Brussell, 18.11.2015

COM(2015) 750 final

2015/0269(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Is-sigurtà taċ-ċittadini u tan-negozji hija fundamentali għal din il-Kummissjoni. L-użu tal-armi tan-nar mill-kriminalità organizzata u serja u mill-organizzazzjonijiet terroristiċi jista' jikkawża ħsara kbira lis-soċjetà, kif rajna f'diversi okkażjonijiet matul din is-sena, speċjalment fl-attakki li seħħew f'Pariġi u f'Kopenħagen. Dan l-aħħar, aktar minn 120 persuna mietu f'serje ta' attakki terroristiċi koordinati li saru fit-13 ta' Novembru 2015 f'Pariġi.

Dawn l-avvenimenti traġiċi 1 huma evidenza ċara tat-theddida multidimensjonali kkawżata mill-kriminalità organizzata, u wrew għalfejn hemm bżonn insaħħu aktar il-ġlieda tagħna kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, b'approċċ koordinat u koerenti. Fil-linji gwida politiċi tal-President Juncker ġiet enfasizzata wkoll ir-responsabbiltà Ewropea komuni għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu transfruntieri.

L-akkwist, il-pussess u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-armi tan-nar għall-użu ċivili huma soġġetti għal qafas regolatorju komprensiv tal-UE stabbilit bid-Direttiva 91/477/KEE u emendat bid-Direttiva 2008/51/KE.

Il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-UE huma responsabbli mis-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, huwa importanti li tittieħed azzjoni immedjata biex jissaħħu r-regoli eżistenti dwar l-aċċess u l-kummerċ tal-armi tan-nar.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta' politika eżistenti fil-qasam ta' politika

L-għan tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar (id-Direttiva 91/477/KEE) huwa li tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern għall-armi tan-nar fl-UE, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE. Dawn ir-regoli għandhom l-għan li jindirizzaw kwistjonijiet u vulnerabbiltajiet potenzjali li jistgħu joħorġu miċ-ċiklu tal-ħajja ta' arma tan-nar (mill-produzzjoni għall-kummerċ, is-sjieda u l-pussess, id-diżattivazzjoni u l-qerda). Għal dan il-għan, id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi li Stat Membru jrid jimponi fuq l-akkwist u l-pussess tal-kategoriji differenti tal-armi tan-nar 2 u tirregola l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-armi tan-nar fi Stat Membru, filwaqt li toffri aktar regoli flessibbli għall-kaċċa u għall-isparar fuq il-bersalji 3 .

L-emenda approvata fl-2008, jiġifieri d-Direttiva 2008/51/KE 4 , intervjeniet biex issaħħaħ l-aspetti tas-sigurtà u biex tallinja d-Direttiva mal-Protokoll tan-NU kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata.

Il-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE dwar l-armi tan-nar ġej fil-biċċa l-kbira mill-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar (UNFP) li ġie nnegozjat u ffirmat mill-Kummissjoni fl-2002 f'isem l-UE.

Il-Protokoll huwa strument internazzjonali li jinkludi bħala partijiet kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri. Il-Kummissjoni temmet il-proċess ta' traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE tad-dispożizzjonijiet kollha tagħha, essenzjalment permezz ta':

Id-Direttiva 2008/51/KE li tintegra d-dispożizzjonijiet xierqa meħtieġa mill-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasferimenti intra-Komunitarji ta' armi.

Ir-Regolament 258/2012 ( IP/12/225 ) li jindirizza l-kummerċ u t-trasferimenti ma' pajjiżi barra mill-UE, billi jittrasponi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-UNFP.

Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konsistenti għalkollox mal-għanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni Ewropea għall-2014-2019 dwar il-promozzjoni ta' "Żona ta' Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali Bbażata fuq il-Fiduċja Reċiproka".

Wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi li seħħew f'Jannar 2015, il-Ministri għall-Ġustizzja u/jew għall-Intern adottaw "Dikjarazzjoni ta' Pariġi" li fiha tennew l-impenn ta' pajjiżhom biex inaqqsu l-forniment illeċitu tal-armi tan-nar fl-Ewropa u għaldaqstant biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qafas tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), biex itejbu l-kondiviżjoni tal-intelligence u biex jiżguraw l-użu sħiħ tar-riżorsi tal-Europol, tal-Eurojust u tal-Interpol 5 .

Matul il-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Frar 2015, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern talbu biex l-awtoritajiet kompetenti jżidu l-livell ta' kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, anke bir-reviżjoni rapida tal-leġiżlazzjoni rilevanti u billi jitkomplew it-taħditiet ma' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, l-aktar fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u mal-Balkani tal-Punent 6 .

Fil-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-12 u t-13 ta' Marzu 2015, il-Ministri stiednu lill-Kummissjoni biex tipproponi mezzi għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u, biex flimkien mal-Europol, itejbu l-iskambju ta' informazzjoni u ta' kooperazzjoni operattiva 7 .

B'reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni adottat l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex tingħata reazzjoni effettiva u koordinata fil-livell Ewropew għat-theddid tas-sigurtà emerġenti li qiegħed kulma jmur isir aktar kumpless. Filwaqt li tenfasizza l-isfidi maħluqa mit-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà enfasizzat id-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bħala ostaklu għall-kontrolli effettivi u għall-kooperazzjoni tal-pulizija fl-UE 8 , u b'mod partikolari talbet, bħala azzjoni ta' prijorità, li l-leġiżlazzjoni dwar l-armi tan-nar tkun riveduta abbażi tal-proposti li se jsiru sal-2016. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà talbet ukoll azzjoni urġenti dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar biex ma jiġux attivati mill-ġdid u użati mill-kriminali. Id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Interni tad-29 ta' Awwissu 2015 tenniet it-talba għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-nar u għal approċċ komuni dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar.

