Brussell, 21.10.2015

COM(2015) 603 final

2015/0250(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Iż-Żona tal-Euro hija ekonomija kbira miftuħa b'responsabbiltajiet politiċi internazzjonali. Il-piż ekonomiku u finanzjarju taż-Żona tal-Euro, u l-eżistenza ta’ politika unika monetarja u tar-rata tal-kambju fiż-Żona tal-Euro għamlu d-deċiżjonijiet ta’ linji politiċi u l-iżviluppi ekonomiċi dejjem aktar rilevanti għall-ekonomija dinjija.

Ir-rilevanza politika fiż-Żona tal-Euro kibret ħafna f’dawn l-aħħar snin. Is-Semestru Ewropew, flimkien mal-adozzjoni tal-hekk imsejħa leġiżlazzjoni 1 “six-pack” u “two-pack” kif ukoll it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja 2 integraw, saħħew u wessgħu s-sorveljanza fil-livell tal-UE tal-politiki tal-Istati Membri f’oqsma essenzjali ta’ rilevanza makroekonomika u baġitarja. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) ġie stabbilit bħala l-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni ta’ kriżijiet permanenti għall-pajjiżi taż-Żona tal-Euro. L-Unjoni daħħlet ukoll fis-seħħ Unjoni Bankarja b’superviżjoni u riżoluzzjoni ċentralizzati għall-banek fiż-Żona tal-Euro u miftuħa għall-Istati Membri l-oħra kollha.

Fl-istess ħin, ir-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro ma żammitx il-pass ma’ dawn l-iżviluppi. Il-progress li ntlaħaq dwar integrazzjoni interna ulterjuri taż-Żona tal-Euro jeħtieġ li jiġi projettat esternament, notevolment billi jsir progress lejn rappreżentanza esterna unita fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). L-UE (iż-Żona tal-Euro) għandha kompetenza esklussiva jew kompetenza maqsuma mal-Istati Membri tagħha f’ħafna oqsma koperti bl-Artikoli ta’ Qbil tal-FMI.

Il-FMI, permezz tal-istrumenti tas-self u s-sorveljanza tiegħu, huwa attur essenzjali fil-governanza ekonomika u finanzjarja dinjija. Huwa kellu rwol ewlieni, flimkien mal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ programmi mmirati lejn is-salvataġġ lill-Istati Membri milquta minn kriżijiet finanzjarji u tad-dejn sovran. Barra minn hekk, il-qafas ta’ governanza msaħħaħ għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u konverġenza qawwija ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja jfissru li, fil-futur, il-FMI jeħtieġ li jmur lil hinn minn perspettiva purament nazzjonali fil-valutazzjoni tiegħu tas-superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżi fiż-Żona tal-Euro.

Ir-rappreżentanza effettiva taż-Żona tal-Euro tippermetti t-twassil ta' messaġġ uniku taż-Żona tal-Euro fil-FMI dwar kwistjonijiet bħal fuq programmi u analiżijiet, il-politika ekonomika u fiskali, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rata tal-kambju, u l-istabbiltà finanzjarja. Rappreżentanza aktar koerenti tkun ukoll għall-benefiċċju ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz ta’ Żona tal-Euro aktar b’saħħitha u aktar konsistenti għall-kontribuzzjoni tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja globali.

F’Ottubru 2014 il-Kummissjoni ħabbret fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2015 3 li bi ħsiebha tindirizza r-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro fil-qafas ta’ approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Skont ir-rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015 dwar l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa 4 , vuċi internazzjonali msaħħa hija parti integrali tal-isforzi li għaddejjin biex itejbu l-governanza ekonomika fiż-Żona tal-Euro. Ir-rapport jenfasizza b’mod partikolari n-nuqqasijiet relatati mal-qasam tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-FMI meta, minkejja l-progress importanti li sar biex jiġu kkoordinati aktar il-pożizzjonijiet Ewropej, iż-Żona tal-Euro għadha ma titkellimx b’vuċi waħda.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina 5 diġà stabbilixxa għadd ta’ azzjonijiet prijoritarji għat-tisħiħ u l-konsolidament tar-rappreżentazzjoni ekonomika esterna taż-Żona tal-Euro. Huwa ssuġġerixxa li jsir iffokar fuq il-FMI minħabba r-rwol ewlieni tiegħu fil-qafas ta’ governanza ekonomika internazzjonali. Ir-rappreżentanza esterna ġiet elenkata fost l-azzjonijiet ta’ prijorità ssuġġeriti għal żmien qasir. Il-Parlament Ewropew ukoll talab għal rappreżentanza esterna unifikata taż-Żona tal-Euro 6 .

