IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2015
COM(2015) 486 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibilità sabiex ikun possibbli l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar tal-qafas finanzjarju pluriennnali.
F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 u l-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet u ġie eżawrit kull marġini mhux allokat taħt l-intestatura tan-nefqa Sigurtà u Ċittadinanza (intestatura 3), il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mmobilizzat l-Istrument tal-Flessibilità. Din il-mobilizzazzjoni tikkonċerna ammont ta’ EUR 66,1 miljun lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali, u hija maħsuba biex tiffinanzja appoġġ għal miżuri għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet tar-refuġjati.
L-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibbiltà huma EUR 52,9 miljun fl-2016 u EUR 13,2 miljun fl-2017.
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibilità għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 stabbilixxa l-istrument tal-flessibilità sa massimu ta’ EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011) kull sena,
(2)Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limitu tan-nefqa Sigurtà u Ċittadinanza (intestatura 3), il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza EUR 66,1 miljun permezz tal-Istrument ta’ Flessibilità għall-finanzjament ta’ miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni.
(3)L-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibbiltà huma EUR 52,9 miljun fl-2016 u EUR 13,2 miljun fl-2017,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, l-Istrument ta’ Flessibilità jintuża biex jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta’ impenn b'EUR 66,1 miljun oltre l-limitu għall-infiq tal-intestatura Sigurtà u Ċittadinanza (intestatura 3).
Dak l-ammont għandu jintuża biex jiffinanzja miżuri għall-immaniġġjar tal-kriżi tar-refuġjati.
L-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibbiltà huma EUR 52,9 miljun fl-2016 u EUR 13,2 miljun fl-2017.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President