Fl-aħħar nett, fit-8 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar kif jista' jissaħħaħ l-użu ta' mezzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, billi stieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Europol u lill-Interpol jieħdu azzjonijiet fosthom ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u l-monitoraġġ tat-theddid maħluq mill-armi tan-nar b'investigazzjonijiet u b'operazzjonijiet transfruntiera kkoordinati. Dawn ikopru wkoll it-traffikar tal-armi tan-nar onlajn 9 .

Il-Parlament Ewropew qies ukoll il-kwistjoni tat-traffikar tal-armi tan-nar, f'għadd ta' okkażjonijiet. Fil-11 ta' Frar 2015, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar miżuri kontra t-terroriżmu 10 fejn stieden "...lill-Kummissjoni tivvaluta bħala kwistjoni ta' urġenza r-regoli eżistenti tal-UE dwar il-moviment tal-armi tan-nar illegali, apparati esplussivi u t-traffikar tal-armi marbut mal-kriminalità organizzata."

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Il-bażi ġuridika

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa l-bażi ġuridika ta' din il-proposta f'konformità mal-bażi ġuridika inizjali tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 5 tat-TUE, kull azzjoni li tittieħed fil-livell tal-UE għandha tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jimplika li l-UE għandha tirregola biss f'każ li din iżżid il-valur għall-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri individwali.

Il-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, jiġifieri t-theddid serju tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu u l-ispejjeż ekonomiċi u soċjali potenzjalment għoljin ħafna tal-azzjonijiet vjolenti, huma kkaratterizzati b'mod inerenti bin-natura transnazzjonali tagħhom, li jaffettwaw ħafna Stati Membri f'daqqa. Għalhekk, dawn ma jistgħux jiġu trattati b'mod kompletament sodisfaċenti mill-Istati Membri individwali.

Dan jidher mill-attakki terroristiċi riċenti li seħħew f'Awwissu u f'Novembru ta' din is-sena li twettqu minn netwerks kriminali transnazzjonali li jaħdmu f'diversi Stati Membri. Dawn in-netwerks użaw ir-regoli nazzjonali diverġenti dwar il-pussess u l-kummerċ tal-armi tan-nar u sfruttaw in-nuqqasijiet fl-iskambju transfruntier ta' informazzjoni.

Sistema mifruxa mal-UE kollha biss tista' toħloq il-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-Istati Membri biex tikkontrolla u tirreġistra l-użu tal-armi tan-nar li jsir fl-UE.

Il-kwistjonijiet ta' sigurtà indirizzati mid-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar huma ta' natura transfruntiera. Il-vulnerabbiltajiet ta' Stat Membru għall-attivitajiet kriminali jaffettwaw lill-Unjoni Ewropea kollha. Id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar u fil-proċeduri amministrattivi, ixekklu l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva. Kif ġie enfasizzat fi studju ta' evalwazzjoni li sar dan l-aħħar, il-miżuri effettivi biex jiżguraw livell għoli ta' sigurtà u biex jirregolaw il-moviment transfruntier tal-armi tan-nar jistgħu jiġu adottati biss fil-livell tal-UE. Id-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar tistabbilixxi qafas regolatorju komuni li ma jkunx jista' jseħħ biss b'azzjoni nazzjonali jew bilaterali.

Il-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-proporzjonalità hija żgurata billi jiġi limitat il-kontenut tal-bidliet proposti għal dawk li għandhom l-aktar impatt importanti fuq is-sigurtà, skont il-konklużjonijiet ewlenin tal-istudji mwettqa fil-fażi preparatorja. B'mod ġenerali, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jinkiseb l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE mingħajr ma jiġi limitat bla bżonn is-suq intern.

Minbarra d-dispożizzjonijiet standard ta' natura politika kummerċjali, sabiex jitqiesu l-mistoqsijiet u l-kummenti tal-partijiet ikkonċernati privati, il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-istandards tas-sigurtà u tnaqqas l-inkonsistenzi mal-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, b'mod partikolari dawk relatati mad-definizzjonijiet.

L-għażla tal-istrument

Il-Kummissjoni tipproponi Direttiva ġdida li temenda d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar eżistenti. Mezzi oħra ma jkunux adegwati biex jemendaw id-Direttiva eżistenti.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Kif ħabbret fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2013 11 , qabel ma tqis ir-rilevanza li jiġi rrivedut il-qafas legali attwali, il-Kummissjoni nediet serje ta' studji ta' riċerka li jkopru:

ir-rilevanza (jew in-nuqqas ta' rilevanza) ta' proposta leġiżlattiva tal-UE li tapprossimizza s-sanzjonijiet kriminali kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar 12 ;

ir-rilevanza (jew in-nuqqas ta' rilevanza) ta' proposta leġiżlattiva tal-UE li ttejjeb ir-regoli dwar il-proċeduri ta' diżattivazzjoni, ta' qerda u ta' mmarkar tal-armi tan-nar fl-UE, kif ukoll tal-armi tal-allarm u tar-repliki 13 ;

l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar fl-Istati Membri kollha.

L-ewwel studju kkonkluda li r-regoli minimi mifruxa mal-UE kollha dwar it-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar jiffaċilitaw il-prosekuzzjonijiet u jiżguraw li l-kriminali ma jkunux jistgħu jisfruttaw il-lakuni ġuridiċi. Madankollu, l-evidenza ssuġġeriet ukoll li l-kwistjonijiet prattiki bħan-nuqqas ta' riżorsi, il-prijoritajiet politiki kunfliġġenti u n-nuqqas ta' infurzar tal-liġijiet eżistenti kienu impedimenti daqstant ieħor importanti għall-isforzi transfruntiera fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, bħad-differenzi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam. L-istudju kkonkluda favur taħlita ta' politiki (b'miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi) mingħajr ma skjera ruħu favur intervent leġiżlattiv minimu jew massimu.