Fl-2006, il-Kunsill tal-ECOFIN qabel li l-bidla għal siġġu uniku taż-Żona tal-Euro fil-FMI għandha tkun l-għan fuq perjodu ta’ żmien itwal. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri kkunsidraw li diversi modi setgħu jiġu previsti sabiex jimxu lejn president uniku taż-Żona tal-Euro possibbli fil-ġejjieni, inkluż approċċ li jinvolvi miżuri temporanji.

F’dan l-isfond, din il-proposta tissuġġerixxi li l-bidla lejn rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI bil-President tal-Grupp tal-Euro bħala r-rappreżentant għaż-Żona tal-Euro. Hija tipproponi approċċ gradwali biex jintlaħaq dan l-għan li jinvolvi miżuri tranżitorji intermedji għal rappreżentanza fil-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (KMFI) u l-Bord Eżekuttiv tal-FMI. Miżuri tranżizzjonali bħal dawn jistgħu jinvolvu l-għoti ta’ drittijiet ta’ osservatur liż-Żona tal-Euro rappreżentata minn rappreżentant ta’ Stat Membru taż-Żona tal-Euro diġà membru tal-Bord, f’assoċjazzjoni mal-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (li bħalissa għandu status ta’ osservatur fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI). Barra minn hekk, il-proċess ta’ koordinazzjoni biex jiġu stabbiliti pożizzjonijiet komuni għandu jissaħħaħ sabiex ikun hemm dikjarazzjonijiet komuni sistematiċi fil-politika tal-FMI kollha kif ukoll dikjarazzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet ta’ sorveljanza u tal-pajjiż li huma ta’ rilevanza għaż-Żona tal-Euro. Fl-aħħar nett, dawn il-passi għandhom ukoll jimmiraw li jsaħħu l-kooperazzjoni taż-Żona tal-Euro ma' Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro rigward kwistjonijiet tal-FMI. Għandu jiġi nnutat li r-rappreżentanza esterna taż-Zona tal-Euro se tiddependi wkoll fuq l-istatus futur taż-Żona tal-Euro fil-FMI li l-pajjiżi membri tal-FMI jkunu lesti li jagħtu.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 138(2) TFUE jbassar l-adozzjoni ta' miżuri xierqa li jiżguraw rappreżentanza magħquda f'istituzzjonijiet finanzjarji u konferenzi internazzjonali. L-għan wara din id-dispożizzjoni kien li tinkiseb rappreżentanza magħquda u aktar b’saħħitha taż-Żona tal-Euro, peress li l-effikaċja tal-arranġamenti informali attwali biex iż-Żona tal-Euro tkun rappreżentata tqieset mhux biżżejjed. Bħala l-ewwel pass, din id-dispożizzjoni tista’ tintuża għar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-FMI biss. Id-dispożizzjonijiet li jippermettu ż-Żona tal-Euro sabiex tikkoordina aħjar il-pożizzjonijiet tagħha fil-FMI għandhom jiġu inklużi wkoll fil-proposta minħabba li huma meħtieġa u anċillari għall-objettiv ta’ rappreżentanza unifikata. Qed issir referenza wkoll għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 138 TFUE li jippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi pożizzjonijiet komuni dwar materji ta’ interess partikolari għall-unjoni ekonomika u monetarja f’istituzzjonijiet finanzjarji u konferenzi internazzjonali.

L-Artikolu 138(3) TFUE jipprevedi li, għall-adozzjoni ta' din il-proposta, huma biss il-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro li jieħdu sehem fil-vot. Il-Kunsill jaġixxi wara li jikkonsulta l-BĊE.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirtira l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-Rappreżentanza u l-Pożizzjoni li Tieħu l-Komunità fuq Livell Internazzjonali fil-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja COM(1998) 637 finali li ma ġietx adottata u saret obsoleta mit-tnedija tal-euro u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona 7 .

