Brussell, 29.10.2015

COM(2015) 547 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tapprova t-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) fil-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF) kif iddikjarat fil-Karta tal-GIF, huwa qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp, imniedi fl-2001 fuq inizjattiva tal-Istati Uniti tal-Amerka. L-għan tiegħu huwa li jingħaqdu l-isforzi biex jiġu żviluppati disinni ġodda ta' sistemi ta' enerġija nukleari li se jipprovdu provvista affidabbli ta' enerġija, filwaqt li jindirizzaw is-sikurezza nukleari, it-tnaqqis tal-iskart, in-nonproliferazzjoni u t-tħassib pubbliku, b'mod sodisfaċenti.

Abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002)4287 tal-4 ta' Novembru 2002, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn hawn 'il quddiem imsejħa "Euratom"), aderixxiet għall-GIF billi fit-30 ta' Lulju 2003, iffirmat "Il-Karta tal-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV" (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Karta"). Din il-Karta ġiet iffirmata għall-ewwel darba mill-firmatarji inizjali fl-2001. Il-parteċipazzjoni tal-Euratom fil-Karta ġiet estiża wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)4504 tad-29 ta' Ġunju 2011. F'dik l-okkażjoni, it-tul ta' żmien inizjali ta' 10 snin inbidel b'tul ta' żmien illimitat, sakemm ma jintemmx b'kunsens unanimu. Madankollu, kull membru (u għalhekk anke l-Euratom) jista' jirtira mis-sħubija fil-GIF billi javża bil-miktub 90 jum qabel l-irtirar. Il-Karta ma għandha l-ebda dispożizzjoni għall-iskambji finanzjarji jew għall-allokazzjonijiet baġitarji speċjali bejn il-Partijiet. Din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.

Sabiex tiġi implimentata l-Karta tal-GIF, il-firmatarji kkonkludew Ftehim Qafas legalment vinkolanti għar-riċerka internazzjonali u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari fil-Ġenerazzjoni IV, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni u l-arranġamenti sussegwenti ta' sistemi u proġetti.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 14929/05, segwita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)7, il-Euratom aderixxiet għall-Ftehim Qafas fl-24 ta' Jannar 2006, meta l-Kummissajru debitament awtorizzat iffirma strument ta' adeżjoni (li ġie ddepożitat mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, f'Pariġi fl-10 ta' Frar 2006). Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kien ikkonfermat bħala l-koordinatur tal-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-GIF u għalhekk jirrappreżenta l-Euratom bħala "l-aġent ta' implimentazzjoni" tagħha, skont l-Artikolu III.2 tal-Ftehim Qafas.

Franza u r-Renju Unit kienu diġà partijiet fil-Ftehim Qafas. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 14929/05 ġiet mehmuża d-dikjarazzjoni tal-Euratom li ġejja, li tapprova l-adeżjoni inizjali tal-Euratom mal-Ftehim:

"L-Euratom, billi se ssir Parti ta' dan il-Ftehim ta' Qafas, se tipparteċipa bis-sħiħ fil-kollaborazzjoni u d-deliberazzjonijiet kollha taħt dan il-Ftehim ta' Qafas u kull Arranġament għal Sistema li hija firmatarja tiegħu. Il-Euratom u l-Istati Membri Partijiet tal-Ftehim ta' Qafas - attwalment Franza u r-Renju Unit - se jarmonizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom qabel ma tittieħed kull deċiżjoni sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Qafas u l-Arranġamenti għal Sistema rilevanti."

Il-Ftehim Qafas daħal fis-seħħ fit-28 ta' Frar 2005 għal perjodu ta' 10 snin u ġie estiż fis-26 ta' Frar 2015, meta erba' partijiet taw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta bi ftehim ta' estensjoni. Għalhekk, il-Euratom u l-firmatarji l-oħra li ma setgħux ilestu fil-ħin il-proċeduri ta' approvazzjoni interni tagħhom, issa jistgħu jġeddu l-parteċipazzjoni b'firma li ssir aktar tard fiż-żmien.

2.ATTIVITAJIET TAL-EURATOM SKONT IL-FTEHIM QAFAS

Matul l-aħħar għaxar snin, il-GIF kiseb avvanzi kbar f'qafas legali solidu għall-kooperazzjoni, bħat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti bbażati fuq investiment sinifikanti fir-Riċerka u l-Iżvilupp minn madwar id-dinja u t-tfassil u/jew il-bini ta' prototipi ta' dimostrazzjoni, bħar-reattur veloċi tas-sodju ta' Franza u tar-Russja (SFR) u r-reattur b'temperatura għolja ħafna taċ-Ċina (VHTR).