It-tieni studju ppropona reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar, bil-għan li:

Tarmonizza r-regoli għall-immarkar tal-armi tan-nar u tistabbilixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-marki fost l-Istati Membri;

Issaħħaħ l-istandards u l-proċeduri komuni u tintroduċi r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar;

Tistabbilixxi linji gwida tekniċi komuni dwar il-konvertibbiltà tal-armi tal-allarm jew tas-sinjal u tar-repliki billi tagħti dettalji dwar il-kriterji li jikkwalifikaw l-armi tal-allarm u r-repliki bħala konvertibbli u għalhekk ikunu jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar;

Tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri (b'attenzjoni partikolari għat-theddid u għall-opportunitajiet li joffru l-iżviluppi teknoloġiċi) u ttejjeb il-ġbir tad-dejta li jikkonċerna kemm il-produzzjoni u s-sjieda tal-armi tan-nar, kif ukoll l-attivitajiet kriminali relatati mal-armi tan-nar u mal-armi tan-nar diżattivati, mal-armi tal-allarm u mar-repliki.

Fl-aħħar nett, l-istudju li jivvaluta l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar fost l-oħrajn irrakkomanda:

id-definizzjoni ta' kriterji komuni dwar il-konvertibbiltà tal-armi tal-allarm;

l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-immarkar u l-istandards għad-diżattivazzjoni;

it-titjib tas-sistema tal-ġbir tad-dejta u tal-eżami tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta' informazzjoni maħluqa fil-livell nazzjonali; u fl-aħħar

id-definizzjoni ta' approċċ miftiehem għall-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isport tal-isparar.

Flimkien ma' din il-proposta, il-Kummissjoni qed tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar f'konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-metodi ta’ konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati permezz ta' kwestjonarji u stediniet għal-laqgħat indirizzati għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati privati (ir-rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet Ewropej ta' manifatturi tal-armi tan-nar u tal-munizzjon għal użu privat, dawk involuti fil-kummerċ ċivili ta' armi, il-kaċċaturi, il-kolletturi, l-NGOs, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, eċċ.), infetaħ indirizz e-mail speċifiku (JLS-FIREARMS@ec.europa.eu) għall-konsultazzjoni permanenti u sar studju estern b'appoġġ għat-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Barra minn hekk, fil-Kummissjoni twaqqaf "Grupp Interservizz".

Sommarju tat-tweġibiet u kif tqiesu

L-Istati Membri u l-NGOs ftiehmu li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 477/91 għandha tkun utli biex ma tħallix l-armi fis-suq legali jidħlu f'dak illegali. Il-partijiet privati argumentaw li l-Istati Membri diġà kellhom regolamenti stretti li jkopru dan l-aspett u wrew tħassib dwar il-possibbiltà ta' konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi żgħar u medji. Ħafna partijiet ikkonċernati privati kienu mħassba l-aktar bl-emendi għall-kategoriji li jistgħu jxekklu l-attivitajiet tal-kaċċaturi u tal-isparaturi sportivi.

Skont l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, l-attivazzjoni mill-ġdid tal-armi tan-nar diżattivati hija sors rilevanti ta' armi għall-użu kriminali u l-lakuni li jinħolqu mid-differenzi tal-istandards tad-diżattivazzjoni nazzjonali jistgħu jintużaw mill-kriminali 14 . Xi wħud iqisu li d-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar hija rigoruża dwar id-diżattivazzjoni u jemmnu li hemm bżonn biss li tiġi kkontrollata l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri u li jinħolqu l-linji gwida tekniċi mitluba 15 . Madankollu, ġeneralment l-armonizzazzjoni aktar mill-qrib titqies bħala prijorità.

Il-partijiet ikkonċernati kollha (mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, għall-esperti u r-rappreżentanti tal-produtturi) iqisu li hemm verament bżonn ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-armi tan-nar fl-Istati Membri kollha u li din hija kwistjoni importanti. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ma tridx tkun limitata għall-iskambju bejn l-Istati Membri, iżda l-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi jridu jitwaħħdu flimkien 16 . Iż-żieda fil-komunikazzjoni titqies essenzjali għall-intelligence, għall-operazzjonijiet konġunti u għall-ġestjoni. Madankollu, tkun prattika tajba kieku jiġu ppreferuti l-iskambji ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi aktar milli bl-organizzazzjoni ta' laqgħat. Barra minn hekk, għandu jitqies li diġà jeżistu l-pjattaformi fejn jistgħu jsiru dawn id-diskussjonijiet, kemm fil-livell operazzjonali kif ukoll fil-livell regolatorju.

Ir-rakkomandazzjonijiet komuni dwar ir-regoli jitqiesu importanti peress li xi pajjiżi jifhmu xi kwistjonijiet b'mod differenti (pereżempju d-definizzjoni ta' repliki). Biex il-kriminali ma jkunux jistgħu jużaw ir-regoli differenti bejn l-Istati Membri għall-benefiċċju tagħhom, hemm bżonn ta' approċċ armonizzat mal-Ewropa kollha.

Biex ikunu effettivi, id-definizzjonijiet għandhom jinkludu aktar referenzi speċifiċi għall-armi tal-allarm u għal tipi oħrajn ta' armi li għadhom mhux definiti sew fil-qafas regolatorju tal-UE.