2015/0250 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 138 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni 8 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 9 ,

Billi:

(1)Jistgħu jiġu adottati miżuri xierqa ħalli tkun żgurata rappreżentanza unifikata u l-pożizzjonijiet komuni tal-Unjoni meta teżerċita l-kompetenzi tagħha speċifiċi għal Stati Membri taż-Żona tal-Euro (“iż-Żona tal-Euro”) fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

(2)Iż-Żona tal-Euro hija ekonomija kbira miftuħa b'responsabbiltajiet politiċi internazzjonali.

(3)L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika monetarja għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni u l-mekkaniżmi ta' sorveljanza msaħħa tal-Unjoni japplikaw fir-rigward ta’ politiki finanzjarji, ekonomiċi u fiskali fl-Istati Membri taż-Żona tal-Euro.

(4)Kif innotat fir-rapport dwar “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, li ġie ppubblikat fit-22 ta’ Ġunju 2015 (“Rapport tal-Ħames Presidenti"), id-daqs finanzjarju u ekonomiku kbir tal-Unjoni u l-eżistenza ta’ politika unika monetarja u tar-rata tal-kambju għall-parti l-kbira tal-membri tagħha, jagħmlu d-deċiżjonijiet ta’ linji politiċi u l-iżviluppi ekonomiċi tal-Unjoni dejjem aktar rilevanti għall-ekonomija dinjija. Ir-rapport appella wkoll għal konsolidament tar-rappreżentanza esterna taż-Żona tal-Euro.

(5)Huwa għalhekk essenzjali li ż-Żona tal-Euro taqdi r-rwol sħiħ tagħha fil-kooperazzjoni tal-politika monetarja, ekonomika u finanzjarja internazzjonali, b’mod partikolari fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), li huwa organizzazzjoni ċentrali tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali.

(6)Madankollu, il-membri tal-FMI huma pajjiżi individwali. B’riżultat ta’ dan, iż-Żona tal-Euro mhix irrappreżentata bħala membru wieħed fil-Fond u l-organi tiegħu. Bħalissa, żewġ Stati Membri taż-Żona tal-Euro jistgħu jaħtru Direttur Eżekuttiv kull wieħed, filwaqt li Stati Membri oħra taż-Żona tal-Euro huma mifruxa fuq sitt kostitwenzi b'għadd ta' pajjiżi. Dan ifixkel liż-Żona tal-Euro milli tesprimi l-pożizzjoni tagħha b’mod effettiv u b’mod armonizzat fil-FMI. Dan idgħajjef ukoll l-effikaċja tal-kollaborazzjoni bejn il-FMI u ż-Żona tal-Euro.

(7)Il-qafas ta’ governanza taż-żona tal-euro għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika li dan l-aħħar ġie msaħħaħ u konverġenza qawwija ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja jfissru li, fil-futur, il-FMI jeħtieġ li jmur lil hinn minn perspettiva nazzjonali fil-valutazzjoni tiegħu ta’ superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżi fiż-Żona tal-Euro. Rappreżentanza effettiva taż-Żona tal-Euro se tippermetti wkoll it-twassil ta' messaġġ uniku taż-Żona tal-Euro fil-FMI dwar kwistjonijiet bħal programmi u analiżijiet ta' għajnuna finanzjarja, il-politika ekonomika u fiskali, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rata tal-kambju, u l-politika dwar l-istabbiltà finanzjarja.

(7)Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ sħubija sħiħa taż-Żona tal-Euro, fi stadju aktar tard, għandhom jiġu adottati miżuri sabiex iż-Żona tal-Euro tkun tista’ titkellem b’leħen wieħed fil-FMI, filwaqt li titqies l-istruttura tas-sħubija attwali tal-FMI.

(8)L-għan li għandu jintlaħaq għandu jkun rappreżentanza unifikata b’sede unika għaż-Żona tal-Euro fl-organi kollha tal-FMI, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biex iżommu l-istatus azzjonarju preżenti fil-Fond. Il-Kummissjoni għandha taħdem biex jintlaħaq dan l-għan.

