9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/247


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2015/C 409/28)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“ERCEA”), li tinsab fi Brussell, inħolqot bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/37/KE (1). L-Aġenzija ġiet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2008 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2017 bl-għan li tmexxi l-programm speċifiku “Ideat” taħt is-7 Programm Kwadru għar-Riċerka (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-Kumitat ta’ Tmexxija japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

11.

Jeħtieġ li l-proċeduri fir-rigward ta’ assi tanġibbli u intanġibbli jissaħħu aktar sabiex jiġu żgurati s-salvagwardja xierqa tagħhom u t-tħejjija ta’ informazzjoni f’waqtha, preċiża u kompleta f’dan il-qasam. Jeħtieġ li r-Reġistru tal-Assi jinżamm aġġornat fir-rigward tal-lok fejn jinsabu l-assi tagħha, li l-proċeduri ta’ inventarju jiġu formalizzati u li l-linji gwida tal-Aġenzija dwar il-kapitalizzazzjoni ta’ assi intanġibbli żviluppati internament jinkludu biżżejjed dettall biex jiġi żgurat li hija tuża approċċ konsistenti.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 9, 12.1.2008, p. 15.

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 38 sa 42 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikoli 87 sa 92 tar-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija


ANNESS

L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 182 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

1.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw programm qafas pluriennali, li fih jitqiegħdu l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Il-programm qafas għandu:

jistabbilixxi l-għanijiet xjentifiċi u teknologiċi li jridu jinkisbu permezz tal-attivitajiet li hemm previsti fl-Artikolu 180 u jiddetermina l-prioritajiet rilevanti,

jindika l-linji ġenerali ta’ dawk l-attivitajiet,

jistabbilixxi l-ammont massimu totali u r-regoli dettaljati applikabbli għall-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni fil-programm qafas, kif ukoll id-diversi ishma f’kull attività prevista.

2.

Il-programm qafas għandu jiġi adattat jew supplimentat skont kif tinbidel is-sitwazzjoni.

3.

Il-programm qafas għandu jiġi implimentat permezz ta’ programmi speċifiċi żviluppati f’kull attività. Kull programm speċifiku għandu jiddefinixxi r-regoli dettaljati sabiex dan jiġi implimentat, sabiex jiġi stabbilit kemm idum, kif ukoll sabiex jiġu provduti l-mezzi li jitqiesu meħtieġa. It-total tal-ammonti li jitqiesu meħtieġa, stabbiliti fil-programmi speċifiċi, ma jistax jeċċedi l-ammont massimu totali stabbilit għall-programm qafas u għal kull attività.

4.

Il-Kunsill li jaġixxi skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali, għandu jadotta l-programmi speċifiċi.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/779/UE)

(Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)9428, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)9437)

Għanijiet

L-Aġenzija ġiet stabbilita f’Diċembru 2013 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/779/UE, għall-ġestjoni tal-għan speċifiku “It-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien, permezz tal-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka” tal-Parti I “Xjenza Eċċellenti” tal-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont 2020 (2014-2020). Dan l-għan speċifiku huwa implimentat mill-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC), li jinkludi Kunsill Xjentifiku indipendenti li jistabbilixxi l-istrateġija xjentifika tal-ERC u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħha mill-Aġenzija li tittratta l-ġestjoni operazzjonali.

L-Aġenzija hija s-suċċessur tal-Aġenzija Eżekuttiva stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2008/37/KE u topera f’konformità mal-istatut ġenerali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003.

L-Aġenzija ġiet fdata wkoll bl-implimentazzjoni tal-legat tal-Programm Speċifiku “Ideat”, li kien immaniġġjat mill-predeċessur tagħha fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru (2007-2013).

