IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.10.2015
COM(2015) 524 final
2015/0248(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż il-limitu massimu għall-2017, l-ammont għall-2016 u l-ewwel ħlas parzjali għall-2016.
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Il-11-il Ftehim Intern u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2015/323 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ”) jipprevedu proċedura ta’ sejħiet għal kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-FEŻ. Skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, din il-proposta tkopri:
–Il-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għas-sena finanzjarja 2017.
–L-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għall-2016;
–L-ammont tal-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2016.
F'konformità mal-Artikolu 21(7) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, l-ammont ġestit mill-Kummissjoni u l-ammont ġestit mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huma speċifikati separatament.
Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-BEI bagħat lill-Kummissjoni l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-ħlasijiet għall-istrumenti li jiġġestixxi.
F'konformità mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, is-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet għandhom l-ewwel jużaw l-ammonti disponibbli minn FEŻ preċedenti, wieħed wara l-ieħor. Għaldaqstant, is-sejħiet għal kontribuzzjonijiet f'din il-proposta jirrigwardaw l-ammonti fl-10 FEŻ, kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-BEI.
Skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar din il-proposta sa mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru 2015, u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-ewwel ħlas parzjali mhux aktar tard mill-21 ta' Jannar 2016.
L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ jistipula li Stat Membru li jonqos milli jwettaq il-ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni dovuta sal-iskadenza, ikun jeħtieġlu jħallas l-imgħax fuq l-ammont li ma ħallasx; l-arranġamenti għall-ħlas tal-imgħax huma speċifikati fl-istess Artikolu.
Skont l-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/759/UE dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni ), il-kwoti tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(a) tal-Ftehimiet Interni tat-8, tad-9 u tal-10 FEŻ, għandhom jitnaqqsu skont il-każ, wara li jidħol fis-seħħħ il-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ. It-tnaqqis se jkollu impatt fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri lill-Kummissjoni tal-2015, tal-2016 u tal-2017, skont l-opzjoni ta’ aġġustament magħżula minn kull Stat Membru.
2015/0248 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri għall-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, inkluż il-limitu massimu għall-2017, l-ammont għall-2016 u l-ewwel ħlas parzjali għall-2016.
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar tal-għajnuna tal-Komunità fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ("il-Ftehim Intern"), u b'mod partikolari l-Artikolu 7,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (minn hawn 'il quddiem msejjaħ "ir-Regolament Finanzjarju tal-11 FEŻ"), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 (2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli minn 21 sa 24 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Kummissjoni qed tippreżenta hawnhekk proposta li tispeċifika (a) il-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-2017, (b) l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-2016, u (c) l-ammont tal-ewwel ħlas parzjali tal-kontribuzzjoni għall-2016.
(2)Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-Bank Ewropew tal-Investiment bagħat lill-Kummissjoni fiż-żmien debitu l-estimi aġġornati tiegħu tal-impenji u tal-ħlasijiet għall-istrumenti li jiġġestixxi.
(3)L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-11 FEŻ jistipula li s-sejħiet għal kontribuzzjonijiet għandhom l-ewwel jużaw l-ammonti stabbiliti mill-FEŻ preċedenti. Għaldaqstant, għandha ssir sejħa għall-fondi taħt l-10 FEŻ.
(4)Il-Kunsill adotta fl-10 ta’ Novembru 2014, fuq proposta magħmula mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni li tistabbilixxi li l-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għall-2016 jkun ta' EUR 3 350 000 000 għall-Kummissjoni, u għall-Bank Ewropew tal-Investiment jkun ta' EUR 250 000 000 għall-2016.
(5)Skont l-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/759/UE dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp ("il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni "), il-kwoti tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(a) tal-Ftehimiet Interni tat-8, id-9 u l-10 FEŻ, għandhom jitnaqqsu skont il-każ, wara li jidħol fis-seħħħ il-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ. It-tnaqqis se jkollu impatt fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri tal-2015, tal-2016 u tal-2017, skont l-opzjoni ta’ aġġustament magħżula minn kull Stat Membru;
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-limitu massimu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għal-2017 hawnhekk qed jiġi stabbilit għal EUR 3 950 000 000 għall-Kummissjoni, u għal EUR 200 000 000 għall Bank Ewropew tal-Investiment.
Artikolu 2
L-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet tal-FEŻ tal-Istati Membri għas-sena 2016 għandu jammonta għal EUR 3°600°000°000. Madankollu għandu jinqasam f'EUR 3 450 000 000 għall-Kummissjoni, u f'EUR 150 000 000 għall-Bank Ewropew tal-Investiment.
Artikolu 3
Il-kontribuzzjonijiet individwali għall-FEŻ li jridu jitħallsu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment bħala l-ewwel ħlas parzjali għall-2016 huma stabbiliti fit-tabella fl-Anness.
Il-pagamenti ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jiġu kkombinati ma’aġġustamenti fl-ambitu tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-fondi impenjati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/759/UE dwar miżuri ta’ tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, wara pjan ta’ aġġustament kkomunikat minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni, mal-adozzjoni tat-tielet ħlas parzjali għall-2015.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President