29.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/11


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-24 ta’ Frar 2015

li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.7194 — Liberty Global/Corelio/W&W/De Vijver Media)

(notifikata bid-dokument C(2015) 996 finali)

(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2015/C 175/08)

Fl-24 ta’ Frar 2015 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa, billi l-każ jista’ jkun fil-forma ta’ verżjoni provviżorja, hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, f’dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Liberty Global plc (“Liberty Global”) jipprovdi servizzi tat-televiżjoni, tal-Internet u tat-telefonija permezz tan-netwerks tal-kejbil f’diversi pajjiżi fl-Ewropa. Fil-Belġju, Liberty Global huwa l-azzjonist kontrollanti ta’ Telenet. Telenet huwa s-sid ta’ netwerk tal-kejbil u joperah. In-netwerk ikopri kważi l-Fjandri kollha, partijiet ta’ Brussell u muniċipalità waħda fil-Vallonja. Telenet jopera wkoll għadd ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas u servizzi ta’ vidjows fuq talba.

(2)

Waterman & Waterman NV (“Waterman & Waterman”) hija kumpanija azzjonarja finanzjarja kkontrollata minn żewġ individwi, jiġifieri Wouter Vandenhaute u Erik Watté.

(3)

Corelio Publishing NV (“Corelio Publishing”) tippubblika gazzetti, aħbarijiet onlajn u tbigħ spazji għar-reklamar.

(4)

De Vijver Media NV (“De Vijver Media”) ixandar żewġ stazzjonijiet tat-televiżjoni bin-Netherlandiż, “Vier” u “Vijf”. Jipproduċi wkoll kontenut televiżiv, l-aktar permezz tas-sussidjarju tiegħu Woestijnvis NV. Barra minn hekk, De Vijver Media jbigħ spazji għar-reklamar fuq l-istazzjonijiet tiegħu Vier u Vijf u fuq xi stazzjonijiet tat-televiżjoni iżgħar ta’ xandara oħrajn.

II.   L-OPERAZZJONI

(5)

Fit-18 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li permezz tagħha l-impriża Liberty Global, flimkien mal-impriżi Waterman & Waterman u Corelio Publishing, jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-impriża De Vijver Media permezz ta’ xiri ta’ ishma.

(6)

Fis-17 ta’ Ġunju 2014 Telenet, W&W u Corelio daħlu fi ftehim li skontu Telenet jakkwista 33,33 % tal-ishma ta’ De Vijver Media u jissotoskrivi wkoll żieda fil-kapital ta’ De Vijver Media. B’riżultat ta’ dan, Telenet se jżomm 50 % tal-ishma ta’ De Vijver Media filwaqt li Waterman & Waterman u Corelio Publishing se jżommu 25 % tal-ishma kull wieħed. It-tliet azzjonisti ta’ De Vijver Media se jidħlu fi ftehim tal-azzjonisti mal-għeluq tat-tranżazzjoni. Abbażi tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji tagħhom u d-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-azzjonisti, kull wieħed mit-tliet azzjonisti se jkollu kontroll konġunt fuq De Vijver Media.

III.   IL-PRODOTT RILEVANTI U S-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI

(7)

Ix-xandara tat-televiżjoni bħal De Vijver Media jfornixxu stazzjonijiet tat-televiżjoni għal distributuri tat-televiżjoni bħal Telenet. Il-Kummissjoni ddefiniet is-suq tal-prodott rilevanti li fih jopera De Vijver Media bħala s-suq għall-forniment bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni li jixxandru bla ħlas u dawk bi ħlas bażiku. L-istazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas bażiku huma inklużi fil-pakkett ta’ stazzjonijiet bażiċi offrut mid-distributuri tat-televiżjoni. Fil-Belġju, il-parti l-kbira tal-unitajiet domestiċi jħallsu miżata fix-xahar lil kumpanija tal-kejbil jew kumpanija tat-telefon għal dan il-pakkett bażiku ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni. L-istazzjonijiet Vier u Vijf ta’ De Vijver Media huma inklużi f’dan il-pakkett bażiku u għaldaqstant huma stazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas bażiku. L-istazzjonijiet tax-xandara pubbliċi biss huma disponibbli bla ħlas, mingħajr ebda abbonament, u għaldaqstant jikkwalifikaw bħala stazzjonijiet li jixxandru bla ħlas. Minħabba l-għadd limitat ta’ konsumaturi li jiddependu biss fuq is-servizzi tat-televiżjoni li jixxandru bla ħlas, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi jekk il-forniment bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet li jixxandru bla ħlas u l-forniment bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni bi ħlas bażiku jikkostitwixxu swieq separati, billi dan ma jibdilx l-eżitu tal-valutazzjoni kompetittiva. Is-suq ġeografiku rilevanti għall-forniment tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni servizzi li jixxandru bla ħlas u dawk bi ħlas bażiku huwa l-impronta ta’ Telenet.