Kompiti

Il-kompiti tal-Aġenzija huma deskritti fl-Att ta’ Delega (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013)9428) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)9437, partikolarment fl-Artikolu 4 u l-Annessi I sa III tiegħu. Fost dawn il-kompiti, l-Aġenzija ġiet fdata b’kompiti li jkopru:

l-aspetti kollha tal-implimentazzjoni amministrattiva u l-eżekuzzjoni tal-programmi u, b’mod partikolari, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni, ir-reviżjoni bejn il-pari u l-proċess tal-għażla skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku;

il-ġestjoni finanzjarja u xjentifika tal-għotjiet;

l-appoġġ neċessarju lill-Kunsill Xjentifiku fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

Governanza

(Id-Deċizjoni tal-Kummissjoni C(2014) 430 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2014) 9447)

(Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013)

(Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE)

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003)

Kumitat ta’ Tmexxija

Il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa l-korp li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-Aġenzija u jinħatar mill-Kummissjoni (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 430 kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9447). Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali (wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni), il-baġit amministrattiv u r-rapporti annwali tal-Aġenzija. Huwa kompost minn ħames membri

Kunsill Xjentifiku tal-ERC

Il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC huwa fdat, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013 bl-istabbiliment tal-istrateġija xjentifika ġenerali għall-għan tal-Programm Speċifiku, u biex jiddeċiedi dwar it-tip ta’ riċerka li għandha tiġi ffinanzjata skont it-Taqsima 1.2 tal-Parti I tal-Anness I tiegħu. Huwa jopera b’mod awtonomu. Dawn huma karatteristiċi essenzjali tal-ERC: li jiggarantixxi l-effettività tal-programm xjentifiku tiegħu, il-kwalità tal-operazzjonijiet tiegħu u l-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u l-kredibbiltà tiegħu fil-komunità xjentifika. Kif stipulat fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE, il-kompiti tiegħu ikopru, b’mod partikolari, l-istabbiliment tal-programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC, u tal-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità tal-implimentazzjoni tal-għan speċifiku “Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC)”, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Huwa magħmul minn 22 membru maħtura mill-Kummissjoni.

Direttur tal-Aġenzija

Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea għal erba’ snin.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2014 (2013)

Baġit

EUR 36,3 (40,1) miljun (baġit finali adottat mill-aġenzija eżekuttiva)

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2014

Il-baġit operazzjonali 2014 jipprevedi tabella tal-persunal ta’ 100 (100) Membru tal-persunal temporanju (PT) u baġit għal 289 (289) membru tal-persunal kuntrattwali (PK) u esperti nazzjonali sekondati (ENS), jiġifieri total ta’ 389 (389) membru tal-persunal. Minn dawn il-postijiet, 388 (379) kienu okkupati fi tmiem l-2014:

99 (99) membru tal-persunal temporanju, li minnhom 15 (13)-il membru sekondat tal-PT u 84 (86) membru estern tal-PT;

277 (270) membru tal-persunal kuntrattwali;

12-il (10) ENS.

Allokati għal:

attivitajiet operazzjonali (dipartimenti tal-Ġestjoni Xjentifika u tal-Għotjiet): 70 % (70 %);

attivitajiet amministrattivi (dipartimenti oħra): 30 % (30 %).

Prodotti u servizzi pprovduti fl-2014 (2013)

1.

Il-monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ għotja mogħtija taħt il-Programm Orizzont 2020 (H2020), sejħiet għal Għotjiet tal-Bidu (StG), Għotjiet Konsolidaturi (CoG), Għotjiet Avvanzati (AdG), u Għotjiet għall-Prova ta’ Kunċett (PoC). Il-programm ta’ ħidma H2020 huwa implimentat permezz tal-pubblikazzjoni tas-sejħiet annwali għal proposti, li hija segwita minn evalwazzjoni (minn esperti esterni), it-tħejjija u l-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għotjiet u fl-aħħar nett il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti. Kull sejħa għal proposti tirriżulta f’sensiela ta’ Ftehimiet ta’ Għotjiet, b’ċiklu ta’ proġetti mistenni ta’ madwar ħames snin.

2.