Kien hemm kunsens ġenerali li l-istandards minimi komuni għal-linji gwida ta' diżattivazzjoni jistgħu jgħinu biex l-Istati Membri jkunu fl-istess livell fl-UE kollha bl-armonizzazzjoni ta' diversi proċeduri u b'hekk titjieb il-komunikazzjoni u jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-liġi. Se titnaqqas il-kriminalità, peress li l-applikazzjoni tal-istandards minimi komuni għandha tgħin biex tindirizza l-kummerċ illegali ta' parts tal-bdil u tipprevjeni l-użu ta' armi tan-nar immuntati u konvertiti illegalment.

Il-Kummissjoni qieset l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati. Din il-proposta hija mfassla biex tiżgura livell ogħla ta' sigurtà jew effettività u effiċjenza.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-urġenza tal-proposta fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar, qed tiġi ppreżentata mingħajr valutazzjoni tal-impatt. Iżda l-proposta tista' tistrieħ fuq evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar. Din l-evalwazzjoni wriet xi nuqqasijiet li għad fadal f'oqsma bħall-konvertibbiltà tal-armi tal-isparar in bjank, ir-rekwiżiti tal-immarkar, id-diżattivazzjoni, l-arranġamenti tal-bejgħ bl-internet u s-sistemi għall-ġbir u għall-iskambju tad-dejta. Fid-dawl tal-aħħar avvenimenti, ġew identifikati xi rekwiżiti addizzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-metodi ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Wara sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni li toħloq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u jekk ikun xieraq, tippreżenta miegħu l-proposti. Kull ħames snin se jiġu ppreżentati rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Id-dokumenti ta' spjegazzjoni (għad-Direttivi)

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fl-Artikolu 1, il-proposta tiċċara d-definizzjonijiet ta' sensara u ta' negozjanti u tiżgura l-konsistenza mad-definizzjoni tal-komponenti u tal-partijiet essenzjali tal-armi tan-nar kif iddefiniti fil-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar. Studji tal-Kummissjoni juru li hemm nuqqas ta' ċarezza fid-definizzjoni ta' "sensar" u jenfasizzaw il-fatt li din id-definizzjoni għandha tiġi inkluża wkoll fid-Direttiva. Is-silenzjaturi huma inklużi wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.

Fl-Artikolu 2 il-proposta qed tinkludi mill-ġdid il-kolletturi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Mill-evalwazzjoni li saret, deher biċ-ċar li l-kolletturi ġew identifikati bħala sors possibbli tat-traffikar tal-armi tan-nar. Għalhekk, il-kolletturi se jkollhom il-possibbiltà li jixtru armi tan-nar diment li jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni.

L-armi tan-nar diżattivati għandhom ikunu koperti bid-Direttiva fejn jidħlu l-identifikazzjoni tas-sid u r-reġistri. L-evidenza miġbura mill-istudji tal-Kummissjoni wriet li f'termini ta' sigurtà, dan huwa nuqqas serju fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-attakki li seħħew dan l-aħħar twettqu b'armi tan-nar diżattivati ħażin (jew b'armi tan-nar assemblati b'komponenti diżattivati ħażin).

Il-proposta se tintroduċi fil-qosor, b'regolament ta' implimentazzjoni, linji gwida komuni minimi stretti dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar biex b'hekk l-attivazzjoni mill-ġdid tkun ħafna aktar diffiċli. Minkejja r-regoli stretti, wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li l-armi diżattivati jistgħu jiġu attivati mill-ġdid. B'konsegwenza ta' dan ġew introdotti regoli aktar stretti għall-aktar armi tan-nar perikolużi (jiġifieri tal-kategorija A) anke jekk dawn ikunu ġew diżattivati. Dan ifisser li l-armi tan-nar diżattivati tal-Kategorija A la jkunu irreġistrati fuq isem persuna privata u lanqas ma jistgħu jiġu kkumerċjalizzati (ħlief għall-mużewijiet).

Dispożizzjoni ġdida tistabbilixxi r-rekwiżit għaż-żamma tar-rekords tal-armi tan-nar fir-reġistri nazzjonali. Għandu jkun irreġistrat kull trasferiment tal-armi tan-nar diżattivati (jiġifieri l-bidla fis-sid).

L-armi semi-awtomatiċi jirrappreżentaw porzjon kbir mill-armi użati bħalissa għall-kaċċa u għall-isport tal-isparar. Madankollu, l-istudju ta' evalwazzjoni kkonkluda li xi armi semi-awtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi awtomatiċi u li d-Direttiva eżistenti ma tipprovdi l-ebda kriterju tekniku biex jipprevjeni din il-konverżjoni. Anke jekk ma jiġux konvertiti għall-kategorija "A", ċerti armi tan-nar semi-awtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom li jiċċarġjaw ruħhom tkun għolja ħafna. Il-proposta tipprojbixxi l-armi semi-awtomatiċi li huma inklużi fil-kategorija attwali "B7".

Il-proposta tintroduċi regoli komuni tal-UE dwar l-immarkar biex tevita li dan l-immarkar ikun jista' jitħassar faċilment. Din tiċċara l-aktar liema huma l-komponenti li fuqhom jista' jsir l-immarkar (biex tiżgura l-koerenza mar-rekwiżiti ta' mmarkar tal-UNFP) u għandha tapplika wkoll għall-armi tan-nar impurtati. It-tul ta' żmien tal-arkivju kompjuterizzat tar-rekords huwa estiż għal aktar minn 20 sena. Id-dejta għandha tinżamm sakemm tinqered l-arma tan-nar u mhija prevista l-ebda applikazzjoni retroattiva ta' din il-miżura.