F'dan il-perjodu, il-Euratom kienet attiva ħafna fil-GIF u hija l-unika firmatarja li qed tipparteċipa fis-sitt sistemi tar-reatturi kollha (l-arranġamenti għal sistema) u fit-tliet sistemi trasversali kollha ("sikurezza u affidabilità", "ekonomiji" u "reżistenza għall-proliferazzjoni u protezzjoni fiżika"). Ir-rappreżentanti tal-Euratom jippresjedu tlieta mis-sitt sistemi (ir-Reattur tal-Ilma Superkritiku, ir-Reattur Veloċi taċ-Ċomb u r-Reattur Veloċi Mkessaħ bil-Gass) u f'kull sistema hemm arranġamenti għal proġett fejn issir il-ħidma teknika. Il-Euratom hija preżenti fil-biċċa l-kbira tal-Arranġamenti għall-Proġett (PAs) b'kontribuzzjonijiet li joriġinaw minn azzjonijiet diretti u indiretti skont il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.

Għad fadal ħafna xi jsir qabel ma s-sistemi tal-Ġenerazzjoni IV isiru realtà. Fl-għaxar snin li ġejjin, l-attività se tiffoka fuq:

- it-tkomplija tar-Riċerka u l-Iżvilupp fuq is-sistemi tal-Ġenerazzjoni IV;

- l-iżvilupp ta' faċilitajiet ta' riċerka avvanzati;

- l-involviment tal-industrija fit-tfassil tas-sistemi tal-Ġenerazzjoni IV; u

- l-iżvilupp ta' forza tax-xogħol għall-futur.

Għalhekk, jixraq li l-Euratom tkompli tipparteċipa fil-Ftehim Qafas u li taqbel mal-estensjonijiet tiegħu bil-mekkaniżmu ta' estensjoni ddedikat stipulat fil-paragrafu 3 tal-Artikolu XII tiegħu.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-Ftehim irid jiġi estiż abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.

F'Ġunju 2014, is-Segretarjat Tekniku tal-GIF qassam nota f'isem id-depożitarju (l-OECD), dwar l-estensjoni tal-Ftehim Qafas, li ppreżenta lill-firmatarji bi tliet għażliet għall-estensjoni:

"1.    Proċedura ta' Estensjoni Speċifika — Il-partijiet jistgħu jaqblu li jestendu t-tul ta' żmien tal-Ftehim Qafas bil-proċedura speċifika stabbilita fil-paragrafu 3 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas (l-Għażla Nru 1);

2.    Emenda tal-Ftehim — Jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-Għażla Nru 1, għandhom il-possibbiltà li jemendaw il-Ftehim Qafas bil-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4 tal-Artikolu XII (l-Għażla Nru 2);

3.    Skadenza u Ftehim Ġdid — Fl-aħħar nett, jekk il-partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar estensjoni jew emenda, jistgħu jħallu l-Ftehim Qafas jiskadi u jikkonkludu Ftehim Qafas ġdid li jkun jikkostitwixxi trattat internazzjonali ġdid (l-Għażla Nru 3)."

L-aġent ta' implimentazzjoni appoġġa l-Għażla Nru 1, peress li dehret l-aktar waħda veloċi biex jiġi estiż il-Ftehim u l-partijiet ipprovdew espressament għal proċedura ta' estensjoni speċifika distinta mill-proċedura għal emendi oħra. Fl-14 ta' Ottubru 2014, il-missjoni tal-Istati Uniti tal-Amerka għall-OECD (id-depożitarju) ippreżentat lill-partijiet l-oħra, inkluż lill-aġent ta' implimentazzjoni tal-Euratom (permezz tas-SEAE), b'abbozz ta' Ftehim li jestendi l-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV, li jrid jiġi ffirmat skont il-proċedura ta' estensjoni speċifika.

Il-ħsieb inizjali kien li fil-laqgħa tiegħu tas-17 u t-18 ta' Diċembru 2014 (jew bi proċedura bil-miktub), il-Grupp ta' Politika jadotta deċiżjoni li testendi l-Ftehim Qafas għal 10 snin, jiġifieri sat-28 ta' Frar 2025, f'konformità mal-proċedura ta' estensjoni speċifika. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżiti proċedurali ta' xi partijiet (inklużi dawk tal-Euratom) u biex tinżamm id-distinzjoni bejn il-laqgħat tal-Grupp ta' Politika GIF li saru taħt l-awspiċi tal-Karta tal-GIF minn naħa waħda u l-Ftehim Qafas formali intergovernattiv min-naħa l-oħra, f'dik il-laqgħa l-Grupp ta' Politika ma ddiskutiex l-estensjoni.