(9)L-iskadenza biex tinkiseb tali rappreżentanza magħquda fi ħdan il-FMI għandha tikkorrispondi mal-perjodi ta’ żmien għall-istadju finali tal-proċess stabbilit fil-“Rapport tal-Ħames Presidenti” għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

(10)Din ir-rappreżentanza unifikata għandha tkun akkumpanjata b’koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-FMI, waqt li fl-istess ħin tiġi mmirata kooperazzjoni akbar taż-Żona tal-Euro u Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro fil-FMI.

(11)Sakemm ir-rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fl-organi kollha tal-FMI mhijiex kompletament milħuqa, għandhom isiru arranġamenti tranżitorji għaż-Żona tal-Euro biex tippreżenta pożizzjoni aktar koerenti fil-FMI, b’mod partikolari fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI u fil-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (KMFI).

(12)Fir-rigward tal-Bord Eżekutiv, il-prattika attwali li jkun hemm wieħed mid-Diretturi Eżekuttivi attwali tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro li jirrappreżenta wkoll l-interessi taż-Żona tal-Euro għandha tiġi formalizzata. Barra minn hekk, peress li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 12925-(03/1) tal-FMI skont l-Artikolu X tal-Artikoli ta’ Ftehim, diġà jibgħat rappreżentant bħala osservatur għal ċerti laqgħat tal-Bord Eżekuttiv fid-dawl tal-kompiti tiegħu fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), dan l-istatus ta’ osservatur tal-BĊE għandu jkun ta’ benefiċċju għaż-Żona tal-Euro kollha kemm hi. Tali status uniku ta’ osservatur fil-Bord Eżekuttiv għaż-Żona tal-Euro fit-totalità tagħha jippermetti li jkopri l-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet taż-Żona tal-Euro. Dan jippermetti wkoll liż-Żona tal-Euro biex torganizza aħjar ir-rappreżentanza tagħha bħala osservatur.

(13)Il-President tal-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jinnegozjaw dan l-istatus ta’ osservatur taż-Żona tal-Euro mal-FMI.

(14)Il-Kummissjoni u l-BĊE huma diġà osservaturi fil-KMFI. Stqarrijiet attwali indirizzati fil-Laqgħat Annwali u tar-Rebbiegħa għandhom jiġu sostitwiti b’dikjarazzjoni mill-President tal-Grupp tal-Euro għaż-Żona tal-Euro.

(15)Għandhom isiru l-isforzi kollha għal bidla gradwali tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro fil-FMI sabiex tintlaħaq konsistenza akbar. Il-Kunsill għandu jaqbel dwar il-prinċipji għal passaġġ għal raggruppament tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro fil-FMI.

(16)Bħalissa, il-koordinazzjoni tal-pożizzjoni tal-Istati Membri fid-dawl tal-laqgħat tal-FMI jsiru kemm fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) kif ukoll fis-sottokumitat dwar kwistjonijiet relatati mal-FMI (SCIMF), fi Brussell, u f’laqgħat informali bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) f’Washington D.C. (EURIMF). Sottokumitati dedikati taż-Żona tal-Euro fil-KEF għandhom jitwaqqfu sabiex jikkoordinaw aħjar il-pożizzjoni taż-Żona tal-Euro rigward kwistjonijiet tal-FMI.

(17)L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro fl-2007 qablu li jħejju dikjarazzjonijiet komuni taż-Żona tal-Euro dwar kwistjonijiet relatati direttament u esklussivament ma’ politika komuni taż-Żona tal-Euro. Dan il-Ftehim għandu jissaħħaħ u jiġi estiż sabiex jiġi stabbilit ir-rekwiżit għal dikjarazzjonijiet komuni dwar il-politika tal-FMI kollha, kwistjonijiet tal-pajjiż u s-sorveljanza ta’ rilevanza għaż-Żona tal-Euro.

(18)Meta Stat Membru jadotta l-euro, l-isforzi kollha għandhom jiġu segwiti sabiex jinkisbu l-adattamenti meħtieġa fil-FMI.

(19)Il-kwistjonijiet kollha li ma għandhomx rilevanza partikolari għaż-Żona tal-Euro iżda għandhom rilevanza għall-Unjoni kollha kemm hi għandhom ikunu kkoordinati mill-qrib ma’ Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro fil-KEF jew il-Kunsill.

