9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/299


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2015/C 409/33)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”), li tinsab fil-Lussemburgu, inħolqot fl-1958 (1). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/114/KE, Euratom (2) issostitwixxiet l-Istatuti preċedenti tal-Aġenzija. Il-kompitu prinċipali tal-Aġenzija huwa li tiżgura forniment regolari ta’ materjali nukleari, b’mod partikolari fjuwils nukleari, lill-utenti tal-UE, permezz ta’ strateġija ta’ forniment komuni bbażata fuq il-prinċipju tal-aċċess ugwali għal sorsi ta’ forniment.

2.

Mill-2008 sal-2011 inkluż, l-Aġenzija ma rċevietx baġit tagħha stess biex tkopri l-operazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni refgħet l-ispejjeż kollha mġarrba mill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Mill-2012 ‘il quddiem, l-Aġenzija ngħatat il-baġit tagħha stess mill-Kummissjoni, li madankollu jkopri biss parti żgħira mill-infiq tagħha.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

4.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

5.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur Ġenerali japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

6.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

7.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

8.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

10.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

11.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU 27, 6.12.1958, p. 534/58.

(2)  ĠU L 41, 15.2.2008, p. 15.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Mingħajr ma tixħet dubju fuq l-opinjoni espressa fil-paragrafu 9, il-Qorti tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni li ġejja. Bejn l-2008 u l-2011, l-Aġenzija ma rċevietx il-baġit tagħha stess u l-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat u rrilaxxat l-infiq kollu direttament. Il-Qorti kienet qieset li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Istatuti tal-Aġenzija.

Għall-2012, wara l-kummenti tal-Qorti, l-Aġenzija ngħatat il-baġit tagħha stess mill-Kummissjoni (…). Filwaqt li l-Artikolu 54 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-Aġenzija jipprovdu li hija għandu jkollha awtonomija finanzjarja, il-parti l-kbira tal-infiq tal-Aġenzija (persunal, spazju għal uffiċċji u sistemi tal-IT) għadha ffinanzjata direttament mill-Kummissjoni. Għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-persunal, dan huwa previst fl-Artikolu 4 tal-Istatuti tagħha. Id-dispożizzjonijiet huma kontradittorji u dan imur kontra l-awtonomija finanzjarja meħtieġa tal-Aġenzija.

M/A

2013

In-noti għall-kontijiet annwali 2013 tal-Aġenzija jispjegaw li s-salarji kollha u xi spejjeż addizzjonali għas-servizzi amministrattivi tħallsu direttament mill-baġit tal-Kummissjoni. L-ispejjeż għas-salarji huma ddivulgati, iżda mhuwa pprovdut l-ebda dettall dwar l-ispejjeż għas-servizzi amministrattivi. Għalhekk, il-punt sa fejn l-Aġenzija tiddependi mill-Kummissjoni mhuwiex viżibbli bis-sħiħ.

Ikkompletata

2013

Ma hemmx dokumentazzjoni suffiċjenti tal-elementi prinċipali tal-kontrolli interni tal-Aġenzija, bħal strateġija ta’ mmaniġġjar u kontroll tar-riskju, proċeduri ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni, valutazzjoni tal-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll intern u kodiċi ta’ standards professjonali.

Ikkompletata


ANNESS II

L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (Il-Lussemburgu)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

Strateġija ta’ fornimenti komuni għal materjali nukleari skont il-prinċipji u l-objettivi (sigurtà tal-fornimenti) stabbiliti bit-Trattat Euratom.

L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (ESA) ġiet stabbilita direttament bl-Artikolu 52 tat-Trattat Euratom, iffirmat fl-1957. L-ESA hija wkoll irregolata bl-Istatuti tagħha, stabbiliti b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-bażi legali tal-Artikolu 54 tat-Trattat Euratom.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(kif definiti fit-Trattat Euratom, prinċipalment il-Kapitolu 6 tiegħu, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi l-Istatuti tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom (2008/114/KE, Euratom))

Objettivi

Tassigura l-fornimenti ta’ materjali nukleari, skont strateġija ta’ fornimenti komuni, fuq il-prinċipju tal-aċċess ugwali għal riżorsi.

