Brussell, 30.9.2015

COM(2015) 465 final

2015/0222(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Abbażi tad-Direttivi tan-negozjati rilevanti 1 , il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tal-Liberja bil-ħsieb li tikkonkludi Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta' Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja. Wara dawn in-negozjati, fil-5 ta’ Ġunju 2015 saru Ftehim u Protokoll ġodda. Dawn ikopru perjodu ta' ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tagħhom, jiġifieri mid-data tal-firma tagħhom, kif stabbilit fl-Artikolu 15 tal-Ftehim u fl-Artikolu 12 tal-Protokoll.

Il-Ftehim il-ġdid se jipprovdi qafas li jqis il-prijoritajiet tal-Politika Komuni tas-Sajd riveduta u tad-dimensjoni esterna tagħha ħalli tinħoloq sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja.

Il-Protokoll il-ġdid għandu l-għan ewlieni li lill-bastimenti tal-Unjoni jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Liberja, skont l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT) u, meta applikabbli, fil-limiti tal-eċċess disponibbli. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni sejset il-pożizzjoni tagħha fuq ir-riżultati ta’ valutazzjoni li għamlu esperti esterni u li tħares lejn il-ġejjieni, dwar jekk għandhomx jiġu konklużi Ftehim u Protokoll ġodda. L-għan huwa wkoll li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja ħalli jiġu promossi politika tas-sajd sostenibbli u użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Liberja, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-Protokoll jipprevedi opportunitajiet tas-sajd f'dawn il-kategoriji:

   28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni;

   6 bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

Għandu jiġi ddefinit il-metodu kif dawn l-opportunitajiet tas-sajd se jitqassmu fost l-Istati Membri. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta dan ir-Regolament.

2.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Matul l-evalwazzjoni ex-ante, il-partijiet interessati ġew ikkonsultati dwar il-possibbiltà ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta' Implimentazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja. Barra minn hekk, saru laqghat tekniċi għal konsultazzjonijiet mal-esperti mill-Istati Membri u mill-industrija; filwaqt li saret laqgħa teknika apposta biex jiġu kkonsultati l-awtoritajiet Liberjani tas-sajd u l-partijiet ikkonċernati. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika tal-Liberja li bejniethom isiru Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll ta' Implimentazzjoni ġodda.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proċedura qed issir fl-istess waqt li qed isiru l-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll il-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli msemmi u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali hija ta’ EUR 715 000 għall-ewwel sena, ta’ EUR 650 000 għat-tieni, it-tielet u r-raba’ sena u ta’ EUR 585 000 għall-ħames sena, abbażi ta’:

(a) tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 6 500 tunnellata, u l-ammonti marbutin ma’ dan l-aċċess huma ta’ EUR 357 500 għall-ewwel sena, ta’ EUR 325 000 għat-tieni, it-tielet u r-raba’ sena u ta’ EUR 292 500 għall-ħames sena; u

(b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika tal-Liberja, li huwa ta’ EUR 357 500 għall-ewwel sena, ta’ EUR 325 000 għat-tieni, it-tielet u r-raba’ sena u ta’ EUR 292 500 għall-ħames sena. Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd, u b’mod partikolari l-ħtiġijiet tar-Repubblika tal-Liberja fejn jidħlu l-appoġġ għar-riċerka xjentifika, is-sajd artiġjanali u l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali.

2015/0222 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fil-5 ta’ Ġunju 2015, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja inizjalaw Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), kif ukoll il-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu, biex il-bastimenti tal-Unjoni jingħataw opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li tagħhom ir-Repubblika tal-Liberja għandha s-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni fejn jidħol is-sajd.

(2)Fi […], il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/…/UE 2 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu.

(3)Għandu jiġi ddefinit il-metodu kif dawn l-opportunitajiet tas-sajd se jitqassmu fost l-Istati Membri kemm għall-perjodu tal-applikazzjoni provviżorja u kemm għall-perjodu kollu tal-Protokoll.

(4)Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 3 , meta l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Unjoni skont il-Protokoll ma jintużawx kollha, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kkonċernati b'dan. Jekk ma tintbagħatx risposta dwar dan qabel l-iskadenza li jiffissa l-Kunsill, dan jitqies bħala konferma li l-bastimenti tal-Istat Membru kkonċernat ma jkunux qed jużaw għalkollox l-opportunitajiet tagħhom tas-sajd tul il-perjodu kkunsidrat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għandhom jitqassmu bejn l-Istati Membri kif ġej:

(a)bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:

Spanja:

   16-il    bastiment

Franza:

   12-il    bastiment

(b)bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:

   6    bastimenti

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1006/2008 japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim.

(3)Jekk l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mingħand l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ma jużawx l-opportunitajiet kollha tas-sajd stabbiliti fil-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet tas-sajd mingħand xi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008.

(4)L-Istati Membri għandhom jikkonfermaw li mhumiex qed jużaw għalkollox l-opportunitajiet tas-sajd li ngħatawlhom skont il-Protokoll, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1006/2008, sa għaxart ijiem tax-xogħol minn meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li l-opportunitajiet tas-sajd mhumiex qed jintużaw kollha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan jibda japplika mid-data tal-iffirmar tal-Protokoll.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Li ġew adottati fl-20 ta’ Ġunju 2014 waqt it-3324 laqgħa tal-Kunsill (l-ECOFIN).
(2) ĠU L , , p. .
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33).