L-eżekuzzjoni tas-sejħiet għal proposti 2014 għall-programm ta’ ħidma H2020 (Għotjiet tal-Bidu, Għotjiet Konsolidaturi, Għotjiet Avvanzati, u Għotjiet għall-Prova ta’ Kunċett): 8  530 applikazzjoni għal proposta ġew ippreżentati fl-2014, li minnhom 3  273 kienu għal Għotjiet tal-Bidu, 2  528 kienu għal Għotjiet Konsolidaturi, 2  287 għal Għotjiet Avvanzati, u 442 għal Għotjiet għall-Prova ta’ Kunċett (total għaż-żewġ dati ta’ skadenza). Minn dawn, total ta’ 8  374 kienu eliġibbli u għaldaqstant ġew evalwati mill-bords tal-eżaminar. Total ta’ 378 proposta ntagħżlu għall-proċess tal-għoti għas-sejħiet StG u PoC. Is-sejħa CoG 2014 għadha mhijiex ikkompletata u s-sejħa AdG 2014 għadha fil-fażi ta’ evalwazzjoni billi l-kalendarju tas-sejħiet tmexxa ‘l quddiem b’5 xhur minħabba l-adozzjoni tardiva tal-programm H2020 mill-Kunsill u mill-Parlament.

3.

Il-ġenerazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma H2020 u l-attivitajiet tal-Aġenzija fl-2014.

4.

Il-Kunsill Xjentifiku kellu laqgħat regolari fl-2014 kemm fi Brussell kif ukoll madwar l-Ewropa, normalment fuq stedina mill-awtoritajiet nazzjonali. Laqgħat li jsiru f’pajjiżi differenti, jew Stati Membri tal-UE jew Pajjiżi Assoċjati, huwa mod kif l-ERC iżid il-viżibbiltà tiegħu. Il-laqgħat jitqiesu wkoll bħala avvenimenti importanti kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-komunità xjentifika u tar-riċerka lokali. Ħames sessjonijiet plenarji tal-Kunsill Xjentifiku ġew organizzati bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2014: f’Jannar, Marzu u Diċembru fi Brussell (il-Belġju), f’Ġunju f’Oslo (in-Norveġja) u f’Ottubru f’Zagreb (il-Kroazja).

Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-bord dwar l-eżaminar tal-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-ERC fl-2009, il-Kunsill Xjentifiku stabbilixxa żewġ kumitati permanenti: l-ewwel wieħed jipprovdi gwida dwar kunflitti ta’ interess, imġiba xjentifika ħażina u kwistjonijiet ta’ etika (CoIME) u t-tieni wieħed jittratta l-għażla ta’ membri tal-bord ta’ evalwazzjoni. L-Aġenzija Eżekuttiva appoġġat l-attivitajiet operazzjonali taż-żewġ kumitati, li ltaqgħu darbtejn u tliet darbiet rispettivament fl-2014.

Il-membri tal-Kunsill Xjentifiku jiltaqgħu wkoll fi gruppi ta’ ħidma (WGs) li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi. Fl-2014, l-Aġenzija Eżekuttiva organizzat diversi laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma tal-ERC dwar l-innovazzjoni u r-relazzjonijiet mal-industrija, l-aċċess miftuħ, it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni internazzjonali, il-bilanċ bejn is-sessi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Il-gruppi ta’ ħidma jwettqu analiżijiet u jikkontribwixxu għall-istrateġija xjentifika tal-ERC permezz ta’ proposti li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Xjentifiku fi plenarja, f’oqsma koperti mill-mandati tagħhom: biex jeżaminaw ir-relazzjoni tal-ERC mas-settur industrijali/kummerċjali u l-impatt ta’ riċerka dwar l-innovazzjoni ffinanzjata mill-ERC; biex jiżviluppaw pożizzjoni tal-ERC dwar l-aċċess miftuħ; biex jiżguraw li l-ERC ikun fuq quddiem nett tal-aħjar prattika fir-rigward tal-bilanċ bejn is-sessi fir-riċerka; biex jesploraw mekkaniżmi adatti għaż-żieda tal-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi f’sejħiet tal-ERC minn pajjiżi barra mill-UE; biex jiżviluppaw pjan direzzjonali għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tat-twettiq mill-ERC tal-missjoni tiegħu, lil hinn mill-indikaturi u l-miri; biex jappoġġaw il-politiki fuq terminu qasir, terminu medju u terminu twil tal-Kunsill Xjentifiku.

