   Kummenti mressqin mill-Partijiet Notifikanti

(46)

L-għan ġenerali tal-impenji huwa li s-suq mifrux madwar iż-ŻEE għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ipprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward ta’ liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali jinżamm kuntestabbli, jiġifieri jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-suq u l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv eżistenti jkunu jistgħu jespandu. L-impenji jinkludu tliet elementi ewlenin.

(47)

L-ewwel element ewlieni jindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni li PRSfM tista’ tuża d-drittijiet ta’ eżibizzjoni tagħha biex tagħmilha aktar diffiċli għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn li jidħlu fis-suq. Fil-preżent, meta l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdu servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur lill-pubblikaturi tat-tielet għażla, huma jiksbu mandat minn PRSfM li jippermettilhom jinnegozjaw il-liċenzji għad-drittijiet ta’ eżibizzjoni ta’ PRSfM. B’dan il-mod, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu jinnegozjaw dwar kemm id-drittijiet mekkaniċi tal-pubblikaturi tat-tielet għażla kif ukoll dwar id-drittijiet abbinati ta’ eżibizzjoni, ikkontrollati minn PRSfM. PRSfM timpenja ruħha li l-għoti ta’ tali mandat ma jsirx fuq il-kundizzjoni li l-OMK jew il-pubblikatur tat-tielet għażla jiddependu fuq l-IK għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

(48)

Apparti l-mandat għan-negozjar dwar id-drittijiet ta’ eżibizzjoni ta’ PRSfM, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu s-servizzi lill-pubblikaturi tat-tielet għażla wkoll jeħtieġu li jiksbu l-kunsens ta’ PRSfM għal kull ftehim speċifiku ta’ liċenzja li l-OMK tinnegozja f’isem il-pubblikatur tat-tielet għażla. PRSfM timpenja ruħha li l-għoti tal-kunsens għal dawn il-ftehimiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji ma jsirx fuq il-kundizzjoni li l-OMK jew il-pubblikatur tat-tielet għażla jiddependu fuq l-IK għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur.

(49)

It-tieni element ewlieni tal-impenji għandu l-għan li jiżgura li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jiddependu fuq l-IK ma “jisfawx ikkonfinati”, għaliex dan jagħmilha aktar diffiċli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ġodda li jidħlu fis-suq. Fost oħrajn, il-Partijiet Notifikanti jimpenjaw ruħhom li jagħtu għażla lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward tas-servizzi speċifiċi li jkunu jridu jużaw, minflok l-iggruppar tas-servizzi kollha. Il-Partijiet Notifikanti jimpenjaw ruħhom ukoll li joffru servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq termini li jkunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Huma jimpenjaw ruħhom ukoll li jippermettu li organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jiddependu fuq il-bażi ta’ dejta tal-IK joħorġu mill-bażi tad-dejta u jiksbu estratt tad-dejta marbut max-xogħlijiet tagħhom.

(50)

It-tielet element ewlieni tal-impenji huwa impenn li l-IK ma tidħolx f’mandati esklussivi jew uniċi ma’ ebda klijent tal-uffiċju tan-negozjar tal-IK.

(51)

It-tul ta’ żmien tal-impenji huwa ta’ għaxar snin.

(52)

Il-Kummissjoni tqis li l-impenji se jiżguraw li s-suq għas-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ipprovduti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u lill-pubblikaturi tat-tielet għażla fir-rigward ta’ liċenzji multiterritorjali tranżazzjonali jibqgħu kuntestabbli. L-ewwel element ewlieni tal-impenji jneħħi l-kapaċità li PRSfM tuża d-drittijiet ta’ eżibizzjoni tagħha biex iġġiegħel lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jew lill-pubblikaturi tat-tielet għażla jużaw is-servizzi tal-IK. It-tieni element ewlieni jiżgura li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikunu jistgħu jaqilbu mill-IK għal OMK oħra li toffri s-servizzi ta’ amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur. It-tielet element ewlieni jiżgura li dan ma jkunx biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv iżda anke għall-pubblikaturi tat-tielet għażla. Flimkien, dawn l-impenji jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-suq u l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv eżistenti jkunu jistgħu jespandu s-servizzi tagħhom. Il-possibbiltà ta’ dħul u ta’ espansjoni se teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq l-IK u twassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li, soġġetta għal konformità mal-impenji, it-tranżazzjoni mhux se jkollha effetti antikompetittivi.

(53)

Għaldaqstant, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li, abbażi tal-impenji mressqa mill-Partijiet Notifikanti, il-konċentrazzjoni notifikata ma tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva.

V.   KONKLUŻJONI

(54)

Għal dawn ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni kif modifikata bl-impenji mressqa fl-10 ta’ April 2015 mhijiex se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’xi parti sostanzjali minnu.

(55)

Konsegwentement, il-konċentrazzjoni hija ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Għal deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-“pubblikaturi tat-tielet għażla” ara l-paragrafi 16 u 17.

(3)  L-ammont dovut għal liċenzja tranżazzjonali huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ kull stream jew tniżżil individwali ta’ kanzunetta.