IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2015
COM(2015) 664 final
2015/0304(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Ir-reġim tal-UE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (PSC) huwa mogħti fid-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata), li fasslet mill-ġdid il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE f’dan il-qasam li kien ilha fis-seħħ mill-1995 u li kompliet saħħitha. Ir-reġim tal-UE ġie bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, li ilu jeżisti sa mill-1982. Id-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata) tinkludi l-proċeduri u l-għodod tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi. L-Istati Membri marittimi kollha tal-UE, kif ukoll il-Kanada, ir-Russja, l-Iżlanda u n-Norveġja huma membri tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi. L-Unjoni Ewropea mhijiex membru tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi.
Mill-1 ta’ Jannar 2011 ’il quddiem daħal fis-seħħ reġim ġdid ta’ spezzjoni għall-Kontroll tal-Istat tal-Port, kemm fl-UE kif ukoll fl-oqfsa tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi. Sabiex ir-reġim il-ġdid ta’ spezzjoni jiffunzjona, iridu jittieħdu għadd ta’ deċiżjonijiet kull sena fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens waqt il-laqgħa annwali tal-“Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port” (il-PSCC), li ssir kull sena f’Mejju. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE, id-deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti x-xieraq tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi jorbtu wkoll lill-Istati Membri tal-UE.
Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi meta dawn jintalbu jadottaw atti li jkollhom effetti legali trid tiġi adottata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.
Qed jiġi propost li l-pożizzjoni tal-UE għall-PSCC tiġi stabbilita skont approċċ b’żewġ livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi multiannwali, filwaqt li minn hemm ’il quddiem din tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali tal-PSCC permezz ta’ dokumenti informali tal-Kummissjoni li jridu jiġu diskussi mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar it-Trasport. Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għall-PSCC għall-perjodu mill-2016 sal-2019. Barra minn hekk, għandha l-għan li tinkorpora l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-politika tal-Unjoni Ewropea biex ittejjeb is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord. Il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona.
Il-Kummissjoni qed tipproponi li jittieħed dan l-approċċ minħabba l-karatteristiċi tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi. Ir-regoli interni tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi jistipulaw li l-membri tiegħu u t-task forces inkarigati mill-iżvilupp ta’ linji gwida u tal-istruzzjonijiet iridu jressqu d-dokumenti tagħhom sa data li tkun sitt ġimgħat qabel il-laqgħa tal-PSCC. Huwa biss f’dak il-punt li d-dokumenti kollha mibgħuta jkunu disponibbli u li l-Kummissjoni tkun tista’ tibda l-analiżi tagħha bil-għan li tħejji proposta għal pożizzjoni kkoordinata tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE, li mbagħad ikollha tiġi adottata mill-Kunsill. Billi ftit ikun hemm żmien biex issir din l-analiżi u biex titħejja l-proposta tal-Kummissjoni u biex il-Kunsill jadottaha, il-proċess biex tiġi speċifikata l-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra huwa mogħti fl-Anness 2. Din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-perjodu mill-2016 sal-2019.
2. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari fuq l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, li jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit fi ftehim meta dak il-korp jintalab jadotta atti li jkollhom effetti legali. Dan japplika għall-pożizzjoni li l-Istati Membri għandhom jadottaw f’isem l-Unjoni fil-PSCC tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi.
Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (kif emendata) hija l-bażi legali li tistabbilixxi l-prinċipji li l-Istati Membri għandhom iħarsu fil-PSCC tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi.
2015/0304 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 100 u 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jistgħu jittejbu b’mod effettiv jekk jitnaqqsu b’mod drastiku l-vapuri ta’ kwalità inferjuri mill-ibħra tal-Unjoni Ewropea billi jiġu applikati b’mod strett il-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali.
(2)Filwaqt li l-Istat tal-bandiera għandu r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-bastimenti mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord, ir-responsabbiltà għaż-żamma tal-kundizzjoni tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu wara l-istħarriġ biex dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-bastiment hija tal-kumpanija tal-bastiment. Madankollu, għadd ta’ Stati tal-bandiera naqsu b’mod serju milli jimplimentaw u jinfurzaw l-istandards internazzjonali.