L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-nar u xi studju preparatorju ieħor urew l-użu dejjem akbar tal-Internet bħala mezz ta' bejgħ tal-armi tan-nar u d-diffikultajiet biex dan jiġi kkontrollat fil-ġejjieni. Iż-żieda fl-għadd ta' akkwisti li saru b'mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod tista' żżid ir-riskji serji ta' frodi li jeżistu f'dan il-mezz ta' bejgħ. Peress li fl-aħħar attakki terroristiċi kien hemm xi każijiet fejn l-armi tan-nar kienu assemblati illegalment b'komponenti legali mixtrija mill-Internet, ikun qed jittieħed riskju importanti jekk dan il-mezz ta' bejgħ ma jiġix irregolat. Barra minn hekk, ikun aktar diffiċli biex wieħed jivverifika onlajn il-legalità tal-awtorizzazzjonijiet għall-pussess tal-armi. Ir-riskju xorta għadu ogħla f'każ ta' akkwist minn pajjiżi terzi.

Id-Direttiva eżistenti tispeċifika li "L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ħlief fir-rigward tan-negozjanti, l-akkwist ta’ armi tan-nar u l-partijiet tagħhom u ta’ munizzjon permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod ...għandu jkun kkontrollat b'mod strett".

Il-proposta tqis approċċ aktar strett: ma taċċettax il-bejgħ ta' armi u ta' komponenti b'mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod (b'mod partikolari bl-Internet) ħlief għan-negozjanti u għas-sensara.

Id-Direttiva eżistenti ma tinkludix l-armi tal-allarm, l-armi tas-sinjal, l-armi tas-salvataġġ, eċċ. Qed jiġi propost li jiġu ddefiniti l-kriterji komuni dwar "l-armi tal-allarm" sabiex jipprevjenu l-konvertibbiltà tagħhom f'armi tan-nar proprji. Ovvjament, dawn għandhom ikopru kemm l-armi tal-allarm manifatturati fl-UE kif ukoll l-armi importati.

Ir-riskju ta' konvertibbiltà tal-armi tal-allarm u ta' tipi oħra ta' armi tal-isparar in bjank f'armi tan-nar proprji huwa għoli u jikkostitwixxi rakkomandazzjoni ewlenija li tirriżulta mill-evalwazzjoni tad-Direttiva u minn studju ieħor. Skont l-informazzjoni miksuba mill-partijiet ikkonċernati, l-armi tal-allarm konvertibbli impurtati minn pajjiżi terzi jistgħu jidħlu fit-territorju tal-UE mingħajr xkiel minħabba n-nuqqas ta' regoli koerenti jew komuni. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi se jiġu adottati b'att ta' implimentazzjoni.

M'hemm l-ebda sistema li tinforma lill-Istati Membri l-oħra meta tiġi rifjutata awtorizzazzjoni (b'mod partikolari għall-armi tan-nar tal-Kategorija B). Il-proposta tintroduċi sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u titlob li n-negozjanti u s-sensara jkunu konnessi mar-reġistri ċentrali tal-armi tan-nar. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tesplora l-użu tal-istrumenti eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni.

Il-proposta tintroduċi wkoll limitu ta' żmien ta' ħames snin għat-tul tal-liċenzja.

2015/0269 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE 17 stabbiliet miżura ta' akkumpanjament għas-suq intern. Ħolqot bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta' moviment għal xi armi tan-nar fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi kkontrollata b'garanziji ta' sigurtà, adatti għal dan it-tip ta' prodott.

(2)B'reazzjoni għall-atti terroristiċi li seħħew dan l-aħħar li wrew lakuni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE speċjalment fir-rigward tad-diżattivazzjoni tal-armi u fir-regoli dwar il-konvertibbiltà u l-immarkar, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà adottata f'April 2015 u d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Interni tad-29 ta' Awwissu 2015 sejħu għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva u għal approċċ komuni dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar bħala prevenzjoni kontra l-attivazzjoni mill-ġdid u l-użu mill-kriminali.

(3)Fl-istess Direttiva 91/477/KEE hemm xi kwistjonijiet li jeħtieġ jittejbu.

(4)Il-korpi responsabbli mill-aspetti kulturali u storiċi tal-armi u rikonoxxuti bħala tali mill-Istati Membri li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom u li huma fil-pussess ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A mixtrija qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, għandhom mnejn ikunu jistgħu jżommu dawk l-armi tan-nar fil-pussess tagħhom jekk ikollhom awtorizzazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u diment li dawk l-armi tan-nar ikunu ġew diżattivati.

(5)Il-kolletturi għandhom jiġu koperti b'din id-Direttiva peress li ġew identifikati bħala sors possibbli għat-traffikar tal-armi tan-nar.

(6)Peress li s-sensara jipprovdu servizzi simili għal dawk tan-negozjanti, dawn ukoll għandhom ikunu koperti minn din id-Direttiva.

(7)Minħabba r-riskju għoli li jiġu attivati mill-ġdid l-armi diżattivati ħażin u biex tiżdied is-sigurtà fl-Unjoni kollha, l-armi tan-nar diżattivati għandhom ikunu koperti b'din id-Direttiva. Barra minn hekk, għall-armi l-aktar perikolużi għandhom jiġu introdotti regoli aktar stretti sabiex jiżguraw li dawk l-armi tan-nar ma jkunux propjetà ta' xi ħadd u lanqas ma jiġu kkumerċjalizzati. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-armi tan-nar ta' dik il-kategorija anke wara li jiġu diżattivati. Jekk dawk ir-regoli ma jiġux rispettati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa li jinkludu anke l-qerda ta' dawk l-armi tan-nar.

(8)Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-armi diżattivati, dawn għandhom jiġu rreġistrati f'reġistri nazzjonali.

(9)Xi armi tan-nar semi-awtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi tan-nar awtomatiċi, u għalhekk huma ta' theddida għas-sigurtà. Anke jekk ma jiġux konvertiti għall-kategorija "A", ċerti armi tan-nar semi-awtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom li jiċċarġjaw ruħhom tkun għolja ħafna. Għalhekk, dawn l-armi semi-awtomatiċi għandhom jiġu pprojbiti mill-użu ċivili.

