9.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 409/175


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2014 flimkien mar-risposta tal-Awtorità

(2015/C 409/20)

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EIOPA”), li tinsab fi Frankfurt, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha u li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u dak tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet (2). L-Awtorità ġiet stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2011.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport u d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, il-Qorti qieset ix-xogħol tal-awditjar li l-awditur indipendenti estern wettaq fuq il-kontijiet tal-Awtorità kif stipulat fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (8).

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f’livell ta’ 95 %. Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati wkoll baqa’ għoli f’livell ta’ EUR 5,6 miljun, jiġifieri 26 % (2013: EUR 5,2 miljun, jiġifieri 28 %), b’mod partikolari għall-baġit operazzjonali (it-Titolu III) f’livell ta’ EUR 4,7 miljun, jiġifieri 66 % (2013: EUR 3,7 miljun jew 85 %). Ir-riporti huma prinċipalment relatati ma’ kuntratti speċifiċi b’valur kumulattiv ta’ EUR 2,4 miljun iffirmati lejn tmiem is-sena, b’mod partikolari għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ database li għadhom għaddejjin (EUR 1,8 miljun) u servizzi oħra tal-IT li se jiġu pprovduti fl-2015. Parti mill-approprjazzjonijiet impenjati riportati hija relatata ma’ trasferimenti tal-baġit li saru f’Novembru u Diċembru 2014, meta l-Awtorità żiedet il-baġit operazzjonali (it-Titolu III) b’EUR 1,1 miljun (19 %) permezz ta’ trasferimenti mill-baġit għall-persunal (it-Titolu I) ta’ EUR 8 58  828 u min-nefqa amministrattiva (it-Titolu II) ta’ EUR 2 66  360. It-trasferimenti kienu intenzjonati li jikkumpensaw għan-nuqqasijiet fil-baġit 2015 tal-Awtorità wara tnaqqisiet sostanzjali fil-baġit deċiżi mill-awtoritajiet ta’ kwittanza. Dawn in-nuqqasijiet ma kinux se jippermettu li l-Awtorità tkompli timplimenta l-istrateġija pluriennali tal-IT tagħha, li kienet waħda mill-attivitajiet operazzjonali ewlenin tagħha.

12.

Għalkemm it-trasferimenti tal-baġit, ir-riporti u l-impenji relatati huma skont id-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Finanzjarju tal-UE u ġew esegwiti wara deċiżjonijiet tal-Bord Maniġerjali, il-punt sa fejn l-attivitajiet tal-2015 se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tal-2014 imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità. Hemm il-ħtieġa li l-fondi magħmula disponibbli għall-baġits annwali tal-aġenzija jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija pluriennali tal-IT tagħha.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Settembru 2015.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Ir-riport ta’ approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 kien għoli ħafna għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ 79 % tal-approprjazzjonijiet totali. Fil-biċċa l-kbira dan jirriżulta mill-kumplessità u d-durata twila ta’ proċedura waħda ta’ akkwist tal-IT li għaliha l-kuntratt ta’ EUR 2,2 miljun ġie ffirmat kif ippjanat f’Diċembru 2012.

M/A

2013

Il-Bord Maniġerjali adotta s-16-il Standard ta’ Kontroll Intern tal-Awtorità f’Marzu 2013. Fi tmiem is-sena, l-implimentazzjoni tagħhom kienet għadha għaddejja abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni ċar li kien miftiehem mas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni.

Ikkompletata

2013

L-impenji legali mhux dejjem ġew awtorizzati minn uffiċjali b’delega xierqa u ma kinux dejjem preċeduti minn impenn baġitarju awtorizzat b’mod xieraq. Dan juri l-ħtieġa għal titjib tad-definizzjoni ta’, u konformità ma’, cirkwiti finanzjarji skont ir-Regolament Finanzjarju.

