6.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/14


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 189/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“ΠΑΦΙΤΙΚΟ ΛΟΥΚΑΝΙΚΟ” (PAFITIKO LOUKANIKO)

Nru tal-UE: CY-PGI-0005-01244 — 17.07.2014

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Παφίτικο Λουκάνικο” (Pafitiko Loukaniko)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ċipru

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajrin, immelħin, fumigati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

Il-“Pafitiko Loukaniko” huwa zalzett magħmul minn laħam tal-majjal imqatta' (jintuża l-annimal kollu). Wara li jitneħħew l-għadam u x-xaħam, il-laħam ikkapuljat jitħalla jsir fl-inbid aħmar mhux ħelu li jiġi prodott fiż-żona ta' Paphos u miegħu jiżdied il-melħ. Meta jkun kompletament lest, il-laħam imqatta' jitqiegħed fil-musrana tal-majjal. Kull biċċa tintewa/titgħawweġ sabiex kull ringiela ta' zalzett tkun tikkonsisti f'6-10 biċċiet (teratsia). Dawn jiddendlu għal jumejn jew tlitt ijiem fi spazju magħluq f'kundizzjonijiet ikkontrollati biex jinxfu, b'temperatura massima ta' 45 grad Celsius u umdità baxxa. Il-“Pafitiko Loukaniko” jista' jittiekel imsajjar f'ħafna modi differenti.

Il-“Pafitiko Loukaniko” għandu l-karatteristiċi li ġejjin (għal kull zalzetta):

Karatteristiċi fiżiċi:

Forma: twila, dejqa u ċilindrika

Daqs: dijametru ta' kważi 3 cm; it-tul u l-piż ivarjaw skont l-għażla tal-produttur.

Karatteristiċi kimiċi:

pΗ: 4-5,5, proteina: 20-30 %, xaħam: 22-35 %, kontenut ta' umdità: 38-48 %, klorur tas-sodju (melħ): 1,5-2,5 %

Karatteristiċi organolettiċi:

Lewn: ġeneralment kannella, b'medda ta' rqajja' minn bojod sa kannella skur (kważi iswed).

Konsistenza: lixx fuq barra.

Togħma: meta z-zalzett ikun lest, ikollu togħma karatteristika li ġejja mill-inbid u l-ħwawar kollha miżjuda miegħu (l-aktar il-kosbor, il-kemmun u l-bżar iswed).

Aroma: aroma tal-inbid u l-ħwawar miżjuda (l-aktar il-kosbor, il-kemmun u l-bżar iswed).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Laħam frisk tal-majjal minn annimali b'saħħithom li jkunu nqatlu skont il-liġi (id-demm skulat kompletament u tkessiħ fil-pront). Mal-kunsinna l-laħam irid ikun ta' lewn aħmar ċar u jkollu riħa friska u temperatura ta' 0–7 °C (skont ir-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 (2) u (KE) Nru 853/2004 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendati jew sostitwiti) u pH ta' 5,3-6,

Il-musrana tal-majjal, li tkun ġiet maħsula u mnaddfa u tinżamm fil-melħ b'temperatura ta' anqas minn 3 °C. Mal-kunsinna jsiru l-kontrolli biex jiġi żgurat li l-musrana hija nadifa u għandha riħa friska,

Inbid aħmar mhux ħelu prodott fil-fabbriki tal-inbid jew mill-produtturi tal-inbid fid-Distrett ta' Paphos minn għeneb tal-varjetà lokali Mavro li jikber fid-Distrett ta' Paphos. Mal-kunsinna tal-inbid isiru kontrolli biex jiġi żgurat li għandu l-aroma karatteristika ta' din il-varjetà, li l-kontenut tal-alkoħol huwa bejn 12 u 14 % u li l-kontenut ta' zokkor huwa inqas minn 4 g/lt,

Melħ oħxon tal-kċina (ma jintużax melħ fin biex il-laħam ma jixrobx melħ żejjed),

