Brussell, 30.9.2015

SWD(2015) 186 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012

u

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment

{COM(2015) 472 final}
{SWD(2015) 185 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta għal Regolament dwar it-Titolizzazzjoni

A. Ħtieġa ta' azzjoni

Għalfejn? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Qabel il-kriżi s-suq tat-titolizzazzjoni kien mezz li kien qed jikber għall-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Dan is-suq ħadem sew matul il-kriżi, u ġġenera telf negliġibbli. Madankollu, ir-reputazzjoni tiegħu wara l-kriżi ċċappset ħafna minħabba prattiki u avvenimenti li seħħew x’imkien ieħor, l-aktar fl-Istati Uniti tal-Amerika. Din l-istigma hija riflessa fil-perċezzjoni tal-investituri tar-riskju tat-titolizzazzjoni tal-UE kif ukoll fit-trattament regolatorju tiegħu, li ġie kkalibrat prinċipalment fuq telf fis-swieq tal-Istati Uniti. Billi dan kien ikbar mit-telf tat-titolizzazzjoni tal-UE, dawn tal-aħħar huma żvantaġġati minħabba t-trattament regolatorju.

Bħala konsegwenza tal-istigma u t-trattament regolatorju, is-suq tat-titolizzazzjoni tal-UE issa waqaf. Għaldaqstant, intilef mezz ta’ finanzjament għall-ekonomija tal-UE. Mingħajr titolizzazzjoni, il-kapaċità tal-banek li jbigħ l-assi hija ristretta. Bħala konsegwenza, il-ħtieġa attwali għal tnaqqis fl-ingranaġġ ta’ sikwit timponi li l-banek inaqqsu l-karta tal-bilanċ tagħhom billi jnaqqsu l-provvediment ta’ kreditu. Fil-kuntest Ewropew, fejn 80 % tal-intermedjazzjoni finanzjarja ssir permezz tal-banek, l-implikazzjonijiet għat-tkabbir huma sostanzjali. L-irkupru mingħajr kreditu jittawwal, u jrażżan it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

X'mistenni li jinkiseb b'din l-inizjattiva?

L-objettiv ġenerali ta’ din l-inizjattiva huwa li jitqajjem mill-ġdid suq tat-titolizzazzjoni sikur li jtejjeb il-finanzjament tal-ekonomija tal-UE, idgħajjef ir-rabta bejn in-nuqqas tal-ingranaġġ tal-banek u r-restrizzjoni tal-kreditu fuq perjodu ta’ żmien qasir u l-ħolqien ta’ struttura ta’ finanzjament aktar ibbilanċjat u stabbli tal-ekonomija tal-UE fuq medda twila ta’ żmien. B’mod speċifiku, dan jinkiseb billi jiġu ddifferenzjati prodotti ta' titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS) li jistgħu jipprovdu mezz ta’ finanzjament sostenibbli għall-ekonomija tal-UE aktar minn dawk mhux ċari u kumplessi. It-tieni nett, se jiġu segwiti l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u tal-prattiki fi swieq ta’ titolizzazzjoni kif ukoll l-indirizzar tal-inkonsistenzi regolatorji. Il-livell ta’ kisba ta' dawn l-għanijiet jitkejjel fil-konfornt tad-differenza fil-prezz u l-kwantitajiet ta’ prodotti STS maħruġa meta mqabbla ma' prodotti mhux STS.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-prodotti ta’ titolizzazzjoni huma parti tas-swieq finanzjarji tal-UE li huma miftuħa u integrati. Ir-rabtiet ta’ titolizzazzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji differenti minn Stati Membri differenti u pajjiżi li mhumiex Stati Membri: ta’ spiss il-banek joriġinaw self titolizzat, filwaqt li l-istituzzjonijiet finanzjarji bħall-assiguraturi u l-fondi ta’ investiment jinvestu f’dawn il-prodotti, u dan isir bi qsim tal-fruntieri Ewropej. Barra minn hekk, il-qafas regolatorju dwar it-titolizzazzjoni huwa bbażat l-aktar fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE. Għaldaqstant, id-divrenzjar tal-prodotti STS jista' jiġi introdott biss b'inizjattiva fil-livell tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tqiesu? Hemm għażla ppreferuta? Għalfejn?

Sabiex jiġu introdotti l-kriterji STS tqiesu firxa ta’ għażliet: li l-qafas regolatorju jiġi adattat biex jirrifletti l-profil tar-riskju differenti tal-prodotti STS u li l-moduli tal-leġiżlazzjoni tat-titolizzazzjoni jiġu standardizzati (jiġifieri d-definizzjonijiet, id-divulgazzjoni u r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta). F’kull qasam tqieset għażla ta’ ebda azzjoni, azzjoni leġiżlattiva u azzjoni mhux leġiżlattiva.

