IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.11.2015
COM(2015) 552 final
2015/0256(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-VAT"), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijet ta' dik id-Direttiva, ħalli jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar fiskali.
Permezz ta’ ittri rreġistrati għand il-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2015 u fl-20 ta’ Awwissu 2015, il-Belġju talab l-awtorizzazzjoni biex il-persuni taxxabbli b'fatturat annwali li ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' EUR 25 000 fil-munita nazzjonali, jibqgħu jkunu eżentati. Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Belġju permezz ta’ ittri datati t-3 ta’ Settembru 2015. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju permezz ta’ ittra datata l-4 ta’ Settembru 2015 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.
•Il-kuntest ġenerali
Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar, fosthom il-possibbiltà li jeżentaw lill-persuni taxxabbli li ma jaqbżux ċertu fatturat fis-sena. Din l-eżenzjoni timplika li l-persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u allura ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-akkwisti tagħha.
Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma għamlux użu mill-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/288/KEE, jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-livell limitu tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 5 000. Billi l-Belġju ma għamilx użu minn din l-alternattiva, ġie applikat livell limitu partikolarment baxx li fl-2012 kien jikkorrispondi għal EUR 5 580.
Fl-2012, il-Belġju talab deroga biex jissimplifika l-obbligazzjonijiet tal-VAT għall-operaturi żgħar tas-suq u biex jiffaċilita l-ġbir tat-taxxa għall-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxa. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE tat-22 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Belġju biex sal-31 ta’ Diċembru 2015 jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000. Din il-miżura hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-Belġju issa talab għall-estensjoni ta' dik il-miżura.
Għalkemm huwa awtorizzat biex japplika l-eżenzjoni sal-fatturat ta’ EUR 25 000, bħala l-ewwel pass, mill-1 ta’ April 2014 il-Belġju applika fil-prattika livell limitu aktar baxx ta’ EUR 15 000. Mill-informazzjoni mogħtija mill-Belġju, din l-ewwel bidla fil-livell limitu wasslet biex fl-2014, il-persuni taxxabbli eżentati mill-VAT żdiedu bi 18 942 bl-iskema tal-SMEs (minn 79 190 għal 98 132, jiġifieri bi 23,9%). Fir-rigward tal-għadd totali tal-persuni taxxabbli, dan jirrappreżenta żieda minn 7,4% għal 11,4%. Sa minn meta ddaħħal dan il-livell limitu, l-impatt baġitarju ta’ din il-miżura kien 0,0074% tat-total tad-dħul mill-VAT fl-2014. Jekk dan jiġi estrapolat għall-2014 kollha, l-impatt ikun jikkorrispondi għal 0,0188% tat-total tad-dħul mill-VAT.
Abbażi ta’ din l-esperjenza, il-Belġju jqis li l-miżura tad-deroga wasslet għal simplifikazzjoni, kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa, u għaldaqstant jixtieq li mill-2016 iżid il-livell limitu sa massimu inizjali ta’ EUR 25 000. Skont il-Belġju, dan għandu jnaqqas il-piż amministrattiv għal għadd akbar ta’ negozji żgħar li, kif imsemmi, jibqgħu intitolati li jagħżlu li jkomplu l-applikazzjoni tar-regoli normali tal-VAT. Fl-istess ħin, l-impatt tal-miżura fuq l-ammont ġenerali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali se jibqa’ negliġibbli.
Billi l-Belġju ma jitlobx livell limitu li jmur lil hinn minn dak li kien diġà awtorizzat qabel, id-deroga tista’ tiġi estiża mingħajr il-ħtieġa li jinbidel il-kontenut tagħha. Għalhekk, qed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża għal perjodu ieħor, mill-anqas sal-31 ta’ Diċembru 2018 jew sad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-livelli limiti tal-fatturat annwali, li bis-saħħa tagħhom persuni taxxabbli jistgħu jkunu eżentati mill-VAT.
Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika fil-qasam ta’ politika
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Polonja ngħatat livell limitu ta' EUR 30 000, il-Litwanja ngħatat livell limitu ta' EUR 45 000, il-Latvja u s-Slovenja ngħataw livell limitu ta' EUR 50 000, u l-Italja u r-Rumanijangħataw livell limitu ta' EUR 65 000.
•Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżura hija konformi mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji ż-żgħar, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni " 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' - 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa' ".
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Il-proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet.
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Meta wieħed iqis il-kamp limitat ta’ applikazzjoni tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.
•L-għażla tal-istrument
L-istrumenti proposti: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament bi proposta tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat għax din tista' tiġi indirizzata lil Stati Membri individwali.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex-post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ma japplikax
•Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.
•Il-valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-ħsieb li tissokta bil-miżura ta' simplifikazzjoni għal tliet snin oħra u b'hekk tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex aktar minn EUR 25 000, Għalhekk din tħalli impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għall-amministrazzjoni tat-taxxi mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ristrett ta’ applikazzjoni tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tiegħu fiż-żmien, il-kamp ta’ applikazzjoni xorta waħda se jkun limitat.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta m’għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE għaliex il-Belġju se jwettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta tinkludi klawżola ta' estinzjoni; terminu preskrittiv awtomatiku li għal din id-deroga huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2018.
2015/0256 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li m’għamlux użu mill-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq il-fatturat, l-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000. Il-Belġju talab li dan il-livell limitu jiżdied għal EUR 25 000.
(2)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE, il-Belġju ġie awtorizzat biex b'deroga sal-31 ta’ Diċembru 2015 jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000. Permezz ta’ din il-miżura, dawk il-persuni taxxabbli se jkomplu jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Fil-prattika, il-Belġju m'għamilx użu mil-livell limitu massimu awtorizzat, iżda mill-1 ta’ April 2014 applika livell limitu ta’ EUR 15 000.
(3)Permezz ta’ ittri rreġistrati mal-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju 2015 u fl-20 ta’ Awwissu 2015, il-Belġju talab mill-ġdid l-awtorizzazzjoni biex japplika livell limitu ta' eżenzjoni ta’ EUR 25 000.
(4)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Belġju permezz ta’ ittra datata t-3 ta’ Settembru 2015. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju permezz ta’ ittra datata l-4 ta’ Settembru 2015 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.
(5)Mill-informazzjoni mogħtija mill-Belġju, 18 942 persuna taxxabbli oħra bbenefikaw mill-applikazzjoni tal-livell limitu miżjud ta' EUR 15000 u fl-2014 dan wassal għal tnaqqis stmat fuq id-dħul baġitarju mill-VAT ta' madwar 0,0188%.
(6)Billi l-livell limitu applikat wassal biex l-iżgħar negozji jitnaqqsulhom l-obbligazzjonijiet tal-VAT filwaqt li baqgħu jistgħu jagħżlu li jużaw l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Belġju għandu jiġi awtorizzat japplika livell limitu ta' EUR 25 000 għax dan jista' jnaqqas aktar l-obbligazzjonijiet tal-VAT għan-negozji ż-żgħar; u b’hekk jaqbel mal-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata " 'Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir' - 'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa' ".
(7)Skont il-Belġju, il-miżura ta' deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa fl-istadju tal-konsum finali.
(8)Il-miżura ta' deroga mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT għax il-Belġju se jwettaq kalkolu ta' kumpens f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.
(9)Għaldaqstant id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/53/UE għandha tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE, id-data il-"31 ta’ Diċembru 2015" tinbidel bid-data il-"31 ta’ Diċembru 2018".
Artikolu 2
Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President