Ħwawar obbligatorji: kosbor mitħun, kemmun u bżar iswed,

Jistgħu jintużaw aktar ħwawar skont kif wieħed jippreferi: kannella mitħuna, imsiemer tal-qronfol mitħun u frott żgħir tal-mastika.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-ipproċessar u l-preparazzjoni tal-“Pafitiko Loukaniko”.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-konfini amministrattivi tad-Distrett ta' Paphos.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika, jiġifieri d-Distrett ta' Paphos, ġejja mill-kundizzjonijiet klimatiċi u idroġeoloġiċi (irjiħat umdi mill-Punent, xita qawwija, żiffa tal-baħar, eċċ.) li jaffettwaw il-koltivazzjoni u l-iżvilupp tal-għenba lokali u għaldaqstant il-kwalità u l-karatteristiċi tal-inbejjed. Barra minn hekk, it-tradizzjonijiet storiċi u folkloristiċi taż-żona huma xhieda tal-għarfien espert u tal-esperjenza tan-nies tal-post fil-preparazzjoni tal-“Pafitiko Loukaniko”.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-“Pafitiko Loukaniko” ġejja qabel xejn mir-reputazzjoni li jgawdi meta jitqabbel ma' prodotti oħra simili. Il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu u b'mod partikolari t-togħma, ir-riħa u d-dehra tiegħu huma r-riżultat tal-għarfien espert tradizzjonali tan-nies tal-post li għadda minn ġenerazzjoni għal oħra, u ġejjin ukoll mill-inbid prodott mill-għenba ta' Mavro mkabbra ġewwa ż-żona ġeografika ddefinita u b'mod partikolari fiż-żoni tad-Distrett li jinsabu f'għoli ta' aktar minn 500 metru. Kif tispjega Florentia Kithraiotou b'mod ċar f'Il-Ktieb tal-Inbid ta' Ċipru, l-ambjent u l-kundizzjonijiet li fihom jiżviluppaw u jimmaturaw id-dwieli huma wieħed mill-iktar fatturi importanti li jaffettwaw il-karatteristiċi tal-inbid li jiġi prodott. Għaldaqstant il-“Pafitiko Loukaniko” jikseb il-karatteristiċi tiegħu mill-inbid u l-inbid jikseb il-karatteristiċi tiegħu mill-ħamrija u l-klima tad-Distrett ta' Paphos.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

L-għarfien espert tal-produtturi fiż-żona ġeografika ddefinita huwa importanti biex jissawru l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott finali. Ta' dan hemm xhieda f'sorsi storiċi u folkloristiċi bħal Kypriaki Laografia ton Zóon [L-annimali fil-folklor Ċiprijott] ta' P. Xioutas, Kypriaka Ithi kai Ethima [Il-mod ta' għajxien u d-drawwiet Ċiprijotti] ta' G. Papacharalambous u I Geroskipou — istoriki kai laografiki meleti [Geroskipou — Storja u Folklor] ta' S. Chatzikypriakou, li jsemmu l-qtil ritwali speċjali tal-majjali, il-ħtieġa li jinstabu modi kif jiġi ppreservat il-laħam fin-nuqqas tat-teknoloġija u l-mod kif kien jiġi ppreparat il-“Pafitiko Loukaniko”. Dawn il-pubblikazzjonijiet jinnutaw ukoll b'mod speċifiku l-kwalità superjuri taz-zalzett, li kien u għadu fost l-aqwa magħrufa f'Ċipru, kif hemm xhieda ta' dan minn studji, pubblikazzjonijiet, gwidi turistiċi u websajts tat-turiżmu reċenti, bħal pereżempju I politismiki klironomia tis Pafou kai i apihisi tis stous neous [Il-wirt kulturali ta' Paphos u l-għala ż-żgħażagħ jinġibdu lejha] (dissertazzjoni) ta' K. Sousouri, http://www.all4cyprus.com/kypriaki-kouzina, Il-Mappa kulinarja ta' Ċipru (Id-Dipartiment tal-Agrikoltura, 2010) u Paradosiaki Diatrofi Prosfigikon kai Ektos Sinoron Ellinismou [Id-dieta tradizzjonali tar-refuġjati Griegi u d-diaspora Griega] (T. Tsourí, et al.). Fl-aħħar nett, il-karatteristiċi tal-kwalità tal-“Pafitiko Loukaniko” ġejjin xejn inqas ħlief mill-użu tal-inbid magħmul mill-għenba ta' Mavro li tikber fiż-żona ġeografika ddefinita.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament (4))

http://www.moa.gov.cy/moa/da/da.nsf/All/F3FF567F4E8FF1C5C2257B970039D8EF/$file/Προδιαγραφή_Παφίτικο%20Λουκάνικο.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.