Brussell, 16.12.2015

COM(2015) 648 final

2015/0295(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

It-terminu "negozjant tal-komoditajiet" ikopri firxa wiesgħa ta' atturi fi swieq tal-enerġija u l-komoditajiet: xi wħud jagħmlu kummerċ esklussivament f'kuntratti ta’ derivattivi ta’ komoditajiet u jixbhu lil ditti tal-investiment f'termini ta' funzjonijiet u ta’ riskju, filwaqt li oħrajn jagħmlu kummerċ ta' derivattivi ta’ komoditajiet biss bħala attività anċillari għall-produzzjoni tal-komoditajiet. Ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ("ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital") jew "CRR") u fid-Direttiva 2013/36/UE (id-"Direttiva dwar ir-Rekwiziti ta' Kapital" jew "CRD") japplikaw kemm għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll għad-ditti tal-investiment. Ir-reġim prudenzjali applikabbli għad-ditti tal-investiment huwa derivat minn dak impost fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, adattati bħala funzjoni tas-servizzi ta' investiment li huma jipprovdu.

L-Artikoli 493(1) u 498(1) tas-CRR jeżentaw lin-negozjanti tal-komoditajiet ("ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom jikkonsisti b'mod esklussiv fil-forniment ta' servizzi tal-investimenti jew f'attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE u li għalihom, fil-31 ta’ Diċembru 2006, ma kinitx tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli") minn rekwiżiti ta' skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta’ fondi proprji rispettivament.

Iż-żewġ eżenzjonijiet jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2017. Din il-"klawsola ta' estinzjoni" kienet inkluża oriġinarjament fis-CRR sabiex ir-regolaturi jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jiddeterminaw regolament prudenzjali adattat għall-profil ta' riskju tan-negozjanti tal-komoditajiet 1 . Għal dan il-għan, l-Artikoli 493(2) u 498(2) tas-CRR jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tħejji rapport sa tmiem l-2015. Fuq il-bażi ta’ dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tressaq proposti biex temenda s-CRR. Il-Kummissjoni hija wkoll mitluba biex tippreżenta, fi ħdan l-istess limitu ta’ żmien, rapport dwar reġim adatt għas-superviżjoni prudenzjali tad-ditti ta’ investiment b’mod ġenerali. Hawn ukoll, ir-rapport jista' jiġi segwit minn proposta tal-Kummissjoni.

Peress li r-rapporti msemmija iktar’ il fuq huma relatati, il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq rieżami wieħed (minn issa ‘l quddiem "rieżami tad-ditti tal-investiment") u li tħejji rapport wieħed dwar is-suġġetti ta' hawn fuq. Dan tqies li kien meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' qafas prudenzjali koerenti għat-tipi kollha ta’ ditti tal-investiment. Il-ħidma fuq ir-rieżami tad-ditti tal-investiment diġà tinsab għaddejja: Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex tipprovdi pariri tekniċi dwar il-kwistjoni. Il-parir huwa mistenni li jingħata sal-aħħar ta’ Settembru 2015. Imbagħad il-Kummissjoni tuża l-pariri biex tħejji r-rapport tagħha. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tbiddel il-qafas prudenzjali eżisteni għad-ditti tal-investiment, ir-rapport se jiddeskrivi fid-dettall il-passi li jmiss tar-rieżami tad-ditti tal-investiment u l-fasla ġenerali tal-bidliet li l-Kummissjoni qed jikkontempla.

Ir-rieżami tad-ditti tal-investiment huwa proġett kumpless li mhux se jitlesta qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Għalhekk huwa wisq improbabbli li xi leġiżlazzjoni li tista' tirriżulta minn din ir-reviżjoni tkun tista' tiġi ppreparata, adottata u applikata qabel ma jiskadu l-eżenzjonijiet attwali (jiġifieri qabel tmiem l-2017). Dan għandu implikazzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet: Jekk sa dak il-mument ma jkun issawwar l-ebda qafas prudenzjali speċifiku mir-rieżami tad-ditti tal-investiment, dawn ikunu soġġetti għar-rekwiżiti CRR/CRD kollha mill-1 ta’ Jannar 2018 'l quddiem.

Hemm żewġ problemi relatati ma’ dan ix-xenarju. L-ewwel nett, in-negozjanti tal-komoditajiet jiġu suġġetti għar-rekwiżiti CRR/CRD kollha mingħajr ma jkun hemm deċiżjoni konxja (u infurmata) li tali trattament ikun tabilħaqq l-aktar wieħed xieraq għalihom. It-tieni, jekk wieħed jassumi li r-rieżami tad-ditti tal-investiment ikun iwassal għal qafas prudenzjali mfassal apposta għan-negozjanti tal-komoditajiet, huma jiġu privati minn qafas regolatorju stabbli. Huma jimxu mit-trattament attwali fejn huma eżenti minn rekwiżiti ta' skoperturi kbar u ta' fondi proprji, għal trattament temporanju li jinkludi r-rekwiżiti CRR/CRD kollha, u eventwalment għall-imsemmi qafas imfassal apposta fi ħdan perjodu qasir ħafna (minn sena sa sentejn). Dan mhuwiex riżultat mixtieq.