Wara l-osservazzjonijiet u l-iskambji dwar il-proċedura ta' estensjoni u dwar l-abbozz ta' ftehim ta' estensjoni, bl-appoġġ tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-partijiet wara l-laqgħa ta' Diċembru 2014 ħarġet proposta ġdida għal ftehim ta' estensjoni. Is-soluzzjoni proposta kienet li l-estensjoni għandha tidħol fis-seħħ hekk kif minn tal-inqas tliet partijiet ikunu taw il-kunsens tagħhom li jkunu marbuta. Erba' partijiet (Franza, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka) indikaw li kienu kapaċi u lesti li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu sat-28 ta' Frar 2015, jew anke qabel dik id-data, biex b'hekk il-Ftehim ta' Estensjoni jkun jista' jidħol fis-seħħ sa dik id-data.

Il-partijiet l-oħra qisu li, skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas eżistenti, il-firma tal-partijiet kollha sa dik id-data (kemm jekk tkun teħtieġ aċċettazzjoni sussegwenti, jew le) tkun tindika l-kunsens tagħhom għall-estensjoni. L-aġent ta' implimentazzjoni tal-Euratom indika li ma setax jaqbel ma' dan il-metodu ta' kunsens. Il-partijiet l-oħra aċċettaw bħala suffiċjenti, ittra mill-aġent ta' implimentazzjoni tal-Euratom lis-segretarjat tad-depożitarju li tindika l-appoġġ għall-proċedura ta' estensjoni mogħti mill-partijiet l-oħra.

Fis-26 ta' Frar 2015, erba' firmatarji ffirmaw il-Ftehim ta' Estensjoni mehmuż. Dan jista' jiġi ffirmat f'isem il-Euratom hekk kif il-Kunsill japprova t-tiġdid tiegħu.

Il-Kummissjoni tqis id-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-Ftehim Qafas bħala waħda sinifikanti u għalhekk, bl-aġent ta' implimentazzjoni tagħha, armonizzat il-pożizzjoni tagħha ma' dik ta' Franza. (Sadanittant, ir-Renju Unit irtira bħala parti separata għall-Ftehim iżda, bħall-Istati Membri l-oħra, għadu parti mill-Euratom).

Il-Kummissjoni tqis li t-tiġdid propost tal-Ftehim Qafas huwa aċċettabbli għall-Komunità u għalhekk qed tippreżenta din ir-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.

It-tiġdid tal-Ftehim jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Kunsill, peress li l-Ftehim se jkompli jistabbilixxi kundizzjonijiet ċari li jirregolaw il-kooperazzjoni fir-riċerka fil-GIF. Barra minn hekk, il-perjodu ta' tiġdid ikopri aktar minn żewġ Programmi ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom, għalhekk hemm bżonn ta' mill-inqas żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill biex jiggwidaw il-parteċipazzjoni tal-Euratom fil-GIF skont ir-regolamenti tal-Kunsill dwar il-Programmi eżistenti u futuri ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom.

Il-parteċipazzjoni tal-Euratom fil-GIF għandha tibqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill dwar il-Programmi ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom. Kif iddikjarat fil-Karta tal-GIF, kull Membru se jiddetermina, b'mod individwali, in-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet tal-GIF.

Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 dwar il-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020, jipprevedi espressament li l-aġent ta' implimentazzjoni jkompli bl-attivitajiet tiegħu skont il-Ftehim Qafas tal-GIF. B'referenza għall-"azzjonijiet diretti tal-JRC", fit-taqsima l-"Attivitajiet neċessarji biex jinkisbu l-objettivi tal-programm", l-Anness I tar-Regolament jiddikjara li:

"Bħala l-Aġent ta' Implimentazzjoni tal-Euratom għall-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF), il-JRC ser ikompli jikkoordina l-kontribuzzjoni tal-Komunità għal GIF".

B'referenza għall-Euratom, fit-taqsima "Kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali" jiddikajara li:

"Il-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka nukleari u l-innovazzjoni, ibbażata fuq miri kondiviżi u fiduċja reċiproka, trid tkompli, bil-għan li tipprovdi benefiċċji ċari u sinifikanti għall-Unjoni u l-ambjent tagħha. Bħala kontribuzzjoni għall-kisba tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3, il-Komunità ser tfittex li tirrinforza l-kompetenza xjentifika u teknika tal-Unjoni permezz tal-ftehimiet internazzjonali ta' kooperazzjoni u li tippromwovi l-aċċess tal-industrija nukleari tal-Unjoni għas-swieq ġodda emerġenti. L-attivitajiet internazzjonali ta' kooperazzjoni ser ikunu promossi permezz ta' oqfsa multilaterali (bħal IAEA, OECD, ITER, GIF) ...".

