|
A. Ħtieġa ta' azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?
|
|
Il-problema prinċipali hija li s-sistema regolatorja kurrenti tfixkel l-iżvilupp tas-suq tad-droni. Ir-regoli tal-avjazzjoni eżistenti ma jindirizzawx b’mod xieraq l-ispeċifiċitajiet tad-droni u jew huma sproporzjonati għar-riskju operazzjonali, diffiċli (tqal) wisq biex jitwettqu jew inkella l-ispejjeż tagħhom tant huma għoljin li ħafna mis-servizzi tad-droni mhumiex ekonomiċi. Barra minn hekk, l-operazzjonijiet bid-droni joħolqu għadd ta' problemi li mhumiex preżenti jew mhux daqstant, fl-avjazzjoni ċivili 'bl-ekwipaġġ'. Dawn il-kwistjonijiet għandhom x'jaqsmu mas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, il-protezzjoni ambjentali, u r-responsabbiltà. Minkejja li jidher li m'hemmx bżonn jiġi emendat i-qafas legali f'dan ir-rigward fil-livell tal-UE, fir-realtà hemm xi ostakli fl-applikazzjoni tar-regoli eżistenti għall-operazzjonijiet bid-droni. Il-kawżi prinċipali tal-problemi huma: (1) frammentazzjoni tal-kompetenzi f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolamentazzjoni tad-droni, li twassal għal rekwiżiti diverġenti fis-suq intern; (2) awtorizzazzjonijiet individwali li jqumu wisq flus u li jieħdu ħafna ħin u ħafna riżorsi; (3) nuqqas ta' attenzjoni adegwata għall-ispeċifiċitajiet tad-droni fil-metodi tradizzjonali tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni ċivili; (4) in-nuqqas ta' informazzjoni u strumenti xierqa mill-awtoritajiet ta' sorveljanza u tal-infurzar tal-liġi. Il-problemi jolqtu lill-atturi kollha fis-sistema tal-avjazzjoni, lill-manifatturi u lill-operaturi tad-droni u b'mod indirett liċ-ċittadini kollha minħabba li d-droni jistgħu jittajru kullimkien.
|
|
X'mistenni jinkiseb b'din l-inizjattiva?
|
|
L-għan ġenerali tal-politika huwa li tiffaċilita l-iżvilupp tad-droni u s-servizzi tad-droni b'mod sikur, sigur u sostenibbli u b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Għalhekk l-inizjattiva għandha l-għan li temenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 u diversi atti ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi estiż il-qafas leġiżlattiv tal-UE għad-droni kollha. F’dan ir-rigward, l-ewwel għan speċifiku huwa li jiġu eliminati l-ostakli regolatorji li llum il-ġurnata jfixklu l-produzzjoni u l-esplojtazzjoni tad-droni, sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu faċilment iqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq u l-operaturi jkunu jistgħu jipprovdu servizzi tad-droni lill-ekonomija. Għandhom jitneħħew l-ostakli regolatorji mhux ġustifikati iżda għandha tibqa' fis-seħħ ir-regolamentazzjoni ġustifikata, bħal pereżempju r-regoli essenzjali tas-sikurezza, u jekk nieqsa, għandha tiġi żviluppata. It-tieni għan speċifiku hu li jitnaqqsu r-riskji speċifiċi u l-problemi li jirriżultaw mill-użu tad-droni, notevolment fl-oqsma tas-sikurezza, is-sigurtà,il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza, u l-ambjent. L-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet huwa kruċjali biex jiggarantixxi li d-droni jiġu aċċettati mill-pubbliku bħala parti dejjem aktar importanti tal-ħajja ta' kuljum.