(20)Sabiex tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Grupp tal-Euro u l-Bank Ċentrali Ewropew, għandha tħejji rapporti regolari dwar il-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet taż-Żona tal-Euro fil-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

TAQSIMA 1
DEFINIZZJONIJIET U AMBITU
 

Artikolu 1
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“Stat Membru taż-Żona tal-Euro” tfisser Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(2)“iż-Żona tal-Euro” tfisser l-Unjoni meta teżerċita l-kompetenzi tagħha speċifiċi għall-Istati Membri taż-Żona tal-Euro.

Artikolu 2
Ambitu

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-istabbiliment progressiv ta’ rappreżentanza unifikata kif ukoll pożizzjonijiet komuni taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) sakemm iż-Żona tal-Euro tkun kisbet sħubija sħiħa fil-FMI.

TAQSIMA 2
RAPPREŻENTANZA UNIFIKATA TAŻ-ŻONA TAL-EURO FIL-FMI U STABBILIMENT KOORIDNAT TAL-POŻIZZJONIJIET TAGĦHA

Artikolu 3
Rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI

L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, appoġġati mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), għandhom jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa għall-istabbiliment, sa mhux aktar tard mill-2025, ta’ rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-FMI, li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

fil-Bord tal-Gvernaturi, preżentazzjoni tal-fehmiet taż-Żona tal-Euro mill-President tal-Grupp tal-Euro;

fil-Kumitat Internazzjoni Monetarju u Finanzjarju (KMFI), rappreżentanza taż-Żona tal-Euro mill-President tal-Grupp tal-Euro;

fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI, rappreżentanza diretta taż-Żona tal-Euro mid-Direttur Eżekuttiv tal-kostitwenza fiż-Żona tal-Euro, wara l-istabbiliment ta’ wieħed jew diversi kostitwenzi magħmula biss minn Stati Membri taż-Żona tal-Euro;

elezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, kif imsemmi hawn fuq, fuq proposta tal-President tal-Grupp tal-Euro u skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro, annessa mat-Trattati;

Artikolu 4
Stabbiliment koordinat tal-pożizzjonijiet meħuda miż-Żona tal-Euro

Meta tinkiseb rappreżentanza unifikata prevista fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 138(1) TFUE, il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu, bil-fomm jew b'dikjarazzjonijiet bil-miktub, fl-organi tal-FMI għandhom ikunu koordinati b'mod sħiħ bil-quddiem fil-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-KEF u / jew il-Grupp ta' Ħidma tal-Euro (l-EWG - Euro Working Group), kif xieraq.

(b)Struttura ta’ sostenn dedikata għandha tiġi stabbilita fil-FMI sabiex tgħin lill-atturi kollha involuti f’rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro f’konformità mal-Artikolu 3

TAQSIMA 3
ARRANĠAMENTI TRANŻIZZJONALI

Artikolu 5
Arranġamenti tranżizzjonali

Sakemm tinkiseb b'mod sħiħ rappreżentanza unifikata bbażata fuq il-prinċipji elenkati fl-Artikolu 3, l-Artikoli minn 6 sa 9 għandhom japplikaw.

Artikolu 6
Rappreżentanza taż-żona tal-euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI

1.L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-Grupp tal-euro, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ifittxu b’mod konġunt li jiżguraw mal-FMI l-istatus ta’ osservatur taż-Żona tal-Euro fil-Bord Eżekuttiv tal-FMI skont il-modalitajiet kif stabbilit fil-paragrafu 2.

2.Iż-żona tal-euro għandha tkun rappreżentata fil-Bord Eżekuttiv minn rappreżentant ta’ Stat Membru taż-Żona tal-Euro diġà membru tal-Bord. Din il-persuna għandha tinħatar għal sentejn u nofs b’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Euro anness mat-Trattati. Il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ukoll ikunu jistgħu jattendu l-laqgħat u jintervjenu, kif xieraq.

 3.Għandu jiġi stabbilit uffiċċju ta’ osservatur fil-FMI sabiex jappoġġa l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ osservatur taż-Żona tal-Euro.