Għalhekk, it-tiġdid tal-Ftehim Qafas jidher li tqis bħala deċiżjoni xierqa fil-qafas tal-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-programm Orizzont 2020.

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni tipproponi li bl-applikazjzoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom, il-Kunsill jadotta l-abbozz mehmuż ta' rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova t-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Euratom fil-Ftehim Qafas tal-GIF u tawtorizzah jiffirma l-Ftehim ta' Estensjoni mehmuż.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA [fejn meħtieġa]

[Mhux applikabbli]

5.ELEMENTI FAKULTATTIVI [fejn meħtieġa]

[Mhux applikabbli]

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tapprova t-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) fil-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV (GIF) huwa qafas għall-kooperazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp, imniedi fl-2001 fuq inizjattiva tal-Istati Uniti tal-Amerka. L-għan tiegħu huwa li jingħaqdu l-isforzi biex jiġu żviluppati disinni ġodda ta' sistemi ta' enerġija nukleari li se jipprovdu provvista affidabbli ta' enerġija, filwaqt li jindirizzaw is-sikurezza nukleari, it-tnaqqis tal-iskart, in-nonproliferazzjoni u t-tħassib pubbliku, b'mod sodisfaċenti.

(2)It-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Euratom għal dan il-Ftehim Qafas huwa indipendenti minn kull deċiżjoni dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-parteċipazzjoni fid-diversi sistemi tal-GIF u fl-Arranġamenti relatati għall-Proġett. Il-Euratom se tiddetermina b'mod individwali, in-natura tal-kontribuzzjoni tagħha (intellettwali u finanzjarja) fl-attivitajiet tal-GIF.

(3)Fit-30 ta' Lulju 2003, abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 4287, il-Euratom issieħbet fil-GIF billi ffirmat il-Karta tagħha, li l-firmatarji inizjali kienu ffirmaw fl-2001. Wara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 4504, l-adeżjoni tal-Euratom għall-Karta tal-GIF, ta' tul ta' żmien inizjali ta' 10 snin, ġiet estiża għal perjodu illimitat, suġġett għall-irtirar bil-kunsens unanimu tal-Istati Membri tal-UE. Kull membru tal-GIF (inkluża l-Euratom) jista' jirtira ruħu billi javża bil-miktub 90 jum qabel l-irtirar. Peress li l-Karta ma tipprevedi l-ebda skambju finanzjarju jew allokazzjoni baġitarja speċjali bejn il-partijiet, din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom.

(4)Sabiex tiġi implimentata l-Karta tal-GIF, il-firmatarji kkonkludew Ftehim Qafas legalment vinkolanti fost il-Membri tal-Forum Internazzjonali tal-Ġenerazzjoni IV għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni u l-arranġamenti sussegwenti ta' sistemi u proġetti.

(5)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 14929/05 tal-20 ta' Diċembru 2005, segwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006)7 tat-12 ta' Jannar 2006, adottata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tat-Trattat Euratom, il-Euratom aderixxiet ukoll għall-Ftehim Qafas fl-24 ta' Jannar 2006, meta l-Kummissajru debitament awtorizzat iffirma strument ta' adeżjoni (li ġie ddepożitat mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, f'Pariġi fl-10 ta' Frar 2006). Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka kien ikkonfermat bħala l-koordinatur tal-parteċipazzjoni tal-Euratom fil-GIF u għalhekk jirrappreżenta l-Euratom bħala "l-aġent ta' implimentazzjoni" tagħha, skont l-Artikolu III.2 tal-Ftehim Qafas.

(6)Il-Ftehim Qafas daħal fis-seħħ fit-28 ta' Frar 2005 għal perjodu ta' 10 snin u ġie estiż fis-26 ta' Frar 2015, meta erba' partijiet taw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta bil-Ftehim ta' Estensjoni mhemuż. Dan jikkonforma mal-proċedura ta' estensjoni speċifika prevista mill-Ftehim Qafas innifsu. Għalhekk, il-Euratom u l-firmatarji l-oħra li ma setgħux ilestu fil-ħin il-proċeduri ta' approvazzjoni interni tagħhom, issa jistgħu jġeddu l-parteċipazzjoni b'firma li ssir aktar tard fiż-żmien.

