14.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/15


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2015/C 55/10)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“OBAZDA”/“OBATZTER”

Nru tal-KE: DE-PGI-0005-01069 – 13.12.2012

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Obazda”/“Obatzter”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Ġermanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li ġejjin mill-annimali

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’ 1

Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” huwa prodott tal-ġobon magħmul mill-ingredjenti li ġejjin:

Ingredjenti obbligatorji:

il-ġobon tat-tip “Camembert” u/jew “Brie”, u b’mod fakultattiv ukoll dak tat-tip “Romadur” u/jew “Limburger” u/jew il-ġobon frisk;

il-butir;

it-trab tal-paprika u/jew l-estratt tal-paprika; u

l-melħ.

Ingredjenti fakultattivi:

il-basal;

il-karwi;

ħwawar oħrajn u/jew taħlitiet tal-ħwawar u/jew ħxejjex aromatiċi u/jew taħlitiet tal-ħxejjex aromatiċi;

il-krema u/jew il-ħalib u/jew il-proteina tal-ħalib jew il-proteina tax-xorrox; u

l-birra.

Il-prodott irid ikun fih mill-inqas 40 % ġobon tat-tip “Camembert” u/jew “Brie”, u mill-inqas 50 % ġobon b’kollox.

Meta jkun qed jiġi mmanifatturat dan il-prodott, il-ġobon tat-tip “Camembert” u/jew “Brie” jrid jitqatta’ biċċiet fid-daqs mixtieq u mbagħad jitħallat mal-ingredjenti l-oħra b’mod li t-taħlita tiġi waħda omoġenja ta’ lewn oranġjo ċar li tkun tista’ tiddellek. Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” fih biċċiet tal-ġobon li jingħarfu. Huwa għandu riħa u togħma aromatika ta’ ħwawar. Tradizzjonalment, il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” jittiekel kiesaħ, normalment billi dak li jkun idellek il-ħobż bih.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-ġobon li jintuża biex minnu jsir dan il-prodott irid ikollu l-kontenut tax-xaħam li ġej fil-materja niexfa: il-ġobon tat-tip “Camembert” bejn 30 u 85 %, il-ġobon tat-tip “Brie” bejn 45 u 85 %, il-ġobon tat-tip “Romadur” bejn 20 u 85 %, il-ġobon tat-tip “Limburger” bejn 20 u 59 % u l-ġobon frisk bejn 10 u 85 %. Il-ġobon tat-tip “Camembert” u dak tat-tip “Brie” jridu jkunu rotob u qishom krema. Il-kontenut ta’ xaħam fil-ħalib fil-butir li jintuża jrid ikun ta’ mill-inqas 80 % iżda ta’ inqas minn 90 %. It-trab tal-paprika u l-estratt tal-paprika jridu jkunu ħomor.

Il-materja prima biex jiġi mmanifatturat il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” mhux bil-fors trid tiġi miż-żona ġeografika identifikata.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata

L-ingredjenti kollha użati biex isir il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” iridu jiġu pproċessati fil-Bavarja.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

L-istat federali tal-Bavarja

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” għandu tradizzjoni li tmur lura ħafna snin fil-Bavarja u l-konsumaturi jqisuh bħala speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun li tittiekel l-iktar bħala parti minn ikla ħafifa ta’ malajr. Bhekk dan il-prodott sar jifforma parti integrali mill-kultura tax-xorb tal-birra tal-Bavajra, li hija unika fid-dinja. Tradizzjonalment, ir-reġjun tal-Bavarja kien u għadu fil-qalba tal-produzzjoni tal-ħalib fl-Ewropa. Bl-istess mod, tradizzjonalment huwa kien u għadu wkoll wieħed mir-reġjuni Ewropej ewlenin b’rabta mal-produzzjoni tal-ġobon.

Għalhekk xejn m’hi ħaġa sorprendenti li f’dan ir-reġjun il-ħalib beda jiġi pproċessat fuq skala kbira qabel ma dan beda jsir f’reġjuni Ewropej oħrajn. Ir-reġjuni tradizzjonali kkaratterizzati mill-bur bħall-Allgäu u l-Bavarja ta’ Fuq kienu minn tal-bidu nett li bdew jagħmlu l-ġobon u jipproċessawh. Minbarra l-produzzjoni tal-ġobon iebes, fir-reġjuni tan-naħa t’isfel tal-Bavarja malajr beda jiġi prodott ukoll ġobon artab imfittex ferm. Diversi tipi ta’ ġobon artab bħall-“Camembert”, il-“Brie” ir-“Romadur” u l-“Limburger” malajr saru parti mill-ispeċjalitajiet tal-ġobon ta’ dan ir-reġjun.