Sabiex din is-sitwazzjoni tiġi evitata huwa għalhekk opportun li jiġu estiżi l-eżenzjonijiet eżistenti stipulati fis-CRR. L-estensjoni għandha tqis iż-żmien li se jkun hemm bżonn biex jiġi konkluż ir-rieżami tad-ditti tal-investiment u biex titħejja, tiġi adottata u applikata dik il-leġiżlazzjoni li tista' tirriżulta minn dik ir-reviżjoni.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fis-CRR (hija tkun testendi xi eżenzjonijiet eżistenti li jkunu jinsabu fiha). Hija wkoll kompletament konsistenti mal-ispirtu ġenerali tar-rieżami tad-ditti tal-investiment (li jinstab il-qafas prudenzjali xieraq għad-ditti tal-investiment) awtorizzat f'dak ir-Regolament (dan jippermetti li jinżamm it-trattament eżistenti tan-negozjanti tal-komoditajiet sakemm jitlesta r-rieżami u tkun implimentata kull proposta leġiżlattiva potenzjali li tista' tirriżulta minnha).

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija relatata mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE ("MiFID 2"), li jse tidentifika dawk in-negozjanti tal-komoditatjiet li se jiġu kklassifikati bħala ditti ta’ investiment 2 . Hija wkoll relatata mal-politiki fil-qasam tas-swieq tal-enerġija minħabba li n-negozjanti tal-komoditajiet huma attivi f'dawk is-swieq (jistgħu jkunu wkol parti minn gruppi kbar tal-enerġija) 3 .

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-Bażi ġuridika

Billi l-proposta temenda s-CRR, intgħażlet l-istess bażi ġuridika.

Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

L-eżenzjonijiet attwali jinsabu fil-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari fis-CRR. Peress li s-CRR ma tagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu dawk l-eżenzjonijiet, jistgħu jiġu estiżi biss fil-livell tal-Unjoni.

Il-proporzjonalità

Din il-proposta hija proporzjonata minħabba li tintroduċi tibdil limitat ħafna fil-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jiġu indirizzati l-problemi deskritti fit-Taqsima 1.

L-għażla tal-istrument

Intgħażel regolament minħabba li l-estensjoni tirrikjedi li jiġi emendat is-CRR.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Kif imsemmi hawn fuq, il-qafas prudenzjali applikabbli għad-ditti tal-investiment (inklużi negozjanti tal-komoditajiet) stipulat fis-CRR u s-CRD bħalissa qiegħed jiġi rieżaminat. Ir-riżultati ta' dak l-istħarriġ se jiddetermina t-trattament prudenzjali xieraq tan-negozjanti tal-komoditajiet. L-iskop ta' din il-proposta huwa li jiġi estiż it-trattament tan-negozjanti tal-komoditajiet sakemm jitlesta r-rieżami tad-ditti tal-investiment u sakemm jiġi implimentat xi tibdil li jista' jkun hemm għall-qafas prudenzjali eżisteni jirriżulta minnu.

Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Ma saru l-ebda konsultazzjonijiet speċifiċi mal-partijiet interessati.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Ma ntalab jew intuża l-ebda għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hi prevista l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta peress li din mhux se jkollha xi impatt sinifikanti ekonomiku, ambjentali jew soċjali. Pjuttost, jista' jkun hemm xi impatti sinifikanti f'każ li l-eżenzjonijiet ma jiġux estiżi u n-negozjanti tal-komoditajiet, bħala konsegwenza, ikunu suġġetti għar-rekwiżiti kollha stipulati fis-CRR u s-CRD (mingħajr l-ebda analiżi ta' jekk tali trattament ikunx dak xieraq għalihom).

L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Il-proposta ma tinvolvi l-ebda tibdil għall-piż regolatorju tan-negozjanti tal-komoditajiet meta mqabbel mal-istatus quo. Jekk wieħed jassumi li r-rieżami tad-ditti tal-investiment iwassal għall-iżvilupp ta' qafas prudenzjali ġdid għan-negozjanti tal-komoditajiet, din il-proposta hija pjuttost intenzjonata biex ma jiġrix li n-negozjanti tal-komoditajiet isiru suġġetti għar-rekwiżiti sħaħ taħt is-CRR u s-CRD (bil-piż regolatorju assoċjat) u dan biex imbagħad xorta jiġu jaqgħu taħt il-qafas il-ġdid ftit wara.

Fi kliem ieħor, din il-proposta għandha l-għan li ma jkunx hemm żieda temporanja tal-piż regolatorju għan-negozjanti tal-komoditajiet.

Drittijiet fondamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-arranġamenti tar-rappurtar

L-iskop ta' din il-proposta huwa li jiġi estiż il-perjodu li matulu n-negozjanti tal-komoditajiet ikunu eżenti minn ċerti rekwiżiti stipulati fis-CRR. Ma huma meħtieġa l-ebda pjanijiet ta' implimentazzjoni speċifiċi peress li l-estensjoni hija direttament applikabbli u tippermetti l-kontinwazzjoni tal-prattika eżistenti. Għall-istess raġunijiet, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu stabbiliti oqfsa ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u rappurtar speċifiċi. Dawn pjuttost iridu jiġu stabbiliti fil-kuntest ta' xi tibdil għall-qafas prudenzjali applikabbli għan-negozjanti tal-komoditajiet li jistgħu jirriżultaw mir-rieżami tad-ditti tal-investiment.

