IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.10.2015
COM(2015) 489 final
2013/0309(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri dwar l-aċċess miftuħ għall-internet u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
2013/0309 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri dwar l-aċċess miftuħ għall-internet u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
|
Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM (2013) 0627 final - 2013/0309 (COD):
|
12.09.2013.
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
21.01.2014
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
03.04.2014.
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
01.10.2015.
|
2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni
L-għan tal-proposta hu li l-UE tipproċedi għal suq uniku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. B’hekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kull fejn huma pprovduti fl-Unjoni Ewropea, mingħajr restrizzjonijiet transfruntieri jew spejjeż addizzjonali mhux ġustifikati. Il-proposta għandha wkoll tippermetti lill-kumpaniji li jipprovdu n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jipprovduhom u joperawhom kull fejn dawn ikunu stabbiliti, jew kull fejn ikunu l-klijenti tagħhom fl-UE.
Il-proposta tal-Kummissjoni kien fiha dispożizzjonijiet biex, b’mod partikolari, jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp ta’ suq uniku tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Kienet tipprevedi, b’mod partikolari: l-istabbiliment ta’ awtorizzazzjoni unika tal-UE għall-fornituri ta’ servizzi transfruntieri, il-koordinazzjoni tal-assenjazzjoni tal-frekwenza, l-armonizzazzjoni ta’ prodotti għall-aċċess meħtieġa biex tiġi pprovduta komunikazzjoni elettronika, l-armonizzazzjoni ta’ regoli li jipproteġu l-utenti finali, miżuri għall-eliminazzjoni gradwali tat-tariffi supplimentari tar-roaming, u modifiki fil-governanza tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-Kunsill ħa pożizzjoni soda li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta jiġi limitat għar-roaming u n-newtralità tal-internet, u dan ġie kkonfermat fin-negozjati mal-Parlament Ewropew. Ta’ min jinnota li l-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali mħabbra mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Mejju 2015 tagħmilha ċara li l-ispettru se jkun parti mir-reviżjoni tat-telekomunikazzjonijiet li għandha tiġi ppreżentata fl-2016. Għaldaqstant, huwa aċċettabbli li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-abbozz tar-Regolament jiġi limitat għar-roaming u n-newtralità tal-internet. Din l-għażla tqis indikazzjonijiet ċari mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2015, li jenfasizzaw l-importanza tad-dimensjonijiet kollha tal-istrateġija tal-Kummissjoni u l-importanza li tiġi segwita riforma ambizzjuża tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet, inkluża l-koordinazzjoni tal-ispettru b’mod aktar effettiv.
Globalment, il-pożizzjoni tal-Kunsill tapprova l-għanijiet ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li jitneħħew it-tariffi supplimentari tar-roaming għall-konsumaturi u li jiġi żgurat l-aċċess miftuħ għall-internet filwaqt li jippermetti servizzi innovattivi. Madankollu, il-Kunsill jagħmel xi bidliet dwar kif għandhom jintlaħqu dawn l-għanijiet. L-emendi tiegħu jinvolvu d-definizzjoni ta’ data ċara sa meta jridu jintemmu t-tariffi supplimentari tar-roaming filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà tat-tali tneħħija, b’mod partikolari bl-iskedar xieraq għall-analiżi tas-swieq tal-operaturi tar-roaming u bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu xieraq biex jiġu indirizzati każijiet eċċezzjonali u speċifiċi fejn il-mudelli domestiċi ta’ tariffi jkunu insostenibbli, anke wara l-analiżi tas-swieq tal-operaturi tar-roaming. (Dawn id-dettalji għandhom jiġu kkomplementati minn miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni).
Dwar l-internet miftuħ, il-Kummissjoni tinnota li t-test tal-Kunsill jiżgura l-għan ta’ politika tal-abbozz tar-Regolament, jiġifieri li jnaqqax id-dritt ta’ kull ċittadin Ewropew li jkollhom aċċess għall-kontenut tal-internet tal-għażla tagħhom mingħajr diskriminazzjoni. Fl-istess ħin it-test jikkjarifika li t-trattament ugwali tat-traffiku jippermetti ġestjoni raġonevoli tat-traffiku ta’ kuljum fuq il-bażi ta’ rekwiżiti tekniċi oġġettivi ġustifikati u indipendentement mill-oriġini jew mid-destinazzjoni ta’ dak it-traffiku. Barra minn hekk, it-test jinkludi projbizzjoni dwar l-imblukkar, it-trażżin u d-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ xi kontenut, servizzi jew applikazzjonijiet speċifiċi, jew ta’ xi kategoriji tagħhom, ċirkoskritti b’mod strett bi tliet eċċezzjonijiet indispensabbli, jiġifieri meħtieġa għall-konformità mar-regoli tal-UE jew mal-liġijiet nazzjonali jew ma’ miżuri li jagħtu effett lil dawn il-liġijiet, għal skopijiet ta’ sigurtà tan-netwerk, u għall-ġestjoni ta’ xi konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja fin-netwerk. .
Barra minn hekk, it-test jistabbilixxi li f’ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiġu pprovduti servizzi oħra għajr dawk is-servizzi tal-aċċess għall-internet li huma ottimizzati għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi. Il-kundizzjonijiet huma li l-ottimizzazzjoni tkun meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kwalità ta’ dawn il-kontenuti, applikazzjonijiet jew servizzi; li ma jkunux kummerċjalizzati jew utilizzabbli bħala sostitut għal servizzi tal-aċċess għall-internet; li jkun hemm kapaċità biżżejjed; u li meta dawn jiġu pprovduti ma jservux ta’ detriment għall-kwalità tas-servizzi tal-aċċess għall-internet għall-utenti finali.
L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom ir-responsabilità u l-obbligu li jiżguraw, permezz ta’ monitoraġġ u ta’ azzjoni ta’ infurzar, il-konformità mar-regoli tar-Regolament u li d-drittijiet tal-utenti finali, inkluż il-fornituri ta’ kontenut, is-servizzi u l-applikazzjonijiet, ma jiddgħajfux.
Dan l-approċċ ibbilanċjat effettivament jipproteġi l-kwalità tas-servizzi tal-aċċess għall-internet mingħajr ma joħnoq l-innovazzjoni. Fl-aħħar nett, il-proposta tistabbilixxi ċerti drittijiet tal-utenti finali li huma meħtieġa biex id-dispożizzjonijiet dwar ir-roaming u n-newtralità tal-internet jiġu applikati b’mod effettiv.
Il-Kummissjoni tappoġġa dawn l-emendi.
Wara diskussjonijiet tripartiti informali fit-23 ta’ Marzu 2015, fil-21 ta’ April 2015, fit-2 ta’ Ġunju 2015 u fid-29 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil politiku proviżorju dwar it-test.
Dan il-ftehim politiku ġie kkonfermat mill-Kunsill fit-8 ta’ Lulju 2015 u fl-1 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.
4.Konklużjoni
Billi l-emendi kollha li ddaħħlu fil-proposta tal-Kummissjoni kienu diskussi fil-laqgħat tripartitiċi informali, il-Kummissjoni tista’ taċċetta l-emendi li kien adotta l-Kunsill fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.