(10)Biex l-immarkar ma jkunx jista' jitħassar faċilment u biex jiġi ċċarat fuq liema komponenti għandu jsir l-immarkar, għandhom jiġu introdotti regoli tal-Unjoni komuni.

(11)L-armi tan-nar jistgħu jintużaw għal ħafna aktar minn 20 sena. Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, ir-rekords tagħhom għandhom jinżammu għal prejodu ta' żmien indeterminat sakemm tiġi ċċertifikata l-qerda tagħhom.

(12)L-arranġamenti tal-bejgħ tal-armi tan-nar u tal-komponenti tagħhom b'komunikazzjoni mill-bogħod jistgħu jkunu ta' theddida serja għas-sigurtà peress li huma aktar diffiċli biex jiġu kkontrollati mill-metodi ta' bejgħ konvenzjonali, speċjalment biex issir verifika onlajn tal-legalità tal-awtorizzazzjonijiet. Għalhekk jixraq li l-bejgħ tal-armi u tal-komponenti b'mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod, b'mod partikolari bl-Internet, ikun limitat għan-negozjanti u għas-sensara biss.

(13)Barra minn hekk, ir-riskju li l-armi tal-allarm u tipi oħra ta' armi tal-isparar in bjank jiġu konvertiti f'armi tan-nar proprja huwa għoli, tant li f'xi atti terroristiċi ntużaw dawn l-armi kkonvertiti. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema tal-armi tan-nar konvertiti li jintużaw f'reati kriminali, l-aktar billi dawn jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Għandhom jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal kif ukoll għall-armi akustiċi u tas-salut biex jiġi żgurat li dawn ma jiġux konvertiti f'armi tan-nar.

(14)Sabiex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-elementi neċessarji għall-implimentazzjoni ta' sistema li tappoġġa dan l-iskambju tal-informazzjoni miżmuma fl-arkivji kompjuterizzati tar-rekords eżistenti fl-Istati Membri. Jekk ikun il-każ, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista' tiġi akkumpanjata bi proposta leġiżlattiva li tqis l-istrumenti eżistenti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni.

(15)Sabiex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u rrifjutati, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' att li jippermetti lill-Istati Membri joħolqu din is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u rrifjutati. Huwa ta' importanza partikolari li, matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, waqt it-tħejjija u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(16)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jingħataw is-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (KE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 .

(17)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(18)Peress li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(19)Għalhekk, id-Direttiva 91/477/KEE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/477/KEE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-paragrafu 1b jinbidel b’dan li ġej:

"1b.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "komponent essenzjali" tfisser il-kanna tal-arma tan-nar, il-qafas, ir-riċevitur, is-slajd jew iċ-ċilindru, il-firroll jew il-blokka tal-kulatta, u kull apparat ieħor imfassal jew adattat biex inaqqas il-ħoss maħluq mill-isparar ta' arma tan-nar, li billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar li jiġu mmuntati fuqhom jew huma maħsuba li jiġu mmuntati fuqhom."

(b)Il-paragrafu 1e jinbidel b’dan li ġej:

"1e.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "sensar" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment fix-xiri, il-bejgħ jew l-arranġament tat-trasferiment fi Stat Membru, minn Stat Membru għal ieħor jew fl-esportazzjoni għal pajjiż terz ta' armi kompletament assemblati, tal-partijiet u tal-munizzjon tagħhom."

(c)Fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"1f.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "armi tal-allarm u tas-sinjal" tfisser l-apparat portabbli b'ħowlder tal-iskrataċ bi żvog għall-gassijiet fuq quddiem, mal-ġenb jew minn fuq, li hu mfassal u mgħammar speċifikament biex jagħti l-allarm jew jibgħat sinjal u li hu mfassal biss biex jispara in bjank, sustanzi irritanti jew sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku.

1g.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "armi akustiċi u tas-salut" tfisser l-armi tan-nar ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar in bjank, għall-ispettakli teatrali, għas-sessjonijiet fotografiċi, għar-reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u dawk televiżivi.

1h.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "repliki ta' armi tan-nar" tfisser oġġetti li għandhom l-apparenza fiżika ta' arma tan-nar iżda li jkunu manifatturati b'tali mod li ma jistgħux jiġu konvertiti biex jisparaw jew biex jimbuttaw balal jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

1i.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva "armi tan-nar diżattivati" tfisser armi tan-nar li ġew modifikati bil-għan li ma jkunu jistgħu jintużaw qatt aktar permezz tad-diżattivazzjoni, fejn il-partijiet kollha essenzjali tal-arma tan-nar ikunu definittivament inoperabbli u impossibbli li jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula sabiex tiġi attivata mill-ġdid l-arma tan-nar."

(d)Il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2.Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, "negozjant" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment fi kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)il-manifattura, il-kummerċ, il-bdil, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar;

(ii) il-manifattura, il-kummerċ, il-bdil, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta' partijiet ta' armi tan-nar;

(iii)il-manifattura, il-kummerċ, il-bdil jew il-konverżjoni ta' munizzjon."

(2)Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"2.Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-akkwist jew għall-pussess ta' armi jew ta' munizzjon, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-pulizija u mill-awtoritajiet pubbliċi. Lanqas ma għandha tapplika għat-trasferimenti kummerċjali ta' armi u munizzjon tal-gwerra."

(3)Fl-Artikolu 4, il-paragrafi 1, 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

"1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull arma tan-nar jew parti tagħha li titqiegħed fis-suq tkun immarkata u rreġistrata b'konformità ma' din id-Direttiva.

