1.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 145/26


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 145/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“LIČKI KRUMPIR”

Nru tal-UE: HR-PGI-0005-01242 — 10.07.2014

DPO ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Lički krumpir”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Ir-Repubblika tal-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Lički krumpir” [patata tar-reġjun ta’ Lika] huma tuberi maħsuba għas-suq għall-konsum mill-bniedem. It-tuberu għandu dijametru minimu ta’ 35 mm. It-tuberu għandu forma li tvarja bejn żengulija u ovali.

Għall-produzzjoni tal-“Lički krumpir” tintuża patata taż-żrigħ tal-varjetajiet Desiree, Bintje jew Victoria, jew dik ta’ varjetajiet b’karatteristiki simili, b’kontenut ta’ materjal xott ta’ mill-inqas 19 %.

Karatteristiki organolettiċi tat-tuberu “Lički krumpir”:

Id-dehra tat-tuberu minn barra: qoxra minn lixxa għal raffa, ta’ kulur li jvarja minn isfar għal kannella, jew ħamrani;

Il-kulur tal-laħma tat-tuberu: ivarja bejn abjad jgħajjat u isfar;

Il-konsistenza tal-laħma tat-tuberu: fina, bi ħbub żgħar;

It-togħma tat-tuberu: togħma li tfakkar fit-togħma tad-dqiq, minħabba l-konsistenza niexfa jew ramlija, u minħabba l-perċentwal għoli ta’ materja niexfa (kontenut għoli ta’ lamtu), minħabba t-tendenza li din tissajjar iżżejjed. It-togħma sħiħa u proprja ta’ din il-patata toħroġ fil-ħalq meta din tittiekel.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji tal-produzzjoni tal-“Lički krumpir” li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4 huma: it-tħawwil, l-irdim u l-estrazzjoni tat-tuberu tal-patata.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Qabel l-ippakkjar, il-patata “Lički krumpir’” tiġi mqassma skont id-daqs u l-kobor, li jrid ikun ta’ mill-inqas 35 mm, u titnaddaf mill-partikuli tal-ħamrija permezz ta’ pinzell. Biex jiġi żgurat li t-tuberu jżomm id-dehra tradizzjonali tiegħu, dan ma jiġix imlaħlaħ bl-ilma.

Il-patata “Lički krumpir” tiġi ppakkjata biss permezz tal-użu ta’ dawn it-tipi ta’ ppakkjar: ġuta, għażel, xbieki jew basktijiet tal-karta, jew imballaġġ magħmul minn dawn il-materjali. Il-patata “Lički krumpir” titqiegħed ukoll fis-suq mingħajr imballaġġ, minħabba li dejjem hekk kienet tinbiegħ tradizzjonalment fis-swieq.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-patata “Lički krumpir” titkabbar fiż-żona ġeografika ta’ Lika. Lika huwa reġjun kontinentali fil-Lbiċ tal-Kroazja, fejn hemm meded ta’ muntanji għoljin (il-medda ta’ Velebit fin-Nofsinhar u fil-Punent, il-Muntanja Plješevica fil-Lvant u l-medda ta’ Kapela fit-Tramuntana).

Dan l-ambjent naturali huwa kkaratterizzat minn bosta pjanuri karstiċi (jew “polje”), jiġifieri Lipovo polje, Koreničko polje, Bijelo polje, Krbavsko polje, Lapačko polje, Dabarsko polje, Krasno polje, Vrhovinsko polje, Turanjsko polje, Homoljacko polje, Podlapačko polje, Krbavsko polje, Kosinjsko polje, Mazinsko polje, Gubavčevo polje, Bruvnopolje u Rudopolje, il-polje Kbar u Minuri ta’ Popinsko, Brezovačko polje, Srb-Suvajsko polje, Kosničko polje u Poljice, Brinjsko polje, Stajničko polje, Vodotečko polje u Križpolje, Gostovo polje, Ličko-jaseničko polje u Potpolje, Saborsko polje, Ličko polje u Gacko polje. L-akbar fosthom huma Ličko u Gacko polje.

Iż-żona ta’ Lika fejn jinsabu l-pjanuri karstiċi msemmija hawn fuq tkopri żewġ reġjuni amministrattivi: l-aktar il-Kontea ta’ Lika-Senj u, sa ċertu punt, il-Kontea ta’ Zadar. Din tkopri l-muniċipalitajiet u l-bliet kollha tal-Kontea ta’ Lika-Senj, ħlief il-belt ta’ Novalja u l-muniċipalità ta’ Gračac fil-Kontea ta’ Zadar. Iż-żona li fiha titkabbar il-patata “Lički krumpir” tinkludi l-postijiet kollha li jinsabu aktar minn 400 m ‘l fuq mil-livell tal-baħar, jiġifieri dawn il-bliet: Gospić, Otočac u Senj, u l-muniċipalitajiet ta’ Brinje, Vrhovine, Plitvička jezera, Perušić, Udbina, Lovinac, Gračac, Donji Lapac u Karlobag.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-protezzjoni tal-prodott “Lički krumpir” hija bbażata fuq il-kwalità tiegħu, li tirriżulta mill-karatteristiki speċifiċi taż-żona ta’ produzzjoni, kif ukoll fuq ir-reputazzjoni tiegħu.

Fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt 4, il-klima taffettwa l-kwalità tal-“Lički krumpir”, u tiddistingwi din il-patata mill-patata li tiġi prodotta f’reġjuni oħra. Iż-żona ġeografika ta’ Lika għandha klima muntanjuża b’perjodu ta’ veġetazzjoni relattivament qasir. F’dawn il-pjanuri u artijiet watja, it-temperatura medja f’Jannar hija ta’ madwar -2 °C, filwaqt li matul l-ewwel ħames xhur tas-sena t-temperatura minima tinżel taħt iż-0 °C. Fl-artijiet watja, it-temperatura medja f’Lulju hija ta’ 18 °C, u din tonqos aktar ma tiżdied l-altitudni.

It-temperaturi medji aktar baxxi tax-xitwa u tas-sajf jiffavorixxu t-tkabbir tal-“Lički krumpir” billi jippermettu proċess ta’ fotosinteżi intensiv, li r-riżultat aħħari tiegħu huwa s-sinteżi taz-zokkor. Fir-reġjun ta’ Lika, iz-zokkor li jakkumula jintuża inqas fil-proċess tar-respirazzjoni, u minflok jiġi ttrasferit lejn it-tuberu tal-patata, fejn jakkumula fil-forma ta’ lamtu polisakkaridu, li jifforma l-biċċa l-kbira tal-materja niexfa tat-tuberu. B’differenza għal dan, ir-reġjuni li jinsabu aktar fil-baxx huma kkaratterizzati minn temperaturi għoljin ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl. Billi l-proċess ta’ respirazzjoni tal-pjanti jseħħ b’mod aktar mgħaġġel f’temperaturi għolja, iz-zokkor sintetizzat li jakkumula fit-tuberi fi kwantitajiet iżgħar jintuża.

Bħala forom sinifikanti ta’ topografija karstika, il-pjanuri karstiċi ġew iffurmati minn ċaqliq tettoniku u proċess ta’ dissipazzjoni. Il-pjanuri mbagħad inħolqu wara li seħħ proċess ta’ depożitar ta’ materjali (waqt l-epoka tal-Plejstoċenu). F’dan ir-rigward, il-pjanuri karstiċi huma tip ta’ riżalt tettoniku akkumulattiv. Dawn l-elevazzjonijiet fl-art jaffettwaw l-iżvilupp tal-istruttura favorevoli tal-ħamrija, li hija magħmula l-aktar minn ħamrija ramlija u raba’ grass b’kontenut għoli ta’ materja organika, li huma xierqa biex fihom titkabbar il-“Lički krumpir”. L-elevazzjonijiet jaffettwaw ukoll il-mikroklima, li hija fattur prinċipali li jiddetermina l-kwalità tal-prodott.

Ir-residenti ta’ Lika ħadu vantaġġ mill-kondizzjonijiet naturali favorevoli, u għalihom it-tkabbir tal-“Lički krumpir” hija tradizzjoni antika. Dan it-tip ta’ patata nġieb fl-1760 minn partijiet oħra tal-imperu Awstro-Ungeriż lejn ir-reġjun tal-Fruntiera Militari, li Lika kienet tifforma parti minnha (Vinko Mandekić, Krumpir [Il-Patata], Zagreb 1923, p. 7). Minħabba l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika ta’ Lika (il-klima muntanjuża u l-ħamrija tagħha), iċ-ċereali tal-ħobż ma setgħux jitkabbru sew, u għalhekk, fis-seklu 18, fi żmien l-imperu Awstro-Ungeriż, saru sforzi biex il-produzzjoni tal-patata ssir fuq skala ikbar. Il-kundizzjonijiet agroklimatiċi u pedoloġiċi kienu tajbin għat-tixrid tat-tkabbir tal-patata fir-reġjun ta’ Lika (iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Lički krumpir”). Dawn l-istess kundizzjonijiet kellhom impatt negattiv fuq il-produzzjoni taċ-ċereali tal-ħobż, u dan wassal biex il-patata tissostitwixxi fil-biċċa l-kbira l-ħobż bħala l-ikel bażiku tad-dieta ta’ kuljum.

Bis-saħħa tar-rwol u l-importanza tal-“Lički krumpir” fid-dieta tar-residenti ta’ Lika, il-varjetajiet tal-patata li ġew “domestikati” biex jipproduċu l-“Lički krumpir” f’Lika kienu karatterizzati wkoll minn perċentwal ogħla (minimu ta’ 19 %) ta’ materja niexfa. Minħabba l-klima speċifika tar-reġjun, dan il-kontenut ta’ materja niexfa huwa aktar evidenti, u dan jagħti lil-“Lički krumpir” it-togħma lamtuża u l-konsistenza sħiħa tagħha.