(3)Għaldaqstant, bħala t-tieni linja ta’ difiża kontra t-trasport marittimu ta’ kwalità inferjuri, il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għandu jiġi żgurat ukoll mill-Istati tal-port, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-ispezzjoni ta’ kontroll li jagħmel l-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u li l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati tal-istat ta’ navigabbiltà tal-bastiment. Approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv ta’ dawn l-istandards internazzjonali min-naħa tal-Istati Membri kostali tal-UE b’rabta mal-vapuri li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li jkunu qed jużaw il-portijiet tagħhom għandu jevita t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.
(4)Id-Direttiva 2009/16/KE (kif emendata) tistabbilixxi r-reġim tal-UE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port u tifformula mill-ġdid il-leġiżlazzjoni preċedenti tal-UE f’dan il-qasam, li ilha fis-seħħ mill-1995, u ssaħħaħha. Ir-reġim tal-UE huwa bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, li huwa organizzazzjoni internazzjonali li ilha teżisti sa mill-1982.
(5)F’dak li għandu x’jaqsam mal-Istati Membri tal-UE, id-Direttiva 2009/16/KE iġġib il-proċeduri, l-għodod u l-ħidma tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port b’mod effettiv fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Bis-saħħa tad-Direttiva 2009/16/KE, id-deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti x-xieraq tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port jorbtu wkoll lill-Istati Membri tal-UE.
(6)Il-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port jiltaqa’ ta’ kull sena u matul id-deliberazzjonijiet tiegħu jiddeċiedi dwar għadd ta’ punti li jkunu fuq l-aġenda li huma meħtieġa għat-tħaddim tad-Direttiva 2009/16/KE.
(7)Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali meta dawn jintalbu jadottaw atti li jkollhom effetti legali trid tiġi adottata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni.
(8)Ir-regoli interni tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi jistipulaw li l-membri tiegħu u t-task forces inkarigati mill-iżvilupp ta’ linji gwida u tal-istruzzjonijiet iridu jressqu d-dokumenti tagħhom sa data li tkun sitt ġimgħat qabel il-laqgħa tal-PSCC. Huwa biss f’dak il-punt li d-dokumenti kollha mibgħuta jkunu disponibbli u li l-Kummissjoni tkun tista’ tibda l-analiżi tagħha bil-għan li tħejji proposta għal pożizzjoni kkoordinata tal-Unjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Billi ftit ikun hemm żmien biex issir din l-analiżi u biex tiġi adottata proposta, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi multiannwali, flimkien mal-qafas għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra.
(9)Din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-perjodu mill-2016 sal-2019,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali hija mogħtija fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra li għandha tittieħed waqt il-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port għandha ssir skont l-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Il-Kunsill għandu jivvaluta u, fejn ikun xieraq, jirrevedi l-pożizzjoni tal-Unjoni mogħtija fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni fuq proposta tal-Kummissjoni l-iktar tard għal-laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port li se ssir fl-2020.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016.
Magħmul fi Brussell,
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2015
COM(2015) 664 final
ANNESS
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
ANNESS
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
Prinċipji ta’ gwida
Fil-qafas tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, l-Unjoni għandha:
a)
taġixxi skont l-għanijiet li l-Unjoni tfittex li tilħaq, b’mod speċjali biex ittejjeb is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord permezz ta’ tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ vapuri ta’ kwalità inferjuri billi jiġu applikati b’mod strett il-Konvenzjonijiet u l-kodiċijiet internazzjonali;
b)
tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv ta’ dawn l-istandards internazzjonali min-naħa tal-Membri tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi b’rabta mal-vapuri li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li jkunu qed jużaw il-portijiet tagħhom;
c)
taħdem flimkien mal-Membri l-oħra fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi biex tikseb skema komprensiva tal-ispezzjoni u biex il-piż tal-ispezzjonijiet jinqasam b’mod ekwu, b’mod partikulari billi jiġi adottat l-impenn annwali tal-ispezzjoni mfassal skont il-metodoloġija maqbula mogħtija fl-Anness 11 tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi;
d)
taħdem, fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi, biex tippromwovi r-reklutaġġ, iż-żamma u t-taħriġ, min-naħa tal-Membri tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi, tal-għadd bżonjuż ta’ persunal, inklużi spetturi kkwalifikati, filwaqt li jitqiesu l-volum u l-karatteristiċi tat-traffiku tal-bastimenti f’kull port;
e)
tiżgura li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi jkunu konsistenti mal-liġijiet internazzjonali u b’mod partikulari mal-Konvenzjonijiet u mal-kodiċijiet internazzjonali marbutin mas-sikurezza marittima, mal-prevenzjoni tat-tniġġis u mal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord;
f)
tippromwovi l-iżvilupp ta’ approċċi komuni ma’ korpi oħrajn li jkunu qed iwettqu l-Kontroll tal-Istat tal-Port;
g)
tiżgura li jkun hemm koerenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni b’mod speċjali dawk marbutin mar-relazzjonijiet esterni, mas-sigurtà, mal-ambjent u oħrajn.