L-għażla ppreferuta hija azzjoni leġiżlattiva li tintroduċi l-kriterji STS, tintroduċi qafas regolatorju differenzjat għall-prodotti STS u tistandardizza l-moduli tal-leġiżlazzjoni tat-titolizzazzjoni (jiġifieri d-definizzjonijiet, id-divulgazzjoni u r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta). Din l-għażla għandha tikseb id-divrenzjar u tagħmel it-trattament regolatorju aktar sensittiv għar-riskju milli attwalment hu. Barra minn hekk, għandha tistandardizza l-provvedimenti eteroġenji attwali fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-definizzjoni ta’ titolizzazzjoni u r-rekwiżit tad-divulgazzjoni u tad-diliġenza dovuta. Dan kollu għandu mbagħad jiġġieled l-istigma u jħeġġeġ il-qawmien mill-ġdid ta' suq tat-titolizzazzjoni sikur u sostenibbli.

Min jappoġġa liema għażla?

Il-parti l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jappoġġaw din l-inizjattiva. Ma hemm l-ebda differenza f’termini ta’ kategoriji ta’ dawk li wieġbu, fis-sens li l-parti l-kbira tal-leġiżlaturi, tal-banek ċentrali, tar-regolaturi, tas-superviżuri, tal-parteċipanti fis-suq u tal-gruppi ta' riflessjoni jappoġġaw l-inizjattiva.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?

Sal-punt li l-politiki proposti joħolqu mezz ġdid ta’ finanzjament għall-ekonomija tal-UE li jkun inqas dipendenti fuq restrizzjonijiet fis-settur bankarju, huma jnaqqsu l-effett tal-kriżijiet finanzjarji fuq il-provvediment ta’ kreditu u għaldaqstant fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Il-kostijiet soċjali ta’ dawn il-kriżijiet jitnaqqsu. Barra minn hekk, billi jitrawwem it-tixrid ta’ strutturi ta’ titolizzazzjoni li r-riskji tagħhom jistgħu jiġu analizzati, mifhuma u pprezzati, l-għażliet ta’ politika se jrawmu suq tat-titolizzazzjoni li jwassal għal finanzjament aħjar tal-ekonomija f’kuntest ta’ stabbiltà finanzjarja.

Xejn ma juri li l-politika proposta se jkollha xi impatti diretti jew indiretti fuq kwistjonijiet ambjentali. 

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Lil hinn mill-kostijiet għall-operaturi fis-suq u għall-awtoritajiet pubbliċi biex jadattaw ruħhom għall-qafas regolatorju l-ġdid, ma għandu jkun hemm l-ebda kost soċjali u ekonomiku rilevanti. Xejn ma juri li l-politika proposta se jkollha xi impatti diretti jew indiretti fuq kwistjonijiet ambjentali. 

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

L-għażliiet ta’ politika magħżula għandu jkollhom diversi effetti pożittivi fuq il-finanzjament tal-SMEs. L-ewwel nett, l-inklużjoni ta’ titolizzazzjonijiet fuq perjodu qasir ta’ żmien bħall-ABCP fil-qafas tal-STS, b’titjib konsegwenzjali fit-trattament kapitali tagħhom, għandha trawwem it-tkabbir ta’ dan sors importanti ta’ finanzjament għall-SMEs.

It-tieni nett, l-inizjattiva għandha tipprovdi lill-banek b’għodda għat-trasferiment tar-riskju 'il barra mill-karti tal-bilanċ tagħhom. B'konsegwenza ta' dan, il-kapital illiberat għandu jkun dejjem aktar użat mill-banek biex jipprovdu kreditu ġdid lil familji u lill-kumpaniji, li ħafna minnhom huma SMEs fl-UE.

Fl-aħħar nett, bl-introduzzjoni ta’ qafas ta’ titolizzazzjoni tal-UE uniku u konsistenti u bit-tħeġġiġ lill-operaturi fis-suq biex jiżviluppaw aktar standardizzazzjoni, l-inizjattiva għandha tnaqqas il-kostijiet operazzjonali għat-titolizzazzjonijiet. Billi dawn il-prezzijiet huma ogħla mill-medja għat-titolizzazzjoni tas-self lill-SMEs, it-tnaqqis għandu jkollu effett ta’ benefiċċju speċjalment fuq il-kost tal-kreditu għall-SMEs.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Le

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn? 

Le

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni?

Il-leġiżlazzjoni li ġejja se tkun soġġetta għal evalwazzjoni kompleta (madwar erba' snin wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tagħha) sabiex jiġi vvalutat, fost l-oħrajn, kemm kienet effettiva u effiċjenti fl-ilħiq tal-objettivi ppreżentati f’dan ir-rapport u biex jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.