9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/234


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Fond tal-Pensjoni tal-Europol għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Fond

(2015/C 409/26)

INTRODUZZJONI

1.

Il-Fond tal-Pensjoni tal-Europol (minn hawn 'il quddiem “il-Fond”, magħruf ukoll bħala l-“EPF”), li jinsab f’L-Aja, ġie stabbilit permezz tal-Artikolu 37, l-Appendiċi 6, tar-Regolamenti preċedenti tal-Persunal tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, L-Aja (Europol). Ir-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-Fond ġew stabbiliti bl-Att tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 1999 (1) u emendati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/400/UE (2). L-objettiv tal-Fond huwa li jiffinanzja u jħallas il-pensjonijiet għall-persunal li kien diġà impjegat mal-Europol qabel ma dan sar Aġenzija Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2010.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli interni tal-Fond. Dan huwa ssupplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta' awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Fond (3) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Fond u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (4):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Fond jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' sistema ta' kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta' rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-applikazzjoni tar-regoli kontabilistiċi għall-Fond kif adottati mill-Kunsill (5) u t-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Fond u d-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija japprovaw il-kontijiet annwali wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Fond ikun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli. Huma jistabbilixxu wkoll nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huma jiddikjaraw, fost l-oħrajn, li għandhom aċċertament raġonevoli li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fond fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi u l-konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta' sistema ta' kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta' fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (6) b'dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Fond ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta' dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta' nuqqas ta' konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta' bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta' superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Fond jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-Kunsill.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

Osservazzjonijiet

10.

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għan-Noti 2.6 u 2.7 tar-Rapport Annwali 2014 tal-Fond. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Fond ħejja l-kontijiet fuq il-bażi ta’ negozju avvjat. Madankollu, huwa mistenni li fl-2015 isir ħlas ulterjuri tal-biċċa l-kbira mid-drittijiet tal-pensjoni li attwalment għadhom ma tħallsux, permezz ta’ trasferiment għal skema tal-pensjonijiet oħra, u li sal-31 ta’ Diċembru 2015 mhux se jkun hemm parteċipanti attivi. Attwalment, il-Bord tal-Fond u l-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol flimkien mal-Kunsill qegħdin jivvalutaw l-alternattivi għall-ġejjieni tal-Fond, li waħda minnhom hija l-likwidazzjoni ftit wara l-31 ta’ Diċembru 2015.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

11.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Id-Dokument Nru 5397/99 fuq ir-reġistru pubbliku tal-Kunsill: http://register.consilium.europa.eu/.

(2)  ĠU L 179, 7.7.2011, p. 5.

(3)  Il-kontijiet jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-introjtu u l-infiq, ir-rapport tal-flussi tal-flus u n-noti ta’ spjegazzjoni.

(4)  L-Artikoli 33 u 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(5)  Skont l-Att tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 1999 li jadotta r-regoli dwar l-FPE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 li temenda lil dan tal-aħħar, il-kontijiet huma mħejjija fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi tan-Netherlands dwar il-Fondi tal-Pensjoni, jiġifieri d-Direttiva 610 tar-regoli dwar ir-rappurtar finanzjarju, u fuq l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(6)  L-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


ANNESS

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol jiffissaw il-kapitalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni mħallsa mill-uffiċjali għal rata annwali ta’ 3,5 %. Billi l-kontribuzzjonijiet isiru ta' kull xahar u jistgħu jkunu differenti minn xahar għal ieħor, l-użu ta’ rata annwali huwa skorrett u għandha tiġi applikata rata ta’ kull xahar. Madankollu, ma hemm l-ebda effett materjali fuq il-kontijiet annwali.

M/A


IR-RISPOSTA TAL-FOND

10.

Il-Laqgħa tal-Bord ta' Amministrazzjoni tal-Europol (MB) tat-12-13 ta' Mejju 2015 qablet b'mod unanimu li tipproponi lil-leġiżlatur ix-xoljiment tal-Fond ta' Pensjoni tal-Europol (EPF), flimkien mad-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżerva ġenerali ('żieda') tal-fond lill-kontributuri tiegħu. L-istrument legali korrispondenti bħalissa qiegħed jiġi eżaminat mill-korpi preparatorji kkonċernati tal-Kunsill.