L-istorja tal-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” hija marbuta mill-qrib mal-istorja tal-istabbilimenti għax-xorb tal-birra fil-Bavarja, li tmur lura għal iktar minn 150 sena. Il-ġobon tat-tip “Camembert” u dak tat-tip “Brie” bdew jiġu prodotti għall-ewwel darba fil-Bavarja fl-istess żmien li fih bdew jinfetħu l-ewwel stabbilimenti għax-xorb tal-birra f’dan ir-reġjun. Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” inħoloq mis-settur tal-ikel tal-Bavarja sabiex ikun jibqa’ jista’ jittiekel il-ġobon tat-tip “Camembert” u dak tat-tip “Brie” li jkun immatura ħafna. F’dan il-proċess, intuża l-għarfien li dawn iż-żewġ tipi ta’ ġobon iktar ma jimmaturaw iktar ikollhom togħma qawwija. In-nuqqas ta’ modi kif wieħed ikessaħ il-ġobon – speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf – aċċellera dan il-proċess ta’ maturazzjoni. It-taħlita ta’ tipi ta’ ġobon artab mal-ingredjenti l-oħra wasslet bex inħoloq il-prodott tajjeb tal-ġobon imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter”, magħmul b’mod ewlieni minn tipi ta’ ġobon differenti bħall-“Camembert”, il-“Brie” ir-“Romadur” u l-“Limburger”. Bħala prodott tipiku tal-ġobon, il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” malajr xtered fl-istabbilimenti għax-xorb tal-birra tal-Bavarja, fejn il-klijenti setgħu jieħdu magħhom l-ikel ħafif ta’ malajr tagħhom stess.

Madankollu, x’aktarx li dan il-prodott jaf il-fama tiegħu barra r-reġjun tal-Bavarja lil Katharina Eisenreich, li mill-1920 sal-1958 kienet sid l-istabbiliment “Bräustüberl” f’Weihenstephan, fejn kien hemm l-eqdem birrerija tad-dinja. Din kienet tagħti porzjon minn dan il-prodott lill-klijenti tagħha li kienu jiġu jixorbu u jieklu xi ħaġa żgħira filgħodu u jilagħbu l-logħob tal-karti tradizzjonali tal-Bavarja msejjaħ “Schafkopfen” (“ras in-nagħġa”) jew il-logħob tal-karti użati għall-qari tax-xorti.– Tal-inqas minn dak iż-żmien 'l hawn, il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” sar parti integrali mill-kultura tax-xorb tal-birra tal-Bavarja u sar prodott klassiku tal-ispeċjalitajiet tal-ikel ħafif ta’ malajr tar-reġjun tal-Bavarja. Illum il-ġurnata, dan il-prodott igawdi minn fama tajba mad-dinja kollha, u b’mod speċjali, naturalment, fil-Bavarja.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” ivarja minn prodotti tal-ġobon oħrajn minħabba l-ingredjenti li huwa magħmul minnhom. Dan il-prodott huwa bbażat fuq il-ġobon tat-tip “Camembert” u/jew fuq il-ġobon tat-tip “Brie” li jkun immatura ħafna. Dawn l-ingredjenti jagħtu lil dan il-prodott togħma kemmxejn pikkanti. It-taħlita tal-ġobon li jkun immatura ħafna mal-butir, kif ukoll mal-ġobon frisk u possibbilment mal-krema u/jew mal-ħalib jagħti lill-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” it-togħma pikkanti iżda mhix qawwija tiegħu.

Fost l-ingredjenti obbligatorji, bil-fors irid ikun hemm it-trab tal-paprika jew l-estratt tal-paprika minħabba li dan jorqom it-togħma tal-prodott. Iż-żieda ta’ ftit birra, basal, karwi u ħwawar oħrajn ukoll tkompli tirfina t-togħma ta’ dan il-prodott.

Il-fama tajba li dan il-prodott igawdi fil-Bavarja ġejja minn din it-taħlita unika ta’ ingredjenti.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għaDPO), jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

Il-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” igawdi minn fama tajba fil-Bavarja li tmur lura għal ħafna snin. Huwa beda jiġi mmanifatturat f’dan ir-reġjun u t-tradizzjoni tiegħu fih tmur lura għal iktar minn 100 sena. Il-konsumaturi jqisuh bħala speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun.

Isem il-prodott, jiġifieri “Obazda” jew “Obatzter”, jiddeskrivi l-proċess ta’ produzzjoni tiegħu, jiġifieri t-tħin u t-taħlit flimkien ta’ diversi ingredjenti sabiex tiġi prodotta taħlita li tkun tista’ tiddellek. Il-kelma għal dan il-proċess fid-djalett tal-Bavarja hija “obatzn”, li minnha ġej il-kliem “Obazda” u “Obatzter”. L-ismijiet “Obazda” u “Obatzter” huma sinonimi u daħlu kif inhuma fil-lingwa u fil-letteratura speċjalizzata.

Il-fatt li l-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” huwa mniżżel fil-bank tad-dejta tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali tal-Bavarja tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Forestrija tar-Reġjun tal-Bavarja jikkonferma li dan jitqies bħala speċjalità tradizzjonali reġjonali fil-Bavarja. Barra minn hekk, ħafna kotba tat-tisjir u dizzjunarji tal-ġobon jirreferu għal dan il-prodott bħala speċjalità tipika tal-Bavarja. Dan il-prodott jitniżżel bħala platt standard fil-menu tal-festivals tal-kultura tax-xorb tal-birra tal-Bavajra mad-dinja kollha. Dan juri wkoll il-fama tajba li jgawdi minnha l-prodott imsejjaħ “Obazda”/“Obatzter” u r-rabta tiegħu mar-reġjun tal-Bavarja, minn fejn oriġina.

Minħabba l-fatt li dan il-prodott ilu jsir għal ħafna snin fil-Bavarja biss, is-settur tal-ikel tal-Bavarja u l-manifatturi ta’ dan il-prodott kisbu għarfien speċjalizzat ħafna li jidher fil-varjetà kbira ta’ prodotti msejħin “Obazda”/“Obatzter” ta’ kwalità għolja li huma mfittxija ferm mill-konsumaturi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (3))

https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/40853


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 2.