Id-dokumenti spjegatorji (għad-Direttivi)

Ma japplikax

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-proposta jirrigwardaw biss l-estensjoni tal-eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet mill-iskoperturi kbar u r-rekwiżiti ta' fondi proprji stipulati fis-CRR. It-taqsimiet preċedenti ta' dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni diġà jipprovdi spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet u l-loġika wara l-proposta u d-dispożizzjonijiet tagħha.

2015/0295 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għan-negozjanti tal-komoditajiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 jagħti eżenzjoni lid-ditti tal-investiment li n-negozju ewlieni tagħhom ikun jikkonsisti b'mod esklussiv mill-forniment ta' servizzi tal-investimenti jew minn attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-punti 5, 6, 7, 9 u 10 tat-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u li għalihom ma kinitx tapplika, fil-31 ta' Diċembru 2006, id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE 8 ("negozjanti tal-komoditajiet") minn rekwiżiti ta' skoperturi kbar u minn rekwiżiti ta' fondi proprji. Dawn l-eżenzjonijiet japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2017.

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jitlob ukoll mill-Kummissjoni li tħejji, sal-31 ta’ Diċembru 2015, rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali tan-negozjanti tal-komoditajiet. Barra minn hekk, dak ir-Regolament jobbliga lill-Kummissjoni li tħejji rapport dwar reġim xieraq għas-superviżjoni prudenzjali b'mod ġenerali tad-ditti tal-investiment sa l-istess data. Fejn xieraq, dawk ir-rapporti għandhom jiġu segwiti bi proposti leġiżlattivi.

(3)Ir-reviżjoni tat-trattament prudenzjali tad-ditti tal-investiment ("rieżami tad-ditti tal-investiment"), inklużi n-negozjanti tal-komoditajiet, bħalissa huwa għaddej iżda għadu ma tlestiex. Il-finalizzazzjoni tar-rieżami u l-adozzjoni ta' xi leġiżlazzjoni ġdida li tista’ tkun meħtieġa fid-dawl ta' dak ir-rieżami mhux se tiġi konkluża qabel il-31 ta’ Diċembru 2017.

(4)Taħt ir-reġim eżistenti, wara l-31 ta' Diċembru 2017, in-negozjanti tal-komoditajiet li se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' skoperturi kbar u tar-rekwiżiti tal-fondi proprji. Dan jista' jġegħelhom biex iżidu b'mod sinifikanti l-ammont ta' fondi proprji li huma jkunu jeħtieġu sabiex ikomplu bl-attivitajiet tagħhom u dan jista' għalhekk iżid il-kosti relatati tat-twettiq ta' dawk l-attivitajiet.

(5)Id-deċiżjoni li jiġu applikati rekwiżiti ta' skoperturi kbar u rekwiżiti ta' fondi proprji għan-negozjanti tal-komoditajiet ma għandhiex tkun riżultat ta' eżenzjoni li tkun skadiet. Minflok, dik id-deċiżjoni għanda tkun waħda immotivata bir-reqqa, ibbażata fuq il-konklużjonijiet tar-rieżami tad-ditti tal-investiment, u espressa b'mod ċar fil-leġiżlazzjoni.

(6)Għandu għalhekk jiġi stabbilit limitu ta' żmien ġdid sa meta japplikaw l-eżenzjonijiet. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 493(1), it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

"Din l-eżenzjoni hija disponibbli sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, skont liema minnhom tiġi l-aktar kmieni.";

(2) fl-Artikolu 498(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2020 jew sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda skont il-paragrafi 2 u 3, skont liema minnhom tiġi l-aktar kmieni.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Is-CRR effettivament estenda l-eżenzjonijiet li kienu diġà jinsabu fid-Direttiva 2006/48/KE minħabba li ma kienx hemm biżżejjed ħin biex jiġi żviluppat qafas prudenzjali xieraq għan-negozjanti tal-komoditajiet.
(2) Ir-rabta tibda minn MiFID 2 sal-CRR/CRD: jekk negozjant tal-komoditajiet ikun ikklassifikat bħala ditta tal-investiment skont tal-ewwel, huwa jiġi suġġett għar-rekwiżiti f'tal-aħħar.
(3) Estensjoni tal-eżenzjoni se tevita kwalunkwe tfixkil potenzjali għal dawn is-swieq u se tipprovdi żmien biżżejjed biex jinstab qafas xieraq prudenzjali għan-negozjanti tal-komoditajiet.
(4) ĠU C , , p. .
(5) ĠU C , , p. .
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(7) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq ta' l-istrumenti finanzjarji li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-10 ta’ Mejju 1993 dwar servizzi ta’ investiment fil-qasam ta’ titoli (ĠU L 141, 11.6.1993, p. 27).