(8)

Id-distributuri tat-televiżjoni bħal Telenet jittrażmettu l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lill-abbonati tagħhom fuq netwerk. Il-Kummissjoni ddefiniet is-suq tal-prodott rilevanti li fih Telenet huwa attiv bħala distributur tat-televiżjoni bħala s-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni. Hija ma kkonkludietx jekk dan is-suq jikkonsistix f’żewġ swieq tal-prodotti rilevanti separati, jiġifieri s-suq għall-forniment bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni bla ħlas u dawk bi ħlas bażiku u s-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni bi ħlas ta’ primjum. Is-suq ġeografiku rilevanti ta’ dawn is-swieq tal-konsumaturi huwa l-impronta ta’ Telenet.

(9)

Il-Kummissjoni ddefiniet ukoll suq għall-produzzjoni ta’ kontenut tat-televiżjoni u suq għal-liċenzjar/akkwiżizzjoni tad-drittijiet tax-xandir ta’ kontenut tat-televiżjoni. Hija ma kkonkludietx jekk l-ambitu ġeografiku rilevanti ta’ dawn is-swieq huwiex nazzjonali (il-Belġju) jew aktar ristrett (il-Fjandri).

(10)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kkonkludietx jekk is-suq tar-reklamar fuq it-televiżjoni jikkostitwixxix suq distint minn forom oħrajn ta’ reklamar. Jekk jeżisti suq distint bħal dan, l-ambitu ġeografiku tiegħu jkun il-Belġju jew aktar ristrett (il-Fjandri).

IV.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

(11)

It-tranżazzjoni ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni rigward is-suq għall-produzzjoni ta’ kontenut tat-televiżjoni u s-suq għal-liċenzjar ta’ drittijiet tax-xandir ta’ kontenut tat-televiżjoni. Is-sehem mis-suq ta’ De Vijver Media f’dawn is-swieq huwa baxx u l-kontenut li jipproduċi permezz tas-sussidjarju tiegħu Woestijnvis NV mhuwiex essenzjali għax-xandara tat-televiżjoni jew għad-distributuri tat-televiżjoni sabiex jikkompetu. Barra minn hekk, it-tranżazzjoni ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni rigward il-possibilità ta’ suq separat għal reklamar fuq it-televiżjoni.

(12)

It-tranżazzjoni tqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni għaliex De Vijver Media jista’ jeskludi lid-distributuri tat-televiżjoni li jikkompetu ma’ Telenet mill-istazzjonijiet Vier u Vijf (esklużjoni ta’ dħul). It-tranżazzjoni tqajjem ukoll tħassib dwar il-kompetizzjoni għaliex Telenet jista’ jeskludi lill-kompetituri ta’ De Vijver Media milli jaċċedu għan-netwerk tal-kejbil ta’ Telenet.

1.   Esklużjoni ta’ dħul: De Vijver Media jista’ jżomm l-istazzjonijiet tiegħu mid-distributuri tat-televiżjoni li jikkompetu ma’ Telenet

(13)

L-istazzjonijiet Vier u Vijf huma kontribut importanti għad-distributuri tat-televiżjoni. Il-konsumaturi fil-Fjandri u Brussell għandhom opinjoni għolja ta’ Vier u Vijf u ta’ spiss jaraw dawn l-istazzjonijiet. Dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq ikkonfermaw li d-distributuri tat-televiżjoni jridu jkunu kapaċi joffru dawn l-istazzjonijiet lill-abbonati tagħhom sabiex jikkompetu ma’ Telenet.

(14)

Kemm Telenet kif ukoll De Vijver Media għandhom il-kapaċità li jinvolvu ruħhom kemm f’esklużjoni ta’ dħul totali kif ukoll parzjali. Esklużjoni totali ta’ dħul tfisser li Telenet u De Vijver Media jistgħu jirrifjutaw li jagħtu liċenzja għall-istazzjonijiet Vier u Vijf lid-distributuri tat-televiżjoni li jikkompetu ma’ Telenet. Esklużjoni parzjali ta’ dħul tfisser li Telenet u De Vijver Media jistgħu jgħollu l-prezz għall-istazzjonijiet Vier u Vijf jew jiddiskriminaw kontra d-distributuri tat-televiżjoni kompetituri b’modi oħrajn.

(15)

Apparti Telenet, żewġ azzjonisti oħrajn se jkollhom kontroll konġunt fuq De Vijver Media wara t-tranżazzjoni. Il-Kummissjoni vvalutat jekk dawn iż-żewġ azzjonisti oħrajn jistgħux jipprevjenu lil Telenet milli jinvolvi ruħu f’esklużjoni ta’ dħul. Abbażi ta’ analiżi tal-ftehim tal-azzjonisti, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan ma kienx il-każ u li Telenet, waħdu, għandu l-kapaċità li jinvolvi ruħu f’esklużjoni ta’ dħul.

(16)

Jekk it-tliet azzjonisti ta’ De Vijver Media jaġixxu flimkien, De Vijver Media wkoll għandu l-kapaċità li jinvolvi ruħu f’esklużjoni ta’ dħul. Jekk it-tliet azzjonisti ta’ De Vijver Media jaġixxux flimkien jiddependi fuq jekk it-tlieta li huma għandhomx l-inċentiv li jinvolvu ruħhom f’esklużjoni ta’ dħul. Iż-żewġ azzjonisti l-oħrajn ta’ De Vijver Media se jkollhom inċentiv sabiex jinvolvu ruħhom f’esklużjoni parzjali ta’ dħul, billi dan jirriżulta f’De Vijver Media li jirċievi tariffi tal-liċenzji ogħla (it-tariffi mħallsin mid-distributuri tat-televiżjoni lix-xandara tat-televiżjoni għad-dritt li jxandru l-istazzjonijiet). Iż-żewġ azzjonisti l-oħrajn jista’ ma jkollhomx l-inċentiv li jinvolvu ruħhom f’esklużjoni totali ta’ dħul, iżda Telenet jista’ jallinja l-inċentivi tagħhom ma’ dawk ta’ Telenet billi jikkumpensahom għal kwalunkwe telf fid-dħul li jista’ jirriżulta mill-esklużjoni totali ta’ dħul.

(17)

Sabiex tivvaluta jekk De Vijver Media jkollux l-inċentiv li jinvolvi ruħu f’esklużjoni totali ta’ dħul, il-Kummissjoni kkwantifikat il-kostijiet u l-benefiċċji li tinvolvi din l-esklużjoni. Il-kostijiet huma d-dħul mir-reklamar u t-tariffi tal-liċenzja li De Vijver Media jċedi minħabba li l-istazzjonijiet tiegħu ma jibqgħux jiġu offerti mid-distributuri tat-televiżjoni li jikkompetu ma’ Telenet. Il-benefiċċji huma l-profitti ġġenerati minn Telenet mill-abbonati li jaqilbu minn pjattaformi rivali għal Telenet. Abbażi ta’ tqabbil bejn il-kostijiet u l-benefiċċji, il-Kummissjoni mbagħad ikkalkulat kemm mill-abbonati tal-kompetituri ta’ Telenet ikollhom jaqilbu sabiex l-esklużjoni totali ta’ dħul tkun profittabbli.

(18)

Il-Kummissjoni stmat li, jekk Vier u Vijf ma kinux għadhom offruti mill-kompetituri ta’ Telenet, l-għadd ta’ abbonati li jaqilbu jkun ħafna ogħla mill-għadd minimu ta’ abbonati meħtieġa sabiex l-esklużjoni totali tkun profittabbli. Billi l-benefiċċji ta’ esklużjoni ta’ dħul totali jegħlbu l-kostijiet, Telenet u De Vijver Media għandhom ikollhom inċentiv qawwi sabiex jinvolvu ruħhom f’esklużjoni ta’ dħul totali.

(19)

Telenet u De Vijver Media għandhom ukoll inċentiv qawwi sabiex jinvolvu ruħhom f’esklużjoni ta’ dħul parzjali, billi din tirriżulta f’De Vijver Media jirċievi tariffi tal-liċenzja ogħla.

(20)

L-esklużjoni ta’ dħul twassal għal effetti antikompetittivi fis-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni. Telenet għandu pożizzjoni dominanti f’dak is-suq, abbażi tal-ishma għoljin mis-suq u diversi fatturi oħrajn. L-esklużjoni ta’ dħul tostakola d-dħul f’dan is-suq, billi parteċipanti ġodda jsibuha diffiċli sabiex jikkompetu ma’ Telenet jekk ma jkunux jistgħu joffru l-istazzjonijiet Vier u Vijf. Għaldaqstant, il-pożizzjoni dominanti ta’ Telenet tissaħħaħ. L-esklużjoni ta’ dħul iddgħajjef ukoll il-kompetizzjoni minn distributuri tat-televiżjoni eżistenti, peress li dawn mhumiex se jkunu kapaċi joffru Vier u Vijf.

2.   Preklużjoni ta’ klijenti: Telenet jista’ joħloq żvantaġġi għax-xandara li jikkompetu ma’ De Vijver Media fuq in-netwerk tal-kejbil tiegħu

(21)

Fis-swieq tat-televiżjoni, preklużjoni sħiħa ta’ klijenti sseħħ jekk xandar tat-televiżjoni ma jingħatax aċċess għal distributur downstream. Dan jirriżulta fi qtugħ li waqtu l-abbonati ma jkunux jistgħu jaraw l-istazzjonijiet preklużi. Forma aktar sottili ta’ preklużjoni, preklużjoni parzjali ta’ klijenti, isseħħ jekk distributur jippermetti stazzjon fuq il-pjattaforma tiegħu iżda jnaqqas il-kwalità tal-esperjenza viżiva tal-istazzjon. B’mod partikolari, distributur jista’ jagħmel il-kontenut ta’ rivali anqas faċilment aċċessibbli fuq il-pjattaforma tiegħu, pereżempju billi l-istazzjonijiet rivali jitpoġġew aktar l isfel fil-lista ta’ stazzjonijiet jew fil-gwida elettronika tal-programmi, li żżid il-probabbiltà li t-telespettaturi jaraw stazzjonijiet li jappartjenu għad-distributur minflok.

(22)

Telenet huwa klijent importanti b’livell ta’ saħħa sinifikanti fis-suq downstream għall-forniment bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni. Fid-dawl tas-sehem għoli mis-suq ta’ Telenet fis-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni, il-Kummissjoni tqis li x-xandara jridu jkunu fuq il-pjattaforma ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni ta’ Telenet sabiex ikunu jistgħu joperaw fil-Fjandri.

(23)

Telenet għandu kontroll fuq l-istazzjonijiet lineari li jittrażmetti (soġġett għal obbligi ta’ trażmissjoni) u jista’ jiddeċiedi wkoll liema kontenut nonlineari x-xandara jistgħu jagħmlu disponibbli fuq il-pjattaforma tiegħu. Għaldaqstant, Telenet għandu l-kapaċità li jinvolvi ruħu fi preklużjoni ta’ klijenti.

(24)

Aktarx, Telenet ikollu inċentiv li jinvolvi ruħu fi preklużjoni ta’ klijenti. Fil-mira ta’ din l-istrateġija jkun hemm l-istazzjonijiet li jikkompetu mill-qrib mal-istazzjonijiet ta’ De Vijver Media, jiġifieri l-istazzjonijiet b’udjenza u promuturi simili. Dan għaliex il-qligħ ta’ De Vijver Media mill-preklużjoni ta’ klijenti ġej miż-żieda mid-dħul tar-reklamar u x’aktarx dawn huma aktar f’każ li stazzjon simili għal Vier jew Vijf ma jibqax disponibbli fuq il-pjattaforma ta’ Telenet. Min-naħa l-oħra, il-preklużjoni ta’ stazzjon bi profil u udjenza differenti minn dik ta’ Vier u Vijf x’aktarx li ma tiġġenera l-ebda dħul sinifikanti. Minħabba s-similaritajiet fl-udjenza u fit-tip ta’ kontenut, il-Kummissjoni tqis li l-miri ta’ preklużjoni ta’ klijenti probabbli huma l-istazzjonijiet 2BE u Vitaya ta’ Medialaan, l-istazzjon Canvas ta’ VRT, u s-servizzi nonlineari ta’ dawn iż-żewġ xandara.

(25)

Il-profitabbiltà globali tal-preklużjoni ta’ klijenti għal Telenet u De Vijver Media tiddependi fuq kemm klijenti jaqilbu minn Telenet bħala riżultat tal-preklużjoni. Jekk ftit klijenti jaqilbu, Telenet ma jitlifx ħafna abbonati u għaldaqstant il-kostijiet tal-preklużjoni ta’ klijenti jkunu limitati. Abbażi tal-istima tal-Kummissjoni, x’aktarx il-bdil tal-klijenti jkun għoli wisq sabiex ikun hemm preklużjoni totali ta’ klijenti (jiġifieri l-istazzjon ma jkunx disponibbli fuq il-pjattaforma ta’ Telenet) profittabbli għal Telenet. Madankollu, x’aktarx Telenet ikollu inċentiv sabiex jinvolvi ruħu fi preklużjoni parzjali ta’ klijenti fil-forma ta’ degradazzjoni fil-kwalità tal-istazzjonijiet tax-xandara rivali u fis-servizzi nonlineari relattivi għal De Vijver Media. Telenet jista’ anke juża l-preklużjoni parzjali ta’ klijenti bħala theddida kredibbli fin-negozjati, li ttejjeb il-pożizzjoni ta’ negozjar ta’ Telenet ma’ Medialaan u VRT, u tippermetti li Telenet ikollu aktar saħħa matul in-negozjati dwar ftehim ta’ trażmissjoni.

(26)

Il-preklużjoni parzjali ta’ klijenti jkollha effetti antikompetittivi. Id-degradazzjoni fil-kwalità minn Telenet tnaqqas il-kwalità tal-esperjenza viżiva tal-istazzjonijiet rivali fuq il-pjattaforma ta’ Telenet. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni fis-suq tal-forniment bl-ingrossa fil-livell ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni li jixxandru bla ħlas u dawk bi ħlas bażiku tonqos billi x-xandara Medialaan u VRT jistgħu jkunu ddgħajfu bħala kompetituri.

3.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni kompetittiva

(27)

Il-konċentrazzjoni twassal għal tħassib dwar esklużjoni ta’ dħul rigward l-istazzjonijiet Vier u Vijf ta’ De Vijver Media. Twassal ukoll għal tħassib dwar preklużjoni parzjali ta’ klijenti minħabba li Telenet għandu l-kapaċità u l-inċentiv li jiddegrada l-kwalità tal-esperjenza viżiva tal-istazzjonijiet ta’ VRT u ta’ Medialaan. Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni notifikata twassal għal tħassib li t-tranżazzjoni twassal għal impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva fis-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi tat-televiżjoni fl-impronta ta’ Telenet u s-suq għall-forniment ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni li jixxandru bla ħlas u dawk bi ħlas bażiku fl-impronta ta’ Telenet.

V.   ŻVILUPPI WARA N-NOTIFIKA TAL-KONĊENTRAZZJONI

(28)

Waqt li l-Kummissjoni kienet qed tirrevedi l-konċentrazzjoni, De Vijver Media daħlu fi ftehimiet ta’ trażmissjoni ma’ diversi distributuri tat-televiżjoni, fosthom Belgacom. De Vijver Media offra wkoll li jestendi t-tul ta’ diversi ftehimiet ta’ trażmissjoni ma’ distributuri oħrajn tat-televiżjoni. Dawn il-ftehimiet ta’ trażmissjoni jnaqqsu r-riskju ta’ esklużjoni ta’ dħul, billi jiggarantixxu li d-distributuri tat-televiżjoni se jkollhom aċċess għall-istazzjonijiet Vier u Vijf. Madankollu, dawn ma għandhomx ineħħu għalkollox it-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni ta’ dħul, billi l-ftehimiet ma jkoprux id-drittijiet kollha marbutin max-xandir ta’ Vier u Vijf u billi operaturi ġodda potenzjali ma għandhomx ftehim ta’ trażmissjoni.

(29)

Matul ir-reviżjoni tal-Kummissjoni, Telenet ippropona wkoll bidliet għall-ftehimiet ta’ trażmissjoni max-xandara tat-televiżjoni VRT u Medialaan. Dawn il-ftehimiet stabbilew il-kundizzjonijiet li bihom Telenet titrażmetti l-istazzjonijiet ta’ VRT u Medialaan, inklużi t-tariffi li Telenet irid iħallas. Telenet u VRT emendaw il-ftehim ta’ trażmisjoni tagħhom u estendew it-tul ta’ żmien tal-ftehim. L-emenda introduċiet diversi dispożizzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu lil VRT minn preklużjoni ta’ klijenti. Telenet għamel ukoll offerta vinkolanti u rrevokabbli lil Medialaan sabiex jestendi t-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ trażmissjoni tiegħu u sabiex jemenda l-ftehim sabiex jipproteġi lil Medialaan minn preklużjoni ta’ klijenti. Il-partijiet notifikanti ħadu impenn formali li jżommu din l-offerta miftuħa għal sitt xhur wara l-għeluq tat-tranżazzjoni.

VI.   IMPENJI

1.   Deskrizzjoni tal-impenji

(30)

Sabiex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, il-partijiet notifikanti ssottomettew impenji. L-element ċentrali ta’ dawn l-impenji kien l-impenn li jiġi żgurat li De Vijver Media jissodisfa t-talbiet raġonevoli kollha mid-distributuri tat-televiżjoni sabiex ixandar l-istazzjonijiet Vier, Vijf u kwalunkwe stazzjon tat-televiżjoni futur bi ħlas bażiku b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. Kwalunkwe distributur tat-televiżjoni li beħsiebu joffri servizzi tat-televiżjoni fl-impronta ta’ Telenet jista’, jekk jixtieq, jikseb liċenzja għat-territorju kollu tal-Belġju. De Vijver Media jrid jagħti mhux biss liċenzja lill-istazzjonijiet, iżda anke drittijiet anċillari. Dawn huma d-drittijiet li jinkludu programmi tat-televiżjoni mill-istazzjon f’servizz li huwa marbut mal-istazzjon, bħal ripetizzjoni fuq it-televiżjoni, servizzi bi skrin multiplu jew PVR (servizz li jippermetti li t-telespettaturi jirreġistraw u jaraw il-programmi meta jridu). Is-servizzi relatati huma offruti bħala parti mill-esperjenza viżiva tal-istazzjonijiet u huma offruti lill-utenti aħħarin simultanjament jew ftit qabel jew wara t-trażmissjoni lineari tal-istazzjon.

(31)

Il-fornituri kollha tas-servizzi ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni jistgħu jistrieħu fuq l-impenji, irrispettivament minn jekk jittrażmettux stazzjonijiet tat-televiżjoni permezz tal-kejbil, tas-satellita, tal-IPTV, tad-DTT, tal-Internet jew ta’ pjattaforma ta’ distribuzzjoni oħra. F’każ ta’ tilwim rigward il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, id-distributuri tat-televiżjoni jistgħu jissottomettu t-tilwima għal arbitraġġ rapidu. L-impenji se jkunu fis-seħħ għal seba’ snin.

(32)

Apparti minn impenn li jagħtu liċenzja għal Vier u Vijf, il-partijiet notifikanti jimpenjaw ruħhom ukoll li jżommu l-offerta lil Medialaan miftuħa għal sitt xhur wara li tagħlaq. Il-kuntest ta’ din l-offerta ġie deskritt fit-taqsima “Żviluppi wara n-notifika tal-konċentrazzjoni”.

2.   Valutazzjoni tal-impenji

(33)

Il-Kummissjoni tqis li l-impenn sabiex tingħata liċenzja għal Vier, Vijf u kwalunkwe stazzjon ieħor tat-televiżjoni bi ħlas bażiku, flimkien mad-drittijiet anċillari tagħhom u l-ftehimiet ta’ trażmissjoni li kkonkluda De Vijver Media, ineħħu tħassib tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni ta’ dħul. Huwa jneħħi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-esklużjoni totali ta’ dħul għaliex jiżgura li d-distributuri attwali u futuri tat-televiżjoni jistgħu jinkludu lil Vier u Vijf fl-offerta tagħhom. Ineħħi wkoll it-tħassib tal-esklużjoni parzjali ta’ dħul tal-Kummissjoni għaliex jiżgura li d-distributuri tat-televiżjoni jħallsu tariffi li jkunu ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji.

(34)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-impenji, flimkien mal-ftehimiet ta’ trażmissjoni li kkonkluda Telenet, ineħħu t-tħassib tal-Kummissjoni dwar preklużjonijiet ta’ klijenti. Il-ftehimiet ta’ trażmissjoni ma’ VRT u Medialaan, u l-offerta ta’ Telenet li jemenda l-ftehim ma’ Medialaan kif ifformalizzat fl-impenji, jipproteġu lil VRT u lil Medialaan minn preklużjoni parzjali ta’ klijenti.

VII.   KONKLUŻJONI

(35)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, id-deċiżjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’xi parti sostanzjali minnu b’mod sinifikanti.

(36)

Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni kienet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.