Ikkompletata

2013

Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 95 %. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati żdied aktar meta mqabbel mas-snin preċedenti u kien għoli f’livell ta’ EUR 5,2 miljun (28 %), b’mod partikolari għat-Titolu II f’livell ta’ EUR 1,0 miljun (30 %) u għat-Titolu III f’livell ta’ EUR 3,7 miljun (85 %). Dan irriżulta prinċipalment minn kuntratti speċifiċi b’valur kumulattiv ta’ EUR 3 miljun iffirmati aktar tard fis-sena, b’mod partikolari għall-iżvilupp u ż-żamma ta’ database Ewropew (EUR 2,6 miljun) u servizzi oħra tal-IT li għandhom jiġu pprovduti fl-2014. Għalkemm l-impenji relatati huma legali u regolari u r-rati baxxi ta’ kanċellazzjoni għar-riporti mill-2012 ikkonfermaw li l-istimi kienu tajbin, il-punt sa fejn l-approprjazzjonijiet għall-2013 intużaw biex ikopru attivitajiet tal-2014 imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

M/A


ANNESS II

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (Frankfurt am Main)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 26, 114, 290, 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Tistabbilixxi jew tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Tħejji abozz ta’ standards tekniċi bħala xogħol preparatorju għal atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv jew meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti.

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità, l-Artikoli 1(6) u l-Artikolu 8 dwar kompiti u setgħat)

Għanijiet

Tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, taċ-ċittadini u tan-negozji tagħha.

Kompiti

Li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja;

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

li tikkoopera mill-qrib mal-BERS;

li torganizza u twettaq analiżijiet tar-reviżjoni bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti;

li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha;

li twettaq analiżijiet ekonomiċi tas-swieq biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha sew;

li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet;

li tikkontribwixxi għall-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni ta’ livell għoli lid-detenturi ta’ poloz, lill-benefiċjarji u fl-Unjoni kollha;

li twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew f’atti leġiżlattivi oħra;

li tippubblika fil-websajt tagħha, u taġġorna b’mod regolari, l-informazzjoni relatata mal-qasam tal-attivitajiet tagħha;

li tieħu r-responsabbiltà, kif adatt, tal-kompiti kollha eżistenti u li għaddejjin bħalissa mill-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS).

Governanza

(Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità: l-Artikoli 40-44: Bord tas-Superviżuri; l-Artikoli 45-47: Bord Maniġerjali; l-Artikoli 48-50: President; l-Artikoli 51-53: Direttur Eżekuttiv)

Bord tas-Superviżuri (BtS)

Kompożizzjoni

President (ma għandux ikollu vot), il-kap tal-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat Membru (membru wieħed għal kull Stat Membru, li għandu jkollu vot), rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni (ma għandux ikollu vot), tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ma għandux ikollu vot), tal-Awtorità Bankarja Ewropea, tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (it-tnejn ma għandhomx ikollhom vot); osservaturi jistgħu jiġu permessi u d-Direttur Eżekuttiv jista’ jipparteċipa f’laqgħat (ma għandux ikollu vot)

Kompiti

Il-korp prinċipali tal-Awtorità għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Bord Maniġerjali (BM)

Kompożizzjoni

President tal-Awtorità (għandu vot), sitt Membri Votanti tal-BtS (għandhom vot), rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni Ewropea (għandu vot għal kwistjonijiet relatati mal-baġit). Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-BM mingħajr id-dritt li jivvota.

Kompiti

Il-BM għandu jiżgura li l-Awtorità twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament Nru 1094/2010.

Il-President tal-Awtorità

Jirrappreżenta l-Awtorità, iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri (BtS), imexxi l-laqgħat tal-BtS u tal-BM.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità

Huwa inkarigat mit-tmexxija tal-Awtorità u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-baġit; iħejji x-xogħol tal-Bord Maniġerjali, il-baġit u l-programm ta’ ħidma.

Kumitat tal-Kontroll tal-Kwalità

Kompożizzjoni

Il-President Supplenti (president) tal-Awtorità u żewġ Membri tal-Bord Maniġerjali. Id-Direttur Eżekuttiv jipparteċipa bħala osservatur.

Kompiti

Li jissorvelja u jivvaluta l-implimentazzjoni xierqa tal-proċeduri u d-deċiżjonijiet interni.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2014 (2013)

Baġit Finali

Approprjazzjonijiet tal-Baġit Finali: EUR 2 1 5 95  704(1 8 7 67  470)

Tabella tal-Persunal

Persunal statutorju: 87 (80) post awtorizzat fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 87 (80)

It-tabella tal-persunal issodisfata 100 % (100 %)

Postijiet għal persunal kuntrattwali: 37 ippjanati fil-baġit, 33 okkupati (22/19)

Postijiet għal Esperti Nazzjonali Sekondati: 21 (12) ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 14 (11)

Total: 134 (110) membru tal-persunal

Prodotti u servizzi fl-2014

Kompiti regolatorji

18-il abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni mħejjija fir-rigward ta’ Solvenza II.

Konsultazzjoni u finalizzazzjoni ta’ madwar 500 linja gwida relatati ma’ Solvenza II.

Valutazzjonijiet tal-impatt assoċjati fir-rigward ta’ kull abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni u ta’ kull sett ta’ linji gwida.

Konsultazzjoni dwar kif l-EIOPA se timplimenta l-obbligu statutorju tagħha biex tippubblika r-rata tal-imgħax mingħajr riskju għal għadd kbir ta’ muniti.

Rapport annwali mtejjeb dwar għadd ta’ IORPs transkonfinali.

Dokument ta’ konsultazzjoni dwar is-solvenza ta’ IORPs.

Rapport dwar suq uniku tal-UE fil-pensjonijet personali.

Xogħol fuq sitt evalwazzjonijiet bejn il-pari matul l-2014.

Reviżjoni ta’ rapporti dwar l-ekwivalenza tal-qafas ta’ assigurazzjoni tal-Bermuda, il-Ġappun u l-Iżvizzera.

Għadd ta’ djalogi ma’ pajjiżi terzi importanti inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Rapporti ta’ segretezza professjonali u ta’ analiżi tad-diskrepanza għall-Isle of Man, il-Kanada, l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija.

Kompiti superviżorji

Attendenza għal-laqgħat tal-Kulleġġ tas-Superviżuri u/jew għal telekonferenzi għal 77 grupp.

127 laqgħa għal 83 grupp inklużi l-kulleġġi li għalihom ittieħed approċċ proporzjonat.

B’kollox 144 jum ta’ laqgħat.

Approċċ proporzjonat ġie applikat mill-EIOPA fir-rigward ta’ 15-il kulleġġ.

23 grupp qed iħejju applikazzjoni għal mudell intern taħt l-Artikolu 231 tad-Direttiva SII li qed jimmiraw għal approvazzjoni fl-ewwel jum fejn tkun meħtieġa deċiżjoni konġunta.

Eżempji eċċellenti ta’ approċċ għall-iffurmar ta’ fehma kondiviża ġew osservati f’6 NCAs differenti. Dawn l-eżempji jiġu jew se jiġu ppubblikati bħala Soluzzjonijiet u Eżempji Prattiċi (PSEs) fuq iż-żona ristretta tas-sit web tal-EIOPA.

Sar progress fit-tħejjija għall-proċess ta’ applikazzjoni (ippjanar dettaljat, stadji importanti, u diskussjoni ta’ punti ta’ imblukkar għall-kulleġġi tal-mudell intern li jimmiraw għal approvazzjoni fl-ewwel jum).

Ġew organizzati żewġ avvenimenti għas-Superviżuri tal-Gruppi.

Tħejjiet proposta għal proċedura effiċjenti għall-iffirmar kollettiv tal-arranġament ta’ koordinazzjoni matul is-sena.

Ixxerred il-Pjan ta’ Azzjoni 2015-2016 għall-Kulleġġi.

Rapport interim u ta’ tmiem is-sena dwar il-Funzjonament tal-Kulleġġi u l-Kisbiet tal-Pjan ta’ Azzjoni 2014.

Aġġornament kontinwu tal-lista Helsinki Plus fuq iż-żona ristretta tas-sit web tal-EIOPA.

Ġiet aġġornata u ppubblikata lista ta’ gruppi tal-EIOPA li għalihom hemm stabbilit Kulleġġ tas-Superviżuri.

Ġew ippubblikati linji gwida dwar il-funzjonament operazzjonali ta’ kulleġġi tas-superviżuri inkluż mudell għall-arranġament ta’ koordinazzjoni u għal pjan ta’ emerġenza.

Ġew ippubblikati, għal konsultazzjoni pubblika, linji gwida dwar skambju ta’ informazzjoni fuq bażi sistematika fi ħdan kulleġġi.

L-EIOPA kellha laqgħat ma’ 4 superviżuri. Bi tnejn minnhom speċifikament dwar l-esperjenza tagħhom bis-superviżjoni ta’ friegħi, u b’waħda dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat internament tagħha lejn il-kulleġġi li jmexxu u li jattendu.

Ġie żviluppat Pakkett Komuni għall-Applikazzjoni ta’ Mudelli Interni u l-użu minnu ġie promoss permezz ta’ Opinjoni tal-EIOPA.

Ġew ippubblikati ħames noti ta’ prattika tajba dwar il-valutazzjoni ta’ mudelli interni fuq iż-żona tal-membri fuq il-sit web.

Ġiet prodotta nota “Practical Guidance on Internal Model Joint Decisions” (Gwida Prattika dwar Deċiżjonijiet Konġunti fuq Mudelli Interni) għall-NSAs, li kienet tinkludi skeda mudell ta’ żmien għas-sitt xhur tal-proċess ta’ approvazzjoni.

Twettaq eżerċizzju ta’ benchmarking dwar ir-riskju tas-suq f’mudelli interni f’bosta pajjiżi.

Protezzjoni tal-konsumatur u innovazzjoni finanzjarja

Dokument ta’ Konsultazzjoni Konġunta dwar bejgħ inkroċjat.

Dokument ta’ Diskussjoni Konġunta dwar Dokumenti bit-Tagħrif Ewlieni (KIDs).

Dokument ta’ Konsultazzjoni dwar Setgħat ta’ Intervent fuq Prodotti taħt ir-Regolament dwar Dokumenti bit-Tagħrif Ewlieni għal Prodotti Aggregati ta’ Investiment għall-Konsumaturi Bbażati fuq l-Assigurazzjoni.

Dokument ta’ Konsultazzjoni dwar il-proposta għal Linji Gwida dwar sorveljanza ta’ prodotti u arranġamenti ta’ governanza minn impriżi tal-assigurazzjoni.

Dokument ta’ Konsultazzjoni dwar Kunflitti ta’ Interess f’bejgħ dirett u intermedjat ta’ prodotti bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs).

Dokument ta’ Diskussjoni dwar Kunflitti ta’ Interess f’bejgħ dirett u intermedjat ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs).

It-Tielet Rapport dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur.

Gwida ta’ minuta: Linji Gwida tal-EIOPA dwar it-Trattament ta’ Lmenti minn Intermedjarji ta’ Assigurazzjoni.

Rapport dwar il-feedback minn Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fir-rigward tal-Opinjoni tal-EIOPA dwar Assigurazzjoni tal-Protezzjoni ta’ Pagamenti.

Lejn suq uniku tal-UE għal prodotti personali tal-pensjoni: Rapport Preliminari tal-EIOPA (protezzjoni superviżorja u tal-konsumatur).

Rapport dwar kwistjonijiet li jwasslu għal detriment għal membri u benefiċjarji tal-iskema okkupazzjonali u l-ambitu potenzjali għal azzjoni għall-EIOPA.

Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar it-Test Achat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Kumitat Konġunt

Ipproduċa żewġ rapporti konġunti dwar riskji u vulnerabbiltajiet transsettorjali fis-sistema finanzjarja tal-UE, li ġew ippreżentati fil-laqgħat ta’ Marzu u ta’ Settembru tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Kunsill (KEF-FST) u tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-BERS u li ġew ippubblikati fuq is-siti web tal-ASE.

Linji Gwida Konġunti ppubblikati dwar il-konsistenza ta’ prattiki superviżorji għal konglomerati finanzjarji, żviluppati skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji (id-Direttiva 2002/87/KE).

Ġie ppreżentat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 21a (1a) tad-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji, abbozz konġunt ta’ Standard Tekniku Regolatorju (RTS) dwar il-konċentrazzjoni tar-riskju u tranżazzjonijiet fost l-impriżi ta’ grupp.

F’Ottubru 2014, il-Kumitat Konġunt ippubblika l-lista aġġornata 2014 tiegħu ta’ Konglomerati Finanzjarji identifikati. Il-lista turi 71 konglomerat finanzjarju bil-kap tal-grupp f’pajjiż UE/ŻEE.

Ipprovda appoġġ lill-Bord ta’ Appell li ddeċieda dwar żewġ każijiet ta’ appell fl-2014 u ffinalizza każ wieħed ta’ appell li tressaq fl-2013.

Kultura superviżorja komuni

Tliet seminars transsettorjali.

17-il seminar għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

Stabbiltà finanzjarja

Żewġ Rapporti biannwali dwar l-Istabbilità Finanzjarja (inklużi artikoli tematiċi).

L-ikkompletar ta’ għodod kwantitattivi għall-immudellar ta’ riżervi u primjums.

Il-produzzjoni ta’ Tabella Operattiva tar-Riskji kull tliet xhur.

L-ikkompletar ta’ test tal-istress għas-settur tal-assigurazzjoni madwar l-Ewropa kollha (inkluż modulu ta’ rendiment baxx).

Il-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-NCAs għal azzjoni superviżorja b’rispons għas-sejbiet tat-test tal-istress.

Studju ta’ tħejjija dwar l-ittestjar tal-istress tas-settur tal-IORPs.

Il-pubblikazzjoni ta’ statistika annwali riveduta u mġedda tal-assigurazzjoni.

Immaniġġar ta’ kriżijiet

L-implimentazzjoni ta’ proċess għal kunsiderazzjoni regolari tal-ħtieġa għal azzjoni preventiva tal-EIOPA b’rispons għal żviluppi avversi u riskji.

L-ikkompletar ta’ studji fi skambji ta’ likwidità, tiftix għal rendiment, monetizzazzjoni ta’ profitti futuri u riskju ċibernetiku.

L-estensjoni tal-qafas tal-EIOPA ta’ mmaniġġjar ta’ kriżjijiet għas-settur tal-IORPs.

Il-pubblikazzjoni ta’ Opinjoni tal-EIOPA dwar Prinċipji Tajbin għat-tħejjija ta’ Prevenzjoni, Mmaniġġjar u Riżoluzzjoni ta’ Kriżijiet tal-NCAs.

Il-ħolqien tal-Forum GSII biex jiġi żgurat approċċ komuni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-miżuri superviżorji meħtieġa għall-GSIIs.

Relazzjonijiet esterni

10 laqgħat, inkluża 1 konġunta mal-BtS, tal-IRSG u l-OPSG, 10 opinjonijiet uffiċjali u dikjarazzjonijiet b’feedback dwar dokumenti pubbliċi, 2 dokumenti ta’ inizjattiva proprja u 2 risponsi għal konsultazzjonijiet informali.

21 Djalogu Regolatorju u Superviżorju ma’ superviżuri u ma’ assoċjazzjonijiet ta’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi mill-Awstralasja, l-Amerika Latina u l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika t’Isfel, l-Iżlanda u l-Iżvizzera.

Parteċipazzjoni attiva fi u kontributi għall-Kumitat Eżekuttiv tal-IAIS, il-Kumitat Tekniku u għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Sottokumitat tas-Solvenza u Attwarju u l-Konferenza Annwali tal-IAIS. L-EIOPA kkoordinat il-proċess tal-għażla għal total ta’ sitt siġġijiet fil-Kumitat Eżekuttiv tal-IAIS li jappartjenu għar-Reġjuni tal-Ewropa tal-Punent, l-Ewropa Ċentrali, l-Ewropa tal-Lvant u r-Reġjun tat-Transkawkażja.

Kontribut b’saħħtu għal xogħol l-IAIS dwar l-iżvilupp ta’ Standards globali għall-Kapital tal-Assigurazzjoni, permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma għall-Iżvilupp tal-Kapital u l-Ittestjar fuq il-Post. Interazzjoni kontinwa mal-Membri tal-EIOPA biex titrawwem koordinazzjoni akbar.

Proġett ta’ Assigurazzjoni Stati Uniti-UE: id-dokument strateġiku Way Forward (It-Triq ‘il Quddiem) ġie aġġornat biex jirrifletti l-progress sal-preżent u ambizzjonijiet ġodda, Laqgħat regolari tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-progress tal-Kumitati Tekniċi fuq il-pjan u Avveniment Pubbliku f’Amsterdam.

Ekwivalenza: Analiżi tad-diskrepanza tar-reġim ta’ assigurazzjoni (mill-ġdid) tal-Isle of Man u tal-Kanada. Reviżjoni tal-valutazzjonijiet ta’ Ekwivalenza 2011 għall-Bermuda, il-Ġappun u l-Iżvizzera. Ġiet ippubblikata konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapporti riveduti sa tmiem l-2014. Il-finalizzazzjoni ta’ valutazzjoni tas-segretezza professjonali f’erba’ pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant (l-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija). Fl-2014, saru 10 laqgħat tal-Ekwivalenza tal-EIOPA.

L-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil Operazzjonali ffirmat bejn l-EIOPA u l-Bank Dinji, fost affarijiet oħra permezz tal-organizzazzjoni ta’ Seminar Konġunt dwar superviżjoni bbażata fuq ir-Riskju b’fokus fuq pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant, il-ko-organizzazzjoni ta’ konferenza GIS, u bosta laqgħat ta’ livell għoli bejn l-EIOPA u l-Bank Dinji.

Konferenzi/avvenimenti pubbliċi oħra 2014

Ħames konferenzi u avveniment (Konferenza dwar is-Superviżjoni ta’ Assigurazzjoni Globali (GIS), Avvenimenti Pubbliċi “Insurance Mediation Directive 1.5” (id-Direttiva 1.5 dwar il-Medjazzjoni tal-Assigurazzjoni) u “Personal Pensions” (Pensjonijiet Personali), il-Konferenza annwali tal-EIOPA u t-tieni Jum Konġunt tal-ASE għall-Protezzjoni tal-Konsumatur).

Sors: Anness ipprovdut mill-Awtorità.


IT-TWEĠIBA TAL-AWTORITÀ

11.

L-EIOPA tirrikonoxxi li l-perċentwal ta’ approprjazzjonijiet riportati mill-2013 għall-2014 u mill-2014 għall-2015 fit-Titolu III kien għoli; dan kien minħabba n-natura pluriennali tal-ħidma, il-perjodiu ta’ żmien li kien ta’ sfida (prinċipalment immexxi mill-kalendarju ta’ Solvenza II bil-fażi preparatorja tibda fl-2015 u l-implimentazzjoni sħiħa fl-2016). Barra minn hekk, it-tnaqqis sostanzjali tal-baġit 2015 tal-EIOPA kien jeħtieġ ir-razzjonalizzazzjoni tal-baġit 2014 sabiex fl-2015, jintużaw ir-riżorsi disponibbli b’mod effikaċi u effiċjenti, u jiġi minimizzat l-impatt tiegħu fuq il-proġetti tal-IT li għaddejjin, b’numru miżjud ta’ trasferimenti baġitarji għat-Titolu III bħala konsegwenza. L-impenji riportati huma kritiċi għat-twettiq kontinwu tal-pjan ta’ implimentazzjoni tal-IT f’konformità maż-żmien statutorju. Huwa mistenni li l-perċentwali riportati fis-sena li ġejja se jonqsu hekk kif il-kapaċità tal-IT tal-EIOPA tkun implimentata, b’hekk titnaqqas il-ħtieġa għal minimu strett biex ammonti għoljin jiġu riportati fit-Titolu III.

12.

L-EIOPA hija konxja mill-fatt li parti mill-attivitajiet tal-2015 huma koperti bi proporzjon relattivament għoli ta’ approprjazzjonijiet riportati mill-2014. Dan huwa spjegat bil-ħtieġa li tiffinanzja l-pjan tal-IT kumpless u pluriennali tagħha, filwaqt li tiżgura implimentazzjoni adatta ta’ Solvenza II. B’dan il-pjan tal-IT, li fil-parti l-kbira tiegħu se jiġi implimentat fl-2016, il-livell ta’ approprjazzjonijiet riportati se jkun limitat għal minimu strett fil-futur, f’konformità mal-prinċipju ta’ annwalità. Barra minn hekk, sabiex ikunu allinjati aħjar il-fondi baġitarji disponibbli għas-sena in kwistjoni, il-baġit u l-proċessi ta’ akkwist tal-EIOPA diġà ġew riveduti biex tkun iggarantita integrazzjoni sħiħa fl-ippjanar u l-proċessi ta’ koordinament ġenerali tal-EIOPA, fil-qafas tal-Programm ta’ Ħidma Annwali.