Artikolu 7
Rappreżentanza taż-Żona tal-Euro fil-KMFI

1.L-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-Grupp tal-euro, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom flimkien ifittxu li jassiguraw mal-FMI dritt għaż-Żona tal-Euro biex tindirizza l-KMFI. Dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti li l-Unjoni kollha kemm hi tgawdi fil-FMI fil-mument.

2.Fil-KMFI, iż-Żona tal-Euro għandha tkun rappreżentata mill-President tal-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-BĊE, li għandu jkun jista’ jintervjeni f’laqgħat tal-KMFI, kif xieraq.

Artikolu 8
Koordinazzjoni interna taż-Żona tal-Euro rigward l-arranġamenti ta' kostitwenza fil-FMI

1.Il-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ arranġamenti ta’ kostitwenza tal-FMI li jinvolvu l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom ikunu kkoordinati bis-sħiħ u miftehma minn qabel fil-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-KEF u /jew l-EWG, kif xieraq.

2.Il-pożizzjonijiet meħuda f’relazzjoni ma’ arranġamenti ta’ kostitwenza, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jew tibdil fihom, għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi li tiżdied il-koerenza tar-rappreżentanza taż-Żona tal-Euro u li tintlaħaq rappreżentanza unifikata fil-FMI.

3.F’din il-fażi tranżizzjonali, l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom jinġabru flimkien biex jistabbilixxu kostitwenza waħda jew aktar magħmula mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro biss.

Artikolu 9
Koordinazzjoni interna taż-Żona tal-Euro rigward kwistjonijiet ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro

Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 138(1) TFUE, l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro għandhom, fil-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-KEF u / jew l-EWG, kif xieraq, jikkoordinaw mill-qrib u jaqblu fuq pożizzjonijiet komuni dwar il-kwistjonijiet kollha ta' rilevanza għaż-Żona tal-Euro għal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv tal-FMI u tal-Bord tal-Gvernaturi u għandhom jużaw dikjarazzjonijiet komuni fuq dawk il-kwistjonijiet.

TAQSIMA 4
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 10
Tkabbir taż-Żona tal-Euro

Meta l-Kunsill jiddeċiedi li Stat Membru jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro, l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-Grupp tal-Euro, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom flimkien ifittxu li jiksbu l-bidliet meħtieġa fil-FMI.

Artikolu 11
Koordinazzjoni ma' Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro

Kooperazzjoni mill-qrib ma’ Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Euro għandhom ikunu organizzati fil-Kunsill u l-KEF, dwar kwistjonijiet relatati mal-FMI. Il-pożizzjonijiet komuni għandhom ikunu kkoordinati dwar kwistjonijiet rilevanti għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Artikolu 12
Rappurtar


Il-Kummissjoni għandha, b’konsultazzjoni mal-Grupp tal-Euro u l-BĊE, tirrapporta regolarment dwar il-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet taż-Żona tal-Euro fil-FMI u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 13
Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro.

Artikolu 14
Dħul fis-Seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-13-318_nl.htm .
(2) Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-1 ta’ Frar 2012: http://www.consilium.europa.eu/european-council/pdf/Treaty-on-Stability-Coordination-and-Governance-TSCG/.
(3) COM(2014) 910: L-Anness 1 għall-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2015, is-16 ta’ Diċembru 2014, http://ec.europa.eu/atwork/pdf/cwp_2015_new_initiatives_en.pdf.
(4) Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti “L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, 22 ta’ Ġunju 2015, h ttp://ec.europa.eu/priorities/economic-monetary-union/docs/5-presidents-report_en.pdf .
(5) Pjan ta’ azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja Profonda u Ġenwina - COM(2012) 777, 30.11.2012, http://ec.europa.eu/archives/commission_2010-2014/president/news/archives/2012/11/pdf/blueprint_en.pdf .
(6) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-Governanza Ekonomika Globali (2011/2011(INI), http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P7-TA-2011-0457+0+DOC+PDF+V0//EN .
(7) Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-Rappreżentazzjoni u l-Pożizzjoni li Tieħu l-Komunità fuq Livell Internazzjonali fil-kuntest tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja COM(1998) 637 finali, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:51998PC0637&from=FR .
(8)
(9)