(7)Għalhekk, għandu jiġu approvat it-tiġdid mill-Kummissjoni, f'isem il-Euratom, tal-Ftehim Qafas bl-iffirmar tal-Ftehim ta' Estensjoni skont il-proċedura ta' estensjoni speċifika.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

It-tiġdid mill-Kummissjoni, f'isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internezzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV, bl-iffirmar tal-Ftehim ta' Estensjoni, huwa b'dan approvat. It-test tal-Ftehim ta' Estensjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President


Brussell, 29.10.2015

COM(2015) 547 final

ANNESS

Ftehim li jestendi l-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tapprova t-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) fil-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV
]


ANNESS

Ftehim li jestendi l-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV

tar-

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tapprova t-tiġdid tal-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) fil-Ftehim Qafas għall-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' enerġija nukleari tal-Ġenerazzjoni IV
]

FTEHIM LI JESTENDI L-FTEHIM QAFAS GĦALL-KOLLABORAZZJONI INTERNAZZJONALI FIR-RIĊERKA U L-IŻVILUPP TA' SISTEMI TA' ENERĠIJA NUKLEARI TAL-ĠENERAZZJONI IV

Il-Gvern tal-Kanada, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Gvern tar-Repubblika Franċiża, il-Gvern tal-Ġappun, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, il-Gvern tar-Repubblika tal-Afrika t'Isfel, il-Gvern tal-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka, kull wieħed bħala Parti tal-Ftehim Qafas għall-Kollaborazzjoni Internazzjonali fir-Riċerka u l-Iżvilupp ta' Sistemi ta' Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV, magħmul f'Washington fit-28 ta' Frar 2005 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "Ftehim Qafas"), kollettivament imsejħa "il-Partijiet":

FILWAQT LI TITQIES xewqthom biex ikomplu l-kollaborazzjoni ta' suċċess u ta' benefiċċju reċiproku mwettqa sal-lum skont il-Ftehim Qafas;

FILWAQT LI JIĠI NNUTAT l-aġġornament tal-pjan direzzjonali teknoloġiku għas-Sistemi ta' Enerġija Nukleari tal-Ġenerazzjoni IV (f'Jannar 2014);

FILWAQT LI JITFAKKAR l-Artikolu XV tal-Ftehim Qafas, li jiddikjara li kull kollaborazzjoni mibdija skont il-Ftehim Qafas iżda mhux mitmuma fl-iskadenza jew fit-terminazzjoni tal-Ftehim Qafas tista' tkompli sakemm titlesta skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas; u

FILWAQT LI JAĠIXXU skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas,

B'DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu I

Estensjoni tal-Ftehim Qafas

Soġġetta għall-paragrafu 5 tal-Artikolu XII tal-Ftehim Qafas, il-Ftehim Qafas għandu jiġi estiż għal perjodu ta' għaxar (10) snin, sat-28 ta' Frar 2025.

Artikolu II

Iffirmar u Dħul fis-Seħħ

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ, għal dawk il-Partijiet li taw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta, fid-data meta tliet Partijiet ikunu indikaw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta.

2. Il-Partijiet għandhom jindikaw il-kunsens tagħhom biex ikunu marbuta b'firma li ma tkunx suġġetta għall-aċċettazzjoni jew b'firma li tkun suġġetta għall-aċċettazzjoni segwita bid-depożitu ta' strument ta' aċċettazzjoni mad-Depożitarju.

3. Għal Parti li tagħti l-kunsens tagħha biex tkun marbuta wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fir-rigward ta' dik il-Parti, fid-data tal-firma tiegħu li ma tkunx suġġetta għall-aċċettazzjoni jew fid-data tad-depożitu tal-istrument ta' aċċettazzjoni tiegħu mad-Depożitarju.

4. Il-Partijiet beħsiebhom, f'konformità mal-Artikolu XV tal-Ftehim Qafas, ikomplu skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas, il-kollaborazzjoni mibdija iżda mhux mitmuma sat-28 ta' Frar 2015, ma' dawk il-Partijiet tal-Ftehim Qafas li għalihom dan il-Ftehim ma daħalx fis-seħħ sat-28 ta' Frar 2015.

Artikolu III

Depożitarju

L-oriġinal ta' dan il-Ftehim għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi.

B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f'oriġinal wieħed, bl-Ingliż u bil-Franċiż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

GĦALL-GVERN TAL-KANADA:

Data:

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA:

Data:

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA:

Data:

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA:

Data:

GĦALL-GVERN TAL-ĠAPPUN:

Data:

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KOREA:

Data:

GĦALL-GVERN TAL-FEDERAZZJONI RUSSA:

Data:

GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-AFRIKA T'ISFEL:

Data:

GĦALL-GVERN TAL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA

Data:

GĦALL-GVERN TAL-ISTATI UNITI TAL-AMERKA:

Data: