8.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/3


Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-riport taz-zokkor u l-isoglukożju li jiġu prodotti lil hinn mill-kwota matul is-sena tas-suq 2016/2017

(2015/C 152/04)

1.

L-għan ta’ dan l-Avviż huwa li jikkomunika l-fehma tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dan l-Avviż ma għandux l-għan li jirrevedi dak ir-Regolament, jew li jinterferixxi fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

2.

Skont l-Artikolu 141 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kull intrapriża tista’ twettaq riport tal-produzzjoni tagħha kollha jew parti minnha lil hinn mill-kwota taz-zokkor tagħha, mill-kwota tal-isoglukożju tagħha jew mill-kwota tal-ġulepp tal-inulina tagħha, li għandha tiġi ttrattata bħala parti mill-produzzjoni tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li jmiss. Il-kwantitajiet li fuqhom ikun twettaq riport għandhom jitqiesu bħala l-ewwel kwantitajiet prodotti skont il-kwota tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ wara.

3.

Is-sistema tal-kwota msemmija fl-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tapplika sa tmiem is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2016/2017 kif previst fl-Artikoli 124 u 232(3) ta’ dak ir-Regolament. Konsegwentement, mhu se jkun hemm l-ebda sistema ta’ kwota applikabbli fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2017/2018.

4.

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jistabbilixxi l-ebda dispożizzjoni speċifika jew ma jistipula l-ebda deroga partikolari rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta’ riport previsti fl-Artikolu 141 ta’ dak ir-Regolament fi tmiem is-sistema tal-kwoti.

5.

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 141(1), flimkien mal-Artikoli 124 u 232(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jippermetti lill-operaturi jiddeċiedu li jwettqu riport tal-kwantitajiet ta’ zokkor u isoglukożju li jiġu prodotti lil hinn mill-kwoti għas-sena tas-suq 2016/2017 għas-sena tas-suq 2017/2018, anki jekk il-produzzjoni ma tistax tkun iktar suġġetta għal kwota fl-2017/2018.

6.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-effetti tar-riport u se tieħu l-miżuri xierqa jekk l-użu tar-riport ifixkel konsiderevolment jew jhedded li jfixkel is-suq.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).