Tassigura d-distribuzzjoni regolari u ġusta ta’ (minerali u) karburanti nukleari lill-utenti kollha fil-Komunità.

Tidentifika u timmonitorja x-xejriet tas-suq li jistgħu jolqtu s-sigurtà tal-fornimenti għall-materjali u s-servizzi nukleari fl-Unjoni Ewropea.

Tikkontribwixxi għall-politiki tal-Komunità billi tipprovdi għarfien espert, informazzjoni u pariri dwar kwalunkwe suġġett marbut mal-funzjonament tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari.

Kompiti

Skont it-Trattat Euratom, l-ESA għandha dritt ta’ għażla fuq il-materjali nukleari prodotti fit-territorji tal-Istati Membri u dritt esklussiv li tiffinalizza kuntratti li għandhom x’jaqsmu mal-materjali nukleari li jkunu ġejjin minn ġewwa jew minn barra l-Komunità.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kompiti tal-ESA jinkludu:

li tivvaluta l-impenji nnegozjati bejn il-partijiet ikkonċernati u, konsegwentement, tikkonkludi, ma taċċettax li tikkonkludi jew taċċetta li tikkonkludi taħt ċerti kundizzjonijiet biss, kwalunkwe kuntratt, jew emenda għalih, relatat mal-fornimenti ta’ materjali fit-tifsira tal-Artikolu 52 tat-Trattat Euratom;

li tirċievi notifika tal-kuntratti kollha li għandhom x’jaqsmu mat-trattament, it-trasformazzjoni jew l-ipproċessar ta’ minerali, ta’ materji primi jew ta’ materjali speċjali fissili, skont l-Artikolu 75 tat-Trattat Euratom, u tipproċessahom;

li tirċievi notifika tal-operazzjonijiet kollha tat-trasferimenti, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ kwantitajiet hekk żgħar ta’ minerali, materji primi jew materjali (speċjali) fissili, skont l-Artikolu 74 tat-Trattat Euratom, u tipproċessahom;

li tistruwixxi l-fajls u tieħu l-passi preparatorji kollha fid-dawl ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’każijiet fejn, skont il-liġi tal-Euratom, jinħtieġ il-qbil tal-Kulleġġ;

li timmaniġġja, kif xieraq, il-kuntratti li hija tkun ikkonkludiet jew li dwarhom hija tkun irċeviet notifika;

li tiġbor u tipproċessa informazzjoni bil-ħsieb ta’ monitoraġġ kontinwu tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari fl-UE. Fl-2013, ir-rwol osservatorju tal-ESA ġie estiż aktar biex ikopri l-aspetti tal-fornimenti ta’ isotopi radjuattivi mediċi fl-UE;

li tippubblika rapporti regolari għall-użu intern, u/jew għall-pubbliku ġenerali, fir-rigward tal-funzjonament tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari, u xejriet reċenti fih;

li tipprovdi lill-Komunità, fuq talba, b’għarfien espert u pariri dwar kwalunkwe suġġett marbut mal-funzjonament tas-suq tal-materjali u s-servizzi nukleari;

li tikkollega mal-Kumitat Konsultattiv (KK) tal-ESA u tfittex l-opinjoni tiegħu u li tipparteċipa, kif xieraq, inkluż billi tipprovdi segretarjat, għal-laqgħat imsemmija tal-KK.

Governanza

L-Aġenzija għandha personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja.

Hija topera taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, fuq bażi ta’ nonprofitt.

Id-Direttur u l-persunal tal-ESA jridu jkunu, jew iridu jsiru, uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Huma jrid ikollhom awtorizzazzjoni għal aċċess. Is-salarji tagħhom jitħallsu mill-Kummissjoni.

It-Trattat Euratom u l-Istatuti tal-ESA jiddeterminaw il-kapital tal-Aġenzija u l-kundizzjonijiet li fuqhom huwa sottoskritt.