Ir-riċerka xjentifika kkonfermat li l-patata ta’ dawn il-varjetajiet imkabbra bl-użu tal-istess teknika f’Lika (Brinje) għandha perċentwal “ogħla” ta’ materja niexfa (medja ta’ 23,5 %–24,3 %) meta mqabbel mal-istess varjetajiet ta’ patata mkabbra fil-Kontea ta’ Međimurje (Belica, Slovinska Kovačica), li għandha perċentwal aktar baxx ta’ materja niexfa (medja ta’ 21,1 % – 21,4 %). Ir-riżultati tat-testijiet urew li l-varjetà mkabbra fi Brinje (Lika) fiha ħafna aktar materja niexfa. Dan minħabba l-influwenza tal-fatturi klimatiċi prevalenti fiż-żona ta’ produzzjoni tal-“Lički krumpir”, li jagħtu karattru distintiv lil din il-varjetà ta’ patata meta mqabbla mal-istess varjetà li tiġi mkabbra f’Belica (fil-Kontea ta’ Međimurje, li hija r-reġjun prinċipali għat-tkabbar tal-patata fil-Kroazja). Il-kontenut għoli ta’ materja niexfa jagħti lil-“Lički krumpir” it-togħma lamtuża u l-konsistenza sħiħa tagħha (riċerka xjentifika mwettqa minn M. Poljak et al, Grafikon 4 u 5, 2001).

Xhieda tal-fama u tar-reputazzjoni tal-“Lički krumpir” huma l-artikli li dehru fil-gazzetti (Ličke novine [Il-Gazetta tal-Kontea ta’ Lika], Arkivji tal-Istat, Gospić, 1953 u 1955). Dawn l-artikli jsemmu t-tradizzjoni tat-tkabbir tal-“Lički krumpir” fir-reġjun ta’ Lika minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli prevalenti fiż-żona ġeografika, il-kwalità speċifika tal-“Lički krumpir” li żżomm din il-patata milli titfarrak waqt it-tisjir, u l-kontenut għoli tagħha ta’ lamtu.

Il-patata “Lički krumpir” kisbet reputazzjoni konsiderevoli fost il-konsumaturi, kif juri stħarriġ tal-konsumaturi li sab li 93 % ta’ dawk li rrispondew kienu semgħu bl-isem “Lički krumpir”, u li 74 % kienu lesti jħallsu aktar għal-“Lički krumpir”. Ir-riżultati tal-istħarriġ juru wkoll li l-konsumaturi jafu li, bħala ż-żona ta’ produzzjoni prinċipali tal-“Lički krumpir”, ir-reġjun ta’ Lika jaffettwa l-kwalità speċifika tal-“Lički krumpir” (silta mill-istħarriġ, Miroslav Božić “Marketing Strategy and Quality Labels in Traditional Food Industry [L-istrateġija tal-Kummerċjalizzazzjoni u tat-Tikketti tal-Kwalità fl-Industrija tal-Ikel Tradizzjonali]”, 2009–2010).

Apparti fatturi naturali bħall-kundizzjonijiet klimatiċi, li huma influwenzati mill-altitudni u li jirriżultaw fl-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ materja niexfa fil-“Lički krumpir”, u li minħabba fihom il-patata mkabbra f’din iż-żona ġeografika hija aktar distintiva minn dik ta’ reġjuni oħra, ir-rabta tal-“Lički krumpir” maż-żona ġeografika ta’ Lika tirriżulta mir-reputazzjoni li l-patata “Lički krumpir” tagħti lir-reġjun ta’ Lika. Dan jintwera fil-ktieb kulinari Vodič Hrvatske gastro ikone [Gwida tal-Ikoni Kulinari tal-Kroazja], li tinkludi l-“Lički krumpir” fost “l-ikoni kulinari” tar-reġjun ta’ Lika. L-intenzjoni tal-awtur kienet li jiddokumenta d-diversità tal-kċina Kroata billi jikkompila lista ta’ ikoni kulinari, li tindika b’mod ċar ir-reputazzjoni li l-“Lički krumpir” tagħti lir-reġjun fejn titkabbar (Vodič Hrvatske gastro ikone, 2007).

Din ir-reputazzjoni, li beħsiebna nippreżervaw billi nirreġistraw il-“Lički krumpir”, laħqet livell prominenti fil-bidu ta’ dan is-seklu, meta avvenimenti kulturali kulinari li għadhom isiru sal-lum il-ġurnata bdew isiru fir-reġjun ta’ Lika. Wieħed minn dawn l-avvenimenti huwa “Jum il-Lički Krumpir” li waqtu jiġi offrut il-prodott lill-viżitaturi (Avveniment Kulinari “Jum il-Lički Krumpir”, 2014). Il-“Lički krumpir” hija wkoll parti mill-wirt kulturali tar-reġjun ta’ Lika. Dan jidher mill-fatt li din il-patata tiġi ċċelebrata f’bosta kanzunetti tradizzjonali (Anness, Nikola Matijević, Lički Grudobran [Parapett ta’ Lika], Zagreb, 1940, p. 62).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 6(1) tat-tieni subparagrafu ta’ dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/UserDocsImages/HRANA/LICKI%20KRUMPIR/Izmijenjena%20Specifikacija%20proizvoda.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.