|
|
X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
It-trasport bl-ajru fil-biċċa l-kbira għandu karattru transnazzjonali u għalhekk, min-natura tiegħu stess, jeħtieġ approċċ regolatorju fil-livell tal-UE biex jintlaħaq livell għoli ta’ sigurtà. B'kunsiderazzjoni għall-fatt li t-teknoloġiji l-ġodda jippermettu lil droni dejjem eħfef jinterferixxu mal-"operazzjonijiet ajrunawtiċi bl-ekwipaġġ", li għalihom l-UE diġà hija kompetenti, il-leġiżlazzjoni tal-UE għandha tkopri wkoll kull tip ta' droni sabiex tiggarantixxi azzjoni koerenti u b'hekk tevita li l-operazzjonijiet bid-droni jħallu impatt negattiv fuq is-sikurezza ta' azzjonijiet tal-avjazzjoni diġà eżistenti. Jekk nikkunsidraw id-droni bħala "prodotti ajrunawtiċi", dawn it-teknoloġiji globali m'għandhomx skala ta' żvilupp suffiċjenti fis-swieq nazzjonali. Ir-rikonixximent reċiproku huwa diffiċli li jinkiseb fis-suq uniku minħabba fi standards u regoli nazzjonali dettaljati. Huma biss ir-regoli bażiċi tal-UE li japplikaw għall-medda sħiħa ta'd-droni, irrispettivament mill-piż tagħhom, li joffru qafas regolatorju konsistenti għall-produzzjoni u l-esplojtazzjoni tad-droni fis-suq intern tal-UE.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
Liema għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tqiesu? Hemm alternattiva preferuta? Għaliex?
|
|
Din l-inizjattiva għandha natura leġiżlattiva. Billi l-operazzjonijiet bid-droni huma kritiċi għas-sikurezza tal-avjazzjoni, kull tip ta' approċċ ibbażat purament fuq azzjoni volontarja mhuwiex ottimu f'termini ta' twassil ta' prestazzjoni elevata mil-lat tas-sikurezza u b'mod koordinat ma' attivitajiet ajrunawtiċi oħra . F'dak li għandu x'jaqsam mal-approċċ għar-Regolament (minbarra x-xenarju bażiku) ġew żviluppati għażliet ta' politika, li xorta waħda jridu jiġu segwiti minn għadd ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
1. L-estensjoni tar-regolament tal-avjazzjoni tal-UE eżistenti għad-droni kollha - l-integrazzjoni tad-droni fil-qafas leġiżlattiv tal-UE bl-użu tal-approċċ tal-avjazzjoni ċivili tradizzjonali.
2. Leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-droni bbażata fuq ir-riskju — ir-regoli u l-proċeduri ta’ approvazzjoni u ta' sorveljanza jkunu bbażati fuq ir-riskju partikolari u ma jibqgħux jiddependu aktar b'mod kważi awtomatiku mill-karatteristiċi tad-dron.
2.1 L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti għad-droni b'riskju baxx — id-dron b'riskju baxx, żgħir, prodott bil-massa u li jinstab għall-bejgħ fil-ħwienet u fuq l-internet ikun awtorizzat abbażi ta’ leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-prodotti tat-tip “approċċ ġdid”.
L-għażla politika 2.1 hija l-għażla ta’ politika preferuta minħabba li tindirizza r-riskji għas-sikurezza b’mod inqas pedantiku. Id-dispożizzjonijiet fir-regolamenti dwar is-sigurtà tal-prodotti adattati speċifikament għal prodotti tal-massa jistgħu jikkumplimentaw ir-regoli tal-avjazzjoni kif żviluppati taħt l-għażla 2.
|
|
Min jappoġġa liema għażla?
|
|
L-azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE hija appoġġjata mill-partijiet interessati kollha u mill-Istati Membri (il-konklużjonijiet tas-Summit Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2013). Il-maġġoranza l-kbira tal-partijiet interessati fil-konsultazzjoni pubblika indikaw li l-kompetenza kurrenti bbażata fuq il-piż ta' 150kg hija skaduta u l-istatus quo ftit li xejn għandu appoġġ. Il-kunsens ġenerali huwa li hemm bżonn nitbiegħdu mill-piż u minflok nikkunsidraw sett ta' fatturi, bħat-tip ta' operazzjoni, il-kwalità tal-operatur tad-droni, il-post tal-operazzjoni u l-affidabiltà tas-sistema kollha (96%). Kien hemm appoġġ qawwi speċjalment min-naħa tal-produtturi u tal-operaturi ta' droni eħfef u inqas kumplessi favur regoli proporzjonati għar-riskju tat-tip ta' operazzjoni. L-għażla 2 u l-għażla sekondarja 2.1 jipproponu approċċ ta' dan it-tip billi jiġu aġġustati r-rekwiżiti għar-riskji ta’ operazzjoni bid-droni.
|
|
C. Impatti tal-għażla preferuta
|
|
X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla 2.1 se tistimula l-iżvilupp tas-suq intern għall-prodotti u għas-servizzi tad-droni billi tipprovdi regoli u standards komuni, anke permezz tal-aħjar użu ta’ għodod ta’ sorveljanza tas-suq ġenerali għad-droni involuti f’operazzjonijiet ta’ riskju baxx. Fl-istess ħin, jekk ir-regoli jiġu applikati b’mod proporzjonat għar-riskji, il-parti tas-suq tad-droni iżgħar (fil-biċċa l-kbira din il-parti hija okkupata mill-SMEs) ma tinħonoqx b'regolamentazzjoni żejda. L-għażla tittratta firxa wiesgħa ta’ riskji operattivi u teknoloġiji li qed jevolvu malajr u minħabba f'din il-flessibbiltà tiffavorixxi l-użu aktar mgħaġġel ta’ teknoloġiji ġodda u konsegwentement ma jintilifx il-vantaġġ kompetittiv tal-kumpaniji tal-UE . Hija l-iktar għażla li tista' żżomm l-ispejjeż operattivi baxxi għan-negozji u li tnaqqas kemm jista' jkun ix-xogħol amministrattiv, billi tipprovdi qafas flessibbli għal firxa ta’ proċeduri bħal awtodikjarazzjonijiet, validazzjonijiet sempliċi jew ċertifikazzjonijiet parzjali. Barra minn hekk, b'mod effettiv se tindirizza r-riskji kollha tas-sigurtà, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-konformità u kif ukoll l-infurzar tas-sigurtà, tal-privatezza u tad-dispożizzjonijiet ambjentali.
|
|
X'inhuma l-ispejjeż għall-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
L-ispejjeż tal-alternattiva ppreferuta għan-negozju għandhom jinżammu kemm jista' jkun baxxi . Bl-armonizzazzjoni tar-regoli u approvazzjoni teknika waħda jew rikonoxximent uniku ta’ liċenzja tal-operatur u tal-pilota, l-ispejjeż għal kull tip ta' operazzjoni transkonfinali ikunu aktar baxxi. L-għan ta’ din l-għażla huwa li l-ispejjeż tal-awtorizzazzjoni jinżammu baxxi u proporzjonati għar-riskju, iżda l-impatt ġenerali fuq l-ispejjeż se jiddependi fuq ir-regoli tal-implimentazzjoni u r-rekwiżiti kurrenti fl-Istati Membri. F'dak li għandu x'jaqsam mal-ispejjeż tar-regolamentazzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali u dawk Ewropej, huwa mistenni li dawn jistgħu jitħallsu bir-riżorsi eżistenti. L-ispejjeż tas-sorveljanza tas-suq u l-awtorizzazzjonijiet tad-droni se jitqassmu fis-sistema tal-EASA b’kunsiderazzjoni għall-użu l-aktar ottimu tar-riżorsi u se jingħataw ukoll xi responsabbiltajiet lill-pulizija u lis-sorveljanza tas-suq. Fi kwalunkwe każ, l-ispejjeż skont din l-għażla dejjem se jkunu inqas milli kieku l-UE ma ħadet ebda inizjattiva.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?