Grupp ġdid beda l-attivitajiet tiegħu fl-2014, il-Grupp ta’ Ħidma għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni Ewropea. Il-missjoni tiegħu huwa li jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant biex irawmu aħjar it-talent xjentifiku tagħhom u biex jinvestu aktar fir-riċerka. Dan se jqajjem kuxjenza dwar l-iskemi tal-ERC f’dawn il-pajjiżi u jinforma aħjar lill-komunitajiet tar-riċerka hemmhekk dwar x’jistgħu joffru l-għotjiet tal-ERC lil xjenzjati mir-reġjun u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni ta’ talent xjentifiku minn hemmhekk li għadu ma ġiex skopert.

Sensiela ta’ dokumenti ta’ ħidma li fihom analiżijiet u messaġġi ewlenin dwar il-kwistjonijiet speċifiċi ttrattati mill-gruppi ta’ ħidma u mill-kumitati permanenti tħejjew mill-Aġenzija Eżekuttiva, f’kollaborazzjoni mal-membri tal-gruppi.

L-attivitajiet prinċipali marbuta max-xogħol ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma fl-2014 kienu jinkludu:

Innovazzjoni u relazzjonijiet mal-industrija: F’Lulju 2014, disa’ benefiċjarji ta’ għotjiet mill-ERC li kellhom għotjiet għall-Prova ta’ Kunċett l-ewwel ġew imħarrġa u mbagħad mistiedna jippreżentaw l-ideat tagħhom lil investituri fi preżentazzjonijiet qosra (“elevator pitches”) ta’ tliet minuti, lil netwerk li kien jikkonsisti f’innovaturi ewlenija fl-industrija u fil-qasam akkademiku kif ukoll xi kapitalisti ta’ riskju. Dan huwa t-tieni avveniment ta’ dan it-tip organizzat mill-ERC f’kollaborazzjoni mal-kumpanija tal-midja ScienceBusiness. L-ewwel wieħed sar fi Frar 2013.

Aċċess Miftuħ: Sessjoni dwar l-aċċess miftuħ u l-eċċellenza xjentifika ġiet organizzata fi ħdan il-qafas tas-Sessjoni ta’ Ħidma Konġunta bejn l-ERC u d-DNRF “It-trawwim tal-eċċellenza akkademika f’dinja tinbidel” li saret f’Ġunju bħala avveniment satellita għall-ESOF 2014.

Aktar tard, f’Settembru, sessjoni ta’ ħidma fuq jumejn dwar il-ġestjoni u l-kondiviżjoni ta’ data tar-riċerka attirat aktar minn 140 parteċipant minn madwar l-Ewropa. Avvenimenti oħra kienu jinkludu bosta seminars b’rappreżentanti minn infrastrutturi speċifiċi ta’ aċċess miftuħ, bħar-repożitorji tad-data Dryad u figshare, mill-fondazzjoni OAPEN li qed topera pjattaforma għal kotba b’aċċess miftuħ, u mill-Inizjattiva Reproducibility. F’kooperazzjoni ma’ STM, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Pubblikaturi Xjentifiċi, Tekniċi u Mediċi, saru żewġ seminars oħra, wieħed dwar l-ipprezzar ta’ ġurnali, u l-ieħor dwar l-ippubblikar f’format ta’ test twil f’ambjent diġitali.

Bilanċ bejn is-sessi: F’tentattiv biex ikompli jittratta l-għadd baxx ta’ applikazzjonijiet għal sejħiet tal-ERC minn riċerkaturi nisa, f’Ġunju 2014 il-Kunsill Xjentifiku tal-ERC adotta l-Pjan 2014-2020 tal-ERC għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Id-dokument, abbozzat mill-grupp ta’ ħidma dwar il-bilanċ bejn is-sessi, huwa intenzjonat li jmexxi aktar ‘il quddiem l-għanijiet tal-Pjan 2007-2013 tal-ERC għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Barra minn hekk, il-grupp ta’ ħidma dwar il-bilanċ bejn is-sessi kkummissjona studju indipendenti, il-proġett ERCAREER, biex jinvestiga d-differenzi u s-similaritajiet bejn il-karrieri u t-tendenzi fil-karrieri ta’ benefiċjarji, nisa u rġiel, ta’ għotjiet mill-ERC u biex jipprovdi rakkomandazzjonijiet.

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija ħadet nota tar-rapport taċ-Ċentru u ser timplimenta l-kummenti tiegħek fuq il-kontrolli interni.