Orjentazzjonijiet
L-Unjoni għandha taħdem qatigħ biex tappoġġa l-adozzjoni tal-azzjonijiet li ġejjin min-naħa tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi:
A.
Sabiex ikun żgurat li r-reġim tal-UE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port jaħdem sewwa minn sena għall-oħra skont id-Direttiva 2009/16/KE:
1.
l-użu tal-elementi li ġejjin tal-profil tar-riskju tal-bastimenti biex jiġi deċiż liema bastimenti għandhom jiġu spezzjonati:
a)
il-listi tal-bnadar bojod, griżi u suwed skont il-formula li ġiet żviluppata mill-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi u li hija mogħtija fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010 tat-13 ta’ Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji ta’ Stat tal-bandiera;
b)
il-lista tal-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti skont il-metodoloġija adottata mill-PSCC waqt is-37 laqgħa tal-PSCC li saret fMejju tal-2004 (il-punt 4.5.2 fuq l-aġenda);
c)
il-proporzjon medju tan-nuqqasijiet u tad-detenzjonijiet għall-formula tal-prestazzjoni tal-kumpanija abbażi tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta’ Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpaniji, kif emendat;
2.
l-iżgurar li kull bidla fil-proċeduri u fil-linji gwida tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi jew aġġornament tagħhom ikun konsistenti mal-għanijiet li l-Unjoni tfittex li tilħaq, b’mod speċjali biex ittejjeb is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord
B.
Fit-terminu medju taż-żmien, l-iżvilupp ta’ metodu alternattiv biex jitfasslu l-listi l-bojod, il-griżi u s-suwed tal-Istati tal-bandiera biex dan ikun iktar ġust, b’mod partikulari ma’ dawk l-Istati tal-bandiera li għandhom flotot żgħar.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2015
COM(2015) 664 final
ANNESS
L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra li għandha tittieħed fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
ANNESS
L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għall-oħra li għandha tittieħed fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
Qabel kull laqgħa annwali tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Istat tal-Port (il-PSCC) tal-Memorandum ta’ Qbil ta’ Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port, għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pożizzjoni li tingħad f’isem l-Unjoni tkun tqis l-informazzjoni rilevanti kollha li tkun intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll kull dokument li għandu jiġi diskuss u li jidħol fil-kompetenza tal-UE skont il-prinċipji ta’ gwida u l-orjentazzjonijiet mogħtija fl-Anness I.
Għal dak il-għan u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jibagħtu dokument ta’ tħejjija lill-Kunsill jew lill-korpi ta’ tħejjija tiegħu li jagħti d-dettalji tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni, biżżejjed żmien qabel il-laqgħa tal-PSCC, biex dawn iqisuh u japprovawh.
Għandu jitqies li jkun hemm qbil mal-pożizzjoni tal-Unjoni prevista fid-dokument ta’ tħejjija sakemm xi Stati Membri li l-għadd tagħhom ikun ekwivalenti għal minoranza li timblokka ma joġġezzjonawx għaliha waqt laqgħa tal-korp ta’ tħejjija tal-Kunsill jew fi żmien għoxrin jum minn meta jaslilhom id-dokument ta’ tħejjija, skont liema minnhom jaħbat l-ewwel. F’każ li jkun hemm it-tali oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill biex dan jiddiskutiha.