Direttur Ġenerali

Maħtur mill-Kummissjoni, għal perjodu ta’ żmien indefinit. Id-dmirijiet u s-setgħat tad-DĠ huma determinati, b’mod partikolari, fl-Istatuti tal-ESA.

Is-Superviżjoni tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ direttivi lill-Aġenzija u għandha d-dritt tal-veto fuq id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija. Barra minn hekk, ċerti deċiżjonijiet tal-ESA huma suġġetti għal awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni minn qabel. Ir-Regoli tal-Aġenzija jeħtieġu approvazzjoni mill-Kummissjoni.

Kumitat Konsultattiv

Magħmul minn membri mill-Istati Membri, li jinħatru intuitu personae għal perjodu ta’ tliet snin (li jista’ jiġġedded). Il-KK jassisti lill-Aġenzija fit-twettiq tal-kompiti tagħha. Huwa jipprovdi kollegament bejn l-ESA u kemm il-produtturi kif ukoll l-utenti fl-industrija nukleari. Il-Kumitat jista’ jiġi kkonsultat fuq kull kwistjoni fil-limiti tal-kompetenzi tal-Aġenzija. Huwa jrid jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-kwistjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 13 tal-Istatuti. Normalment jiltaqa’ darbtejn fis-sena.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014 (2013)

Baġit

EUR 1 04  000(1 04  000), inkluża kontribuzzjoni mill-Kummissjoni: EUR 98  000(98  000).

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2014

Għadd totali tal-persunal: 18 (18) (inkluż id-Direttur).

Prodotti u servizzi pprovduti fl-2014 (2013)

Sigurtà tal-forniment assigurata

Tranżazzjonijiet ipproċessati

Madwar 276 (279) tranżazzjoni, inklużi kuntratti, emendi u notifiki tal-attivitajiet front-end, ġew ipproċessati mill-Aġenzija fl-2014.

Rapporti

Fl-2014, l-Aġenzija ħarġet:

ir-Rapport Annwali tal-Aġenzija għall-2013;

3 (4) Rapporti ta’ Kull Tliet Xhur dwar is-Suq tal-Uranju;

47 (40) Bullettin tal-Aħbarijiet Nukleari ta’ kull Ġimgħa, għall-qarrejja fil-KE.

Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Kumitat Konsultattiv tal-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom

Il-KK tal-Aġenzija kellu żewġ laqgħat (f’April u f’Novembru), bl-appoġġ u l-parteċipazzjoni tal-Aġenzija.

L-Aġenzija ffaċilitat l-attivitajiet ta’ żewġ Gruppi ta’ Ħidma tal-KK tagħha.

Relazzjonijiet ma’ Istituzzjonijiet oħra tal-UE u Kooperazzjoni Internazzjonali

Relazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea kif deskritt hawn fuq.

Kull sena l-Aġenzija trid tippreżenta lill-PE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport li jkopri l-attivitajiet tagħha fis-sena preċedenti, kif ukoll il-programm ta’ ħidma tagħha għas-sena sussegwenti.

L-ESA tikkoopera wkoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri mal-IAEA (l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika) u l-OECD/NEA (l-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari). F’dak il-kuntest, l-Aġenzija tipparteċipa fil-Grupp Uranju NEA/IAEA konġunt u fil-Grupp ta’ Livell Għoli NEA dwar is-Sigurtà tal-Forniment ta’ Isotopi Radjuattivi Mediċi (HLG-MR).

Sigurtà tal-forniment ta’ isotopi radjuattivi mediċi

Fl-2014, l-ESA kompliet bil-presidenza tagħha tal-Osservatorju Ewropew fuq il-Forniment ta’ Isotopi Radjuattivi Mediċi biex tgħin fl-implimentazzjoni ta’ politika tal-Kunsill Ewropew sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-forniment għal isotopi radjuattivi mediċi.

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

12.

L-Aġenzija ħa nota tar-rapport tal-Qorti.