|
|
Impatti pożittivi fuq in-negozji ż-żgħar se jirriżultaw minn sistema regolatorja aktar proporzjonata u bbażata fuq ir-riskji, minn aktar flessibilità fil-mezzi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti, minn dipendenza akbar fuq l-istandards tal-industrija, minn proċeduri semplifikati ta’ ċertifikazzjoni għad-droni u konsegwentement minn spiża tal-konformità mnaqqsa. L-objettiv li r-rekwiżiti jsiru proporzjonati għar-riskju huwa proprju biex l-ispejjeż tal-konformità jinżammu baxxi u biex jiġi evitat piż amministrattiv mhux meħtieġ, b’mod partikolari għall-SMEs li mhumiex familjari mas-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tradizzjonali. Għalhekk qed jiġi propost li jintuża l-mekkaniżmu CE tal-immarkar li huwa magħruf sew. Il-fatt li mhux se jkun hemm bżonn ta' awtorizzazzjoni uffiċjali għall-kategorija uffiċjali tad-droni se jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità għal ħafna kumpaniji u operaturi żgħar attivi f’dan is-segment tas-suq u b'hekk huma se jsaħħu l-kompetittività tagħhom. Jista' jinqala' impatt negattiv wieħed mill-ħtieġa li s-sistemi nazzjonali (jekk dawn jeżistu) jiġu adattati għas-sistemi l-ġodda Ewropej dwar is-sikurezza speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' droni użati fil-kategoriji ta’ riskju speċifiku.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Meta niġu għall-ispejjeż ta' implimentazzjoni, dawk l-Istati Membri li għadhom ma introduċewx regoli speċifiċi għad-droni taħt il-150kg se jkollhom jintroduċuhom. Se jinqalgħu aktar spejjeż ukoll mill-ħtieġa ta' taħriġ addizzjonali. Il-korpi ta’ sorveljanza tas-suq (il-korpi nnotifikati) se jkollhom jiżviluppaw kompetenza fid-droni u t-teknoloġiji tad-droni, għalkemm sa ċertu punt dan jista’ jkun il-każ ukoll fix-xenarju bażi. L-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ukoll se jkollhom bżonn iġarrbu l-ispejjeż tal-adattament għar-regoli l-ġodda u tas-sorveljanza ta’ għadd dejjem jikber ta’ droni u ta' operazzjonijiet bid-droni.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-inizjattiva għandha żżid is-sikurezza tal-ispazju tal-ajru Ewropew b'mod sostanzjali u tista’ tikkontribwixxi għal perċezzjoni aħjar tad-droni, billi tegħleb it-tħassib ewlieni li huwa relatat magħhom. Aċċettazzjoni pubblika aħjar tal-operazzjonijiet mid-droni hija prerekwiżit għall-espansjoni tas-suq tagħhom.
|
|
Proporzjonalità?
|
|
L-għażla preferuta għandha tibbilanċja b’mod xieraq il-ħtieġa li jkollna regoli komuni tas-sikurezza fl-Ewropa u li n-negozji ma jispiċċawx b'piżijiet bla bżonn. Din l-għażla se taqsam ukoll b'mod adegwat ir-responsabbiltajiet bejn l-atturi differenti tas-sistema tal-EASA u se tħalli kemm jista' jkun responsabbiltajiet fil-livell nazzjonali jew lokali.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi riveduta l-politika?
|
|
L-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 hija soġġetta għal evalwazzjoni obbligatorja ta’ kull 5 snin meħtieġa mir-Regolament innifsu. Din l-evalwazzjoni hija magħrufa b’mod komuni bħala l-evalwazzjoni tal-Artikolu 62. Parti speċifika ta’ dan l-eżerċizzju se tkun iddedikata għar-regolamentazzjoni tas-suq tad-droni.
|