2.Għall-finijiet tal-identifikazzjoni u t-traċċar ta' kull arma tan-nar immuntata, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li hi u tiġi mmanifatturata arma tan-nar, inkella meta tiġi impurtata fl-Unjoni, din issirilha marka unika li tkun tinkludi l-isem tal-manifattur, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, in-numru tas-serje u s-sena tal-manifattura, sakemm din ma tkunx diġà parti min-numru tas-serje. Dan għandu jkun bla ħsara għaż-żieda tal-marka kummerċjali tal-manifattur.

L-immarkar għandu jsir fuq ir-riċevitur tal-arma tan-nar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pakkett elementari ta' munizzjon sħiħ ikun immarkat b'tali mod li jipprovdi l-isem tal-manifattur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta' munizzjon.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-ħin tat-trasferiment ta' arma tan-nar mill-ħażniet governattivi għall-użu ċivili permanenti, din l-arma jkollha marka unika li tippermetti lill-Istati jidentifikaw faċilment il-gvern ta' dan it-trasferiment.

3.L-Istati Membri għandhom jeżerċitaw l-attività ta' negozjant jew ta' sensar tal-armi fit-territorju tagħhom jekk ikollhom awtorizzazzjoni, li tingħata abbażi ta' mill-inqas verifika tal-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet tan-negozjant jew tas-sensar. Fil-każ ta' persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir fuq il-persuna ġuridika u fuq il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-impriża."

(4)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)fl-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza tinbidel b' dan li ġej:

"Dan l-arkivju tar-rekords għandu jirreġistra t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tal-arma tan-nar kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornitur u tal-persuna li takkwista jew tieħu pussess tal-arma tan-nar. Ir-rekords tal-armi tan-nar, inklużi l-armi tan-nar diżattivati, għandhom jinżammu sakemm l-awtoritajiet kompetenti jiċċertifikaw il-qerda tal-arma tan-nar."

(b)it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

"Matul il-perjodu ta' attività tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jintalbu jżommu reġistru li fih iniżżlu l-armi tan-nar soġġetti għal din id-Direttiva li jaslu għandhom jew li ma jibqgħux għandhom, flimkien ma' dawk il-partikularitajiet li permezz tagħhom tiġi identifikata u traċċata arma tan-nar, b'mod partikolari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tagħha u l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni li jfornu u li jakkwistawha.

Meta jieqaf mill-attivitajiet tiegħu, in-negozjant jew is-sensar għandu jagħti r-reġistru lill-awtorità nazzjonali responsabbli mill-arkivju tar-rekords stipulat fl-ewwel subparagrafu.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-reġistri tan-negozjanti u tas-sensara stabbiliti fit-territorju tagħhom ikunu konnessi mal-arkivju kompjuterizzat tar-rekords tal-armi tan-nar."

(5)L-Artikolu 4b jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 4b

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li tirregola l-attivitajiet tas-sensara u tan-negozjanti. Din is-sistema tista' tinkludi miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)ir-reġistrazzjoni tas-sensara u tan-negozjanti li jaħdmu fit-territorji tagħhom;

(b)il-liċenzjar jew l-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tas-sensara u tan-negozjanti.

2.Is-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas verifika tal-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet tan-negozjant jew tas-sensar. Fil-każ ta' persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir fuq il-persuna ġuridika u fuq il-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-impriża."

(6)L-Artikoli 5 u 6 jinbidlu b'dan li ġej:

"Artikolu 5

1.Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

(a)ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ tal-pussess ta' armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar fuq bersalji, bil-kundizzjoni li f'dak il-każ il-persuni li ma jkollhomx 18-il sena jkunu kisbu l-permess tal-ġenituri, jew ikollhom il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta' adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa jew ikunu f’ċentru ta' taħriġ liċenzjat jew approvat xort'oħra;

(b)aktarx ma jkunux ta' periklu għalihom infushom, għall-ordni pubblika jew għas-sikurezza pubblika; jekk persuna tkun instabet ħatja ta' reat vjolenti intenzjonat, dan għandu jitqies bħala indikattiv ta' periklu bħal dan.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu testijiet mediċi standard għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 u jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet ipprovduti ma tkunx issodisfata.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom milli jkollhom pussess ta' arma mixtrija fi Stat Membru ieħor sakemm l-akkwist ta' din l-arma ma jkunx ipprojbit fit-territorju tagħhom stess.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar u tal-munizzjon ikklassifikati fil-Kategorija A u biex jeqirdu dawk l-armi tan-nar u l-munizzjon li jiksru din id-dispożizzjoni u jissekwestrawhom.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi kkonċernati bl-aspetti kulturali u storiċi tal-armi u rikonoxxuti bħala tali mill-Istat Membru li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu biex iżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar ikklassifikati fil-Kategorija A mixtrija qabel [id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], diment li dawn ikunu ġew diżattivati skont id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 10(b).

L-akkwist tal-armi tan-nar u tal-partijiet tagħhom u tal-munizzjon li jikkonċernaw il-Kategoriji A, B u C b'mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), għandu jiġi awtorizzat biss għan-negozjanti u għas-sensara u għandu jkun soġġett għall-kontrolli stretti tal-Istati Membri.

____________________________________________________________________

(*) Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19)."

(7)Fl-Artikolu 7 jiżdied is-subparagrafu li ġej mal-paragrafu 4:

"Il-limiti massimi ma għandhomx jaqbżu l-ħames snin. L-awtorizzazzjoni tista' tiġġedded jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun ingħatat l-istess awtorizzazzjoni."

(8)Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 10a u 10b li ġejjin:

"Artikolu 10a

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-armi tal-allarm u tas-sinjal kif ukoll l-armi akustiċi u tas-salut ma jkunux jistgħu jiġu konvertiti f'armi tan-nar.

Il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal kif ukoll għall-armi akustiċi u tas-salut biex jiġi żgurat li dawn ma jiġux konvertiti f'armi tan-nar.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

Artikolu 10b

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika d-diżattivazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-modifiki li jkunu saru fuq arma tan-nar ikunu għamluha inoperabbli b'mod irriversibbli. L-Istati Membri, fil-kuntest tal-verifika msemmija, għandhom jipprevedu l-ħruġ ta' ċertifikat jew ta' dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata jew li ssir marka viżibbli b’mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan.

Il-Kummissjoni għandha tadotta standards u tekniki tad-diżattivazzjoni biex tiżgura li l-armi tan-nar diżattivati jkunu inoperabbli b'mod irriversibbli. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2)."

(9)Fl-Artikolu 13, jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5 li ġejjin:

"4.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferimenti tal-armi tan-nar fi Stat Membru ieħor kif ukoll informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet irrifjutati kif iddefinit fl-Artikolu 7.

5.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 13a li jikkonċernaw il-modalitajiet ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija u rrifjutati."

(10)L-Artikolu 13a jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 13a

1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta' żmien mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikolu 13 jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn (2) minn meta dak l-att jiġi notifikat lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b'xahrejn (2) fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill."

(11)Jiddaħħal l-Artikolu 13b:

"Artikolu 13b

1.Il-Kummissjoni tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*).

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

____________________________________________________________________

(*) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."

(12)L-Artikolu 17 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 17

Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti li jikkonċernawb'mod partikolari l-kategoriji tal-armi tan-nar tal-Anness I u l-kwistjonijiet relatati mat-teknoloġiji l-ġodda bħall-istampar 3D. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva."

Sa [data] il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-elementi neċessarji ta' sistema għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri li tinsab fl-arkivji kompjuterizzati tar-rekords imsemmija fl-Artikolu 4(4). Jekk ikun xieraq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi akkumpanjata bi proposta leġiżlattiva li tqis l-istrumenti eżistenti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni."

(13)Fl-Anness I tad-Direttiva 91/477/KE, il-parti II hija emendata kif ġej:

(a)il-punt A huwa emendat kif ġej:

(i)fil-Kategorija A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"6.Armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f'armi tan-nar semi-awtomatiċi;

7.Armi tan-nar semi-awtomatiċi għall-użu ċivili li jixbhu lill-armi b'mekkaniżmi semi-awtomatiċi;

8.L-armi tan-nar taħt il-punti 1 sa 7 wara li jkunu ġew diżattivati."

(ii)fil-Kategorija B, jitħassar il-punt 7.

(iii)fil-Kategorija C, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"5.Armi tal-allarm u tas-sinjal, armi akustiċi u tas-salut kif ukoll repliki;

6.L-armi tan-nar taħt il-Kategorija B u l-punti 1 sa 5 tal-Kategorija C, wara li jkunu ġew diżattivati."

(b)fil-punt B jitħassar it-test li ġej:

"Il-mekkaniżmu tal-għeluq, iċ-chamber u l-kanna tal-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar fejn huma jew huma maħsuba li jiġu mmuntati."

(14)fl-Anness I tad-Direttiva 91/477/KE, il-parti III hija emendata kif ġej:

(a)jitħassar il-punt (a);

(b)il-punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

"huma ddisinjati biex għas-salvataġġ, għall-qtil tal-annimali jew għas-sajd bil-ħarpun jew għall-għanijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għal dawn l-għanijiet;"

(c)jitħassar it-tieni subparagrafu.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva [3 xhur wara l-pubblikazzjoni fil-ĠU]. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) L-attakki terroristiċi li saru f'Pariġi, f'Kopenħagen u fuq il-ferrovija Thalys, enfasizzaw ir-rabta bejn il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, l-aktar fil-mod kif jinkisbu l-armi tan-nar.
(2) Wieħed mill-aspetti ċentrali tad-Direttiva 91/477/KE huwa li l-Anness I jistabbilixxi erba' kategoriji ta' armi tan-nar, ikklassifikati skont il-livell ta' periklu:
(3) Huwa minnu li fil-prinċipju l-Istati Membri huma intitolati li jieħdu miżuri aktar stretti minn dawk previsti fid-Direttiva.
(4) L-emenda saret wara żewġ fatturi sussegwenti: a) fis-16 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni f'isem il-Komunità Ewropea ffirmat il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali; b) ir-riżultati u l-proposti għal titjib (eż. l-armi diżattivati, il-liċenzji ta' esportazzjoni u ta' importazzjoni, iż-żamma ta’ rekords, l-immarkar) ippreżentati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha ta' Diċembru 2000 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/477/KE wara t-traspożizzjoni tagħha fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri kollha - COM (2000) 837, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi, tal-15 ta' Diċembru 2000.
(5) 5322/15, Id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-11 ta' Jannar 2015.
(6) 6112/15, Abbozz ta' Dikjarazzjoni tal-Istati Membri tal-Kunsill Ewropew.
(7) 7178/15, Stqarrija għall-istampa tal-Kunsill ĠAI.
(8) COM (2015) 185 final tat-28 ta' April 2015.
(9) 12892/15, Konklużjonijiet tal-Kunsill.
(10) Numru ta' referenza tal-PE: 2015/2530(RSP) tal-11 ta' Frar 2015.
(11) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 1.
(12) http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/documents/policies/organized-crime-and-human-trafficking/general/docs/dg_home_-_illicit_fireams_trafficking_final_en.pdf
(13) http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/e-library/documents/policies/organized-crime-and-human-trafficking/general/docs/dg_home_ia_firearms_deactivation_final_en.pdf
(14) Transcrime, l-awtorità nazzjonali Litwana.
(15) L-Assoċċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ tal-Armi Ċivili.
(16) Transcrime.
(17) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51).
(18) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).